European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1099

18.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1099

tas-27 ta’ April 2026

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti (il-“Konvenzjoni ta’ Beijing dwar il-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2), il-punti (b) u (c), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti (il-“Konvenzjoni ta’ Beijing dwar il-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti” jew il-“Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-7 ta’ Diċembru 2022.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/414 (2), il-Konvenzjoni ġiet iffirmata fl-14 ta’ Marzu 2024 f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji fil-kompetenza esklużiva tagħha, soġġetta għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

(3)

Il-Konvenzjoni hija l-ewwel strument internazzjonali li jistabbilixxi reġim armonizzat biex jingħata effett internazzjonali lill-bejgħ ġudizzjarju, filwaqt li tiġi ppreservata l-liġi domestika li tirregola l-proċedura tal-bejgħ ġudizzjarju u ċ-ċirkostanzi li fihom il-bejgħ ġudizzjarju jagħti titolu ħieles. Hija ssaħħaħ il-qafas legali internazzjonali eżistenti dwar it-tbaħħir u n-navigazzjoni u tagħti kontribut utli għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali armonjużi. Billi tiżgura ċ-ċertezza legali fir-rigward tat-titolu li x-xerrej jakkwista fil-vapur waqt it-tbaħħir internazzjonali tiegħu, il-Konvenzjoni hija mfassla biex timmassimizza l-prezz li l-vapur ikun jista’ jattira fis-suq u r-rikavat disponibbli biex jitqassam bejn il-kredituri, u biex tippromwovi l-kummerċ internazzjonali. Għalhekk huwa preferibbli li l-Konvenzjoni tiġi applikata mill-aktar fis possibbli.

(4)

Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni ser tikkontribwixxi biex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali fil-livell internazzjonali u dak Ewropew billi toħloq reġim uniformi għall-effetti internazzjonali tal-bejgħ ġudizzjarju ta’ bastimenti, li huma objettivi ewlenin tal-Unjoni li għandhom jintlaħqu fl-attivitajiet tagħha f’konformità mal-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(5)

L-Unjoni qed tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji. F’dak il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, fost l-oħrajn, ir-Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 (3) u (UE) 2020/1784 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-Unjoni għalhekk għandha kompetenza esklużiva fuq il-materji koperti minn dawk ir-Regolamenti, filwaqt li l-materji l-oħra koperti mill-Konvenzjoni ma humiex f’dik il-kompetenza.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni issir parti għall-Konvenzjoni biss fir-rigward tal-materji fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jiġifieri, sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fil-preżent, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jittrattaw materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili kif dettaljat fid-Dikjarazzjoni mehmuża dwar il-kompetenza tal-Unjoni, u l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni ma taffettwax ir-regoli komuni jew ma tbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ materji fil-kompetenza esklużiva tagħha hija mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

(7)

Il-Konvenzjoni jipprevedi li l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet trasferita lil dik l-organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. Il-Konvenzjoni tipprevedi wkoll li dik id-dikjarazzjoni ssir fil-mument tal-firma, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni. Fil-ħin tal-firma, l-Unjoni għamlet dik id-dikjarazzjoni li tindika l-kompetenza tagħha fil-materji rregolati mill-Konvenzjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u ma hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u ma hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10)

Jenħtieġ li jiġu approvati l-Konvenzjoni u d-Dikjarazzjoni mehmuża dwar il-kompetenza tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti (“il-Konvenzjoni”) hija b’dan approvata.

It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni mehmuża dwar il-kompetenza tal-Unjoni hija b’dan approvataskont l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).

Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ April 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)  Approvazzjoni tas-26 ta’ Marzu 2026 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/414 tal-21 ta’ Diċembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York fis-7 ta’ Diċembru 2022 (ĠU L, 2024/414, 29.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/414/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1215/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1784/oj).

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Dikjarazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti (il-“Konvenzjoni ta’ Beijing dwar il-Bejgħ Ġudizzjarju ta’ Bastimenti”), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-7 ta’ Diċembru 2022 fi New York, dwar il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea fuq dawk il-materji rregolati minn dik il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħha l-Istati Membri ttrasferew il-kompetenza tagħhom lill-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Beijing dwar l-Effetti Internazzjonali tal-bejgħ ġudizzjarju ta’ bastimenti (il-“Konvenzjoni”) jipprevedi li Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li hija kostitwita minn Stati sovrani u li għandha kompetenza fuq ċerti materji rregolati mill-Konvenzjoni tista’ tiffirma l-Konvenzjoni. L-Artikolu 18(2) tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati mill-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom il-kompetenza ġiet trasferita lil dik l-organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonkludi l-Konvenzjoni u b’dan qed ittenni d-dikjarazzjoni li għamlet waqt l-iffirmar tagħha fl-14 ta’ Marzu 2024.

Sal-punt li jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti legali msemmija fil-punti (a) u (b), il-materji rregolati minn dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ttrasferixxew il-kompetenza u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fis-sens tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma dawn li ġejjin:

(a)

l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni (“Jurisdiction to avoid and suspend judicial sale” (Ġuriżdizzjoni biex jiġi evitat u sospiż il-bejgħ ġudizzjarju)) fir-rigward tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU UE L 351, 20.12.2012, p. 1); u

(b)

l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni (“Notice of judicial sale” (Avviż ta’ bejgħ ġudizzjarju)) fir-rigward tar-regoli dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU UE L 405, 2.12.2020, p. 40).

Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-TFUE hi, minnha nnifisha, soġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattati, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-firxa tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea għaldaqstant tirriserva d-dritt li temenda din id-Dikjarazzjoni kif ikun meħtieġ, mingħajr ma ebda tali emenda tikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ materji rregolati mill-Konvenzjoni.

L-Unjoni b’dan tispeċifika li l-Konvenzjoni għandha tapplika, fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni, għat-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati -TUE u TFUE skont l-Artikolu 52 TUE u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti, fost oħrajn, fl-Artikolu 355 TFUE.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1099/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)