SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
7 ta’ Marzu 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2003/4/KE – Dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali – Derogi – Data dwar il-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati sabiex jitħejja inventarju tal-foresti”
Fil-Kawża C‑234/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ April 2022, fil-proċedura
Roheline Kogukond MTÜ,
Eesti Metsa Abiks MTÜ,
Päästame Eesti Metsad MTÜ,
Sihtasutus Keskkonnateabe Ühendus
vs
Keskkonnaagentuur,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Roheline Kogukond MTÜ, Eesti Metsa Abiks MTÜ, Päästame Eesti Metsad MTÜ u Sihtasutus Keskkonnateabe Ühendus, minn I. Kukk u K. Marosov, vandeadvokaadid, |
|
– |
għall-Keskkonnaagentuur, minn M. Triipan, vandeadvokaat, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u E. Randvere, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) u (b) tal-Artikolu 2, tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), tal-punti (a), (b) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Roheline Kogukond MTÜ, Eesti Metsa Abiks MTÜ, Päästame Eesti Metsad MTÜ u Sihtasutus Keskkonnateabe Ühendus u, min-naħa l-oħra, il-Keskkonnaagentuur (l-Aġenzija għall-Ambjent, l-Estonja), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tilqa’ t-talba tagħhom għal aċċess għal ċerta data użata sabiex jitħejja l-inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha: “1. Kull Parti għandha tiżgura li, bla ħsara għall-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent li tintalab mingħandhom, inkluż, fil-każ li ssirilhom talba f’dan is-sens u bla ħsara għall-punt (b) iktar ’il quddiem, kopji tad-dokumenti li fihom tkun effettivament tinstab din l-informazzjoni, irrispettivament minn jekk dawn id-dokumenti jinkludux jew le informazzjoni oħra: […] 3. Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk: […]
4. Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun ser ikollu effetti sfavorevoli fuq:
[…]
Ir-raġunijiet għal rifjut msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tikkonċernax jew le emissjonijiet fl-ambjent. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
4 |
Skont il-premessi 16, 20, u 21 tad-Direttiva 2003/4:
[…]
|
|
5 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Il-miri ta’ din id-Direttiva huma:
|
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk: […]
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:
[…]
Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. […]” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/4, intitolat “Il-kwalità tat-tagħrif dwar l-ambjent”: “1. Safejn u sakemm ikun fil-poter tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull tagħrif li jiġi kkumpilat minnhon jew f’isimhom ikun aġġornat, eżatt u paragunabbli. 2. Fuq talba, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iwieġbu t-talbiet għat-tagħrif skond [il-punt (b) tal-Artikolu 2(1)], filwaqt li jirrappurtaw lill-applikant il-post fejn jista’ jinstab it-tagħrif, jekk disponibbli, dwar il-proċeduri tal-kejl, inklużi l-metodi ta’ l-analiżijiet, it-teħid tal-kampjuni, jew it-trattament minn qabel tal-kampjuni, użati għalbiex jikkumpilaw it-tagħrif, jew li jirreferu għal proċedura standardizzata.” |
Id‑dritt Estonjan
|
9 |
L-Artikolu 34(1) tar-riikliku statistika seadus (il-Liġi dwar l-Istatistika Nazzjonali) tal‑10 ta’ Ġunju 2010 jipprevedi li d-data li tippermetti l-identifikazzjoni diretta jew indiretta ta’ unità statistika u li tippermetti, b’dan il-mod, l-iżvelar ta’ data personali, hija data kunfidenzjali. |
|
10 |
Il-punti 3 u 19 tal-Artikolu 35(1) u l-punt 2 tal-Artikolu 35(2) tal-avaliku teabe seadus (il-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika) tal‑15 ta’ Novembru 2000 jipprovdu: “(1) Id-detentur tal-informazzjoni għandu jirrikonoxxi bħala informazzjoni rriżervata għal użu intern: […]
[…]
(2) Il-persuna li tmexxi awtorità pubblika jew awtorità lokali jew persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, tista’ tikklassifika bħala informazzjoni għal użu intern: […]
|
|
11 |
Id-Direttiva 2003/4 ġiet trasposta fid-dritt Estonjan mill-keskonnaseadustiku üldosa seadus (il-Liġi li tistabbilixxi l-Parti Ġenerali tal-Kodiċi tal-Ambjent) tas‑16 ta’ Frar 2011. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma erba’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li joperaw fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fl-Estonja, talbu lill-Aġenzija għall-Ambjent tikkomunikalhom id-data dwar il-plottijiet ta’ kampjuni permanenti (permanent sample plots) użati sabiex jitħejja l-inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti, inkluż il-koordinati tal-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni, billi sostnew, essenzjalment, li, mingħajr dawn tal-aħħar, il-miżuri mwettqa permezz ta’ dawn il-plottijiet ta’ kampjuni la setgħu jiġu interpretati b’mod korrett u lanqas ma setgħet, abbażi tagħhom, tinstilet xi konklużjoni dwar l-istat tal-foresta. |
