European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/414

31.3.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/414

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut dettaljat tal-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni ta’ akkwiżizzjoni proposta ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 84(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, akkwirent propost ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni dettaljata li tkun meħtieġa għall-evalwazzjoni prudenzjali tal-akkwiżizzjoni proposta, fil-mument tan-notifika tal-akkwiżizzjoni proposta jew taż-żieda tal-parteċipazzjoni kwalifikanti.

(2)

L-informazzjoni li tinsab fin-notifika ppreżentata mill-akkwirent propost jenħtieġ li tkun vera, preċiża, kompluta u aġġornata mill-mument tal-preżentazzjoni tan-notifika sat-tlestija tal-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-akkwirent propost jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fin-notifika.

(3)

In-notifika jenħtieġ li jkun fiha data dwar l-akkwirent propost, inklużi l-membri tal-korp maniġerjali tiegħu, l-azzjonisti indiretti u s-sid benefiċjarju aħħari, u tal-membri tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira fejn l-akkwirent propost beħsiebu jaħtar xi membru. Dik l-informazzjoni tinkludi data personali. F’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data minqux fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li tiġi pprovduta biss data personali li hija meħtieġa u suffiċjenti biex tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta bir-reqqa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 84(1), il-punti (a) sa (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 lill-awtorità kompetenti. Meta jivvalutaw in-notifika tal-akkwiżizzjoni proposta u jipproċessaw id-data personali inkluża fiha, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jżommu tali data personali għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom.

(4)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, hija meħtieġa wkoll informazzjoni dwar l-identità tas-sidien benefiċjarji aħħarin u dwar ir-reputazzjoni u l-esperjenza, matul l-aħħar 10 snin, tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tal-akkwirent propost biex titwettaq il-valutazzjoni prudenzjali. Għalhekk, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Meta l-akkwirent propost ikun, jew ikun maħsub, li jkun struttura ta’ trust, huwa meħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tikseb informazzjoni kemm dwar l-identità tat-trustees li se jimmaniġġjaw l-assi tat-trust, kif ukoll dwar l-identità tas-settlor u tas-sidien benefiċjarji ta’ dawk l-assi biex ikunu jistgħu jivvalutaw ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ dawk il-persuni.

(6)

Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investiment alternattiv (AIF, alternative investment fund), kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS, undertaking for collective investment in transferable securities), awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFM, alternative investment fund manager) tagħha jew l-AIF fil-każ ta’ AIF ġestit internament, jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tiegħu jew il-kumpanija ta’ investiment tal-UCITS fil-każ ta’ UCITS awtoġestita, jenħtieġ li tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-identità tal-individwi inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-fond u l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tagħhom.

(7)

Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investimenti sovrani, jenħtieġ li dak l-akkwirent propost jipprovdi lill-awtorità kompetenti informazzjoni komprensiva rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni, inkluża informazzjoni dwar l-identità u r-reputazzjoni tal-persuni li jkollhom pożizzjonijiet ta’ livell għoli fil-ministeru, id-dipartiment tal-gvern jew korp pubbliku ieħor inkarigat mit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-fond.

(8)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, huwa meħtieġ li tinkiseb informazzjoni kemm fir-rigward tal-akkwirent propost kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe impriża formalment diretta jew kontrollata mill-akkwirent propost matul l-aħħar 10 snin biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tingħata l-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni.

(9)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, huwa meħtieġ li tinkiseb informazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe impriża taħt il-kontroll tal-akkwirent propost, u kwalunkwe azzjonist b’parteċipazzjoni kwalifikanti fl-akkwirent propost, biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tingħata l-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni.

(10)

L-informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kundanni kriminali u proċessi kriminali, storiċi jew li għadhom għaddejjin, kif ukoll informazzjoni dwar kawżi ċivili jew amministrattivi. Bl-istess mod, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet u l-proċessi miftuħa, is-sanzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ta’ infurzar l-oħra kollha kontra l-akkwirent propost, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra inkluża ċ-ċaħda ta’ reġistrazzjoni jew it-tkeċċija mill-impjieg jew minn pożizzjoni ta’ fiduċja li hija meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tal-akkwirent propost.

(11)

Biex jiġi żgurat li l-eżitu tal-investigazzjonijiet immexxija minn awtoritajiet oħra jitqies kif xieraq mill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira meta twettaq il-valutazzjoni tagħha stess tal-akkwirent propost, jenħtieġ li l-akkwirent propost jipprovdi informazzjoni dwar jekk valutazzjoni bħala akkwirent, jew bħala persuna li tidderieġi n-negozju ta’ kwalunkwe entità rilevanti tkunx diġà twettqet minn awtorità kompetenti oħra jew awtorità oħra, u, jekk ikun il-każ, jenħtieġ li l-eżitu ta’ tali valutazzjoni jiġi pprovdut mill-akkwirent propost.

(12)

Biex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ valutazzjonijiet preċedenti fil-bażijiet tad-data superviżorji u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta identifikatur ta’ entità l-informazzjoni inkluża fin-notifika lill-awtorità kompetenti. L-identifikaturi li jistgħu jintużaw għal dan l-għan jenħtieġ li jkunu dawk li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati entitajiet legali f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi adottati skont l-Artikolu 68(10), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1114, peress li dawn l-identifikaturi għandhom karatteristiċi li jagħmluhom xierqa għal finijiet superviżorji.

(13)

Fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti indiretti fl-entità fil-mira, huwa meħtieġ li jiġi kkalibrat b’mod proporzjonat il-kontenut tat-talba għal informazzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu differenzjati żewġ każijiet. L-ewwel wieħed huwa l-każ li fih il-persuna fiżika jew ġuridika li indirettament takkwista jew iżżid parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira jkun beħsiebha takkwista l-kontroll ta’ detentur eżistenti ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira jew ikollha kontroll fl-akkwirent dirett propost ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira. It-tieni wieħed huwa l-każ li fih l-eżistenza ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti tiġi ddeterminata billi l-parteċipazzjoni kwalifikanti miżmuma fl-entità fil-mira tiġi mmultiplikata bil-perċentwali tal-parteċipazzjonijiet kwalifikanti miżmuma indirettament tul il-katina ta’ parteċipazzjoni. Fit-tieni każ, filwaqt li titqies l-influwenza aktar limitata li tali azzjonist indirett jew membru b’parteċipazzjonijiet kwalifikanti jista’ jeżerċita fuq l-entità fil-mira, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta informazzjoni mnaqqsa.

(14)

L-akkwirenti proposti jistgħu jipprevedu l-ħatra ta’ membru wieħed jew aktar fil-korp maniġerjali tal-entità fil-mira. Biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista’ tivvaluta membri ġodda tal-korp maniġerjali ta’ dik l-entità fil-mira, jenħtieġ li l-akkwirent propost jipprovdi l-istess informazzjoni li tkun meħtieġa mill-membri tal-korpi maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, fil-mument tal-awtorizzazzjoni.

