19.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/77


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/130

tat-18 ta’ Jannar 2023

li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 134(14) u l-Artikolu 150(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jistabbilixxi qafas legali għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) abbażi ta’ mudell ta’ implimentazzjoni orjentat lejn il-prestazzjoni. Dak ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi speċifiċi tal-Unjoni li għandhom jintlaħqu mill-PAK. Dak ir-Regolament jiddefinixxi wkoll it-tipi ta’ intervent, kif ukoll ir-rekwiżiti komuni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri, filwaqt li jħalli lill-Istati Membri l-flessibbiltà fir-rigward tat-tfassil tal-istrateġija ta’ intervent tagħhom biex iqisu l-kundizzjonijiet lokali, il-ħtiġijiet u l-arranġamenti interni tagħhom. Dak ir-Regolament jispeċifika li l-Istati Membri għandhom responsabbiltà akbar fir-rigward ta’ kif jilħqu l-objettivi speċifiċi tal-PAK u jiksbu l-miri, inkluż billi jiżguraw il-koerenza bejn l-għodod multipli tal-Pjan Strateġiku tal-PAK.

(2)

L-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprovdi li għandu jiġi stabbilit qafas ta’ prestazzjoni li jippermetti rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK waqt l-implimentazzjoni tagħhom, inkluż ir-rappurtar regolari dwar, fost l-oħrajn, l-attivitajiet ta’ prestazzjoni u monitoraġġ. Skont l-Artikolu 129(b) u (c) ta’ dak ir-Regolament, l-objettivi tal-qafas ta’ prestazzjoni huma li jimmonitorja l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-miri tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u li jivvaluta l-impatt, l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-koerenza tal-interventi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

(3)

Bħala element essenzjali tal-qafas ta’ prestazzjoni, skont l-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-Artikolu 9(3)(b) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport annwali dwar il-prestazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, li jkun fih informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva rilevanti għall-prestazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-kontenut tar-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni jwieġeb b’mod effettiv għall-objettivi tal-qafas ta’ prestazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-istruttura tagħhom jenħtieġ li tippermetti l-għoti ta’ informazzjoni, rilevanti għall-prestazzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-PAK, u fir-rigward tal-elementi orizzontali stabbiliti f’dak ir-Regolament li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK kollu kemm hu.

(5)

Skont l-Artikoli 124(3)(a) u (b), u 124(4)(b), tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-kumitat ta’ monitoraġġ għandu jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK u jagħti opinjoni dwar ir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni. Għalhekk, ir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni jenħtieġ li jkun fih l-informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva kollha, inklużi kwistjonijiet li jaffettwaw il-progress u l-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’sena finanzjarja partikolari, biex il-kumitat ta’ monitoraġġ ikun jista’ jistabbilixxi l-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) 2021/2115, ir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għandhom iservu wkoll bħala element ewlieni għall-eżami tal-prestazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK fil-laqgħat annwali ta’ rieżami. L-informazzjoni li tinsab fir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għandha tkun il-bażi għal rieżami biennali tal-prestazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 135 ta’ dak ir-Regolament.

(7)

L-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fir-rapporti tal-prestazzjoni annwali dwar it-total ta’ ettari li għalihom ikun realment tħallas l-appoġġ għaż-żrieragħ żejtnin ikkonċernati mill-Memorandum ta’ Qbil imsemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-Artikolu 137 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi li, sal-15 ta’ Frar 2025 u l-15 ta’ Frar ta’ kull sena sussegwenti sal-2030, l-Istati Membri li jagħtu l-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton stabbilit fit-Titoli III, il-Kapitolu II, it-Taqsima 3, is-Subtaqsima 2, ta’ dak ir-Regolament għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja dwar l-implimentazzjoni ta’ dak il-pagament fis-sena finanzjarja preċedenti.

(9)

L-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi li, sal-15 ta’ Frar 2025 u l-15 ta’ Frar ta’ kull sena sussegwenti sal-2030, l-Istati Membri li jagħtu l-għajnuna nazzjonali tranżizzjonali stipulata fl-Artikolu 147 ta’ dak ir-Regolament għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja dwar l-implimentazzjoni ta’ dik l-għajnuna fis-sena finanzjarja preċedenti.

