Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
27 ta’ Jannar 2026 (*)
Werrej
I. Ilkuntest ġuridiku
A. Iddritt internazzjonali
1. Il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi
2. Il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi
B. Iddritt talUnjoni
1. Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757
2. Id-Deċiżjoni 2021/3
3. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
III. Il-proċedura prekontenzjuża
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V. Fuq ir-rikors
A. Fuq l-ammissibiltà
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja
B. Fuq ilmertu
1. Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja
2. Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2021/3, kif ukoll tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE
a) Dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3
1) L-argumenti tal-partijiet
2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja
b) Fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2021/3 kif ukoll tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE
1) L-argumenti tal-partijiet
2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja
3. Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ggarantit fl-Artikolu 4(3) TUE
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja
Fuq l ispejjeż
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Ammissibbiltà – Deċiżjoni (UE) 2021/3 – Pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li kienet ser terġa’ titlaqqa’, liema sessjoni kienet organizzata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iskedar tal-Kannabis u s-Sustanzi relatati mal-Kannabis fl-annessi mehmuża mal-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, kif emendata mill-Protokoll tal‑1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal‑1971 – Teħid ta’ pożizzjoni u vot ta’ Stat Membru li jmur kontra din il-pożizzjoni tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Effetti tal-aġir ikkritikat fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata – Effetti kontinwi fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni Artikolu 3(2) TFUE – Kompetenza esterna esklużiva – Effett ta’ regoli komuni jew tibdil tal-portata tagħhom – Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fid-difiża – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑271/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fis‑27 ta’ April 2023,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Baumgart, M. Carpus-Carcea u Zs. Teleki, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, L. Arastey Sahún, I. Ziemele, J. Passer u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, D. Gratsias, M. Gavalec (Relatur), Z. Csehi u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata li, billi ma segwietx il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-emenda tal-iskedar fil-listi tal-kannabis u tas-sustanzi relatati, l-Ungerija, l-ewwel nett, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/3 tat‑23 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li ser terġa’ titlaqqa’, dwar l-iskedar tal-kannabis u s-sustanzi relatati mal-kannabis taħt il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, kif emendata mill-Protokoll tal‑1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal‑1971 (ĠU 2021, L 4, p. 1), li huma vinkolanti fuqha skont l-Artikolu 218(9) TFUE, moqri flimkien mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, it-tieni nett, kisret il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE u, it-tielet nett, kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, u
– tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali
1. Il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi
2 Il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, kif emendata mill-Protokoll tal‑1972 li jemenda l-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, konkluża f’New York fit‑30 ta’ Marzu 1961 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 520, Nru 7515, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”), tistipula, fit-tmien paragrafu tal-premessa tagħha:
“Għanda tiġi konkluża konvenzjoni internazzjonali aċċettabbli għal kulħadd, li tissostitwixxi l-biċċa l-kbira tat-trattati eżistenti dwar id-drogi narkotiċi, tillimita l-użu ta’ drogi narkotiċi għal finijiet mediċi u xjentifiċi u tistabbilixxi kooperazzjoni internazzjonali kostanti sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji u jintlaħqu dawn l-għanijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
3 Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi:
“Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor jew sakemm il-kuntest ma jeżiġix mod ieħor, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din il-konvenzjoni:
a) It-terminu ‘Bord’ ifisser il-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tad-Drogi Narkotiċi [(iktar ’il quddiem l-‘OICS’)].
[...]
g) It-terminu ‘Kummissjoni’ jfisser il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tal-Kunsill [Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-‘Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi’)].
[...]
j) It-terminu “droga narkotika” jfisser kull sustanza inkluża fil-Iskedi I u II, kemm naturali kif ukoll sintetika.
[...]
u) L-espressjonijiet ‘Skeda I’, ‘Skeda II’, ‘Skeda III’ u ‘Skeda IV’ għandhom jinftiehmu bħala listi ta’ drogi narkotiċi jew preparazzjonijiet annessi ma’ din il-konvenzjoni u li jistgħu jiġu emendati minn żmien għal żmien skont l-Artikolu 3.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Intitolat “Sustanzi suġġetti għall-kontroll”, l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni jistipula:
“1. Ħlief għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ kontroll limitati għal drogi narkotiċi partikolari, id-drogi narkotiċi tal-Iskeda I għandhom ikunu suġġetti għall-miżuri kollha ta’ kontroll applikabbli għad-drogi narkotiċi koperti minn din il-konvenzjoni u, b’mod partikolari, għall-miżuri previsti fl-artikoli li ġejjin: 4 (paragrafu c), 19, 20, 21, 29, 30, 31, 32, 33, 34 u 37.
[...]
5. Id-drogi narkotiċi tal-Iskeda IV se jiġu inklużi wkoll fl-Iskeda I u suġġetti għall-miżuri kollha ta’ kontroll applikabbli għad-drogi narkotiċi ta’ dan l-iskeda tal-aħħar, u barra minn hekk:
a) Il-partijiet għandhom jadottaw il-miżuri ta’ kontroll speċjali kollha li huma jqisu neċessarji minħabba l-proprjetajiet partikolarment perikolużi tad-drogi narkotiċi koperti; u
b) Il-partijiet għandhom, fil-fehma tagħhom, jekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż tagħhom tfisser li dan huwa l-iktar mod xieraq biex tiġi protetta s-saħħa pubblika, jipprojbixxu l-produzzjoni, il-manifattura, l-esportazzjoni u l-importazzjoni, il-kummerċ, il-pussess jew l-użu ta’ dawn id-drogi narkotiċi bl-eċċezzjoni ta’ kwantitajiet li jistgħu jkunu meħtieġa esklussivament għar-riċerka medika u xjentifika, inklużi l-provi kliniċi bl-imsemmija drogi narkotiċi, li għandhom isiru taħt is-sorveljanza u l-kontroll diretti tal-imsemmija parti jew ikunu soġġetti għal din is-sorveljanza u għal dan il-kontroll.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Modifiki tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll”:
“1. Jekk parti jew l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa [(WHO)] ikollha fil-pussess tagħha informazzjoni li, fl-opinjoni tagħha, teħtieġ li temenda xi waħda mill-iskedi, hija għandha tibgħat notifika lis-Segretarju Ġenerali flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha insostenn tagħha.
[...]
4. Jekk il-[WHO] tikkonstata li preparazzjoni ma tistax, minħabba s-sustanzi li hija tinkludi, tagħti lok għal abbuż u lanqas tipproduċi effetti ta’ ħsara (paragrafu 3) u li d-droga narkotika li tinsab fiha ma tistax tiġi rkuprata faċilment, il-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi], skont ir-rakkomandazzjoni tal-[WHO], tista’ tinkludi din il-preparazzjoni fl-Iskeda III.
5. Jekk il-[WHO] tikkonstata li droga narkotika li tinsab fl-Iskeda I hija partikolarment suxxettibbli għall-abbuż u għall-produzzjoni ta’ effetti ta’ ħsara (paragrafu 3), u li dan il-perikolu ma huwiex ikkumpensat minn vantaġġi terapewtiċi sostanzjali li ma jkunux preżenti f’sustanzi għajr dawk elenkati fl-Iskeda IV, il-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] tista’, skont ir-rakkomandazzjoni tal-[WHO], tinkludi din id-droga narkotika fl-Iskeda IV.
6. Meta notifika tirrigwarda droga narkotika tal-Iskeda I jew tal-Iskeda II jew preparazzjoni tal-Iskeda II, il-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi], minbarra l-azzjoni prevista mill-paragrafu 5, tista’, skont ir-rakkomandazzjoni tal-[WHO], temenda waħda jew iktar mill-iskedi, jiġifieri:
a) Billi ttrasferixxa droga narkotika mill-Iskeda I għall-Iskeda II jew mill-Iskeda III għall-Iskeda I; jew
b) Billi tneħħi l-isemi ta’ droga narkotika jew preparazzjoni, skont il-każ, minn skeda.
7. Kull deċiżjoni tal-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] meħuda skont dan l-artikolu għandha tiġi kkomunikata mis-Segretarju Ġenerali lill-Istati Membri kollha tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti [(ONU)], lill-Istati Membri li ma humiex membri li huma parti għal din il-Konvenzjoni, lill-[WHO] u lill-[OICS]. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ kull parti fid-data li fiha tasal il-komunikazzjoni msemmija hawn fuq, u l-partijiet imbagħad għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa minn din il-konvenzjoni.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Intitolat “Funzjonijiet tal-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi]”, l-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni jistipula:
“Il-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] għandha s-setgħa li teżamina l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni, u b’mod partikolari:
a) [li] timmodifika l-iskedi skont l-Artikolu 3;
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Intitolat “Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu”, l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jipprevedi, fil-punt (a) tiegħu:
“B’kont debitu meħud tal-qafas kostituzzjonali, ġuridiku u amministrattiv tagħhom, il-partijiet għandhom:
a) Jiżguraw fil-livell nazzjonali koordinazzjoni tal-azzjoni preventiva u repressiva kontra t-traffikar illeċitu; għal dan l-għan, huma jistgħu jinnominaw b’mod utli servizz xieraq inkarigat minn din il-koordinazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Intitolat “Dispożizzjonijiet Kriminali”, l-Artikolu 36 ta’ din il-konvenzjoni jistipula:
“1. a) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħha, kull parti għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex il-kultivazzjoni u l-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, il-pussess, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, ix-xiri, il-bejgħ, il-kunsinna, taħt kwalunkwe forma, is-senserija, it-trażmissjoni, l-ispedizzjoni in transitu, it-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ drogi narkotiċi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, jew kull azzjoni oħra li, fl-opinjoni tal-imsemmija parti, jkunu meqjusa bħala li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, ikunu kkunsidrati bħala reati punibbli, meta dawn isiru intenzjonalment u li reati gravi jkunu suġġetti għal piena adegwata, b’mod partikolari b’pieni ta’ priġunerija jew b’pieni oħra li jċaħħdu mil-libertà.
[...]