(15)

Biex tiġi vvalutata s-solidità finanzjarja ta’ dak l-akkwirent propost, l-informazzjoni finanzjarja dwar dak l-akkwirent propost, inkluża deskrizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali attwali tal-akkwirent propost, jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira.

(16)

Huwa importanti għall-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li tivvaluta jekk l-eżistenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali jistax jaffettwa s-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost u l-ġestjoni soda u prudenti tal-entità fil-mira. Għalhekk, jenħtieġ li l-akkwirenti proposti jipprovdu informazzjoni dwar l-interessi jew ir-relazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-akkwirent propost ma’ kwalunkwe azzjonist jew direttur jew membru tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira jew persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot fl-entità fil-mira, jew mal-entità fil-mira nnifisha jew il-grupp tagħha.

(17)

Il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika. Dik l-informazzjoni addizzjonali jenħtieġ li tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tlesti l-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluż f’każijiet li fihom l-istrutturi legali u tal-grupp involuti jistgħu jkunu kumplessi u jistgħu jeħtieġu rieżami dettaljat fir-rigward tar-reputazzjoni, l-azzjoni potenzjali flimkien ma’ partijiet oħra, u l-kapaċità tal-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira biex tkompli s-superviżjoni effettiva tal-entità fil-mira.

(18)

Meta l-akkwirent propost ikun entità stabbilita f’pajjiż terz jew ikun parti minn grupp li l-impriża prinċipali diretta jew omm apikali tiegħu tkun stabbilita barra mill-Unjoni, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista’ tivvaluta li r-reġim legali tal-pajjiż terz ma jipprovdix ostakli għall-kapaċità tal-entità fil-mira li tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali, u tkun tista’ taċċerta r-reputazzjoni tal-akkwirent propost f’dak il-pajjiż terz.

(19)

Biex tkun tista’ ssir valutazzjoni dwar jekk l-akkwiżizzjoni proposta hijiex se jkollha impatt fuq il-kapaċità tal-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li twettaq superviżjoni effettiva ta’ dik l-entità fil-mira, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta informazzjoni speċifika. Għall-persuni ġuridiċi, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tivvaluta l-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta fuq is-superviżjoni konsolidata tal-entità fil-mira u tal-grupp li dik l-entità tappartjeni għalih wara l-akkwiżizzjoni.

(20)

Biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta, jenħtieġ li l-akkwirent propost jipprovdi l-informazzjoni li tidentifika l-entità fil-mira, id-dettalji dwar l-intenzjoni u l-investiment strateġiku tal-akkwirent propost, u l-informazzjoni dwar l-ishma li huma proprjetà tal-akkwirent propost jew li huma maħsuba li jkunu proprjetà tiegħu. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi dettalji ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda mill-akkwirent propost flimkien ma’ partijiet oħra għall-finijiet tal-akkwiżizzjoni proposta u l-informazzjoni dwar il-prezz tal-akkwiżizzjoni proposta.

(21)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-akkwirent propost jipprovdi informazzjoni dwar il-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluża informazzjoni dwar il-mezzi u s-sorsi kollha ta’ finanzjament. L-akkwirent propost jenħtieġ li jkun jista’ jippreżenta wkoll evidenza dwar l-oriġini u l-leġittimità tas-sors ta’ tali fondi u assi kollha, inkluż kwalunkwe kriptoassi jew assi diġitali ieħor, sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tivvaluta ċ-ċertezza, is-suffiċjenza u l-oriġini leġittima tagħhom, inkluż jekk hemmx riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

(22)

Biex tiġi żgurata valutazzjoni komprensiva tal-akkwiżizzjoni proposta, jenħtieġ li l-akkwirenti proposti li beħsiebhom jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikanti ta’ aktar minn 20 % u sa 50 % fl-entità fil-mira jipprovdu informazzjoni dwar l-istrateġija tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira. Bl-istess mod, jenħtieġ li wkoll l-akkwirenti proposti li jkunu beħsiebhom jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikanti sa 20 % fl-entità fil-mira iżda li jeżerċitaw influwenza sinifikanti ekwivalenti fuq dik l-entità permezz ta’ mezzi oħra, inklużi r-relazzjonijiet bejn l-akkwirent propost u l-azzjonisti eżistenti, l-eżistenza ta’ ftehimiet tal-azzjonisti, it-tqassim tal-ishma, l-interessi parteċipattivi u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti kollha jew il-pożizzjoni tal-akkwirent propost fl-istruttura tal-grupp tal-entità fil-mira jipprovdu dik l-informazzjoni biex jiżguraw livell għoli ta’ omoġeneità fil-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet proposti.

(23)

Meta jkun hemm tibdil propost fil-kontroll tal-entità fil-mira, jenħtieġ li l-akkwirent propost, bħala regola ġenerali, jippreżenta pjan tan-negozju sħiħ. Madankollu, meta ma jkun hemm l-ebda tibdil propost fil-kontroll tal-entità fil-mira, jenħtieġ li ċerta informazzjoni dwar l-istrateġija futura tal-entità u l-intenzjonijiet tal-akkwirent propost għall-entità fil-mira jkunu biżżejjed biex jiġi vvalutat jekk l-akkwiżizzjoni proposta taffettwax is-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost.

(24)

Filwaqt li jqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, f’ċerti każijiet, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta informazzjoni mnaqqsa. B’mod partikolari, meta l-akkwirent propost ikun ġie vvalutat għall-akkwiżizzjoni jew għaż-żieda f’parteċipazzjonijiet kwalifikanti mill-istess awtorità kompetenti bħal dik tal-entità fil-mira fis-sentejn preċedenti, jenħtieġ li dak l-akkwirent propost ikun meħtieġ jippreżenta biss l-informazzjoni li tkun inbidlet mill-valutazzjoni preċedenti. Bl-istess mod, meta l-akkwirent propost ikun impriża awtorizzata u soġġett għas-superviżjoni prudenzjali tal-istess awtorità kompetenti bħal dik tal-entità fil-mira, jenħtieġ li dak l-akkwirent propost jiġi eżentat milli jippreżenta ċerta informazzjoni li diġà tkun fil-pussess ta’ tali awtorità kompetenti. Fiż-żewġ każijiet, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta biss informazzjoni speċifika għall-akkwiżizzjoni proposta flimkien ma’ dikjarazzjoni ffirmata li tiċċertifika li l-bqija tal-informazzjoni, li ma ġietx ippreżentata minħabba li diġà tinsab fil-pussess tal-awtorità kompetenti, hija vera, preċiża u aġġornata.

