Official Journal L 011 , 16/01/1996 P. 0007 - 0008
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 1995 li tissospendi l-proċedura taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 dwar barrieri għall-kummerċ, dwar piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi Komunitarji fit-Tajlandja u l-effetti tagħha fuq il-kummerċ Komunitarju f'reġistrazzjonijiet tal-ħoss (96/40/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jippreskrivi proċeduri Komunitarji fil-qasam tal-politika komuni biex ikun żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet Komunitarji taħt regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt il-ħarsien (patroċinju) ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 365/95 [2], b'mod partikolari l-Artikolu 11 u 14 tiegħu, Wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat Konsultattiv, Billi: Fil-5 ta' Ġunju 1991 il-Kummissjoni rċeviet ilment, taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2641/84 tas-17 ta' Settembru 1984 dwar it-tisħiħ tal-politika komuni kummerċjali rigward b'mod partikolari l-protezzjoni kontra prattiċi kummerċjali illeċiti [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 522/94 [4], mill-Uffiċċju Ewropew tal-Federazzjoni Internazzjonali ta' l-Industrija Fonografika (FIIP), li jirrappreżenta virtwalment il-produtturi kollha tar-reġistrazzjonijiet foniċi fil-Komunità. L-ilment allega li piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi Komunitarji kienu qed isiru fuq skala massiva fit-Tajlandja u li piraterija tali kienet qed tikkawża ħsara lill-industrija Komunitarja, partikolarment billi tolqot esportazzjonijiet ta' reġistrazzjonijiet foniċi Komunitarji lejn it-Tajlandja kif ukoll lejn swieq terzi. L-ilment ipprovda xhieda biżżejjed, fit-tifsira ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2641/84, ta' l-eżistenza ta' prattika kummerċjali illeċita li tista' tkun attribwita lit-Tajlandja u ta' ħsara konsegwenti, il-Kummissjoni ħabbret f'avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [5] il-bidu ta' proċedura dwar piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi Komunitarji fit-Tajlandja. Wara l-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni mexxiet eżami fattwali u legali u ppreżentat fl-20 ta' Frar 1992 ir-rapport ta' l-eżami tagħha lill-Kumitat Konsultattiv stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 2641/84. Minn dan deher li, matul il-perjodu ta' referenza, u essenzalment bħala riżultat tan-nuqqas ta' l-awtoritajiet Tajlandiżi li jimponu b'mod xieraq il-leġislazzjoni Tajlandiża dwar dritt ta' l-awtur ta' dak iż-żmien, il-livell ta' piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi (repertorju internazzjonali) kienet aktarx tilħaq id-90 %, u li din is-sitwazzjoni rriżultat fi ħsara materjali lill-industrija Komunitarja, notevolment fl-għamla ta' telf ta' bejgħ fis-suq Tajlandiż (kif ukoll ċerti swieq terzi oħra). Konsegwentement, deher li t-Tajlandja għalhekk kisret l-obbligi internazzjonali tagħha li tipprovdi lill-produtturi Komuntarji ta' reġistrazzjonijiet foniċi il-protezzjoni effettiva kontra l-piraterija tal-prodotti tagħhom. Dan l-obbligu ħareġ mid-dispożizzjoni ta' trattament nazzjonali li l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' Berlin tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi jistipula li tiegħu t-Tajlandja hija firmatarja. Il-Kummissjoni mbagħad għamlet konsultazzjonijiet ma' l-awtoritajiet Tajlandiżi li ġagħlu l-gvern Tajlandiż jimpenja ruħu, f'Settembru 1992, li jniżżel il-piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi tal-KE għal-livelli negliġibbli fl-iqsar medda ta' żmien possibbli u, fl-ewwel stadju, jikseb tnaqqis sostanzjali f'sena waħda. Fuq il-bażi ta' dan l-impenn, bl-opinjoni favorevoli tal-Kumitat Konsultattiv, u suġġett għal stima regolari tas-sitwazzjoni, ebda passi oħra fil-proċedura ma dehru xierqa fil-futur immedjat. F'Diċembru 1993 missjoni marret it-Tajlandja biex tistma l-progress miksub. Wara din missjoni l-Kummissjoni reġgħet irrapportat lill-Kumitat stabbilit taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2641/84. L-ewwel sejba tal-missjoni kienet li l-livell attwali tal-piraterija ta' audio cassettes