2. Bla ħasra għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali ta’ kull parti, għas-sistema ġuridika tagħha u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha,
a) [...]
ii) Il-parteċipazzjoni intenzjonata fi kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija, l-assoċjazzjoni jew l-akkordju bl-għan li jitwettaq tali reat jew l-attentat li jitwettaq, kif ukoll l-atti preparatorji u l-operazzjonijiet finanzjarji mwettqa intenzjonalment b’relazzjoni mar-reati msemmija f’dan l-artikolu, għandhom jikkostitwixxu reati punibbli bil-pieni previsti fil-paragrafu 1;
[...]
4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu limiti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni mil-liġi kriminali ta’ kull Parti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
2. Il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi
9 Il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fil‑21 ta’ Frar 1971 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1019, p. 175, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”), tistipula, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Glossarju”:
“Sakemm ma jkunx espressament indikat mod ieħor, jew sakemm il-kuntest ma jkunx jeżiġi mod ieħor, l-espressjonijiet li ġejjin għandhom, f’din il-konvenzjoni, it-tifsiriet indikati hawn taħt:
[...]
e) L-espressjoni ‘sustanza psikotropika’ tfisser kull sustanza, kemm jekk tkun ta’ oriġini naturali jew sintetika, jew kull prodott naturali fl-Iskeda I, II, III jew IV.
[...]
g) L-espressjonijiet ‘Skeda I’, ‘Skeda II’, ‘Skeda III’ u ‘Skeda IV’ jirreferu għal-listi ta’ sustanzi psikotropiċi bin-numri korrispondenti, annessi ma’ din il-konvenzjoni, li jistgħu jiġu emendati, skont l-Artikolu 2.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-Kontroll tas-Sustanzi”, l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, il-proċedura li għandha tiġi segwita għat-trasferiment ta’ sustanza minn skeda għal oħra, jew sabiex titħassar l-inklużjoni tagħha f’waħda mill-iskedi.
B. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757
11 Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Novembru 2017 (ĠU 2017, L 305, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2004/757”), tipprovdi, fil-premessa 3 tagħha:
“Jeħtieġ li jiġu adottati regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti tar-reati ta’ traffikar illeċitu ta’ drogi u prekursuri li jippermettu approċċ komuni fuq il-livell tal-Unjoni għall-ġlieda kontra tali traffikar.”
12 Il-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddefinixxi l-kunċett ta’ “droga” kif ġej:
“(a) sustanza koperta mill-[Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] jew mill-[Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi];
(b) kwalunkwe sustanza elenkata fl-Anness”.
13 Intitolat “Reati marbuta mat-traffikar ta’ drogi u ta’ prekursuri”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jindika, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli:
(a) il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kondizzjoni hi x’inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ drogi;
(b) il-kultivazzjoni tal-peprin tal-oppju, il-pjanta tal-koka u l-pjanta tal-kannabis;
(ċ) il-pussess jew ix-xiri ta’ drogi bil-ħsieb li tiġi mwettqa waħda mill-attivitajiet mniżżla f’(a);
[...]”
14 Intitolat “Pieni”, l-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati definiti fl-Artikoli 2 u 3 jkunu punibbli b’pieni kriminali li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2 huma punibbli b’pieni kriminali ta’ massimu ta’ minn tal-inqas bejn sena u 3 snin ħabs.
2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) huma punibbli b’pieni kriminali ta’ massimu ta’ minn tal-inqas bejn 5 u 10 snin ħabs f’kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) ir-reat jinvolvi kwantitajiet kbar ta’ drogi;
(b) ir-reat jew jinvolvi dawk id-drogi li jikkawżaw l-ikbar dannu għas-saħħa, jew jirriżulta f’dannu sinifikattiv għas-saħħa ta’ għadd ta’ persuni.
[...]”
2. Id-Deċiżjoni 2021/3
15 Il-premessi 5, 7, 9, 11, 12, 21, 22 u 32 tad-Deċiżjoni 2021/3 jistipulaw:
“(5) Il-bidliet fl-Iskedi tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi għandhom riperkussjonijiet diretti fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi. Id-[Deċiżjoni Qafas 2004/757] tapplika għas-sustanzi elenkati fl-Iskedi ta’ dawk il-Konvenzjonijiet. Għalhekk, kwalunkwe bidla fl-Iskedi ta’ dawk il-Konvenzjonijiet hija direttament inkorporata fir-regoli komuni tal-Unjoni.
[...]
(7) L-Unjoni mhijiex Parti għall-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Hija għandha status ta’ osservatur fi ħdan il-[Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi], fejn 12-il Stat Membru huma membri bid-dritt għall-vot fit-tlieta u sittin sessjoni tagħha li ser terġa’ titlaqqa’. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] jawtorizza lil dawk l-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi peress li d-deċiżjonijiet dwar l-iskedar internazzjonali ta’ sustanzi skont dawk il-Konvenzjonijiet huma kompetenza tal-Unjoni.
[...]
(9) Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO, il-kannabis u r-raża tal-kannabis mhumiex partikularment suxxettibbli li jipproduċu effetti ħżiena simili għall-effetti tas-sustanzi l-oħra fl-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Barra minn hekk, il-preparazzjonijiet orali tal-kannabis urew potenzjal terapewtiku għat-trattament tal-uġigħ u kundizzjonijiet mediċi oħra bħall-epilessija u l-ispastiċità assoċjata mal-isklerożi multipla.
[...]
(11) Dik ir-rakkomandazzjoni ma timplika l-ebda bidla fil-livell ta’ kontroll internazzjonali tal-kannabis u r-raża tal-kannabis. Hija tqis kif xieraq l-iżviluppi xjentifiċi fil-qasam sa mill-ewwel inklużjoni tal-kannabis u r-raża tal-kannabis fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. It-tħassir tal-kannabis u tar-raża tal-kannabis mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tkun ta’ ġid għall-progress tal-għarfien kollettiv tal-utilità terapewtika kif ukoll ta’ kwalunkwe ħsara assoċjata mal-kannabis.
(12) Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-kannabis u r-raża tal-kannabis jitħassru mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
[...]
(21) [...] id-definizzjoni ta’ preparazzjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tkopri l-prodotti kollha li huma ‘estratti u tinturi’ tal-kannabis bħala ‘preparazzjonijiet’ tal-kannabis, u anke, jekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Espert tad-WHO li d-dronabinol jitmexxa għall-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi ġew segwiti, bħala ‘preparazzjonijiet’ tad-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-estratti u t-tinturi tal-kannabis jitħassru mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
(22) L-informazzjoni pprovduta mid-WHO wara l-ħruġ ta’ dik ir-rakkomandazzjoni u l-analiżi tal-impatt ta’ dik ir-rakkomandazzjoni mill-[OICS] jiċċaraw li dik ir-rakkomandazzjoni ma twassal għal ebda bidla fil-livell ta’ kontroll internazzjonali ta’ estratti u tinturi tal-kannabis u li r-rakkomandazzjoni mhija mistennija li jkollha l-ebda impatt fuq il-kontroll jew l-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri. Barra minn hekk, it-tħassir ta’ estratti u tinturi tal-kannabis mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jġib miegħu aktar ċertezza fil-kontroll ta’ prodotti derivati mingħajr l-użu ta’ solvent iżda permezz tal-applikazzjoni ta’ sħana u pressjoni.
[...]
(32) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni [fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] fir-rigward ta’ tibdil għall-iskedar tal-kannabis u s-sustanzi relatati mal-kannabis, peress li d-deċiżjonijiet dwar l-iskedar fir-rigward tas-sustanzi tal-kannabis u r-raża tal-kannabis imsemmija hawn fuq ser jaffettwaw direttament il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, id-[Deċiżjoni Qafas 2004/757].”
16 L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:
“Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri fit-tlieta u sittin sessjoni li ser terġa’ titlaqqa’ tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi [...], li mistennija ssir mit‑2 sal‑4 ta’ Diċembru 2020, meta dak il-korp ser jintalab jadotta deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi fl-Iskedi tal-[Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi], u l-[Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi], jew it-tħassir tagħhom minnhom, għandha tkun f’konformità ma’ dik stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”
17 L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:
“Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri ta[l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi], filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.”
18 L-anness tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:
“Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi [...], filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fit-tlieta u sittin sessjoni li ser terġa’ titlaqqa’ ta[l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi], li mistennija ssir mit‑2 sal‑4 ta’ Diċembru 2020:
(1) il-kannabis u r-raża tal-kannabis għandhom jitħassru mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi [...] ;
(2) Id-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu (id-delta-9-tetraidrokannabinol) għandhom jiżdiedu mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u, jekk dik ir-rakkomandazzjoni tiġi adottata, għandhom jitħassru mill-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;
(3) it-tetraidrokannabinol (isomeri tad-delta-9-tetraidrokannabinol) għandu jiżdied mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar Drogi Narkotiċi, soġġett għall-adozzjoni min-naħa ta[l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] tar-rakkomandazzjoni biex jiżdied id-dronabinol u l-istereoisomeri tiegħu (id-delta-9-tetraidrokannabinol) fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u, jekk dik ir-rakkomandazzjoni tiġi adottata, għandu jitħassar mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi;
(4) it-terminu ‘estratti u tinturi’ għandu jitħassar mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi;
(5) in-nota f’qiegħ il-paġna li taqra ‘Preparazzjonijiet li fihom fil-biċċa l-kbira kannabidjol u mhux aktar minn 0,2 fil-mija ta’ delta-9-tetraidrokannabinol mhumiex taħt kontroll internazzjonali.’ m’għandhiex tiżdied mal-entrata għall-kannabis u r-raża tal-kannabis fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi;
(6) preparazzjonijiet prodotti jew b’sinteżi kimika jew bħala preparazzjoni tal-kannabis, li huma komposti bħala preparazzjonijiet farmaċewtiċi ma’ ingredjent ieħor wieħed jew aktar jew b’tali mod li d-delta-9-tetraidrokannabinol (id-dronabinol) ma jkunx jista’ jiġi rkuprat b’mezzi faċilment disponibbli jew fi kwantità li tikkostitwixxi riskju għassaħħa pubblika, m’għandhomx jiżdiedu mal-Iskeda III tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
Biex tiġi żgurata koerenza tal-iskedar u biex jiġi evitat ir-riskju li sustanza tiġi skedata taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi kif ukoll taħt il-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, l-Istati Membri li huma membri ta[l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi] jistgħu jaċċettaw vot konġunt dwar ir-rakkomandazzjonijiet ikkonċernati.”
3. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja
19 Intitolat “Talba għal sospensjoni jew għal miżuri provviżorji”, l-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni taħt l-Artikoli 278 TFUE u 157 TKEEA hija ammissibbli biss jekk min iressaq it-talba jkun ikkontesta dan l-att b’rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.”
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
20 Fl‑24 ta’ Jannar 2019, il-WHO ppreżentat sitt rakkomandazzjonijiet, innumerati minn 5.1 sa 5.6 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjonijiet tal-WHO”), intiżi sabiex tiġi emendata l-klassifikazzjoni tal-kannabis u tas-sustanzi relatati konformement mal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u mal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi (iktar ’il quddiem, flimkien, iż-“żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni”).
21 Kull waħda minn dawn iż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni fiha, bħala anness, erba’ skedi, innumerati minn I sa IV, li jinkludu listi, rispettivament, ta’ drogi narkotiċi jew ta’ preparazzjonijiet li fihom drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.
22 L-għan ta’ dawn ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO kien, minn naħa, li jiġi żgurat li s-sustanzi kkonċernati jkunu suġġetti għall-kontroll internazzjonali l-iktar rilevanti previst minn dawn iż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni, fid-dawl tal-istat attwali tal-għarfien xjentifiku u mediku, kif ukoll ta’ prassi amministrattiva, u, min-naħa l-oħra, li jiġu żgurati d-disponibbiltà, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-preparazzjonijiet li fihom sustanzi marbuta mal-kannabis għal finijiet mediċi.
23 Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew diskussi matul ir-raba u l-ħames laqgħat intersessjonali tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li seħħew fl‑24 ta’ Ġunju u fit‑23 ta’ Settembru 2019. Din il-Kummissjoni, li l-funzjonijiet u s-setgħat tagħha huma b’mod partikolari ddefiniti fiż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni, hija kompetenti sabiex temenda l-iskedi annessi ma’ dawn iż-żewġ konvenzjonijiet abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO, li taġixxi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Esperti dwar id-Dipendenza fuq id-Droga tagħha.
24 Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi hija magħmula minn 53 Stat li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti u magħżula mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fix-xahar ta’ Diċembru 2020, tnax-il Stat Membru tal-Unjoni, fosthom l-Ungerija, kienu membri bi dritt ta’ vot ta’ dan il-kummissjoni, peress li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet fiż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni. Min-naħa tagħha, l-Unjoni għandha status ta’ osservatur fi ħdan l-imsemmija kummissjoni.
25 Matul dawn il-laqgħat imsemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-OCIS u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (ONUDC) iċċaraw u evalwaw l-impatt tar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO.
26 Għaldaqstant, wara li ddeċidiet, f’Marzu 2020, li tipposponi l-votazzjoni fuq ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi organizzat tliet diskussjonijiet tematiċi bejn Ġunju u Ottubru 2020, segwiti, fit‑8 ta’ Ottubru 2020, minn laqgħa intersessjonali miftuħa għall-partijiet ikkonċernati kollha, li waqtha ġew miġbura fil-qosor ir-riżultati tad-diskussjonijiet preċedenti.
27 Il-votazzjoni fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet tqiegħdet fuq l-aġenda tal-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni ordinarja tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tat‑2 u t‑3 ta’ Diċembru 2020.
28 F’din il-perspettiva, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ddiskutew ripetutament ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO fil-Grupp ta’ Ħidma Orizzontali tal-Kunsill dwar id-Drogi. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), li minn dak iż-żmien ’l hawn ġie sostitwit mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA), ivvaluta wkoll l-impatt ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
29 Fis‑16 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni [ordinarja] tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, kif emendata mill-Protokoll tal‑1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal‑1971 (COM (2020) 659 final/2).
30 Il-Grupp ta’ Ħidma Orizzontali tal-Kunsill dwar id-Drogi eżamina din il-proposta, li dwarha l-Kunsill ivvota permezz ta’ proċedura bil-miktub fit‑23 ta’ Novembru 2020. Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2021/3 b’maġġoranza kkwalifikata, skont l-Artikolu 218(9) TFUE. F’din l-okkażjoni, l-Ungerija vvotat kontra l-imsemmija proposta u r-Repubblika tal-Bulgarija astjeniet. Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.
31 Skont l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2021/3, it-tnax-il Stat Membru li kienu membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni u fl-interess tagħha, kellhom jesprimu, waqt il-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, il-pożizzjoni li tinsab fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Il-punti 1 sa 6 tal-anness tal-imsemmija deċiżjoni jikkorrispondu għar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO.
32 Fit‑2 ta’ Diċembru 2020, saret votazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Ir-Rakkomandazzjonijiet 5.2 sa 5.6 tal-WHO ġew miċħuda. Min-naħa l-oħra, ir-Rakkomandazzjoni 5.1 tal-WHO (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni 5.1”) ġiet adottata bil-maġġoranza minima meħtieġa (27 vot favur, 25 vot kontra u 1 astensjoni). Din ir-rakkomandazzjoni kienet intiża għat-tneħħija tal-kannabis u tar-raża tal-kannabis mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li tinkludi l-lista tas-sustanzi l-iktar perikolużi għal użu mhux mediku. Ir-Rakkomandazzjoni 5.4 tal-WHO (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni 5.4”) kienet intiża, min-naħa tagħha, sabiex tħassar il-kliem “estratti u tinturi” mill-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
33 L-Ungerija vvotat kontra r-Rakkomandazzjonijiet 5.1 u 5.4. Barra minn hekk, hija ddikjarat, fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO żżid l-użu diġà dejjem jikber tal-kannabis u timplika ndħil mhux iġġustifikat fil-politiki nazzjonali.
III. Il-proċedura prekontenzjuża
34 Peress li qieset li l-vot tal-Ungerija u l-pożizzjoni li hija kienet adottat fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi kienu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni 2021/3, iżda wkoll taħt l-Artikolu 3(2) TFUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija, fit‑18 ta’ Frar 2021.
35 Fit-tweġiba tagħha tad‑19 ta’ April 2021, l-Ungerija fakkret li hija kienet diġà esprimiet riżervi dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2021/3, li wasslitha tivvota kontra din l-aħħar deċiżjoni. Ir-Rakkomandazzjoni 5.1 bagħtet lill-pubbliku l-messaġġ żbaljat li r-riskji soċjali u ta’ saħħa pubblika tal-kannabis kienu sopravvalutati, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-tendenza diġà dejjem tikber tal-konsum tal-kannabis.
36 Fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 5.4, din naqqset il-livell tal-kontrolli internazzjonali tal-estratti u tas-soluzzjonijiet tal-kannabis li ma fihomx tetraidrokannabinol (iktar ’il quddiem it-“THC”), minkejja r-riskji soċjali u ta’ saħħa pubblika assoċjati mal-konsum tagħhom.
37 L-intenzjoni tal-Ungerija, billi topponi din ir-rakkomandazzjoni, kienet li żżomm l-istess livell ta’ kontroll internazzjonali għall-estratti tal-kannabis u s-soluzzjonijiet li ma fihomx THC. Skont dan l-Istat Membru, il-WHO u l-organizzazzjonijiet sieħba tagħha ma pprovdewx provi xjentifiċi konklużivi li l-kannabis hija inqas ta’ ħsara għas-saħħa milli maħsub qabel. Dawn l-estratti u dawn is-soluzzjonijiet li ma fihomx THC jista’ jkun fihom sustanzi oħra li għandhom effetti psikotropiċi jew jiġu użati bħala prekursuri. Fl-aħħar nett, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO ma jippromwovux l-użu mediku tal-kannabis. L-għan tagħhom huwa pjuttost ir-riċerka li tikkonċerna tali użu, iżda dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jilħqu dan l-għan.
38 Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mill-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fit‑12 ta’ Novembru 2021. Din l-opinjoni motivata rrilevat, l-ewwel nett, li r-raġunijiet li għalihom l-Ungerija ma kinitx segwiet il-pożizzjoni adottata mill-Kunsill ma kinux rilevanti, fid-dawl tan-natura vinkolanti tad-Deċiżjoni 2021/3. It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet li l-Ungerija kienet kisret l-Artikolu 3(2) TFUE, peress li l-azzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet tikkonċerna qasam li fih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva. It-tielet nett, l-Ungerija kisret id-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, iktar u iktar peress li n-natura mhux mistennija tal-azzjoni ta’ dan l-Istat Membru dgħajfet iktar il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar il-probabbiltà li l-Ungerija tadotta mġiba simili fil-futur f’ċirkustanzi simili.
39 L-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata fl‑11 ta’ Jannar 2022, billi żammet il-pożizzjoni tagħha li hija qieset fondata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ politika sanitarja, iżda wkoll ta’ politika soċjali. B’referenza għal stħarriġ nazzjonali, hija esprimiet tħassib dwar iż-żieda fil-konsum tal-kannabis u enfasizzat l-impenn tagħha li tnaqqas id-dipendenza fuq id-droga. L-Ungerija rrilevat ukoll in-natura speċifika ta’ din il-kawża billi enfasizzat ir-rilevanza u l-importanza tal-ispjegazzjonijiet tagħha dwar il-vot fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Barra minn hekk, hija kkontestat l-idea li hija tista’ tadotta aġir simili fil-futur f’ċirkustanzi simili.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
40 Peress li ma kinitx għadha konvinta mill-argumenti invokati mill-Ungerija, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil‑15 ta’ Frar 2023, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni billi kiser, l-ewwel nett, il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita bid-Deċiżjoni 2021/3, it-tieni nett, il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 3(2) TFUE, u, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
41 L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn la huwa konformi mal-Artikolu 258 TFUE u lanqas ma huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE;
– sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat, u;
– fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.