(25)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta opinjoni fil-21 ta’ Ġunju 2024.

(26)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea, ippreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(27)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni ġenerali relatata mal-akkwirent propost

1.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja dwar l-identifikazzjoni:

(a)

id-dettalji personali kollha li ġejjin:

(i)

l-isem u, jekk differenti, l-isem mat-twelid;

(ii)

id-data u l-post tat-twelid;

(iii)

in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet;

(iv)

in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali personali, meta disponibbli;

(v)

il-post ta’ residenza attwali, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt, u kwalunkwe post ieħor ta’ residenza fl-aħħar 10 snin;

(vi)

kopja ta’ dokument tal-identità uffiċjali;

(vii)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-konsulent professjonali prinċipali, jekk ikun hemm, użati għat-tħejjija tan-notifika;

(b)

curriculum vitae dettaljat, li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, u kwalunkwe esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, kwalunkwe esperjenza maniġerjali, kwalunkwe attività professjonali jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, u kwalunkwe esperjenza professjonali preċedenti rilevanti għas-servizzi finanzjarji, il-kriptoassi jew assi diġitali oħra, it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT, distributed ledger technology), it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà, u l-innovazzjoni diġitali.

2.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

isem il-persuna ġuridika;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-konsulent professjonali prinċipali, jekk ikun hemm, użati għat-tħejjija tan-notifika;

(c)

meta l-persuna ġuridika tkun irreġistrata f’reġistru kummerċjali nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-isem tar-reġistru li fih tkun irreġistrata dik il-persuna ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni jew mezz ta’ identifikazzjoni ekwivalenti f’dak ir-reġistru u kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;

(d)

identifikatur kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi adottati skont l-Artikolu 68(10), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(e)

l-indirizzi tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika u, meta differenti, tal-uffiċċju prinċipali tagħha, u s-sede prinċipali tagħha;

(f)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna fl-akkwirent propost li għandha tiġi kkuntattjata rigward in-notifika;

(g)

dokumenti jew ftehimiet korporattivi li jirregolaw il-persuna ġuridika u spjegazzjoni fil-qosor tal-karatteristiċi legali ewlenin tal-forma ġuridika tal-persuna ġuridika, u ħarsa ġenerali aġġornata tal-attività kummerċjali tagħha;

(h)

jekk il-persuna ġuridika qatt kinitx jew hijiex regolata minn awtorità kompetenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji jew korp governattiv ieħor u l-isem ta’ tali awtorità kompetenti jew korp governattiv ieħor;

(i)

meta l-persuna ġuridika tkun entità marbuta b’obbligu kif imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-politiki u l-proċeduri applikabbli kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(j)

lista sħiħa tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tal-akkwirent propost u, fir-rigward ta’ kull tali persuna, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, meta disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, inkluża l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, f’servizzi finanzjarji, fi kriptoassi jew f’assi diġitali oħra, id-DLT, it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà jew l-innovazzjoni diġitali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(k)

l-identità tal-persuni kollha li huma sidien benefiċjarji aħħarin tal-persuni ġuridiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6), il-punti (a)(i) jew l-Artikolu 3(6), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2015/849, u fir-rigward ta’ kull tali persuna, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, u, meta disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c) ta’ dan ir-Regolament.

Għall-persuni ġuridiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1132, l-informazzjoni fil-punti (a) u (e) għandha taqbel ma’ dik ippreżentata fir-reġistru kummerċjali nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

3.   Meta l-akkwirent propost ikun trust, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tat-trustees kollha li jimmaniġġjaw l-assi skont it-termini tad-dokument tat-trust, inkluż fir-rigward ta’ kull tali persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, meta disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, inkluża l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, f’servizzi finanzjarji, fi kriptoassi jew f’assi diġitali oħra, id-DLT, it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà jew l-innovazzjoni diġitali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(b)

l-identità ta’ kull persuna li hija settlor, benefiċjarju jew protettur (meta applikabbli) tal-proprjetà ta’ trust, inklużi d-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, u, meta applikabbli, l-ishma rispettivi tagħhom fid-distribuzzjoni tal-introjtu ġġenerat mill-proprjetà ta’ trust;

(c)

kopja ta’ kwalunkwe dokument li jistabbilixxi u jirregola t-trust;

(d)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi legali ewlenin tat-trust u l-funzjonament tiegħu, u ħarsa ġenerali aġġornata tal-attività kummerċjali tiegħu, u t-tip u l-valur tal-proprjetà ta’ trust;

(e)

deskrizzjoni tal-politika ta’ investiment tat-trust u r-restrizzjonijiet possibbli fuq l-investimenti, inkluża informazzjoni dwar il-fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment u l-istrateġija ta’ ħruġ fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(f)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (i).

4.   Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investiment alternattiv (AIF, alternative investment fund) skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE, jew impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS, undertaking for collective investment in transferable securities) awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE, il-maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM, alternative investment fund manager) tagħha jew l-AIF fil-każ ta’ AIF immaniġġjat internament, jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tiegħu jew il-kumpanija ta’ investiment tal-UCITS fil-każ ta’ UCITS awtoġestita, għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji tal-politika ta’ investiment u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-investimenti, inkluża l-informazzjoni dwar il-fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment, u tal-istrateġiji ta’ ħruġ;

(b)

l-identità u l-pożizzjoni tal-persuni responsabbli, kemm individwalment kif ukoll bħala kumitat, għad-determinazzjoni u għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-AIF jew għall-UCITS, u kopja ta’ kwalunkwe kuntratt f’każ ta’ delega tal-immaniġġjar tal-portafoll lil parti terza jew, meta applikabbli, it-termini ta’ referenza tal-kumitat, u għal kull tali persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali tagħha, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, meta disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew il-funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(c)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (i);

(d)

deskrizzjoni tal-prestazzjoni ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti akkwistati preċedentement mill-AIFM jew mill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS f’isem l-AIFs jew l-UCITS li jimmaniġġjaw jew mill-AIF jew mill-kumpanija ta’ investiment awtoġestita tal-UCITS fl-aħħar tliet snin f’ditti simili oħra jew f’ditti li jipprovdu servizzi fir-rigward tal-kriptoassi jew li joħorġu kriptoassi, li tindika jekk l-akkwiżizzjoni ta’ tali parteċipazzjonijiet kwalifikanti kienx approvat minn awtorità kompetenti u, jekk ikun il-każ, l-identità ta’ dik l-awtorità kompetenti.