kien waqa' għal approssimament 50 % fl-ewwel sena wara l-impenn tal-Gvern Tajlandiż, hekk ġiet ikkonfermata r-rieda tal-Gvern Tajlandiż li jirrispetta l-impenn tiegħu. Madankollu iktar progress kien ikkunsidrat li kien bil-mod u, barra minhekk, kien espress tħassib dwar il-qawmien mill-ġdid possibbli ta' piraterija f'reġistrazzjonijiet foniċi, notevolment bħala riżultat ta' bejgħ compact discs (CDs) pirati. F'dan il-kuntest, u bl-opinjoni favorevoli tal-Kumitat Konsultattiv, deher li kellu jkun permess biex tingħata lit-Tajlandja l-opportunita tadotta leġislazzjoni ġdida dwar id-dritt ta' l-awtur, li kienet diġa f'għamla ta' Abbozz ta' Liġi li kienet qed tkun diskussa f'kumitat tal-Parlament u li kien fiha dispożizzjonijiet iktar xierqa biex tiġġieled il-piraterija u tkun infurzata b'mod effikaċi. L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni mill-bidu ta' l-1994 turi li ebda titjib iktar sinifikanti ma ġara dwar il-livell attwali ta' piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi tal-KE. Madankollu żviluppi pożittivi importanti saru fuq in-naħa leġislattiva. L-Att Tajlandiż dwar id-Drittijiet ta' l-Awtur daħal fis-seħħ fil-21 ta' Marzu 1995. Huwa introduċa dispożizzjonijiet numerużi mmirati biex jissimplifikaw azzjoni kontra l-pirati u jinkludi l-effetti deterrenti meħtieġa kontra dawk li jiksru l-liġi potenzali kif ukoll attwali, notevolment permezz ta' żieda fil-pieni. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi u filwaqt li jitqiesu kemm iż-żamma ta' livell sinifikanti ta' piraterija, b'mod partikolari dwar CDs, kif ukoll il-prospetti tat-tnaqqis tagħha għal livelli negliġibbli fuq bażi permanenti permezz ta' infurzar effettiv tal-liġi ġdida Tajlandiża, il-Kummissjoni tikkunsidra li f'dan l-istadju la t-tmiem tal-proċedura lanqas l-adozzjoni ta' miżuri ta' politika kummerċjali kontra t-Tajlandja ma hija xierqa. Madankollu, immonitorjar strett tas-sitwazzjoni jibqa' meħtieġ. Mill-1 ta' Jannar 1995 ir-Regolament (KE) Nru 3286/94, li rrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2641/84, japplika għall-proċedura preżenti. Ir-Regolament (KE) Nru 3286/94 introduċa fl-Artikolu 11(2)(a) il-possibbilta li l-proċedura tkun formalment sospiża. F'każ tali, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tisssorvelja l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri meħuda mill-pajjiż terz ikkonċernat, kif ipprovdut fl-Artikolu 11(2)(b) ta' dak ir-Regolament. Taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 3286/94, din id-Deċiżjoni ta' sospensjoni hija adottata skond l-Artikolu 14 ta' l-istess Regolament. Dan ta' l-aħħar jipprovdi, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li hi għandha tikkomunika lill-Istati Membri u li għandha tapplika wara perjodu ta' għaxart ijiem jekk matul dan il-perjodu ebda Stat Membru ma jkun irrefera l-materja lill-Kunsill. Għandu wkoll ikun irrievokat li l-Artikolu 11(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 3286/94 jipprovdi li fejn il-miżuri meħuda mill-pajjiż terz kienu rrevokati, sospiżi jew implimentati b'mod mhux xieraq jew fejn il-Kummissjoni għandha raġunijiet biex temmen li dan kien il-każ jew, fl-aħħarnett, fejn talba għal informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ma ngħatatx, kull miżuri ta' politika kummerċjali jistgħu jkunu adottati skond id-dispożizzjonijiet proprji tar-Regolament. Il-proċedura dwar piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi Komunitarji fit-Tajlandja għandha għalhekk tkun sospiża. Il-Kummissjoni għandha tissokta timmonitorja s-sitwazzjoni fuq bażi permanenti u tinforma regolarment lill-Kumitat Konsltattiv stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 3286/94, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-proċedura dwar piraterija ta' reġistrazzjonijiet foniċi Komunitarji fit-Tajlandja hija b'dan sospiża. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 1995. Għall-Kummissjoni Leon Brittan Viċi-President [1] ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 71. [2] ĠU L 41, tat-2.2.1995, p. 3. [3] ĠU L 252, tal-20.9.1984, p. 1. [4] ĠU L 66, ta' l-10.3.1994, p. 10. [5] ĠU C 189, tal-20.7.1991, p. 26. --------------------------------------------------