|
13 |
L-Aġenzija għall-Ambjent laqgħet parzjalment din it-talba, iżda ma kkomunikatx lill-assoċjazzjonijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali d-data dwar il-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti, peress li din id-data hija, fil-fehma tagħha, suġġetta għal restrizzjonijiet ta’ aċċess skont l-Artikolu 34(1) tal- Liġi dwar l-Istatistika Nazzjonali u l-punt 3 tal-Artikolu 35(1) u l-punt 2 tal-Artikolu 35(2) tal-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika. Hija kkonfermat ir-rifjut li tiżvela din id-data dwar il-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni wara li, fis‑7 ta’ Diċembru 2020, l-Andmekaitseinspektsioon (l-Awtorità responsabbli għall-Protezzjoni tad-Data, l-Estonja) ordnatilha teżamina mill-ġdid din it-talba u tagħti aċċess lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-informazzjoni mitluba. |
|
14 |
Fid‑19 ta’ April 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra r-rifjut tal-Aġenzija għall-Ambjent li tiżvela d-data kontenzjuża dwar il-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja), il-qorti tar-rinviju, sabiex din l-aġenzija tiġi ordnata tikkomunikalhom din id-data. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, minn naħa, l-Aġenzija għall-Ambjent qiegħda ssostni li l-iżvelar tal-imsemmija data jaffettwa l-affidabbiltà tal-inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti u, konsegwentement, ikun ta’ ħsara għall-kapaċità tar-Repubblika tal-Estonja li tipproduċi statistika affidabbli u rrikonoxxuta fuq livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jinvokaw l-impossibbiltà li tiġi żgurata l-affidabbiltà ta’ din l-istatistika, kemm‑il darba ma tiġix ippubblikata l-istess data. Dik il-qorti tirrileva li l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali huwa rregolat mid-Direttiva 2003/4 u mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li għandha saħħa vinkolanti, b’mod li hija meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors imressaq quddiemha. |
|
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
17 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-punt 1(a) u (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati sabiex jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti jikkostitwixxu informazzjoni ambjentali fis-sens ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
18 |
Skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4, informazzjoni ambjentali tfisser kull informazzjoni dwar “l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, [l-art], il-pajżaġġ u s-siti naturli, […] id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha […] u l-interazzjoni fost dawn l-elementi”. |
|
19 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jitolbu l-koordinati tal-post fejn jinsabu, huma unitajiet ta’ kampjuni (sampling units) użati għall-ġbir perijodiku ta’ data sabiex jitfasslu, permezz ta’ estrapolazzjoni, rapporti statistiċi dwar il-popolamenti tal-foresti (forest stands) fl-Estonja, kif ukoll dwar l-użu tal-ħamrija u l-iżvilupp tagħha. Dawn il-plottijiet ta’ kampjuni jinsabu fil-ġnub ta’ biċċiet kwadri ta’ art b’superfiċje ta’ 64 ettaru, magħżula minħabba n-natura rappreżentattiva tagħhom tal-istat tal-foresti u tal-ħamrija. |
|
20 |
Kif ġie indikat mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw xi osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandu jiġi rrilevat li d-data miġbura mill-plottijiet ta’ kampjuni permanenti tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4, sa fejn din id-data tirrigwarda l-istat tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, l-istat tal-ħamrija, tas-siti naturali u tad-diversità bijoloġika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
21 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Estonjan u l-Aġenzija għall-Ambjent, l-istess jgħodd għall-koordinati tal-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni permanenti, liema koordinati huma indispensabbli għall-interpretazzjoni tad-data miġbura minn dawn il-plottijiet ta’ kampjuni u ma jistgħux, għalhekk, jinfirdu minn ma’ dawn tal-aħħar. |
|
22 |