5.   Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investimenti sovrani, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-ministeru, tad-dipartiment tal-gvern jew tal-korp pubbliku inkarigat mid-determinazzjoni tal-politika ta’ investiment tal-fond ta’ investimenti sovrani;

(b)

id-dettalji tal-politika ta’ investiment tal-fond ta’ investimenti sovrani u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-investiment;

(c)

l-ismijiet u l-pożizzjonijiet tal-persuni f’pożizzjoni amministrattiva ta’ livell għoli fil-ministeru, id-dipartiment tal-gvern jew korp pubbliku ieħor inkarigat biex jiddetermina l-politika ta’ investiment u li huwa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-fond ta’ investimenti sovrani, u għal kull tali persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, meta disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew il-funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, inkluża l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, f’servizzi finanzjarji, fi kriptoassi jew f’assi diġitali oħra, id-DLT, it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà jew l-innovazzjoni diġitali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(d)

id-dettalji ta’ kwalunkwe influwenza eżerċitata mill-ministeru, id-dipartiment tal-gvern jew korp pubbliku ieħor imsemmi fil-punt (a) fuq l-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-fond ta’ investimenti sovrani;

(e)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (i), meta applikabbli.

Artikolu 2

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-akkwirent propost li jkun persuna fiżika

1.   Flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-akkwirent propost li jkun persuna fiżika għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dan kollu li ġej:

(a)

fir-rigward tal-akkwirent propost u ta’ kwalunkwe impriża diretta jew kontrollata mill-akkwirent propost matul l-aħħar 10 snin, dikjarazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(i)

soġġett għar-rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali li tikkonċerna d-divulgazzjoni ta’ kundanni eżawriti, informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe kundanna kriminali jew proċediment kriminali meta l-eżitu jkun kontra dik il-persuna u li ma jkunx ġie annullat;

(ii)

informazzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni ċivili jew amministrattiva li tikkonċerna lil dik il-persuna li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti fil-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u kwalunkwe sanzjoni jew miżura amministrattiva li ġiet imposta bħala konsegwenza ta’ ksur tal-liġijiet jew tar-regolamenti, inkluża l-iskwalifika bħala direttur ta’ kumpanija, f’kull każ li ma tkunx ġiet annullata u li ma jkun hemm l-ebda appell pendenti jew li jista’ jiġi ppreżentat kontriha, u ta’ kundanni kriminali li fir-rigward tagħhom għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni għal deċiżjonijiet li jkunu għadhom soġġetti għal appell;

(iii)

kwalunkwe falliment, insolvenza jew proċedura simili;

(iv)

kwalunkwe investigazzjoni jew proċedura kriminali pendenti, inkluża relatata ma’ miżuri kawtelatorji;

(v)

kwalunkwe investigazzjoni ċivili, amministrattiva, proċediment ta’ infurzar, sanzjoni jew deċiżjoni oħra ta’ infurzar kontra l-persuna li tikkonċerna kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu b’mod raġonevoli bħala rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti fil-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(vi)

kwalunkwe rifjut ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq kummerċ, negozju jew professjoni;

(vii)

kwalunkwe rtirar, revoka jew terminazzjoni ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq kummerċ, negozju jew professjoni;

(viii)

kwalunkwe espulsjoni minn korp regolatorju jew tal-gvern jew minn korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(ix)

kwalunkwe pożizzjoni ta’ responsabbiltà f’entità soġġetta għal xi kundanna kriminali jew penali ċivili jew amministrattiva jew miżura ċivili jew amministrattiva oħra li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti fil-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi meħuda minn kwalunkwe awtorità jew minn kwalunkwe investigazzjoni li tkun għadha għaddejja, f’kull każ għal nuqqasijiet ta’ kondotta, inkluż fir-rigward ta’ frodi, diżonestà, korruzzjoni, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew kriminalità finanzjarja oħra jew ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ politiki u proċeduri adegwati biex jiġu evitati tali avvenimenti, miżmuma fiż-żmien meta tkun seħħet l-imġiba allegata, flimkien mad-dettalji ta’ tali okkorrenzi u tal-involviment, jekk ikun hemm, fihom;

(x)

kwalunkwe tkeċċija mill-impjieg jew minn pożizzjoni ta’ fiduċja, kwalunkwe tneħħija minn relazzjoni fiduċjarja, ħlief b’riżultat li tintemm ir-relazzjoni kkonċernata bil-mogħdija taż-żmien, u kwalunkwe sitwazzjoni simili;

(b)

meta jeżistu tali dokumenti, ċertifikat uffiċjali jew kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor, jew meta tali dokumenti ma jeżistux, kwalunkwe sors affidabbli ta’ informazzjoni, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ kwalunkwe avveniment msemmi fil-punt (a), il-punti (i) sa (v), fir-rigward ta’ dik il-persuna;

(c)

meta awtorità superviżorja oħra tkun diġà vvalutat il-persuna kkonċernata, l-identità ta’ dik l-awtorità, id-data ta’ dik il-valutazzjoni u l-evidenza tal-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni;

(d)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja attwali tal-persuna, inklużi d-dettalji li jikkonċernaw is-sorsi tad-dħul, l-assi u l-obbligazzjonijiet, l-interessi ta’ garanzija u l-garanziji, kemm jekk mogħtija kif ukoll jekk riċevuti;

(e)

deskrizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali attwali tal-persuna u ta’ kwalunkwe impriża li tidderieġi jew tikkontrolla l-persuna;

(f)

informazzjoni finanzjarja, inklużi klassifikazzjonijiet tal-kreditu u rapporti disponibbli għall-pubbliku dwar kwalunkwe impriża diretta jew kontrollata mill-persuna.

Għall-finijiet tal-punt (b), rekords, ċertifikati u dokumenti uffiċjali għandhom ikunu nħarġu fi żmien tliet xhur qabel il-preżentazzjoni tan-notifika.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-akkwirent propost li jkun persuna fiżika għandu jipprovdi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dan kollu li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-interessi finanzjarji tal-persuna, u ta’ kwalunkwe interess mhux finanzjarju tal-persuna ma’ kwalunkwe waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin:

(i)

kwalunkwe azzjonist jew membru attwali ieħor tal-entità fil-mira;

(ii)

kwalunkwe persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-entità fil-mira fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin jew kombinament tagħhom:

(1)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza li magħha dik il-persuna tkun ikkonkludiet ftehim li jobbligaha tadotta, permezz tal-eżerċitar ikkonċertat tad-drittijiet tal-vot li jkollha, politika komuni dejjiema lejn il-korp maniġerjali tal-entità fil-mira kkonċernata;

(2)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza skont ftehim konkluż ma’ dik il-persuna li jipprevedi t-trasferiment temporanju bi skambju għal ħlas tad-drittijiet tal-vot ikkonċernati;

(3)

id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li jkunu depożitati bħala kollateral ma’ dik il-persuna, dment li l-persuna tikkontrolla d-drittijiet tal-vot u tiddikjara l-intenzjoni tagħha li teżerċita dawk id-drittijiet tal-vot;

(4)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma li fihom dik il-persuna jkollha l-użufrutt;