(10)

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni l-informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva kollha stabbilita fl-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115, u barra minn hekk għas-snin finanzjarji 2024 u 2026 il-ġustifikazzjonijiet għal devjazzjonijiet mill-istadji importanti msemmija fl-Artikolu 135(2) ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Għalhekk, fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 134(5) tar-Regolament (UE) 2021/2115, inkluża n-nefqa ddikjarata fil-kontijiet annwali u rilevanti għall-outputs realizzati, kif ukoll penali jew tnaqqis ieħor, u għall-FAEŻR, il-fondi kkanċellati jew irkuprati kif imsemmi fl-Artikolu 134(5)(b) ta’ dak ir-Regolament. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-kalkolu ta’ rikonċiljazzjoni bejn in-nefqa grossa rilevanti għall-outputs imsemmija fl-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-ammonti ddikjarati fil-kontijiet annwali, li jirriflettu n-nefqa netta, stabbilit fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (3), ippreżentat mill-Istati Membri. Dan huwa meħtieġ għall-finijiet tal-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

(12)

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1317 (4) jipprevedi li l-Istati Membri li jagħmlu użu minn kwalunkwe waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom jinkludu fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni mistenni sal-15 ta’ Frar 2024 valutazzjoni tal-effetti tal-applikazzjoni ta’ tali derogi fuq is-sigurtà tal-ikel globali, fuq il-preservazzjoni tal-ambjent u fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

(13)

Għalhekk, skont l-Artikolu 134(14) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni u dwar it-trażmissjoni ta’ dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni.

(14)

Għas-sottomissjoni tar-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni lill-Kummissjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni “SFC2021” imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (5).

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni previst fl-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Sottomissjoni tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni

L-Istati Membri għandhom jissottomettu r-rapport annwali dwar il-prestazzjoni f’format elettroniku, permezz tas-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni msejħa “SFC2021”, prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1317 tas-27 ta’ Lulju 2022 li jipprevedi derogi mir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandards għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (standards tal-KAAT) 7 u 8 għas-sena tat-talba 2023 (ĠU L 199, 28.7.2022, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463).


ANNESS

Preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115

1.   SINTESI TAL-ISTAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN STRATEĠIKU TAL-PAK FIR-RIGWARD TAS-SENA FINANZJARJA PREĊEDENTI

Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni kwalitattiva msemmija fl-Artikolu 134(7)(a) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

1.1.   Sommarju dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK

Din is-subtaqsima għandha tinkludi sommarju tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK matul is-sena finanzjarja preċedenti.

Din is-subtaqsima tista’ tinkludi wkoll sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin li affettwaw il-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fis-sena finanzjarja preċedenti li għandu jiġi rrapportat fid-dettall fis-subtaqsima 1.2, inklużi l-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

1.2.   L-istat tal-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK skont objettivi speċifiċi u trażversali

Għal kull objettiv speċifiku u trażversali msemmi fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, din is-subtaqsima għandha tinkludi deskrizzjoni tal-kwistjonijiet li affettwaw il-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fis-sena finanzjarja preċedenti, fejn xieraq bir-raġunijiet u, fejn rilevanti, b’deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

Din is-subtaqsima tista’ tinkludi spjegazzjonijiet relatati mad-devjazzjonijiet tal-valuri miksuba tal-indikaturi tar-riżultati mill-istadji importanti korrispondenti biex jikkomplementaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont is-subtaqsima 2.1.

1.3.   Aspetti orizzontali tal-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK

Din is-subtaqsima għandha tinkludi deskrizzjoni tal-progress li sar lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fis-sena finanzjarja preċedenti, l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fis-sena finanzjarja preċedenti, u, fejn rilevanti, miżuri biex jiġu indirizzati, fir-rigward tal-governanza, in-networks u l-azzjonijiet leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi nazzjonali rilevanti għall-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK.

Din is-subtaqsima tista’ tinkludi deskrizzjoni tal-kwistjonijiet li affettwaw il-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fis-sena finanzjarja preċedenti u li ma jistgħux jiġu rrapportati taħt objettivi speċifiċi jew trażversali fis-subtaqsima 1.2.

1.4.   Deroga mill-istandards tal-KAAT fl-2023

Jekk l-Istat Membru jkun uża d-deroga prevista fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1317, din is-subtaqsima għandha tinkludi valutazzjoni tal-effetti tal-applikazzjoni ta’ tali deroga fuq is-sigurtà tal-ikel globali, fuq il-preservazzjoni tal-ambjent u fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, f’konformità mal-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

2.   INFORMAZZJONI KWANTITATTIVA, INFORMAZZJONI KWALITATTIVA DWAR ID-DEVJAZZJONI TAL-VALURI TAL-INDIKATURI TAR-RIŻULTAT MILL-ISTADJI IMPORTANTI U ĠUSTIFIKAZZJONI TAL-EĊĊESS TAL-AMMONTI UNITARJI MIKSUBA META MQABBLA MAL-AMMONTI UNITARJI PPJANATI

Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 134(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Din għandha tinkludi wkoll informazzjoni kwalitattiva fir-rigward ta’ devjazzjonijiet mill-istadji importanti msemmija fl-Artikolu 134(7)(b) ta’ dak ir-Regolament.