V. Fuq ir-rikors
A. Fuq l-ammissibiltà
1. L-argumenti tal-partijiet
42 L-Ungerija eċċepixxiet l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, la fl-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx l-aġir li l-Ungerija kellha tadotta sabiex ittemm il-ksur allegat fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, ebda miżura ma tippermetti lill-Ungerija tikkonforma ruħha mal-obbligu li, skont il-Kummissjoni, huwa impost fuqha skont id-dritt tal-Unjoni, peress li l-vot li hija esprimiet ma jistax, evidentement, jiġi emendat. Issa, mis-sentenzi tas‑7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 41) u tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑276/99, EU:C:2001:576, punt 24) jirriżulta li l-għan tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa li tinkiseb bidla fl-aġir tal-Istat imfittex.
43 Il-Kummissjoni lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ effetti reali u perċettibbli tal-aġir tal-Ungerija, li jippersistu lil hinn mill-proċess deċiżjonali kontenzjuż u li jikkontestaw l-unità kif ukoll il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
44 Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq “il-probabbiltà li l-Ungerija tadotta aġir simili f’ċirkustanzi simili fil-futur” huwa bbażat fuq sempliċi suppożizzjoni. Fil-fatt, il-proċedura li jsegwi Stat Membru f’sitwazzjoni speċifika hija marbuta mill-qrib ma’ din tal-aħħar u mal-interessi inkwistjoni. Għaldaqstant, il-pożizzjoni ta’ Stat Membru matul negozjati internazzjonali ma tistax tiġi ddeterminata mill-mod li bih ikun aġixxa preċedentement f’każ partikolari. Madankollu, huwa konċepibbli li, meta jintalab jiddeċiedi mill-ġdid fuq kwistjoni partikolari, l-Istat Membru kkonċernat ikollu jieħu l-istess deċiżjoni, jekk dan ikun neċessarju sabiex jipproteġi interess essenzjali ta’ dan l-Istat Membru, iżda jikkonforma ruħu bis-sħiħ mal-istruzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-emendi l-oħra kollha.
45 Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-aġir tal-Ungerija kellu impatt fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni li tmur lil hinn mill-kuntest ta’ din it-tilwima, il-Kummissjoni ma wrietx kif ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija ppreżentat kontra l-Ungerija jista’ jirrimedjah.
46 Fl-aħħar nett, l-Ungerija esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2021/3 u ma kellha l-ebda mezz sabiex tikkontestaha, ħlief billi ma isegwix il-pożizzjoni riflessa fl-Anness tad-Deċiżjoni 2021/3 waqt il-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
47 Il-Kummissjoni titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ungerija tiġi miċħuda, billi tibbaża ruħha prinċipalment fuq is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 45 sa 52 u 57).
48 Il-Kummissjoni żżid li hija ssib inkwetanti ħafna l-affermazzjoni tal-Ungerija li tgħid li ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet, fir-rigward tal-attitudni li hija ser tadotta fil-futur, mill-aġir li hija kellha waqt il-vot fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. L-Ungerija tammetti għalhekk li hija ma għandhiex neċessarjament l-intenzjoni li fil-futur tallinja ruħha mal-pożizzjoni tal-Unjoni kif stabbilita fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill, iżda li hija għandha l-intenzjoni, għall-kuntrarju, li tiddetermina l-pożizzjoni tagħha każ b’każ. L-Ungerija ma tistax għalhekk issostni b’mod validu li l-aġir tagħha ma kienx kundannabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni jew li ma kellux konsegwenzi għall-Unjoni.
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
49 L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ungerija hija bbażata, essenzjalment, fuq erba’ argumenti li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.
50 L-ewwel nett, l-Ungerija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ppreċiżatx l-aġir li hija għandha tadotta sabiex ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tagħha.
51 Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tindika fl-opinjoni motivata l-miżuri li jippermettu li jiġi eliminat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑247/89, EU:C:1991:305, punt 22, u tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑559/07, EU:C:2009:198, punt 23).
52 Fil-fatt, rikors imressaq taħt l-Artikolu 258 TFUE għandu l-għan li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Tali konstatazzjoni tobbliga, skont il-kliem stess tal-Artikolu 260(1) TFUE, lill-Istat Membru inkwistjoni jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, l-istess bħall-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tordna lil Stat Membru li huwa s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jieħu miżuri speċifiċi (sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑104/02, EU:C:2005:219, punt 49, u tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 44), b’tali mod li, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, il-Kummissjoni ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza ordni lill-Istat inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġreċja, C‑36/08, EU:C:2008:536, punt 9, u tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 56).
53 Min-naħa l-oħra, fis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-trattati, il-Kummissjoni tista’, fil-kuntesta ta’ proċedura għal miżuri provviżorji bbażata fuq l-Artikolu 279 TFUE, titlob mill-Qorti tal-Ġustizzja l-għoti ta’ miżuri provviżorji bħal ordni sabiex jiġu ppreservati l-interessi protetti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħhom qed jiġi allegat (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġreċja, C‑120/94 R, EU:C:1994:275, punti 42 u 98, kif ukoll tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 96, u d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:593, punt 54).
54 Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata ksur oġġettiv tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-Ungerija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 301/81, EU:C:1983:51, punt 8, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 It-tieni nett, l-Ungerija ssostni li hija ma tistax, fi kwalunkwe każ, ittemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa s-suġġett tar-rikors u li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ effetti reali u perċettibbli tal-aġir tal-Ungerija, li jippersistu lil hinn mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni kkonċernat. Dan l-Istat Membru jsostni, barra minn hekk, li l-aġir li huwa akkużat bih ma kellux effett fuq l-unità u l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
56 Issa, minn naħa, Stat Membru li, bl-aġir tiegħu, jippreġudika t-twettiq tal-għan inerenti għal deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE ma jistax jevita proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba li dan in-nuqqas ikun diġà eżawrixxa l-effetti tiegħu. Li kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni ssib ruħha f’pożizzjoni li ma tkunx tista’ taġixxi, fil-qafas tal-kompetenzi li hija għandha abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, kontra l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tikkonstata tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u twettaq b’mod sħiħ il-missjoni tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati mogħtija lilha mill-Artikolu 17 TUE. Dwar iċ-ċirkustanza li ma jkunx iktar possibbli li jiġi rrimedjat il-preġudizzju allegat għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tal-Unjoni, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, ma jistax, jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jinvoka fatt imwettaq li tiegħu huwa l-awtur sabiex jevita rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 48, 49 u 57).
57 Barra minn hekk, jekk rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru minħabba ksur ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE jitqies li huwa inammissibbli, dan ikun jippreġudika kemm in-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll, b’mod ġenerali, ir-rispett tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2 TUE, fejn fosthom hemm, b’mod partikolari, il-valur tal-Istat ta’ dritt. Jekk dan ikun il-każ, wara li jkun ħa sehem fid-deliberazzjonijiet u fil-vot fi ħdan il-Kunsill fir-rigward ta’ teħid ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi pożizzjoni tal-Unjoni, Stat Membru jkun jista’ jiddevja minn din id-deċiżjoni wara li din tiġi adottata, filwaqt li jkollu l-assigurazzjoni li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE kontra tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 50 u 51).
58 Min-naħa l-oħra, l-effetti kollha tal-aġir kontenzjuż tal-Ungerija waqt is-sessjoni tal-Kumissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi ma jistgħux jitqiesu li ntemmu ma tmiem ta’ din is-sessjoni. Fil-fatt, dawn jimmanifestaw ruħhom kemm fil-livell tal-unità kif ukoll tal-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fi ħdan din l-organiazzazzjoni internazzjonali. Għalhekk, dawn l-effetti jestendu lil hinn mill-proċess deċiżjonali speċifiku inkwistjoni, billi deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE hija speċifikament maħsuba biex tiggarantixxi dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 46, 47 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
59 It-tielet nett, l-Ungerija ssostni li l-Kummissjoni lanqas ma wriet ir-riskju ta’ repetizzjoni ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
60 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-riskju ta’ repetizzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
61 Ir-raba’ nett, l-Ungerija tfakkar li hija kienet esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2021/3. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija ma kellha l-ebda mezz sabiex tikkontestaha, ħlief billi tesprimi l-pożizzjoni tagħha matul il-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi minflok dik adottata f’din id-deċiżjoni.
62 Madankollu, tali argument jaqa’ taħt l-eżami tal-mertu ta’ dan ir-rikors u ma jistax, konsegwentement, jostakola l-ammissibbiltà tiegħu.
63 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.
B. Fuq il‑mertu
64 Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tliet ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita bid-Deċiżjoni 2021/3, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, kif stabbilita fl-Artikolu 3(2) TFUE, u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.
65 Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tibda billi teżamina t-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni.
1. Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE
a) L-argumenti tal-partijiet
66 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ma osservatx id-Deċiżjoni 2021/3, l-Ungerija kisret il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, kif prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE. Fil-fatt, il-bidliet fl-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni għandhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi. Huwa irrilevanti jekk dawn l-emendi jirrigwardawx sustanzi diġà suġġetti għall-kontroll fl-Unjoni kollha jew jekk jinvolvux l-ewwel klassifikazzjoni tagħhom.
67 Peress li l-Unjoni ma hijiex parti f’dawn iż-żewġ konvenzjonijiet, l-Istati Membri huma obbligati jirrappreżentaw il-pożizzjoni tagħha fl-entitajiet internazzjonali maħluqa sabiex jagħtu effett sħiħ lill-imsemmija konvenzjonijiet, konformement mal-pożizzjoni ddefinita mill-Kunsill f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE, bħad-Deċiżjoni 2021/3.
68 Fir-risposta tagħha, l-Ungerija topponi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-emenda tal-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni taqa’ taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Fil-fatt, hija ssostni li mill-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 jirriżulta li l-irtirar ta’ sustanza mill-Iskeda IV ta’ dawn iż-żewġ konvenzjonijiet ma għandux effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas meta s-sustanza inkwistjoni tkun għadha inkluża fi skeda oħra annessa mal-imsemmija konvenzjonijiet.
69 Għalhekk, l-emenda, skont ir-Rakkomandazzjonijiet 5.1 u 5.4, tal-iskedi annessi mal-istess konvenzjonijiet ma taffettwax ir-regoli tal-Unjoni u lanqas il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet ma tbiddel il-kunċett ta’ “droga”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni qafas.
70 B’mod partikolari, fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 5.4, din ma wasslet għal ebda emenda sostantiva, peress li t-tħassir propost tal-kliem “estratti u tinturi” jikkonċerna sustanzi li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “droga”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, B S u C A (Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD)) (C‑663/18, EU:C:2020:938, punt 75), li, sa fejn il-kannabidjol (CBD) ma jinkludix ingredjent psikoattiv, ikun kuntrarju għall-għan u għall-ispirtu ġenerali tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li jiġi inkluż fid-definizzjoni ta’ “drogi narkotiċi” bħala estratt tal-kannabis.
71 Barra minn hekk, mill-premessi 11 u 22 tad-Deċiżjoni 2021/3 jirriżulta li kien ċar għal-leġiżlatur tal-Unjoni li r-Rakkomandazzjoni 5.4 ma kellhiex effett fuq l-obbligi ta’ kontroll jew ta’ dikjarazzjoni tal-Istati Membri.
72 Il-premessi 5 u 7 ta’ din id-deċiżjoni jikkonfermaw li l-iskedar internazzjonali ta’ ċerti sustanzi taħt l-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni u d-deċiżjonijiet dwar din l-inklużjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, u dan jirreferi għall-ipoteżi li fiha sustanza ġdida titniżżel fil-lista ta’ waħda minn dawn l-iskedi. Emenda li tikkonsisti fl-inklużjoni fl-imsemmija skedi ta’ sustanza diġà mqiegħda taħt kontroll, bħall-kannabis, ma twassalx, konsegwentement, għal emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757.
73 Il-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-emenda taż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni tbiddel il-portata tar-regoli tal-Unjoni jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni 2021/3 u jneħħi r-rilevanza tat-tieni lment tagħha.
74 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tippreċiża li l-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE kemm fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif ukoll fil-kuntest tal-kompetenza kondiviża tagħha. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2021/3 huwa ineffettiv.
75 Sussidjarjament, il-Kummissjoni żżid li, sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, ma huwiex neċessarju li wieħed ikun ċert mill-effett jew mill-emenda ta’ regoli komuni permezz ta’ impenn internazzjonali meħud mill-Istati Membri, peress li sempliċi riskju ta’ effett jew ta’ emenda huwa suffiċjenti. Bl-istess mod, il-portata tar-regoli tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn impenji internazzjonali, b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar jaqgħu taħt qasam diġà kopert fil-parti l-kbira minn tali regoli, kif indikat b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punti 25 u 26).
76 Skont is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 74), l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi globali u konkreta tar-relazzjoni eżistenti bejn il-ftehim internazzjonali previst u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ.
77 F’dan il-każ, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha jkopri b’mod partikolari s-sustanzi li hija tikklassifika bħala “drogi” u li huma koperti miż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni.
78 Barra minn hekk, għall-Kummissjoni, l-Ungerija hija żbaljata meta ssostni li huma biss l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi fl-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni u d-deċiżjonijiet relatati magħhom li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-konklużjoni kuntrarja tirriżulta madankollu mill-premessi 5, 7 u 32 tad-Deċiżjoni 2021/3.
79 Fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-Rakkomandazzjoni 5.1, il-Kummissjoni tirrileva li, skont l-Artikolu 3(5) tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, droga narkotika mill-Iskeda I ta’ din il-konvenzjoni tista’ tiġi inkluża fl-Iskeda IV tagħha meta tkun partikolarment suxxettibbli li tagħti lok għal abbużi u li tipproduċi effetti dannużi u li tali perikolu ma jkunx ikkumpensat minn vantaġġi terapewtiċi sinjifikattivi li ma jkollhomx sustanzi oħra minbarra dawk ta’ din l-Iskeda IV. Issa, mill-premessi 9 u 12 tad-Deċiżjoni 2021/3 jirriżulta li issa huwa xjentifikament stabbilit li l-kannabis u r-raża tal-kannabis ma għandhomx effetti dannużi simili għal dawk tas-sustanzi l-oħra li jinsabu fl-imsemmija Skeda IV, bħall-eroina. Għaldaqstant, ġie rrakkomandat li dawn jitħassru mill-istess Skeda IV, filwaqt li jitħallew fl-Iskeda I tal-imsemmija konvenzjoni.
80 Issa, it-tneħħija tal-kannabis u tar-raża tal-kannabis mill-Iskeda IV tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi taffettwa u temenda r-regoli tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 dwar sanzjonijiet, sa fejn dawn is-sustanzi ma jistgħux jibqgħu jitqiesu li huma drogi fost l-iktar dannużi għas-saħħa, li għalihom huma applikabbli s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u mhux dawk, inqas onerużi, imsemmija fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.
81 Fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 5.4, il-Kummissjoni tirrimarka li ċ-CBD huwa biss estratt veġetali fost oħrajn, b’tali mod li mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, B S u C A (Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD)) (C‑663/18, EU:C:2020:938), ma tista’ tiġi dedotta l-iċken konklużjoni fir-rigward ta’ estratti u tinturi oħra jew tal-kontenut ta’ THC tagħhom. Dawn is-sustanzi għandhom jiġu eżaminati u kklassifikati fuq bażi ta’ każ b’każ. Barra minn hekk, l-Ungerija enfasizzat, ġustament, fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, li l-estratti u t-tinturi setgħu wkoll jinkludu sustanzi psikotropiċi oħra minbarra t-THC u, konsegwentement, li huma jaqgħu taħt iż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni, minkejja t-tħassir tagħhom mill-Iskeda I tagħhom.
82 Ulterjorment, il-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2021/3 tistabbilixxi li t-terminu “preparazzjoni” li jinsab fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jista’ jkopri l-prodotti kollha li fihom estratti u tinturi tal-kannabis. Għaldaqstant, it-tneħħija ta’ dawn is-sustanzi mill-Iskeda I ta’ din il-konvenzjoni ma tbiddilx il-livell tal-kontroll internazzjonali tagħhom, peress li kull taħlita, solida jew likwida, li fiha l-kannabis jew ir-raża tal-kannabis, u għalhekk kull preparazzjoni abbażi tal-kannabis, taqa’ taħt l-imsemmija konvenzjoni.
83 Fil-kontroreplika tagħha, l-Ungerija tqis li għandu jiġi mistoqsi jekk l-emenda, konformement mar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO, tal-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni taqax effettivament taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni u, għaldaqstant, jekk id-Deċiżjoni 2021/3 hijiex legali.
84 Din id-deċiżjoni tirrigwarda, bħala bażi legali, l-Artikolu 83(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE. Interpretat fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 83(1) TFUE ma jagħtix lill-Unjoni kompetenza għall-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali. Mill-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni, iżda wkoll mill-premessa 32 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li l-element li fuqu hija bbażata l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni huwa l-fatt li l-emenda tal-iskedi taż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni għandha riperkussjonijiet diretti fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi.
85 Issa, din il-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 3(2) TFUE, ma hijiex issodisfatta.
86 Qabel kollox, ir-raġunament espost f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, kif miġbur fil-qosor fil-punti 75 sa 82 ta’ din is-sentenza, ma kienx inkluż fir-rikors tagħha. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi argument ġdid li, bħala tali, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
87 Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tikkontestax li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “droga” fid-Deċiżjoni Qafas 2004/757 tibqa’ l-istess bħala konsegwenza tal-emenda tal-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni. Għall-kuntrarju, hija ssostni, minn issa ’l quddiem, li kull emenda ta’ dawn l-iskedi għandha importanza għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għalhekk, il-Kummissjoni tiċċita, diversi drabi, l-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, minkejja li sal-lum hija ma kinitx invokatu.
88 Bl-istess mod, l-Ungerija tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li t-tneħħija tal-estratti u tat-tinturi tal-kannabis mill-Iskeda I annessa mal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi ma timplikax li dawn is-sustanzi joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.
89 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex bżonn teżamina jekk il-kompetenza esterna tal-Unjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li emenda tal-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni tista’ tbiddel l-applikazzjoni tar-regoli komuni tal-Unjoni. Fil-fatt, meta kemm id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li ftehim internazzjonali tagħhom allegatament jaffettwa l-applikazzjoni kif ukoll dan il-ftehim internazzjonali nnifsu jipprevedi dispożizzjonijiet minimi, ma jistax jiġi sostnut li r-regoli internazzjonali jipprekludu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993, (EU:C:1993:106, punt 18).
90 Issa, kemm it-titolu tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, li jsemmi “tistabbilixxi [stabbiliment tad-]dispożizzjonijiet minimi”, kif ukoll il-premessa 3 tagħha juru b’mod ċar li l-għan tagħha huwa l-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet.
91 Konsegwentement, l-Unjoni fl-ebda każ ma jista’ jkollha kompetenza esterna esklużiva f’dak li jirrigwarda l-emenda tal-iskedi annessi maż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni.
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
92 Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ungerija kontra ċerti argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt negozjati fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn turi l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rikors tagħha, peress li l-argument tagħha kien ibbażat fuq il-premessa li d-Deċiżjoni 2021/3 kienet valida u li dan kien jikkonferma l-eżistenza ta’ din il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għalhekk illimitat ruħha li tippreċiża, fir-replika tagħha, li, mill-perspettiva tagħha, it-tielet każ previst fl-Artikolu 3(2) TFUE kien applikabbli f’dan il-każ.
93 Fuq il-mertu, l-argumenti tal-partijiet ma jaqblux fil-fehim tagħhom tal-kunċett ta’ “emenda” tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi. L-Ungerija tipproponi raġunament globali u ssostni li, sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 jibqa’ l-istess, ma jistax ikun hemm emenda għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa affettwat meta l-klassifikazzjoni ta’ sustanza tinbidel. Fil-fatt, tali bidla jkollha effett fuq il-perċezzjoni tal-perikolu ta’ droga narkotika u, konsegwentement, fuq id-determinazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali applikabbli.
94 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 218(9) TFUE ma jagħmel ebda distinzjoni skont in-natura tal-kompetenza esterna tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsilll, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 49, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Armenja), C‑180/20, EU:C:2021:658, punt 27). Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-Unjoni għandhiex kompetenza esklużiva jew kondiviża sabiex tadotta deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni. Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta deċiżjoni “li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
95 Għandu jitfakkar li, skont it-tielet xenarju previst fl-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali sa fejn il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel il-portata tagħhom.
96 Din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll meta istanza stabbilita bis-saħħa ta’ tali ftehim internazzjonali tintalab tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 112). Barra minn hekk, l-assenza ta’ status bħala membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-Unjoni ma tipprekludix li l-kompetenza esterna ta’ din tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi effettivament eżerċitata, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 5, u s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 31).
97 Issa, jeżisti riskju li r-regoli komuni tal-Unjoni jiġu ppreġudikati minn impenji internazzjonali, jew li tinbidel il-portata ta’ dawn ir-regoli, li jkun tali li jiġġustifika kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jkunu jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 30, u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 68). Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-qasam kopert bil-ftehim internazzjonali u dak tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu jaqblu kompletament (Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punt 126). B’mod partikolari, il-portata tar-regoli tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula minn tali impenji internazzjonali, anki meta dawn tal-aħħar ikunu jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
98 L-eżistenza ta’ riskju ta’ effett, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE, tista’ tiġi stabbilita meta, mingħajr ma jkunu neċessarjament f’kontradizzjoni mar-regoli komuni tal-Unjoni, l-impenji internazzjonali inkwistjoni jista’ jkollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effettività ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 85; l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, u s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB Antartiku), C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 114).
99 F’dan il-każ, mill-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 jirriżulta li l-kunċett ta’ “droga” huwa ddefinit, b’mod partikolari, b’riferiment għaż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, billi għamlu tali riferiment, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni esprimew id-deċiżjoni tagħhom li jiżguraw li l-Unjoni tallinja l-azzjonijiet tagħha mal-politiki internazzjonali ta’ kontroll tad-drogi u, għaldaqstant, mal-imsemmija konvenzjonijiet.
100 Fil-fatt, kif jiddikjaraw il-premessi 5 u 32 tad-Deċiżjoni 2021/3, kull bidla li ssir fl-iskedi ta’ dawn iż-żewġ konvenzjonijiet hija direttament integrata fir-regoli komuni tal-Unjoni, b’tali mod li tali bidla ser taffettwa direttament il-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757.
101 F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-Rakkomandazzjoni 5.1, din kienet intiża sabiex temenda l-klassifikazzjoni tal-kannabis u tas-sustanzi relatati billi tħassarhom mill-Iskeda IV annessa mal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li telenka d-drogi narkotiċi l-iktar dannużi li huma “nieqsa minn kull interess magħruf fit-trattament tal-bnedmin”, kif spjegat fil-kummentarji dwar il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961 (Nazzjonijiet Uniti, 1975), f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(3)(i) u (ii) tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (punt 7).
102 Issa, għalkemm mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 jirriżulta li, bħala prinċipju, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, għar-reati msemmija fl-Artikolu 2 tagħha, pieni massimi ta’ mill-inqas minn sena sa tliet snin priġunerija, l-Artikolu 4(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni qafas jippreċiża madankollu li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ir-reati msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-Artikolu 2 tagħha jkunu punibbli b’pieni massimi ta’ bejn ħames u għaxar snin priġunerija meta dawn ir-reati jirrigwardaw drogi fost l-iktar dannużi għas-saħħa jew meta jkunu wasslu għal danni sinjifikattivi għas-saħħa ta’ diversi persuni.
103 Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament issostni li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “droga” fid-Deċiżjoni Qafas 2004/757 permezz ta’ riferiment, b’mod partikolari, għall-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, it-tneħħija tal-inklużjoni tal-kannabis u tas-sustanzi relatati mill-Iskeda IV ta’ din il-konvenzjoni setgħet twassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
104 Minn dan isegwi li r-Rakkomandazzjoni 5.1 seta’ jkollha effett fuq is-sens u l-portata tar-regoli tal-Unjoni, li huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni abbażi tat-tielet każ imsemmi fl-Artikolu 3(2) TFUE.
105 Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-Rakkomandazzjoni 5.4, din kellha l-intenzjoni li tħassar il-kliem “estratti u tinturi” mill-Iskeda I ta’ din il-konvenzjoni. Essenzjalment, din kienet kwistjoni li l-estratti u t-tinturi tal-kannabis li ma għandhomx proprjetajiet psikoattivi ma jibqgħux jiġu kklassifikati fost id-drogi narkotiċi u għalhekk li tiġi awtorizzata l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, filwaqt li jibqa’ jkun hemm viġilanza fir-rigward tal-estratti u tat-tinturi tal-kannabis li għandhom tali proprjetajiet. B’dan il-mod, din ir-rakkomandazzjoni kellha l-effett li teskludi dawn l- “estratti u tinturi” mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, fid-dawl tar-riferiment magħmul fil-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas għaż-żewġ konvenzjonijiet inkwistjoni.
106 Issa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, tali esklużjoni kellha b’mod partikolari l-effett li tirrendi inapplikabbli r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas fil-qasam tas-sanzjonijiet kriminali li għandhom jiġu imposti mill-Istati Membri għar-reati msemmija fl-Artikolu 2 tagħha.
107 Minn dan isegwi li din ir-Rakkomandazzjoni 5.4 seta’ jkollha, hija wkoll, effett fuq is-sens u l-portata tar-regoli tal-Unjoni, li huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni abbażi tat-tielet każ imsemmi fl-Artikolu 3(2) TFUE.
108 Peress li s-sitwazzjoni ma hijiex, għaldaqstant, paragunabbli ma’ dik ikkonstatata fil-punti 18 u 21 tal-Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106), l-Ungerija ma tistax tislet argument mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din l-opinjoni sabiex topponi l-interpretazzjoni li l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2021/3.
109 Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, l-Unjoni kellha kompetenza esklużiva sabiex tmexxi n-negozjati dwar ir-Rakkomandazzjonijiet 5.1 u 5.4 fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, u sabiex tieħu pożizzjoni favur l-adozzjoni tagħhom fi ħdanha. Huwa għalhekk ġustament li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2021/3 bl-għan li jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt negozjati fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Billi ma osservatx din id-deċiżjoni, l-Ungerija għalhekk kisret il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
110 Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur mill-Ungerija tal-Artikolu 3(2) TFUE, għandu jintlaqa’.
2. Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2021/3, kif ukoll tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE
111 Peress li l-Ungerija qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3 fir-risposta tagħha, din l-eċċezzjoni għandha tiġi eżaminata bħala punt preliminari.
a) Dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3
1) L-argumenti tal-partijiet
112 L-Ungerija teċċepixxi l-illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3. Fid-dawl taż-żmien qasir li għadda bejn l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u t-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li nżammet qabel l-iskadenza tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, kien impossibbli għall-Ungerija li tikkontesta b’mod utli l-imsemmija deċiżjoni. Mhux biss hija ma setgħetx tipprepara rikors għal annullament f’dan il-perijodu qasir, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma setgħet teżaminah fil-mertu u b’hekk tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dan l-Istat. Anki l-preżentata ta’ rikors għal annullament, flimkien ma’ talba għal miżura provviżorja, ma kinitx neċessarjament tkun suffiċjenti sabiex jiġi eskluż l-effett mhux mixtieq tad-Deċiżjoni 2021/3.
113 Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li l-fatt li ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2021/3 ma jistax jipprekludiha milli teċċepixxi l-illegalità tagħha skont l-Artikolu 277 TFUE fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-preżentata, wara l-vot fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ma ppermettietx lill-Ungerija la li tagħti preċedenza lill-opinjoni tagħha u lanqas li tevita l-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
114 Barra minn hekk, ma tistax tkun kwistjoni ta’ evażjoni tat-termini proċedurali previsti fl-Artikolu 263 TFUE meta l-problemi mqajma minn att tal-Unjoni ma jkunux identifikabbli waqt l-adozzjoni tiegħu u jkunu jistgħu jiġu identifikati biss fl-istadju tal-implimentazzjoni tiegħu.
115 Peress li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-effettività ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra d-Deċiżjoni 2021/3, hija ma tistax tipprekludi l-applikabbiltà tal-Artikolu 277 TFUE, li jikkompleta l-Artikolu 263 TFUE, taħt piena li ċċaħħad lill-Ungerija mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
116 Barra minn hekk, ħadd ma jista’ jkun suġġett għall-prosekuzzjoni minħabba att illegali. Issa, peress li l-vot fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi temm il-preġudizzju kkawżat lill-interessi tal-Ungerija permezz ta’ din id-deċiżjoni, ma hijiex din tal-aħħar li issa tippreġudika l-interessi tal-Ungerija, iżda l-proċedura ta’ ksur mibdija minħabba l-ksur tal-istess deċiżjoni.
117 Fi kwalunkwe każ, l-Ungerija tqis li wriet, b’risposta għat-tieni lment tal-Kummissjoni, li d-Deċiżjoni 2021/3 hija att ineżistenti li għandu jkun is-suġġett ta’ eżami ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.
118 Il-Kummissjoni ssostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 39), li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3 hija manifestament inammissibbli peress li l-Ungerija kienet mingħajr dubju ammissibbli sabiex tikkontestaha permezz tar-rikors għal annullament.
