|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1958 |
18.7.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1958
tas-17 ta' Lulju 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Tilia cordata L. u ta’ Tilia platyphyllos L., li joriġinaw mir-Renju Unit
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), l-ewwel subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli. |
|
(2) |
Wara valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati proviżorjament 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dik il-lista tinkludi l-ġeneru Tilia L. |
|
(3) |
Fid-9 ta’ Ġunju 2023, ir-Renju Unit (3) ressaq talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil li ġejjin ta’ Tilia cordata L. u Tilia platyphyllos L., li joriġinaw mir-Renju Unit: tilqim/rimjiet bl-għejun sa sentejn b’dijametru massimu ta’ 12 mm, pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufa sa 7 snin b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk, u pjanti għat-tħawwil bl-għeruq f’materjal għat-tkabbir sa 25 sena b’dijametru massimu ta’ 80 cm fil-bażi taz-zokk. Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossier tekniku rilevanti. |
|
(4) |
Fit-18 ta’ April 2024, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti rilevanti, li joriġinaw mir-Renju Unit (4). L-Awtorità ma identifikat l-ebda pest rilevanti għall-pjanti għat-tħawwil ta’ Tilia cordata L. u Tilia platyphyllos L.. li joriġinaw mir-Renju Unit (“il-pjanti rilevanti”). |
|
(5) |
Abbażi tal-opinjoni tal-Awtorità, ir-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitqies bħala aċċettabbli, ikunu xi jkunu ż-żmien tagħhom, id-daqs jew it tip. |
|
(6) |
B’hekk, jenħtieġ li l-pjanti għat-tħawwil ta’ Tilia cordata L. u ta’ Tilia platyphyllos L li joriġinaw mir-Renju Unit ma jibqgħux jiġu meqjusa bħala pjanti b’riskju għoli. Għaldaqstant jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019. |
|
(7) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan. |
|
(8) |
Sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (5), jenħtieġ li l-importazzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Tilia cordata L. u ta’ Tilia platyphyllos L. li joriġinaw mir-Renju Unit terġa’ tibda fl-iqsar żmien possibbli. |
|
(9) |
Dan ir-Regolament huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/2019-12-14.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2019/oj).
(3) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87)) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-fini ta’ dan l-att, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.
(4) EFSA PLH Panel (EFSA Panel on Plant Health), 2024. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Tilia cordata and Tilia platyphyllos plants from the UK. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8803
(5) Agreement on the Application of Sanitary and Phytosanitary Measures (SPS Agreement) (adopted on 15 April 1994, entered into force on 1 January 1995; UNTS volume 1867, p. 493); World Trade Organization, https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm.
ANNESS
Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella tal-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata ‘ Tilia L.’ hija sostitwita b’dan li ġej:
“ Tilia L., għajr pjanti għat-tħawwil ta’ Tilia cordata L. u Tilia platyphyllos L. li joriġinaw mir-Renju Unit.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1958/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)