20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/111


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/796

tat-12 ta’ Mejju 2022

li tapprova, f’isem l-Unjoni Ewropea, emenda għall-Anness XVIII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/734/UE tal-25 ta’ Ġunju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Parti IV tiegħu dwar kwistjonijiet kummerċjali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) huwa pendenti.

(2)

Madankollu, l-Artikolu 353(4) tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Parti IV tal-Ftehim dwar kwistjonijiet kummerċjali. Għaldaqstant, il-Parti IV tal-Ftehim ġiet applikata proviżorjament mill-1 ta’ Awwissu 2013 fir-rigward tal-Honduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, mill-1 ta’ Ottubru 2013 fir-rigward tal-Costa Rica u ta’ El Salvador, u mill-1 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-Gwatemala.

(3)

L-Artikolu 247 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fl-Anness XVIII (“Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti”) tal-Ftehim wara li titlesta l-proċedura ta’ oġġezzjoni u wara li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu ġew eżaminati b’suċċess mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali kompetenti f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(4)

Il-Costa Rica ressqet talba lill-Unjoni biex tiżdied indikazzjoni ġeografika ġdida mal-Parti B tal-Anness XVIII tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni u eżaminat dik l-indikazzjoni ġeografika l-ġdida.

(5)

El Salvador ressaq talba lill-Unjoni biex jiżdiedu għaxar indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Parti B tal-Anness XVIII tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni u eżaminat dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda.

(6)

Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim għandu s-setgħa li jimmodifika l-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi stabbilita fl-Anness XVIII tal-Ftehim.

(7)

L-Artikolu 274 tal-Ftehim jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, li jista’ jirrakkomanda, għall-approvazzjoni mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, modifiki tal-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi stabbilita fl-Anness XVIII tal-Ftehim.

(8)

Fit-13 ta’ Ġunju 2022, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali vvaluta l-informazzjoni fir-rigward tal-indikazzjoni ġeografika addizzjonali tal-Costa Rica u ta’ El Salvador u rrakkomanda lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex jimmodifika l-Parti B tal-Anness XVIII tal-Ftehim skont dan.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Parti B tal-Anness XVIII tal-Ftehim jiġi emendat skont dan u jenħtieġ li l-emendi jiġu approvati f’isem l-Unjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-emendi għall-Parti B tal-Anness XVIII tal-Ftehim stabbilit fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa awtorizzat japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 346, 15.12.2012, p. 1.


ANNESS

ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI Numru […]/2022 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-AMERIKA ĊENTRALI

dwar l-emenda għall-Anness XVIII (“Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti”) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-AMERIKA ĊENTRALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) (1) ġie applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Awwissu 2013 fir-rigward tal-Honduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, mill-1 ta’ Ottubru 2013 fir-rigward tal-Costa Rica u ta’ El Salvador, u mill-1 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-Gwatemala.

(2)

L-Artikolu 247 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fl-Anness XVIII (“Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti”) tal-Ftehim wara li tkun tlestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni u wara li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu ġew eżaminati b’suċċess mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali kompetenti f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(3)

Fit-2 ta’ Lulju 2020, il-Costa Rica ppreżentat lill-Unjoni t-talba tagħha biex tiżdied indikazzjoni ġeografika ġdida fl-Anness XVIII (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) tal-Ftehim skont l-Artikolu 247 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ippubblikata fis-6 ta’ Diċembru 2021 (2), u eżaminat l-indikazzjoni ġeografika l-ġdida tal-Costa Rica.

(4)

Fis-7 ta’ Ġunju 2021, El Salvador ressaq quddiem l-Unjoni t-talba tiegħu biex jiżdiedu għaxar indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fl-Anness XVIII (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) tal-Ftehim skont l-Artikolu 247 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ippubblikata fit-28 ta’ Diċembru 2021 (3), u eżaminat l-indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda ta’ El Salvador.

(5)

Fit-13 ta’ Ġunju 2022, skont l-Artikolu 274(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, f’laqgħa konġunta bejn l-UE u l-partijiet tal-Amerika Ċentrali, ikkonkluda, wara valutazzjoni minn qabel tal-informazzjoni pprovduta fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi l-ġodda tal-Costa Rica u ta’ El Salvador, li jirrakkomanda lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex jimmodifika l-Anness XVIII tal-Ftehim skont dan.

(6)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu d-deċiżjoni bi ftehim reċiproku f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness XVIII tal-Ftehim jiġi modifikat kif deskritt f’din id-deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-entrati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiżdiedu mat-tabella fil-Parti B tal-Anness XVIII “Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti” tal-Ftehim, kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 5/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali (4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, magħmula f’żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali li huma awtorizzati jaġixxu f’isem il-Partijiet għall-finijiet tal-modifika tal-Ftehim.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva mill-jum li fiha tkun saret l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi

Għall-Kumitat tal-Kummerċ

Kap tad-delegazzjoni tal-UE

Kap tad-delegazzjoni tal-Amerika Ċentrali


(1)   ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.

(2)  AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA Indikazzjonijiet Ġeografiċi mill-Costa Rica li għandhom jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 489, 6.12.2021, p. 10).

(3)  AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn El Salvador li għandhom jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 522, 28.12.2021, p. 20) u Rettifika għall-AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA – Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn El Salvador li għandhom jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 30, 20.1.2022, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 5/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali tas-7 ta’ Novembru 2014 dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XVIII tal-Ftehim (ĠU L 196, 24.7.2015, p. 59).


ANNESS

Pajjiż

Isem

Prodotti

Il-Costa Rica

Tarrazú

Kafè

El Salvador

Café Alotepec

Kafè

El Salvador

Café Bálsamo Quezaltepec

Kafè

El Salvador

Café Cacahuatique

Kafè

El Salvador

Café Chichontepec

Kafè

El Salvador

Café Tecapa Chinameca

Kafè

El Salvador

Camarón Bahía de Jiquilisco

Gambli

El Salvador

Chaparro

Xorb spirituż distillat b’bażi ta’ qmuħ

El Salvador

Jocote Barón Rojo San Lorenzo

Frott frisk

El Salvador

Loroco San Lorenzo

Ħaxix frisk

El Salvador

Pupusa de Arroz de Olocuilta

Ħobż ċatt tond u oħxon (tortilla) magħmul mir-ross