Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI I - TITOLU V - EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI - KAPITOLU III - KOPERAZZJONI MSAĦĦA - Artikolu I-44
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0033 - 0033
Artikolu I-44 Koperazzjoni msaħħa 1. L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi ta' l-Unjoni jistgħu jagħmlu użu mill-istituzzjonijiet tagħha u jistgħu jeżerċitaw dawk il-kompetenzi billi japplikaw id-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni, fil-limiti u skond il-proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu u fl-Artikoli III-416 sa III-423. Il-koperazzjoni msaħħa għandha timmira biex tiffavorixxi li jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni, tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess ta' l-integrazzjoni tagħha. Din il-koperazzjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha f'kull ħin, skond l-Artikolu III-418. 2. Id-deċiżjoni Ewropea li tawtorizza koperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla, meta jkun ġie stabbilit li l-għanijiet ta' dik il-koperazzjoni ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni bħala unità waħda, u sakemm mill-inqas terz mill-Istati Membri jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu III-419. 3. Il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda l-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f'koperazzjoni msaħħa biss jistgħu jivvotaw. L-unanimità tkun kostitwita mill-voti tar-rappreżentanti biss ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw. Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati. Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet. B'deroga mit-tielet u r-raba subparagrafi, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni, l-maġġoranza kwalifikata meħtieġa għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati. 4. Atti adottati fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa għandhom biss jorbtu l-Istati Membri li jipparteċipaw. M'għandhomx jiġu meqjusa bħala parti mill-acquis li għandu jiġi aċċettat mill-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni. --------------------------------------------------