(5)

id-drittijiet tal-vot li huma miżmuma, jew li jistgħu jiġu eżerċitati kif imsemmi fil-punti (1) sa (4) minn impriża kkontrollata minn dik il-persuna;

(6)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma depożitati ma’ dik il-persuna li l-persuna tista’ teżerċita fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(7)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza f’isimha stess f’isem dik il-persuna;

(8)

id-drittijiet tal-vot li l-persuna tista’ teżerċita bi prokura meta l-persuna jew l-entità tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vot fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(iii)

kwalunkwe persuna li hija membru tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira;

(iv)

l-entità fil-mira nnifisha jew kwalunkwe membru ieħor tal-grupp tagħha;

(b)

sa fejn kwalunkwe kunflitt ta’ interess jirriżulta mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), il-metodi proposti għall-ġestjoni ta’ tali kunflitt;

(c)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe rabta ma’ persuni esposti politikament skont it-tifsira tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(d)

kwalunkwe interess jew attività oħra tal-persuna li tista’ tkun f’kunflitt ma’ dawk tal-entità fil-mira u l-metodi proposti għall-ġestjoni ta’ dawk il-kunflitti ta’ interess.

Għall-finijiet tal-punt (a), l-operazzjonijiet ta’ kreditu, il-garanziji u l-interessi ta’ sigurtà, kemm jekk mogħtija kif ukoll jekk riċevuti, inklużi dawk relatati ma’ kriptoassi jew assi diġitali oħra, għandhom jitqiesu li jkunu parti mill-interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari jew dawk mill-qrib għandhom jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

Artikolu 3

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), l-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika għandu jipprovdi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dan kollu li ġej:

(a)

l-informazzjoni msemmija:

(i)

fl-Artikolu 2(1), il-punti (a)(i) sa (a)(x) u l-punt (b), fir-rigward tal-persuna ġuridika u kwalunkwe impriża taħt il-kontroll tal-persuna ġuridika;

(ii)

l-Artikolu 2(1), il-punt (c), fir-rigward tal-persuna ġuridika nnifisha;

(iii)

l-Artikolu 2(1), il-punt (e), fir-rigward tal-persuna ġuridika nnifisha;

(iv)

l-Artikolu 2(1), il-punt (f), fir-rigward tal-persuna ġuridika nnifisha, kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali fil-funzjoni eżekuttiva tiegħu bħala l-persuna ġuridika jew kwalunkwe impriża taħt il-kontroll tal-persuna ġuridika;

(b)

deskrizzjoni tal-interessi finanzjarji u l-interessi jew ir-relazzjonijiet mhux finanzjarji tal-akkwirent propost, jew, meta applikabbli, il-grupp li għalih jappartjeni l-akkwirent propost, u l-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tiegħu ma’:

(i)

kwalunkwe azzjonist jew membru attwali ieħor tal-entità fil-mira;

(ii)

kwalunkwe persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-entità fil-mira fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin jew kombinament tagħhom:

(1)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza li magħha dik il-persuna tkun ikkonkludiet ftehim li jobbligaha tadotta, permezz tal-eżerċitar ikkonċertat tad-drittijiet tal-vot li jkollha, politika komuni dejjiema lejn il-korp maniġerjali tal-entità fil-mira kkonċernata;

(2)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza skont ftehim konkluż ma’ dik il-persuna li jipprevedi t-trasferiment temporanju bi skambju għal ħlas tad-drittijiet tal-vot ikkonċernati;

(3)

id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li jkunu depożitat bħala kollateral ma’ dik il-persuna, dment li l-persuna jew l-entità tikkontrolla d-drittijiet tal-vot u tiddikjara l-intenzjoni tagħha li teżerċita dawk id-drittijiet tal-vot;

(4)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma li fihom dik il-persuna jkollha l-użufrutt;

(5)

id-drittijiet tal-vot li huma miżmuma, jew li jistgħu jiġu eżerċitati kif imsemmi fil-punti (1) sa (4) minn impriża kkontrollata minn dik il-persuna;

(6)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma depożitati ma’ dik il-persuna li l-persuna tista’ teżerċita fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(7)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza f’isimha stess f’isem dik il-persuna;

(8)

id-drittijiet tal-vot li dik il-persuna tista’ teżerċita bi prokura meta l-persuna tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vot fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(iii)

kwalunkwe persuna esposta politikament skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(iv)

kwalunkwe persuna li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, jew tal-maniġment superjuri tal-entità fil-mira;

(v)

l-entità fil-mira nnifisha jew kwalunkwe membru ieħor tal-grupp tagħha;

(c)

sa fejn kwalunkwe kunflitt ta’ interess jirriżulta mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punt (b), il-metodi proposti għall-ġestjoni ta’ tali kunflitti;

(d)

informazzjoni dwar kwalunkwe interess jew attività oħra tal-akkwirent propost li tista’ tkun f’kunflitt mal-interessi jew l-attivitajiet tal-entità fil-mira u soluzzjonijiet possibbli għall-ġestjoni ta’ dawk il-kunflitti ta’ interess;

(e)

l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-akkwirent propost, bl-identità tal-azzjonisti kollha li jeżerċitaw influwenza sinifikanti u s-sehem rispettiv tagħhom tal-kapital u d-drittijiet tal-vot inkluża l-informazzjoni dwar kwalunkwe ftehim tal-azzjonisti;

(f)

meta l-akkwirent propost huwa parti minn grupp, bħala kumpanija sussidjarja jew bħala kumpanija omm, ċart organizzazzjonali dettaljat tal-istruttura tal-grupp u informazzjoni dwar is-sehem tal-kapital u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti li għandhom influwenza sinifikanti tal-entitajiet tal-grupp u dwar l-attivitajiet attwalment imwettqa mill-entitajiet tal-grupp;

(g)

meta l-akkwirent propost ikun parti minn grupp bħala sussidjarja jew bħala l-kumpanija omm, informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-grupp;

(h)

l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni ta’ pagament jew istituzzjoni tal-flus elettroniċi, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers jew id-ditta ta’ investiment tagħhom fil-grupp, u l-ismijiet tal-awtoritajiet superviżorji rilevanti;

(i)

rapporti finanzjarji annwali, fil-livell individwali u, fejn applikabbli, fil-livelli konsolidati u subkonsolidati, għall-aħħar tliet snin finanzjarji, fejn il-persuna ġuridika tkun ilha topera għal dak il-perjodu, jew tali perjodu iqsar li għalih il-persuna ġuridika tkun ilha topera u jkunu tħejjew rapporti finanzjarji.

