1.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/75


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/160

tal-24 ta' Jannar 2019

li tistipula deroga temporanja mill-kundizzjonijiet meħtieġa għaż-żerriegħa ċċertifikata prevista fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE u 66/402/KEE

(notifikata bid-dokument C(2019) 305)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf (1) u d-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tat-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing ta' żerriegħa tal-ġwież (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha,

Billi:

(1)

Il-klima mhux tas-soltu sħuna u xotta fl-2018 fl-Iżvezja kkawżat nuqqas ta' umdità fil-ħamrija, għamlet il-ħsara u xekklet il-veġetazzjoni li wasslet għal produzzjoni u kwalità taż-żerriegħa inferjuri.

(2)

Id-diffikultajiet fil-provvista taż-żerriegħa ġew ukoll aċċellerati minħabba staġun tal-ħsad niedi fl-2017 li fl-Iżvezja wassal biex kien hemm nuqqas ta' żerriegħa għaż-żrigħ tar-rebbiegħa fl-2018.

(3)

Għalhekk, l-Iżvezja issa għandha għad-dispożizzjoni tagħha ammont limitat biss ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa u ta' żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa li fadal mill-istaġun ta' qabel, u mhix se tkun tista' tiġbor biżżejjed żerriegħa biex tkopri d-domanda fir-rebbiegħa tal-2019.

(4)

Stati Membri oħra, li parzjalment ħabbtu wiċċhom ukoll ma' problemi ta' ħsad, setgħu jkopru l-ħtieġa għaż-żrieragħ li kellha l-Iżvezja sa ċertu punt biss.

(5)

Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi, id-diffikultajiet temporanji fl-Iżvezja rigward il-provvista ġenerali taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa u ż-żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa mistennija jkomplu. Dawn id-diffikultajiet ma jistgħux jingħelbu ħlief billi, għal perjodu speċifiku u suġġett għal kwantità massima xierqa, jkun awtorizzat il-marketing fl-Unjoni taż-żerriegħa ta' pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa ċċertifikata u taż-żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa ċċertifikata, li jkunu ġew prodotti fl-Iżvezja, mill-kategorija ta' żerriegħa ċċertifikata tat-tieni ġenerazzjoni.

(6)

Għalhekk, id-deroga prevista f'din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tawtorizza l-marketing fl-Unjoni ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa ċċertifikata u żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa ċċertifikata prodotti fl-Iżvezja mill-kategorija ta' żerriegħa ċċertifikata tat-tieni ġenerazzjoni, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet.

(7)

Mill-informazzjoni li l-Iżvezja pprovdiet lill-Kummissjoni jidher li b'kollox huma meħtieġa 2 525 tunnellata ta' żerriegħa tal-pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa u 18 240 tunnellata ta' żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa biex jissolvew dawn id-diffikultajiet fil-provvista għal perjodu li jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2019.

(8)

Jenħtieġ li d-deroga ma tippreġudikax l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet l-oħra għall-kategorija ta' żerriegħa ċċertifikata, it-tieni ġenerazzjoni, kif stipulat fid-Direttivi 66/401/KEE u 66/402/KEE.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-marketing fl-Unjoni ta' żerriegħa ċertifikata ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa u żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa prodotti fl-Iżvezja mill-kategorija ta' żerriegħa ċertifikata tat-tieni ġenerazzjoni għandha tkun permessa għal perjodu li jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2019 u soġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Il-kwantità totali ta' żerriegħa awtorizzata għall-marketing fl-Unjoni skont din id-Deċiżjoni ma għandhiex taqbeż l-2 525 tunnellata ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf tar-rebbiegħa u 18 240 tunnellata ta' żerriegħa tal-ġwież tar-rebbiegħa.

3.   Iż-żerriegħa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 66/401/KEE u fl-Anness II tad-Direttiva 66/402/KEE fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati miż-żerriegħa tal-kategorija ta' żerriegħa ċċertifikata, tat-tieni ġenerazzjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit ta' tikkettar tad-Direttivi 66/401/KEE u 66/402/KEE, it-tikketta uffiċjali għandu jkun fiha d-dikjarazzjoni li ż-żerriegħa kkonċernata hija ta' kategorija inqas miż-żerriegħa ċċertifikata skont il-kategorija, it-tieni ġenerazzjoni.

5.   Il-marketing taż-żerriegħa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi permess abbażi ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-marketing skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istat Membru għandu javża minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għall-marketing, dejjem skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2019

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66.

(2)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309/66.