15.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/522

tas-7 ta’ April 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward ta’ ċerti materji baġitarji b’rabta mal-implimentazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TKT”) ġie ffirmat mill-Unjoni Ewropea skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 (1). Fl-4 ta’ Marzu 2019 huwa ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (2). Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(2)

Taħt l-Artikolu 35 tat-TKT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport (“il-Kumitat ta’ Tmexxija”) għandu jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport kull sena.

(3)

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2020 sabiex jiġi żgurat li t-TKT jiġi implimentat.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija, peress li d-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat ta’ Tmexxija hija neċessarja għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u se jkollha effetti legali vis-à-vis l-Unjoni.

(5)

L-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex timplimenta b’mod provviżorju l-baġit tal-Komunità tat-Trasport ma jbiddilx il-karattru essenzjali tas-setgħat mogħtija lil dik l-istituzzjoni mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2020 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).

(3)  Ara d-dokument ST 6534/20 fis-sit web http://register.consilium.europa.eu.