Għall-finijiet tal-punt (a), l-operazzjonijiet ta’ kreditu, il-garanziji u l-interessi ta’ sigurtà, kemm jekk mogħtija kif ukoll jekk riċevuti, inkluż dawk relatati ma’ kriptoassi jew assi diġitali oħra, għandhom jitqiesu li jkunu parti mill-interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari jew dawk mill-qrib għandhom jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

2.   L-akkwirent propost għandu jippreżenta r-rapporti finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (i), inkluż kull wieħed mill-elementi li ġejjin, u meta applikabbli approvati mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punti (2) u (3), rispettivament, tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9):

(a)

il-karta tal-bilanċ;

(b)

il-kontijiet tal-profitt u t-telf jew ir-rapporti tal-introjtu;

(c)

ir-rapporti annwali u l-annessi finanzjarji u kwalunkwe dokument ieħor irreġistrati mar-reġistru jew mal-awtorità kompetenti tal-persuna ġuridika;

(d)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika jew entità li tkun għadha kif ġiet stabbilita, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rapport finanzjarju, sommarju aġġornat kemm jista’ jkun qrib id-data tan-notifika, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-akkwirent propost, kif ukoll il-previżjonijiet finanzjarji għat-tliet snin li jmiss, u s-suppożizzjonijiet tal-ippjanar użati fil-każ ta’ bażi u fix-xenarju ta’ kriżi.

3.   L-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika u li jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’pajjiż terz għandu, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

meta l-persuna ġuridika tkun taħt superviżjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz fis-settur tas-servizzi finanzjarji:

(i)

ċertifikat ta’ reputazzjoni tajba, jew ekwivalenti meta mhux disponibbli, minn tali awtorità ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-persuna ġuridika;

(ii)

meta dik l-awtorità toħroġ tali dikjarazzjonijiet, id-dikjarazzjoni li ma hemm l-ebda ostaklu jew limitazzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa għas-superviżjoni tal-entità fil-mira;

(b)

informazzjoni ġenerali dwar ir-reġim regolatorju ta’ dak il-pajjiż terz kif applikabbli għall-persuna ġuridika, inkluża informazzjoni dwar sa liema punt ir-reġim tal-pajjiż terz kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament t-terroriżmu huwa konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

Artikolu 4

Informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata minn persuni li jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikanti indiretta fl-entità fil-mira

1.   Meta akkwirent propost beħsiebu jakkwista, direttament jew indirettament, kontroll fuq detentur eżistenti ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’entità fil-mira, irrispettivament minn jekk tali parteċipazzjoni eżistenti tkunx diretta jew indiretta, jew jikkontrolla, direttament jew indirettament, l-akkwirent dirett propost ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’entità fil-mira, għandu jippreżenta dan li ġej:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), fl-Artikoli 2, 8 u 6, u fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli;

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) sa (5), kif applikabbli, fl-Artikoli 3, 6 u 8, u fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli.

2.   Meta l-akkwirent propost ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-akkwirent propost għandu jippreżenta l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), fejn il-perċentwali tal-parteċipazzjonijiet tul il-katina korporattiva, li jibdew mill-parteċipazzjoni kwalifikanti miżmuma direttament fl-entità fil-mira, immultiplikati skont il-parteċipazzjoni fil-livell immedjatament ogħla fil-katina korporattiva, jirriżulta f’parteċipazzjoni kwalifikanti ta’ 10 % jew aktar. Il-multiplikazzjoni għandha tiġi applikata ’l fuq fil-katina korporattiva sakemm ir-riżultat tal-multiplikazzjoni jkun ta’ 10 % jew aktar.

3.   Meta l-akkwirent propost jikkontrolla persuna fiżika jew ġuridika li jkollha parteċipazzjoni kwalifikanti f’konformità mal-paragrafu 2, l-akkwirent propost għandu jippreżenta dan li ġej:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2, il-punti (a), (b) sa (f) u (h), l-Artikolu 6, il-punti (a) sa (f), u fl-Artikolu 8;

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), (3), (4) jew (5), l-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-punti (i) sa (iv), l-Artikolu 3(1), il-punt (b), il-punt (iii), l-Artikolu 3(1), il-punti (f) sa (i), l-Artikolu 3(2) u (3), l-Artikolu 6, il-punti (a) sa (f), u fl-Artikolu 8.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar il-persuni li se jidderieġu n-negozju tal-entità fil-mira

Meta l-akkwirent propost beħsiebu jaħtar membru wieħed jew aktar fil-korp maniġerjali tal-entità fil-mira, in-notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/305 (10) għal kull tali membru propost.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar l-akkwiżizzjoni proposta

Fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tal-entità fil-mira;

(b)

dettalji tal-intenzjonijiet tal-akkwirent propost fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluż l-investiment strateġiku jew l-investiment ta’ portafoll;

(c)

informazzjoni dwar l-ishma tal-entità fil-mira li huma proprjetà tal-akkwirent propost, jew maħsuba li jkunu proprjetà tiegħu, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, inklużi:

(i)

l-għadd u t-tip ta’ ishma, u l-valur nominali ta’ tali ishma;

(ii)

is-sehem tal-kapital globali tal-entità fil-mira li l-ishma jirrappreżentaw qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta;

(iii)

is-sehem tad-drittijiet globali tal-vot tal-entità fil-mira li l-ishma jirrappreżentaw qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, jekk ikun differenti mis-sehem tal-kapital tal-entità fil-mira;

(iv)

il-valur tas-suq, f’euro u fil-munita lokali, tal-ishma tal-entità fil-mira qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta;

(d)

kwalunkwe azzjoni flimkien ma’ partijiet oħra, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ dawk il-partijiet l-oħra għall-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta, il-mezzi ta’ parteċipazzjoni fl-arranġamenti finanzjarji fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta u l-arranġamenti organizzattivi futuri tal-akkwiżizzjoni proposta;

(e)

il-kontenut tal-ftehimiet tal-azzjonisti ppjanati ma’ azzjonisti oħra fir-rigward tal-entità fil-mira;

(f)

il-prezz tal-akkwiżizzjoni proposta u l-kriterji użati meta jiġi ddeterminat tali prezz u, meta jkun differenti mill-valur tas-suq, spjegazzjoni ta’ tali differenza;

(g)

meta disponibbli, kopja tal-kuntratt tal-akkwiżizzjoni.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar l-istruttura tal-grupp propost il-ġdid u l-impatt tagħha fuq is-superviżjoni

1.   L-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni konsolidata tal-grupp li tappartjeni għalih l-entità fil-mira wara l-akkwiżizzjoni proposta. Dik l-analiżi għandha tinkludi informazzjoni dwar liema entitajiet tal-grupp jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-superviżjoni konsolidata wara l-akkwiżizzjoni proposta u f’liema livelli fil-grupp dawk ir-rekwiżiti japplikaw fuq bażi subkonsolidata jew sħiħa.

