|
4.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 323/34 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJON
tat-2 ta’ Diċembru 2013
li tawtorizza lil laboratorju fl-Istati Uniti tal-Amerika jwettaq testijiet seroloġiċi biex isegwi l-effettività tat-tilqim tal-idrofobija
(notifikata bid-dokument C(2013) 8365)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/709/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 lli taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandarizazzjoni ta’ testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 2000/258/KE taħtar lill-Agence française de sécurité sanitaire des aliments (AFSSA) f’Nancy, Franza (integrata mill-1 ta’ Lulju 2010 fl-Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail, ANSES), bħala l-istitut speċifiku responsabbli biex jistabbilixxi l-kriterji meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet seroloġiċi biex tkun segwita l-effettività tat-tilqim tal-idrofobija. |
|
(2) |
Dik id-Deċiżjoni tipprevedi wkoll li l-ANSES għandha tiddokumenta l-evalwazzjoni tal-laboratorji f’pajjiżi terzi li jkunu applikaw biex jagħmlu testijiet seroloġiċi biex isegwu l-effettività tat-tilqim tal-idrofobija. |
|
(3) |
Wara in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-ittestjar annwali tal-profiċjenza organizzata mill-ANSES fl-2012, l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-20 ta’ Novembru 2002 skont id-Deċiżjoni 2000/258/KE lil-Laboratorju tal-Analiżi tal-Ikel u Dijanjostiku VETCOM, f’Fort Sam Houston, ġiet irtirata skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/436/UE (2). |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika ressqet applikazzjoni għal approvazzjoni mill-ġdid għal-Laboratorju tal-Analiżi tal-Ikel u Dijanjostiku VETCOM, f’Fort Sam Houston, li hija appoġġjata minn rapport ta’ evalwazzjoni favorevoli stabbilit għal dak il-laboratorju mill-ANSES, bid-data tas-16 ta’ Settembru 2013. |
|
(5) |
L-awtorità kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika kienet ukoll informat uffiċjalment lill-Kummissjoni li nbidel l-isem tal-laboratorju. |
|
(6) |
Għaldaqstant, dak il-laboratorju għandu jkun awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex isegwi l-effettività tat-tilqim tal-idrofobija fil-klieb, il-qtates u l-inmsa. |
|
(7) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE, il-laboratorju li ġej hu awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex isegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija fil-klieb, fil-qtates u fl-inmsa:
|
DoD Food Analysis & Diagnostic Laboratory |
|
2899 Schofield Road |
|
JBSA Fort Sam Houston, TX 78234 |
|
United States of America |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40.
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/436/UE tad-9 ta’ Awwissu 2010 li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE fir-rigward tat-testijiet ta’ profiċjenza għall-finijiet taż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet tal-laboratorji biex iwettqu testijiet seroloġiċi biex jimmonitorizzaw l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija (ĠU L 209, 10.8.2010, p. 19).