|
13.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 71/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/392
tal-4 ta' Marzu 2019
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport”) bejn l-Unjoni Ewropea u r- Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (*1), il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja. |
|
(2) |
It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fid-9 ta' Ottubru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 (2), u ġie applikat fuq bażi proviżorja skont l-Artikolu 41(3) tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport. |
|
(3) |
It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport tippromwovi ulterjorment l-iżvilupp tat-trasport bejn l-Unjoni u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-Unjoni. |
|
(4) |
Il-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali jew tal-Kumitat ta' Tmexxija Reġjonali stabbiliti, rispettivament, skont l-Artikoli 21 u 24 tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, għandhom jitħejjew kif suppost fi ħdan il-Kunsill, abbażi ta' proposti u dokumenti oħra mill-Kummissjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprova, f'isem l-Unjoni, l-emendi għal-listi tal-atti tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, skont il-punt (a) tal-Artikolu 20(3) tiegħu u wara konsultazzjoni adatta. |
|
(5) |
Jenħtieġ li t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea (3) (4).
Artikolu 2
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun malajr qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali jew tal-Kumitat ta' Tmexxija Reġjonali, tippreżenta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fil-format adatt, għall-adozzjoni jew konsultazzjoni skont ma jkun il-każ, skont it-TFUE u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, abbozzi ta' pożizzjonijiet u ta' dikjarazzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet li jkunu ser jiġu diskussi fil-laqgħa rispettiva.
2. Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni fir-rigward ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija Reġjonali, skont il- punt (a) tal-Artikolu 20(3) tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, li jirrigwardaw sempliċement l-aġġornament ta' atti tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Qabel ma tadotta kwalunkwe tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kunsill dwar il-pożizzjoni antiċipata biżżejjed minn qabel u permezz ta' dokument preparatorju bil-miktub.
Kwalunkwe aġġustament għall-atti tal-Unjoni li jkun ser jiġu inkorporati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandu jkun limitat għall-aġġustamenti tekniċi meħtieġa għall-finijiet ta' tali inkorporazzjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
A. ANTON
(1) Kunsens tat-13 ta' Frar 2019 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(*1) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).
(3) It-test tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ġie ppubblikat fil-ĠU L 278, 27.10.2017, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja.
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ser tiġi ppubblikata f'Il Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
1.
Il-Kummissjoni tisħaq li l-intenzjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport hi li b'mod progressiv tiġi stabbilita komunità tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa abbażi tal-acquis rilevanti tal-UE, u b'hekk jinħoloq netwerk effettiv tat-trasport mal-pajjiżi ġirien tal-UE.
2.
Il-Kummissjoni tinnota li t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, la fit-test tat-Trattat u lanqas fl-Annessi tiegħu, u b'hekk, f'dan l-istadju, l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 jibqa' japplika fir-rigward tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. Sakemm din is-sitwazzjoni ma tiġix immodifikata, jistgħu jinżammu l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, inkluż il-permessi li hemm f'dawk il-Ftehimiet, skont dawn id-dispożizzjonijiet u diment li jkun hemm konformità mad-dritt tal-UE.
3.
Fil-każ li l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jipprevedu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom billi jistabbilixxu opportunitajiet għall-UE kollha għall-aċċess għas-suq fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, il-ftehimiet korrispondenti jiġu nnegozjati, iffirmati u konklużi skont l-Artikolu 218 TFUE.
4.
Għall-ewwel, il-ftehimiet bilaterali li l-Istati Membri jaf ikollhom ma' Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa dwar modalitajiet oħra ta' trasport koperti minn dan it-Trattat, jistgħu jinżammu, jekk ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, FRANZA, L-ITALJA U L-AWSTRIJA
Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija jappoġġaw l-għan tat-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent li progressivament tiġi stabbilita komunità tat-trasport u netwerk tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa fuq il-bażi tal-acquis rilevanti tal-UE. Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija jisħqu li l-ftuħ gradwali tas-suq għas-setturi tat-trasport ikkonċernati fuq il-bażi tal-prinċipju tal-aktar nazzjon favorit jimplika neċessarjament li ma jistax ikun hemm trattament aktar favorevoli ta' pajjiżi terzi, inkluż ċittadini ta' pajjiżi terzi meta mqabbla ma' ċittadini tal-UE.
Għall-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija huwa importanti li ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jkunu jistgħu jkomplu jiġu applikati u, jekk meħtieġ, jiġu adattati, u f'dan il-kuntest huma jilqgħu l-impenji li ħadet l-Unjoni Ewropea matul in-negozjati dwar it-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent u dokumentati f'dikjarazzjoni fil-minuti.
Filwaqt li jżommu f'moħħhom il-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija jsemmu wkoll li t-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent huwa mingħajr preġudizzju għall-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u li dan it-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent ma joħloqx preċedent għal ftehimiet dwar it-trasport ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE.