20.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 161/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Ġunju 2008

li tistabbilixxi l-kontribut finanzjarju tal-Komunità lejn l-infiq li sar fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza li ttieħdu fil-ġlieda kontra l-marda tal-bluetongue fil-Portugall fl-2004 u 2005

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2756)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(2008/467/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,

Billi:

(1)

It-tifqigħ tal-bluetongue seħħ fil-Portugall fl-2004 u 2005. It-tifqigħa ta’ din il-marda ppreżentat riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità.

(2)

Għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda u biex tingħata għajnuna għall-qerda tagħha kemm jista’ jkun malajr, il-Komunità għandha tikkontribwixxi fin-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru skond il-miżuri ta’ emerġenza li ttieħdu fil-ġlieda kontra l-marda, kif inhu stipulat fid-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/660/KE tal-15 ta’ Settembru 2005 dwar għajnuna Komunitarja fil-kuntest ta’ miżuri ta’ urġenza tal-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Portugall fl-2004 u l-2005 (2) tat kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Portugall għall-infiq li sar fil-miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-marda tal-bluetongue li ġew implimentati fl-2004 u 2005.

(4)

Dik id-Deċiżjoni 2005/660/KE stipulat l-ewwel ħlas ta’ EUR 1 000 000 suġġett għar-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet in situ tal-Kummissjoni.

(5)

Skond din id-deċiżjoni, il-bilanċ tal-kontribut finanzjarju tal-Komunità jrid jitħallas fuq il-bażi ta’ l-applikazzjonijiet mibgħuta mill-Portugall fid-9 ta’ Novembru 2005, l-14 ta’ Novembru 2005 u t-28 ta’ April 2006.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/78/KE tal-31 ta’ Jannar 2006 tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-implimentazzjoni ta’ stħarriġ epidemjoloġiku u ta’ miżuri ta’ sorveljanza tal-bluetongue fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex tiġi kkumbattuta din il-marda fil-Portugall fl-2004 u fl-2005 (3) tat kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Portugall għall-infiq li sar fil-miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-marda tal-bluetongue li ġew implimentati fl-2004 u 2005.

(7)

Dik id-Deċiżjoni 2006/78/KE stipulat l-ewwel ħlas ta’ EUR 600 000 suġġett għar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post tal-Kummissjoni.

(8)

Skond dik id-deċiżjoni, il-bilanċ tal-kontribut finanzjarju tal-Komunità jrid jitħallas fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni mibgħuta mill-Portugall fil-31 ta’ Marzu 2006.

(9)

Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, l-ammont totali tal-kontribut finanzjarju Komunitarju lejn in-nefqa eliġibbli li saret għall-qerda u s-sorveljanza tal-marda tal-bluetongue fil-Portugall fl-2004 u 2005 issa għandu jiġi ffissat.

(10)

Ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni b’konformità mar-regoli veterinarji tal-Komunità u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontributi finanzjarji tal-Komunità wrew li l-ammont kollu ta’ l-infiq mibgħut ma jistax jiġi rikonoxxut bħala eliġibbli.

(11)

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-metodu għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet finali ġew ikkomunikati lill-Portugall f’ittri bid-data tat-22 ta’ Mejju u l-10 ta’ Diċembru 2007.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Portugall

1.   Il-kontribut finanzjarju totali tal-Komunità lejn in-nefqa marbuta mal-qerda tal-marda tal-bluetongue fil-Portugall fl-2004 u 2005 skond id-Deċiżjoni 2005/660/KE hija ffissata għal EUR 645 633,30.

2.   Il-kontribut finanzjarju totali tal-Komunità lejn in-nefqa marbuta mal-qerda tal-marda tal-bluetongue fil-Portugall fl-2004 u 2005 skond id-Deċiżjoni 2006/78/KE hija ffissata għal EUR 417 410,02.

Artikolu 2

Arranġamenti għall-ħlas

Il-bilanċ tal-kontribut finanzjarju Komunitarju huwa ffissat għal EUR 1 063 043,32.

Artikolu 3

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 244, 20.9.2005, p. 28.

(3)   ĠU L 36, 8.2.2006, p. 45.