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
119 Għandi jitfakkar li s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat FUE tiddistingwi bejn, minn naħa, ir-rikorsi msemmija fl-Artikoli 258 u 259 TFUE, li permezz tagħhom jista’ jiġi kkonstatat li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, u, min-naħa l-oħra, ir-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263 u 265 TFUE, li jippermettu l-istħarriġ tal-legalità ta’ aġir jew ta’ nuqqas ta’ aġir min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dawn ir-rimedji ġudizzjarji għandhom għanijiet distinti u huma suġġetti għal modalitajiet differenti (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 226/87, EU:C:1988:354, punt 14; tas‑27 ta’ Ottubru 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑74/91, EU:C:1992:409, punt 10, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 89).
120 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li Stat Membru ma setax b’mod utli, fl-assenza ta’ dispożizzjoni ta’ dan it-trattat li tawtorizza dan b’mod espress, tinvoka l-illegalità ta’ deċiżjoni jew ta’ direttiva li tagħha huwa destinatarju bħala motiv ta’ difiża kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din id-direttiva u li l-pożizzjoni tista’ tkun differenti biss jekk l-att inkwistjoni kellu daqstant difetti partikolarment serji u evidenti li jkun jista’ jitqies bħala att ineżistenti (ara is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 226/87, EU:C:1988:354, punt 16; tas‑27 ta’ Ottubru 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑74/91, EU:C:1992:409, punt 11, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 89).
121 Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, bħala membru tal-Kunsill, awtur tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt negozjati fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali, Stat Membru kellu neċessarjament għarfien tagħha, anki jekk ma kienx, formalment, id-destinatarju tagħha u li kien kompletament f’pożizzjoni li jippreżenta rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni fl-osservanza tat-terminu ta’ xahrejn stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 90).
122 Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu għan speċifiku li jikkonsisti esklużivament f’li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-ksur minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu. Għaldaqstant, tali rikors ma jistax jiġi strumentalizzat mill-Istat akkużat sabiex jikkumpensa għall-passività tiegħu u l-assenza ta’ kontestazzjoni diretta, permezz tar-rikors għal annullament, tal-att li l-Kummissjoni takkużah li injora.
123 Peress li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bl-ebda mod ma jirrigwarda l-applikabbiltà ta’ att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni u li, konformement mal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità għandha preċiżament l-għan li tikseb l-inapplikabbiltà ta’ tali att, Stat Membru ma jistax jiġi awtorizzat iqajjem, fil-kuntest ta’ tali rikors, eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ tali att tal-Unjoni, tkun xi tkun, sakemm ma jkunx affettwat minn difetti partikolarment gravi u evidenti, sal-punt li jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala att ineżistenti, kif ġie indikat fil-punt 120 ta’ din is-sentenza.
124 Fil-fatt, l-Istat Membru li jixtieq jibbenefika minn eventwali rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex jikkontesta l-legalità tal-att tad-dritt sekondarju li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu mmotivat il-preżentata ta’ dan ir-rikors jikser il-preżunzjoni ta’ validità li minnha jibbenefika kull att ta’ dritt sekondarju. Din il-preżunzjoni timplika, għas-suġġetti kollha tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta l-effettività sħiħa tal-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni sakemm l-invalidità tagħhom ma tkunx ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, EU:C:1979:38, punti 4 u 5, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 63/87, EU:C:1988:285, punti 10 u 11) u li tiġi osservata s-saħħa eżekuttiva sakemm ma l-qorti tal-Unjoni ma tkunx iddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 64). Dawn l-atti jipproduċu, għaldaqstant, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, EU:C:2004:585, punt 18, u tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 100).
125 B’dan il-mod, l-impossibbiltà għal Stat Membru li jeċċepixxi l-illegalità tal-att li l-ksur tiegħu jkun wassal lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tiegħu tifforma parti mill-prinċipju li, barra mill-każijiet espressament previsti, l-istruttura tat-Trattati tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jieħdu l-liġi b’idejhom (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1964, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu u Il‑Belġju, 90/63 u 91/63, EU:C:1964:80, paġna 1232).
126 Jekk Stat Membru jqis li att tad-dritt sekondarju jinkludi elementi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu l-fakultà li jaġixxi, jew fi ħdan il-Kunsill, jew billi javża lill-Kummissjoni, jew, fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji sabiex jikseb l-eliminazzjoni ta’ dawn l-inkompatibbiltajiet. Min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax, fl-ebda każ, jawtorizza lilu nnifsu jieħu, unilateralment, miżuri korrettivi jew miżuri ta’ difiża intiżi li jirremedjaw ksur possibbli, minn Stat Membru ieħor jew minn istituzzjoni tal-Unjoni, tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Settembru 1979, Il‑Kummissjoni vs Franza, 232/78, EU:C:1979:215, punt 9; tat‑12 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 26, kif ukoll tas‑27 Marzu ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 88), mingħajr ma jitqiegħed f’dubju r-rekwiżit fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 26).
127 Issa, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tagħha, meta Stat Membru ma jippreżentax rikors għal annullament kontra att indirizzat lilu fit-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa ma jistax jikkontesta ulterjorment il-legalità fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, taħt piena li jipperikola l-applikazzjoni koerenti u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li tikkostitwixxi karatteristika fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Billi jippermettu lill-Istati Membri jgawdu mill-vantaġġi tal-Unjoni, it-Trattati jimponu fuqhom ukoll l-obbligu li josservaw ir-regoli ta’ dawn it-Trattati. Il-fatt, għal Stat Membru, li jikser unilateralment, skont il-perċezzjoni tiegħu tal-interess nazzjonali tiegħu, il-bilanċ bejn il-vantaġġi u l-piżijiet li jirriżultaw mis-sħubija tiegħu fl-Unjoni, iqiegħed mill-ġdid inkwistjoni l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem id-dritt tal-Unjoni, bi ksur tad-dmirijiet ta’ solidarjetà aċċettati mill-Istati Membri minħabba l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni u li jaqgħu taħt il-bażijiet essenzjali tal-ordinament ġuridiku tagħha. Barra minn hekk, tali attitudni tista’ toħloq diskriminazzjonijiet li għandhom jitħallsu miċ-ċittadini tal-Istati Membri u, fl-ewwel lok, minn dawk tal-Istat stess li jinsab barra mir-regola tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Frar 1973, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 39/72, EU:C:1973:13, punti 24 u 25).
128 Ulterjorment, f’kuntest ikkaratterizzat mill-urġenza kkawżata mill-konkomitanza jew mill-kważi konkomitanza bejn, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt negozjati fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-vot fi ħdan din l-organizzazzjoni, Stat Membru li jkollu dubji dwar il-validità ta’ tali deċiżjoni għandu jieħu vantaġġ mit-terminu li jgħaddi bejn il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-verżjoni definittiva, jew kważi definittiva, tal-abbozz ta’ deċiżjoni u l-vot tal-Kunsill, li jista’ jwassal għall-adozzjoni tagħha, sabiex iħejji r-rikors tiegħu u talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 160(1) tar-Regoli tal-Proċedura. F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha, b’mod ġenerali, biex tippreżenta l-proposta tagħha kmieni biżżejjed sabiex il-Kunsill ikun jista’ jlesti l-proċess deċiżjonali tiegħu bil-ħsieb li jistabbilixxi fil-ħin il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għan-negozjati u l-votazzjoni fi ħdan tali organizzazzjoni.
129 Il-kisba tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni jkollha l-effett li ċċaħħadha temporanjament mill-preżunzjoni ta’ validità tagħha. F’tali sitwazzjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma madankollu suġġetti għal, konformement mal-Artikolu 4(3) TUE, dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, 230/81, EU:C:1983:32, punti 37 u 38). B’mod partikolari, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li ma jippreġudikawx, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-mertu, ir-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza tal-Unjoni, filwaqt li hija l-Kummissjoni li għandha tuża l-kwalità tagħha ta’ negozjatriċi tal-azzjoni esterna inkwistjoni sabiex tippreżerva, sa fejn huwa possibbli, l-effett utli tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju billi tfittex li tikseb il-posponiment tal-vot fi ħdan l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata.
130 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-impossibbiltà għal Stat Membru li jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija madankollu bla ħsara għall-possibbiltà li dan tal-aħħar jikkontesta l-fondatezza tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-att tad-dritt sekondarju li huwa allegatament kiser. Fil-fatt, meta test tad-dritt sekondarju jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn interpretazzjoni waħda, dan għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Bl-istess mod, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1983, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 218/82, EU:C:1983:369, punt 15; tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2024, PT Pelita Agung Agrindustri u PT Permata Hijau Palm Oleo vs Il‑Kummissjoni, C‑112/23 P, EU:C:2024:899, punt 38).
131 Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati b’mod iktar fil-fond l-argumenti mressqa mill-Ungerija insostenn ta’ allegata illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma jipproduċi l-ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’difett ta’ tant serju u ovvju li jqajjem dubji dwar l-eżistenza tagħha stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑601/14, EU:C:2016:759, punt 34).
132 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3 mqajma mill-Ungerija għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.
b) Fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2021/3 kif ukoll tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE
1) L-argumenti tal-partijiet
133 Il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija kisret id-Deċiżjoni 2021/3 billi ma kkonformatx ruħha, waqt il-vot tagħha fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, mal-pożizzjoni adottata mill-Kunsill f’din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-Ungerija invokat kunsiderazzjonijiet sanitarji u soċjali sabiex tiġġustifika l-oppożizzjoni tagħha għar-Rakkomandazzjonijiet 5.1 u 5.4. Il-Kummissjoni tfakkar, fil-fatt, li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni meħuda mill-Unjoni hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha, b’tali mod li ma tistax tiġi applikata b’mod selettiv, kif għamlet l-Ungerija.
134 L-Ungerija tikkontesta li kisret din id-deċiżjoni, peress li din tikkostitwixxi att ineżistenti. Fil-fatt, peress li l-Unjoni ma hijiex kompetenti sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni, din ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 5(2) TUE.
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
135 Id-Deċiżjoni 2021/3 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mhux ta’ sempliċi rakkomandazzjoni, iżda ta’ “deċiżjoni” li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim internazzjonali. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti, sa fejn tistabbilixxi, għall-Istati Membri, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u timponilhom li jiddefendu din il-pożizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni ġiet ippubblikata fis-serje L ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bħala att vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 44, u tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 78 u 80).
136 Issa, kif jirriżulta mill-punti 109 u 131 ta’ din is-sentenza, l-Unjoni kienet tabilħaqq kompetenti sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2021/3 abbażi tal-Artikolu 3(2) TFUE.
137 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Ungerija, din id-deċiżjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li dan l-Istat Membru kellu josserva s-saħħa eżekuttiva tagħha fl-assenza ta’ kull sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.
138 Konsegwentement, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
3. Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ggarantit fl-Artikolu 4(3) TUE
a) L-argumenti tal-partijiet
139 Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, billi ma vvotatx fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi konformement mad-Deċiżjoni 2021/3 u billi esprimiet pubblikament in-nuqqas ta’ qbil tagħha mar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO, li kienu jinsabu fuq l-aġenda.
140 Issa, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 94), l-obbligu għall-Istati Membri li josservaw deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE huwa espressjoni speċifika tar-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza tal-Unjoni.
141 L-azzjoni tal-Ungerija hija aggravata mill-fatt li l-vot tagħha fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi seħħ mingħajr twissija jew konsultazzjoni minn qabel mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, l-Ungerija setgħet tesprimi ruħha biss f’isem l-Unjoni u, minħabba l-kompetenza esterna esklużiva ta’ din tal-aħħar, setgħet biss tesprimi l-pożizzjoni tal-Unjoni.
142 Barra minn hekk, l-Ungerija ma ħadet ebda miżura, la waqt il-laqgħa tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u lanqas sussegwentement, sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-aġir tagħha jew tal-inqas sabiex ittaffi l-konsegwenzi tiegħu u tneħħi d-dubji dwar l-azzjoni futura tagħha. L-Ungerija għalhekk ma rrikonoxxietx in-natura illegali tal-aġir tagħha fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u insistiet ukoll fuq il-leġittimità tal-azzjonijiet tagħha.
143 Il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet Ungeriżi kienu diġà jafu bil-pożizzjoni li kienet maħsuba li tiġi adottata f’isem l-Unjoni anki qabel ma l-proposta tagħha ġiet ippreżentata lill-Kunsill. Għaldaqstant, li kieku hija kellha verament l-intenzjoni li tikkontestaha, l-Ungerija kien ikollha ż-żmien neċessarju sabiex tipprepara r-rikors tagħha, qabel il-laqgħa tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
144 Fl-aħħar nett, peress li l-WHO ġeneralment ma tippubblikax ir-rapporti tagħha sal-aħħar ta’ Novembru, iż-żmien disponibbli għat-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni u l-koordinazzjoni interistituzzjonali għat-tħejjija tal-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fis-sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi f’Marzu tas-sena ta’ wara jkun qasir ħafna. Ħafna drabi, it-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi tali pożizzjoni, ikkalkolat min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ma jiskadix qabel il-bidu tas-sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi. Madankollu, il-fatt li dan it-terminu huwa fis-seħħ ma jipprekludix li d-deċiżjoni tipproduċi l-effetti legali tagħha u li l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jikkonformaw magħha.
145 L-Ungerija tikkontesta li kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
146 L-ewwel nett, l-illegalità tad-Deċiżjoni 2021/3, li tirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 3(2) TFUE, tipprekludi li jiġi kkonstatat kull ksur ta’ dan il-prinċipju minn dan l-Istat Membru. Din l-illegalità timplika għalhekk li l-imsemmi Stat Membru seta’ jesprimi liberament il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
147 It-tieni nett, l-Ungerija ssostni li ma hijiex l-unika responsabbli għas-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirrileva t-tardività li biha l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal deċiżjoni lill-Kunsill. Konsegwentement, il-vot fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn li l-Ungerija kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta d-Deċiżjoni 2021/3. Tali prattika tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-ftit jiem li għaddew bejn l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni u l-vot dwar l-emendi ma kinux perijodu suffiċjenti sabiex ikun ippreżentat rikors u talba għal miżuri provviżorji u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwarhom.
148 Barra minn hekk, l-Ungerija tippreċiża li, minħabba l-iskeda stretta deskritta iktar ’il fuq, hija adottat il-pożizzjoni finali tagħha dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO biss eżatt qabel is-sessjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, B S u C A (Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD)) (C‑663/18, EU:C:2020:938).
149 Ulterjorment, għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑600/14, EU:C:2017:935). Il-karatteristika komuni taż-żewġ kawżi hija li l-Istat Membru kkonċernat ma kellux żmien biżżejjed sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati jew sabiex jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-effetti irriversibbli kkawżati mid-Deċiżjoni 2021/3 waqt is-sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jippersistu f’dan il-każ, u dan jippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
150 It-tielet nett, il-WHO ma pprovdiet ebda argument konkret, kemm jekk fuq il-livell sanitarju, soċjali jew legali, insostenn ta’ utilità prattika tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, li l-uniku effett tagħhom jista’ jkun li jintbagħat lill-pubbliku l-messaġġ li r-riskji marbuta mal-kannabis għas-soċjetà u għas-saħħa pubblika ġew stmati b’mod eċċessiv waqt it-tfassil taż-żewġ ftehimiet inkwistjoni u li dawn huma għalhekk stretti wisq f’dak li jirrigwarda l-kontroll introdott għall-kannabis.
151 Ir-raba’ nett, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO ma jistgħux jiffavorixxu l-aċċess għall-preparazzjonijiet abbażi tal-kannabis għal finijiet terapewtiċi, peress li dawn għandhom biss l-għan li jiffaċilitaw ir-riċerka fuq tali użi.
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
152 Kif affermat ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-oqsma kollha li jikkorrispondu għall-għanijiet tat-Trattati, l-Artikolu 4(3) TUE jimponi fuq l-Istati Membri li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Unjoni u li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 21; Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 10, kif ukoll is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑467/98, EU:C:2002:625, punt 110, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 527).
153 Konsegwentement, fejn jidher li s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali jew ta’ konvenzjoni internazzjonali jaqa’, parzjalment, taħt il-kompetenza tal-Unjoni u, parzjalment, taħt dik tal-Istati Membri, huwa importanti li tiġi żgurata kooperazzjoni stretta bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjonijiet, kif ukoll fit-twettiq tal-obbligi assunti. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni joħroġ mir-rekwiżit ta’ għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni (Opinjonijiet 2/91 (Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punt 36, u 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal‑15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 108, kif ukoll tas-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73).
154 Id-dmirijiet partikolari ta’ azzjoni u ta’ astensjoni li għalihom huwa suġġett Stat Membru ma jistgħux jittolleraw li dan jippreżenta, f’korp maħluq minn ftehim internazzjonali, proposta unilaterali li tisseparah mill-istrateġija komuni elaborata fi ħdan il-Kunsill. Tali sitwazzjoni tista’, fil-fatt, tippreġudika l-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, iżda wkoll iddgħajjef is-setgħa tagħhom li jinnegozjaw fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-konvenzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punti 103 u 104).
155 L-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif imfakkra fil-punti 152 sa 154 ta’ din is-sentenza, huma imposti, a fortiori, fuqhom fil-kamp tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni.
156 Barra minn hekk, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 156 tal-konklużjonijiet tagħha, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 1973, Westzucker (57/72, EU:C:1973:30, punt 17), huwa inerenti mhux biss għall-kunċett stess tal-Unjoni, iżda wkoll għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ vot b’maġġoranza fil-Kunsill li l-Istati Membri jinvokaw l-interessi tagħhom fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ deliberazzjoni kollettiva maħluqa mit-Trattati fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni.
157 Ta’ min ifakkar ukoll li l-osservanza mill-Istati Membri ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 218(9) TFUE hija espressjoni partikolari tar-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza tal-Unjoni, li jirriżulta mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 94).
158 Minn dan isegwi li, minn naħa, billi ma vvutatx fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, konformement mad-Deċiżjoni 2021/3 u, min-naħa l-oħra, billi esprimiet pubblikament in-nuqqas ta’ qbil tagħha mar-Rakkomandazzjonijiet tal-WHO, li kienu fuq l-aġenda, l-Ungerija kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Tali aġir ippreġudika l-effettività tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni kif ukoll il-kredibbiltà u r-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar fuq ix-xena internazzjonali.
159 Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-Ungerija ma ħadet ebda miżura sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-aġir tagħha jew tal-inqas sabiex ittaffi l-konsegwenzi tiegħu u tneħħi d-dubji dwar l-azzjoni futura tagħha huwa intiż li jwieġeb għall-allegazzjonijiet tal-Ungerija li l-vot kontenzjuż fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi huwa każ iżolat u li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan l-Istat Membru, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li dan tal-aħħar jista’ jadotta aġir simili fil-futur. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn iċ-ċirkustanzi huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-aġir tal-imsemmi Stat Membru, ikkonstatat fil-punt 157 ta’ din is-sentenza.
160 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet ilment tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.
161 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma segwietx il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-emenda tal-iskedar fil-listi tal-kannabis u tas-sustanzi relatati, l-Ungerija, l-ewwel nett, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni 2021/3, li huma vinkolanti fuqha skont l-Artikolu 218(9) TFUE, moqri flimkien mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, it-tieni nett, kisret il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE u, it-tielet nett, kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.
Fuq l‑ispejjeż
162 Skond l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma segwietx il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħa mill-ġdid tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Emenda tal-Iskedar fil-Listi tal-Kannabis u tas-Sustanzi Relatati, l-Ungerija, l-ewwel nett, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/3 tat‑23 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li ser terġa’ titlaqqa’, dwar l-iskedar tal-kannabis u s-sustanzi relatati mal-kannabis taħt il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, kif emendata mill-Protokoll tal‑1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal‑1971, li huma vinkolanti fuqha skont l-Artikolu 218(9) TFUE, moqri flimkien mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, it-tieni nett, kisret il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE u, it-tielet nett, kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.
2) L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.