Għandha tinkludi l-informazzjoni kwalitattiva obbligatorja msemmija fl-Artikolu 134(9) ta’ dak ir-Regolament. Tista’ tinkludi l-informazzjoni kwalitattiva fakultattiva msemmija fl-Artikolu 134(8) ta’ dak ir-Regolament.

Ir-riżultati miksuba u l-outputs realizzati għandhom jiġu rrappurtati f’konformità mal-metodi għall-kalkolu stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 (1).

2.1.   Valuri miksuba tal-indikaturi tar-riżultati

Din is-subtaqsima għandha tinkludi l-valur miksub fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull wieħed mill-indikaturi tar-riżultati stabbiliti fil-Pjan Strateġiku tal-PAK u d-distanza sal-istadju importanti annwali korrispondenti stabbilit fil-Pjan Strateġiku tal-PAK, filwaqt li tagħti r-raġunijiet, fejn xieraq, għal devjazzjonijiet mill-istadji importanti u, fejn rilevanti, tiddeskrivi l-miżuri meħuda, f’konformità mal-Artikolu 134(7)(b) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni mistenni fil-15 ta’ Frar 2025, din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas b’aktar minn 35 % fl-ilħuq tal-istadji importanti rilevanti għas-sena finanzjarja 2024, kif imsemmi fl-Artikolu 135(2) ta’ dak ir-Regolament.

Fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni mistenni fil-15 ta’ Frar 2027, din it-taqsima għandha tinkludi wkoll ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas b’aktar minn 25 % fl-ilħuq tal-istadji importanti rilevanti għas-sena finanzjarja 2026, kif imsemmi fl-Artikolu 135(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.2.   Outputs realizzati - ammonti unitarji – finanzjament nazzjonali addizzjonali

Għal kull ammont unitarju kif stabbilit fil-Pjan Strateġiku tal-PAK, din is-subtaqsima għandha tinkludi l-outputs realizzati, in-nefqa korrispondenti u l-ammonti unitarji miksuba f’konformità mal-Artikolu 134(5) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Din is-subtaqsima tista’ tinkludi ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe eċċess tal-ammont unitarju miksub meta mqabbel mal-ammont unitarju ta’ referenza korrispondenti stabbilit fl-Artikolu 134(8) ta’ dak ir-Regolament.

Din is-subtaqsima għandha tinkludi ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe eċċess tal-ammont unitarju miksub meta mqabbel mal-ammont unitarju ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 134(6) u (8) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jekk dan l-eċċess ikun ogħla minn 50 %, kif stipulat fl-Artikolu 134(9) ta’ dak ir-Regolament.

It-tieni u t-tielet paragrafi ma japplikawx għall-indikaturi tal-output immarkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament bħala użati biss għall-monitoraġġ.

2.2.1.   Ammonti unitarji miksuba għal interventi fil-forma ta’ pagament dirett

L-informazzjoni pprovduta taħt din is-subtaqsima għandha tinkludi:

(a)

l-outputs realizzati;

(b)

in-nefqa kkalkolata skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 (“nefqa grossa”) rilevanti għall-outputs realizzati, inklużi l-elementi li ġejjin li abbażi tagħhom sar il-kalkolu tan-nefqa grossa:

(i)

l-ammonti mhux imħallsa wara t-tnaqqis u l-limiti massimi, stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(ii)

l-ammonti mhux imħallsa wara d-dixxiplina finanzjarja, stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(iii)

l-ammonti mhux imħallsa wara l-penali, stabbiliti fl-Artikolu 45(1)(b), l-Artikolu 59(1)(d), u l-Artikoli 85 u 89 tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(iv)

in-nefqa ddikjarata fil-kontijiet annwali rilevanti għall-outputs realizzati, stabbilita fl-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 (“nefqa netta”);

(c)

l-ammonti unitarji miksuba li jirriżultaw.

2.2.2.   Ammonti unitarji miksuba għal interventi f’ċerti setturi

L-informazzjoni pprovduta taħt din is-subtaqsima għandha tinkludi:

(a)

l-outputs realizzati;

(b)

in-nefqa kkalkolata skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 (“nefqa grossa”) rilevanti għall-outputs realizzati, inklużi l-elementi li ġejjin li abbażi tagħhom sar il-kalkolu tan-nefqa grossa:

(i)

fejn applikabbli, l-ammonti mhux imħallsa minħabba limitazzjoni tal-assistenza finanzjarja abbażi tas-sehem tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, imsemmija fl-Artikolu 52(2) u fl-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(ii)

l-ammonti mhux imħallsa wara l-penali, stabbiliti fl-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 59(1)(d) tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(iii)

in-nefqa ddikjarata fil-kontijiet annwali rilevanti għall-outputs realizzati, stabbilita fl-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 (“nefqa netta”);

(c)

l-ammonti unitarji miksuba li jirriżultaw.