2.   L-akkwirent propost għandu jipprovdi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira analiżi tal-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta fuq il-kapaċità tal-entità fil-mira biex tkompli tipprovdi informazzjoni f’waqtha u preċiża lill-awtorità kompetenti tagħha, inkluż bħala riżultat ta’ rabtiet mill-qrib tal-akkwirent propost mal-entità fil-mira.

Artikolu 8

Informazzjoni relatata mal-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta

1.   L-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira spjegazzjoni dettaljata tas-sorsi speċifiċi ta’ finanzjament għall-akkwiżizzjoni proposta, inklużi:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-attività li ġġenerat il-fondi u l-assi għall-akkwiżizzjoni, appoġġata minn dokumenti rilevanti, inklużi rapporti finanzjarji, rendikonti bankarji, dikjarazzjonijiet tat-taxxa u kwalunkwe dokument ieħor jew informazzjoni oħra li tipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti li ma hemm l-ebda tentattiv ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu permezz tal-akkwiżizzjoni proposta;

(b)

dettalji dwar kwalunkwe assi, inkluż kwalunkwe kriptoassi li għandha tinbigħ biex tgħin tiffinanzja l-akkwiżizzjoni proposta, inklużi l-kundizzjonijiet tal-bejgħ, il-prezz, il-valutazzjoni u d-dettalji dwar il-karatteristiċi ta’ dawk l-assi, inkluża informazzjoni dwar meta, kif u mingħand min ġew akkwistati dawk l-assi;

(c)

dettalji dwar l-aċċess għas-sorsi ta’ kapital u s-swieq finanzjarji inklużi d-dettalji ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jinħarġu;

(d)

meta l-fondi użati għall-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni jkunu ttieħdu b’self, informazzjoni dwar l-użu ta’ fondi mislufa, inkluż l-isem tas-selliefa rilevanti u d-dettalji tal-faċilitajiet mogħtija, inklużi maturitajiet, termini, rahan u garanziji, u informazzjoni dwar is-sors tad-dħul li għandu jintuża biex jitħallas lura tali self;

(e)

dettalji dwar il-mezz ta’ pagament għall-akkwiżizzjoni proposta u n-network użat għat-trasferiment ta’ fondi għajr tokens tal-flus elettroniċi;

(f)

dettalji ta’ kwalunkwe kriptoassi u DLT relatata użati għall-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni, ta’ kwalunkwe kartiera, inkluża n-natura jew it-tip ta’ kartiera, kemm jekk tkun kustodjali kif ukoll jekk mhux ta’ kustodja, meta l-kriptoassi użati jew skambjati f’munita uffiċjali għall-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni, jew il-mezzi ta’ aċċess għal tali kriptoassi, ikunu nħażnu, tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi użati, u tal-indirizzi jew il-kontijiet tar-reġistru distribwit tal-oriġinatur u tal-benefiċjarju;

(g)

informazzjoni dwar kwalunkwe arranġament finanzjarju ma’ persuni oħra li huma jew li se jkunu azzjonisti tal-entità fil-mira.

Għall-finijiet tal-punt (d), meta s-sellief ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja awtorizzata biex tagħti kreditu, l-akkwirent propost għandu jipprovdi informazzjoni komprensiva u evidenza ta’ sostenn dwar l-oriġini tal-fondi mislufa inklużi, l-attività, il-forma legali u l-post ta’ residenza tas-sellief, u kwalunkwe klawżola kuntrattwali li tagħti s-setgħa lis-sellief biex jagħti struzzjonijiet lill-mutwatarju dwar il-parteċipazzjoni kwalifikanti.

2.   L-akkwirent propost li jkun trust għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira informazzjoni dwar il-metodu ta’ finanzjament tat-trust u r-riżorsi li jiżguraw is-solidità finanzjarja tat-trust biex jappoġġa lill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi.

Artikolu 9

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjoni kwalifikanti sa 20 %

Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f’li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira sa 20 %, l-akkwirent propost għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dokument dwar l-istrateġija li jkun fih, meta rilevanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-istrateġija tal-akkwirent propost rigward l-akkwiżizzjoni proposta, inkluż il-perjodu li matulu l-akkwirent propost beħsiebu jżomm il-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu wara l-akkwiżizzjoni proposta u kwalunkwe intenzjoni tal-akkwirent propost li jżid, inaqqas jew iżomm il-livell tal-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu fil-futur prevedibbli;

(b)

indikazzjoni tal-intenzjonijiet tal-akkwirent propost lejn l-entità fil-mira, u b’mod partikolari jekk l-akkwirent propost ikunx beħsiebu jaġixxi bħala azzjonist minoritarju attiv, u r-raġunament għal dik l-azzjoni;

(c)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwirent propost u r-rieda tiegħu li jappoġġa lill-entità fil-mira b’finanzjament addizzjonali jekk meħtieġ għall-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha jew f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji.

Artikolu 10

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta’ aktar minn 20 % u sa 50 %

1.   Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f’li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta’ aktar minn 20 % u sa 50 %, l-akkwirent propost għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dokument dwar l-istrateġija li jkun fih, meta rilevanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni kollha mitluba skont l-Artikolu 9;

(b)

dettalji dwar l-influwenza li l-akkwirent propost beħsiebu jeżerċita fuq il-pożizzjoni finanzjarja, inklużi l-politika tad-dividendi, l-iżvilupp strateġiku, u l-allokazzjoni ta’ riżorsi tal-entità fil-mira;

(c)

deskrizzjoni tal-intenzjonijiet u l-istrateġija tal-akkwirent propost lejn l-entità fil-mira, li tkopri l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 11(2) b’livell ta’ dettall proporzjonat mal-influwenza fl-entità fil-mira li tirriżulta mill-akkwiżizzjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira minn kwalunkwe akkwirent propost imsemmi fl-Artikolu 9 meta l-influwenza eżerċitata mill-parteċipazzjoni azzjonarja tal-akkwirent propost, abbażi tal-valutazzjoni tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-entità fil-mira, tkun ekwivalenti għall-influwenza eżerċitata minn parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ aktar minn 20 % u sa 50 %.

Artikolu 11

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta’ aktar minn 50 %

1.   Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f’li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta’ aktar minn 50 %, jew l-entità fil-mira ssir is-sussidjarja tagħha, l-akkwirent propost għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira pjan tan-negozju fuq medda ta’ żmien ta’ tliet snin. Dak il-pjan għandu jinkludi:

(a)

pjan ta’ żvilupp strateġiku;

(b)

rapporti finanzjarji stmati tal-entità fil-mira;

(c)

l-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzattiva ġenerali tal-entità fil-mira.