Peress li jikkostitwixxu informazzjoni ambjentali fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4, dawn il-koordinati tal-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni ma jistgħux, mill-banda l-oħra, jitqiesu li jaqgħu wkoll taħt il-punt 1(b) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna l-fatturi li għandhom jew li jista’ jkollhom effett fuq l-elementi tal-ambjent imsemmija f’dan il-punt 1(a) tal-Artikolu 2, billi dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jeskludu lil xulxin. |
|
23 |
Mill-premess jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir perijodiku ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti jikkostitwixxu, flimkien mad-data miġbura minn dawn il-plottijiet ta’ kampjuni, liema data ma tistax tinfired minn magħhom, informazzjoni ambjentali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
|
24 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u l-punti (a), (b) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità amministrattiva tista’, abbażi ta’ waħda jew oħra mid-derogi previsti f’din id-dispożizzjoni, tirrifjuta li tiżvela lill-pubbliku l-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati sabiex jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti. |
|
25 |
Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest tat-tieni domanda huma inammissibbli inkwantu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, li jirrigwardaw, rispettivament, l-informazzjoni ambjentali li l-iżvelar tagħha jqiegħed f’periklu l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi u dik li l-iżvelar tagħha jqiegħed f’perikolu r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri. |
|
26 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti neċessarji ta’ liġi u ta’ fatt sabiex twieġeb b’mod utli d-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għandu jitfakkar ukoll li, fejn ma jkunx jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda tikkonċerna l-mertu tal-kwistjonijiet imqajma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 114, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda r-rifjut li jingħata aċċess lil diversi assoċjazzjonijiet li joperaw fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent għall-koordinati tal-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir ta’ data sabiex jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti fl-Estonja, u li, f’din it-tilwima, ġiet diskussa, b’mod partikolari, il-portata ta’ diversi derogi mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali previst fid-Direttiva 2003/4. |
|
29 |
F’dan il-kuntest, il-fatt li l-koordinati tal-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni, li l-komunikazzjoni tagħhom hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux, fil-fehma tal-Kummissjoni, manifestament taħt id-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 ma huwiex ta’ natura li jegħleb il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tgawdi d-domanda magħmula iżda jirrigwarda l-analiżi tal-fondatezza tal-argumenti inkwistjoni. |
|
30 |
Dan ifisser li t-tieni domanda hija ammissibbli fl-intier tagħha. |
|
31 |
Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi ppreveda sistema ġenerali intiża sabiex tiggarantixxi li kull applikant, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ikollu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmuma f’isimhom mingħajr ma jkun obbligat jinvoka xi interess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau,C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 31, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 28). |
|
32 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/4 jippreċiża, b’mod partikolari, li din id-direttiva tfittex li tiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi u li din l-informazzjoni ssir sistematikament disponibbli u tixxerred mal-pubbliku b’mod progressiv (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 39). |
|
33 |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu derogi mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, kif proprju tixhed il-premessa 16 ta’ din tal-aħħar. Sa fejn tali derogi jkunu ġew effettivament trasposti fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinvokawhom sabiex jirrifjutaw li jagħtu aċċess għal ċerta informazzjoni ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 31). |
|
34 |