2.2.3.   Ammonti unitarji miksuba għal interventi għall-iżvilupp rurali

L-informazzjoni pprovduta taħt din is-subtaqsima għandha tinkludi:

(a)

outputs realizzati esklużi l-outputs iġġenerati esklużivament minn finanzjament nazzjonali addizzjonali;

(b)

in-nefqa kkalkolata skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 (“nefqa grossa”) rilevanti għall-outputs realizzati, inklużi l-elementi li ġejjin li abbażi tagħhom sar il-kalkolu tan-nefqa grossa:

(i)

l-ammonti rkuprati, stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(ii)

l-ammonti mhux imħallsa wara l-penali, stabbiliti fl-Artikolu 45(2)(b), l-Artikolu 59(1)(d), u l-Artikoli 85 u 89 tar-Regolament (UE) 2021/2116;

(iii)

in-nefqa ddikjarata fil-kontijiet annwali rilevanti għall-outputs realizzati, stabbilita fl-Artikolu 32(1)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 (“nefqa netta”);

(iv)

in-nefqa pubblika totali minbarra l-finanzjament nazzjonali;

(c)

l-ammonti unitarji miksuba li jirriżultaw.

2.2.4.   Finanzjament nazzjonali addizzjonali

L-outputs realizzati ġġenerati esklużivament minn finanzjament nazzjonali addizzjonali għandhom jiġu rrappurtati skont l-intervent.

L-assistenza finanzjarja nazzjonali u l-finanzjament nazzjonali addizzjonali msemmija fl-Artikolu 134(11) u fl-Artikolu 115(5)(a) u (d) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jiġu rrappurtati skont l-intervent.

2.3.   Outputs realizzati – valuri aggregati

Din is-subtaqsima għandha tinkludi valuri aggregati tal-indikaturi tal-output irrapportati f’konformità mal-metodi għall-kalkolu stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290.

2.3.1.   Il-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output skont l-interventi u l-unitajiet ta’ kejl

2.3.2.   Il-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output skont it-tipi ta’ intervent u l-unitajiet ta’ kejl

2.3.3.   Valuri aggregati oħrajn tal-indikaturi tal-output

2.4.   Ammonti unitarji ta’ referenza addizzjonali

Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-għażla stabbilita fl-Artikolu 134(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115, din is-subtaqsima għandu jkun fiha, għal kull intervent ikkonċernat, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 134(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew fl-Artikolu 134(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

2.5.   L-użu ta’ strumenti finanzjarji f’interventi ta’ żvilupp rurali

Din is-subtaqsima għandu jkun fiha informazzjoni addizzjonali dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji fis-sena finanzjarja preċedenti f’konformità mal-Artikolu 134(10) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Din l-informazzjoni addizzjonali għandha tiġi rrappurtata skont it-tip ta’ intervent.

2.6.   Informazzjoni dwar iż-żrieragħ żejtnin, il-qoton u l-għajnuna nazzjonali tranżizzjonali

Din is-subtaqsima għandha tinkludi l-informazzjoni dwar iż-żrieragħ żejtnin li għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni dwar il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton li għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 137 tar-Regolament (UE) 2021/2115, ħlief għar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni li huwa mistenni sal-15 ta’ Frar 2024.

Din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni dwar l-għajnuna nazzjonali tranżizzjonali li għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2021/2115, li għandha tiġi rrappurtata skont l-intervent, ħlief għar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni li huwa mistenni sal-15 ta’ Frar 2024.

3.   SOMMARJU TAL-EVALWAZZJONIJIET

Fl-aħħar rapport dwar il-prestazzjoni annwali li huwa mistenni sal-15 ta’ Frar 2030, din it-taqsima għandha tinkludi sommarju tal-evalwazzjonijiet imwettqa matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 134(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Dan għandu jkun issupplimentat minn lista ta’ evalwazzjonijiet imwettqa matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, li għandha tinkludi, għal kull evalwazzjoni:

(a)

it-titolu;

(b)

id-data tat-tlestija;

(c)

ir-rabta ma’ objettiv speċifiku jew trażversali partikolari jew aktar minn wieħed imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(d)

il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonjiet ewlenin;

(e)

spjegazzjoni ta’ kif ġew segwiti r-rakkomandazzjonijiet ewlenin;

(f)

link għar-rapport ta’ evalwazzjoni.


(1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 486).