2.   Il-pjan ta’ żvilupp strateġiku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jindika, f’termini ġenerali, l-għanijiet ewlenin tal-akkwiżizzjoni proposta u l-modi ewlenin biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, inklużi:

(a)

l-objettiv ġenerali tal-akkwiżizzjoni proposta;

(b)

miri finanzjarji jistgħu jiġu ddikjarati f’termini ta’ redditu fuq l-ekwità, proporzjon kostijiet-benefiċċji, qligħ għal kull sehem, jew f’termini oħra kif xieraq;

(c)

ir-ridirezzjoni possibbli tal-attivitajiet, il-prodotti, il-klijenti fil-mira u r-riallokazzjoni possibbli tal-fondi jew tar-riżorsi mistennija li jkollhom impatt fuq l-entità fil-mira;

(d)

proċessi ġenerali għall-inklużjoni u l-integrazzjoni tal-entità fil-mira fl-istruttura tal-grupp tal-akkwirent propost, inklużi deskrizzjoni tal-interazzjonijiet prinċipali li għandhom jiġu segwiti ma’ kumpaniji oħra fil-grupp, u deskrizzjoni tal-politiki li jirregolaw ir-relazzjonijiet intragrupp.

Għall-finijiet tal-punt (d), għall-akkwirenti proposti awtorizzati u sorveljati fl-Unjoni, għandha tkun biżżejjed l-informazzjoni dwar id-dipartimenti partikolari fl-istruttura tal-grupp li huma affettwati mit-tranżazzjoni.

3.   Ir-rapporti finanzjarji stmati tal-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom, kemm fuq bażi individwali kif ukoll, meta applikabbli, fuq bażi konsolidata, għal perjodu ta’ tliet snin, jinkludu dan li ġej:

(a)

stima tal-karta tal-bilanċ u rapport tal-introjtu;

(b)

previżjoni tar-rekwiżiti kapitali prudenzjali u tar-riżerva ta’ assi;

(c)

informazzjoni dwar il-livell stmat ta’ skoperturi tar-riskju inklużi r-riskji tas-suq, operazzjonali, inklużi ċibernetiċi u ta’ frodi, ta’ kreditu u ambjentali, u r-riskji rilevanti oħra;

(d)

previżjoni ta’ tranżazzjonijiet intragrupp.

4.   L-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzazzjonali ġenerali tal-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), għandu jinkludi l-impatt fuq:

(a)

il-kompożizzjoni u d-dmirijiet tal-membri tal-korp maniġerjali, u meta applikabbli, il-kumitati ewlenin maħluqa minn tali korp ta’ teħid tad-deċiżjonijiet inkluża informazzjoni dwar il-persuni li se jinħatru bħala membri tal-korp maniġerjali;

(b)

proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi u kontrolli interni, inklużi bidliet fil-proċeduri u s-sistemi relatati mal-kontabbiltà, l-awditjar intern, il-konformità mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u mal-ġestjoni tar-riskju, inkluża l-ħatra ta’ detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin tal-awditjar intern, uffiċjali tal-konformità u maniġers tar-riskju;

(c)

l-arkitettura ġenerali tal-ICT, inkluż kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-politika relatata ma’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT tal-funzjonijiet kritiċi jew importanti msemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-flowchart tad-data, is-software intern u estern użat u l-proċeduri u l-għodod essenzjali tas-sigurtà tad-data u tas-sistemi inkluż il-back-up, il-pjanijiet għall-kontinwità tal-operat u r-rekords tal-awditjar;

(d)

il-politiki li jirregolaw il-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti, inkluża informazzjoni dwar l-oqsma kkonċernati, dwar l-għażla tal-fornituri ta’ servizzi, u dwar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet prinċipali kif stabbiliti fil-kuntratti, inklużi l-arranġamenti tal-awditjar u l-arranġamenti għall-kustodja u l-investiment tar-riżerva tal-assi, u l-kwalità tas-servizz mistennija mill-fornitur;

(e)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mal-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzazzjonali ġenerali tal-entità fil-mira, inkluża kwalunkwe modifika rigward id-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti.

Artikolu 12

Rekwiżiti mnaqqsa ta’ informazzjoni

1.   Meta l-akkwirent propost ikun ġie vvalutat għall-akkwiżizzjoni jew għaż-żieda fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti mill-istess awtorità kompetenti tal-entità fil-mira f’konformità mal-Artikoli 41(1) jew l-Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), fis-sentejn preċedenti mill-preżentazzjoni tan-notifika, dak l-akkwirent propost għandu jippreżenta biss lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li tkun speċifika għall-akkwiżizzjoni proposta jew l-informazzjoni li tkun inbidlet mill-valutazzjoni preċedenti.

L-akkwirent propost għandu jippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tindika l-informazzjoni eżatta msemmija f’dan ir-Regolament li ma ġietx ippreżentata, li tiċċertifika li tali informazzjoni ma nbidlitx mill-valutazzjoni preċedenti u li għadha vera, preċiża u aġġornata.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-akkwirent propost ikun impriża awtorizzata mill-istess awtorità kompetenti bħal dik tal-entità fil-mira, u soġġett għas-superviżjoni prudenzjali li tkun għaddejja ta’ dik l-awtorità kompetenti, dak l-akkwirent propost għandu jippreżenta biss l-informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament speċifika għall-akkwiżizzjoni proposta u ma għandux ikun meħtieġ li jippreżenta l-informazzjoni diġà fil-pussess ta’ dik l-awtorità kompetenti.

L-akkwirent propost għandu jippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tindika l-informazzjoni eżatta msemmija f’dan ir-Regolament li ma ġietx ippreżentata minħabba li diġà tkun fil-pussess ta’ dik l-awtorità kompetenti u li tiċċertifika li tali informazzjoni hija vera, preċiża u aġġornata.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni speċifika għall-akkwiżizzjoni proposta imsemmi f’dan ir-Regolament tinkludi dan kollu li ġej:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika:

(i)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

(ii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (d) sa (f) u l-Artikolu 2(2), il-punti (a) sa (d) meta l-akkwiżizzjoni proposta tkun koperta mill-paragrafu 1, jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) sa (d) meta l-akkwiżizzjoni proposta tkun koperta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(iii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

(iv)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6;

(v)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(vi)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli;

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, trust, AIF skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE, jew UCITS skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, jew fond ta’ investimenti sovrani:

(i)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punti (a) sa (f);

(ii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (a)(ii) sa (a)(iv), u l-punti (b), (c) u (d), u fl-Artikolu 5, kif applikabbli, u, meta l-akkwiżizzjoni proposta tkun koperta mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (d);

(iii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 6 u 7;

(iv)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(v)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/61/oj).

(4)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/65/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1132/oj).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).

(9)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/43/oj).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/305 tal-31 ta’ Ottubru 2024 li jissuplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi (ĠU L, 2025/305, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/305/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj).

(12)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).

(13)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).

(14)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/138/oj).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/648/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/414/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)