Hekk kif jirriżulta mill-istruttura tad-Direttiva 2003/4 u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha, id-dritt għall-informazzjoni jfisser li l-iżvelar tal-informazzjoni għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew jirrifjutaw talba għal informazzjoni ambjentali biss fi ftit każijiet speċifiċi u ddefiniti b’mod ċar. Konsegwentement, id-derogi mid-dritt ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu, f’kull każ, jiġi bbilanċjat mal-interess moqdi bir-rifjut tal-iżvelar, ħlief fis-sitwazzjonijiet previsti fit-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
L-implimentazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4 tippreżumi, barra minn hekk, li l-iżvelar lill-pubbliku tal-informazzjoni mitluba jkun ta’ natura li jippreġudika, b’mod konkret u effettiv, l-interessi mħarsa minn din id-direttiva, peress li r-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 69). |
|
36 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula, li hija maqsuma f’erba’ partijiet. |
|
37 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk l-iżvelar tal-koordinati tal-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir perijodiku ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti jistax jiġi rrifjutat abbażi tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, li jippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw talba għal informazzjoni ambjentali li tikkonċerna dokumenti li jkunu għadhom qegħdin jitħejjew jew dokumenti u data li jkunu għadhom ma tlestewx. |
|
38 |
Għalkemm il-kunċetti ta’ dokumenti “li jkunu għadhom qegħdin jitħejjew” u ta’ dokumenti u data “li jkunu għadhom ma tlestewx” ma humiex iddefiniti minn din id-direttiva, mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 4 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali ppreżentata mill-Kummissjoni fid‑29 ta’ Ġunju 2000 (COM (2000) 402 final, ĠU 2000, C 337 E, p. 156) jirriżulta li din id-deroga hija intiża sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa tal-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom spazju protett sabiex jirriflettu u jorganizzaw dibattiti interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 44). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mir-raġuni għal rifjut ta’ aċċess prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 li tikkonċerna l-komunikazzjonijiet interni, dik prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tikkonċerna t-tħejjija jew it-tfassil ta’ dokumenti u għandha, għaldaqstant, natura temporanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden‑Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 56). |
|
39 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn dik tal-Artikolu 4(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprevedi deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali fir-rigward tad-dokumenti li jkunu qegħdin jitħejjew, u mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-dokument intitolat “Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Gwida għall-Implimentazzjoni” (It-tieni edizzjoni, 2014) ippubblikat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, li, għalkemm ma għandux is-saħħa ta’ liġi, jagħmel parti mill-elementi li jistgħu jiggwidaw l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 27). |
|
40 |
Issa, il-koordinati tal-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti li jkunu għadhom qegħdin jitħejjew jew bħala dokumenti u data li jkunu għadhom ma tlestewx peress li jikkonċernaw l-istat tal-foresta f’data partikolari. |
|
41 |
Il-fatt li, sabiex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tal-istat tar-riżorsi tal-foresti u tal-ħamrija, dawn il-plottijiet ta’ kampjuni jintużaw sabiex jitħejjew inventarji tal-foresti suċċessivi jew xi rapporti oħra, ma jqegħedx f’dubju din il-konklużjoni. L-interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex tippermetti l-applikazzjoni mingħajr limitazzjoni ratione temporis tad-deroga prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, meta, kif tfakkar iktar ’il fuq, din tal-aħħar għandha natura temporanja. |
|
42 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-raġuni għal rifjut ta’ aċċess intiża sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjoni li din il-kunfidenzjalità għandha tkun prevista fid-dritt tkunx issodisfatta f’sitwazzjoni fejn din il-kunfidenzjalità ma tkunx tirriżulta minn dispożizzjonijiet speċifiċi iżda minn att ta’ natura ġenerali, bħal liġi dwar l-informazzjoni pubblika jew liġi dwar l-istatistika. |
|
43 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, b’dan il-mod, dik il-qorti qiegħda titlaq mill-premessa li din ir-raġuni ta’ rifjut tista’ tapplika għal xi informazzjoni, bħall-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti. |
|
44 |
Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-terminu “deliberazzjonijiet” użat fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 jirreferi għall-istadji finali tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li huma indikati b’mod ċar mid-dritt nazzjonali bħala deliberazzjonijiet u li l-kunfidenzjalità tagħhom għandha tkun prevista fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punti 63 u 64, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2023, Right to Know, C‑84/22, EU:C:2023:910, punt 43). |
|
45 |
F’dan il-każ, minkejja li jikkonċernaw il-plottijiet ta’ kampjuni użati għall-ġbir ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti u minkejja li għandhom, għalhekk, rabta indiretta mat-teħid ta’ deċiżjoni pubblika fil-qasam ambjentali, il-koordinati tal-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex relatati, bħala tali, mal-istadji finali tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan il-qasam u, għalhekk, ma humiex relatati ma’ “deliberazzjonijiet” fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. |
|
46 |
Dan ifisser li talba intiża għall-aċċess għal tali koordinati tal-post fejn jinsabu dawn il-plottijiet ta’ kampjuni ma tistax, fi kwalunkwe każ, taqa’ taħt id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk il-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni tistax titqies bħala prevista fid-dritt, fis-sens ta’ din tal-aħħar, meta din tkun tirriżulta minn test ta’ portata ġenerali, bħal liġi dwar l-informazzjoni pubblika jew liġi dwar l-istatistika. |
|
47 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw talba għal informazzjoni ambjentali li l-iżvelar tagħha jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-degradazzjoni tal-affidabbiltà tad-data użata bħala bażi sabiex jitħejja tali inventarju tal-foresti, konsegwenza tal-iżvelar ta’ dawn il-koordinati, hijiex ta’ natura li tippreġudika ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
48 |
L-għan tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 huwa li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Artikolu 4(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprovdi li dik l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkollu “effetti sfavorevoli” fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali jew fuq id-difiża nazzjonali jew fuq is-sigurtà pubblika tal-Istat parti kkonċernat tista’ tiġi eskluża mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali. |
|
49 |
La mill-kliem tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 u lanqas minn dak tal-Artikolu 4(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din id-deroga tippreżumi, f’kull każ, li l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali jmur, fih innifsu, kontra xi impenn internazzjonali. |
|
50 |
Kif ġie mfakkar fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, l-implimentazzjoni ta’ din id-deroga teħtieġ, għall-kuntrarju, li l-interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali inkwistjoni jiġi bbilanċjat mal-interess moqdi bir-rifjut li tiġi żvelata din l-informazzjoni u teħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li tali żvelar jista’ jippreġudika, b’mod konkret u effettiv, l-interessi mħarsa mid-Direttiva 2003/4, liema riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. |
|
51 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel tali evalwazzjonijiet f’dan il-każ. F’dan il-kuntest, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk kwalunkwe ksur tal-impenji internazzjonali tar-Repubblika tal-Estonja li jirriżulta mill-iżvelar tal-koordinati tal-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollux effetti sfavorevoli suffiċjentement konkreti u prevedibbli sabiex effettivament jippreġudika l-interessi tagħha jew il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-foresti, jew jekk, kif proprju jissuġġerixxu l-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tali konsegwenzi humiex, f’dan il-każ, biss ipotetiċi. |
|
52 |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-iżvelar ta’ koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti jistax jaqa’ taħt id-deroga prevista fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 li tirrigwarda l-każ fejn l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jkun jippreġudika l-protezzjoni tal-ambjent li tikkonċerna din l-informazzjoni. Hija tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, jekk id-degradazzjoni tal-affidabbiltà tad-data użata bħala bażi sabiex jitħejja tali inventarju tal-foresti, konsegwenza tal-iżvelar ta’ dawn il-koordinati, hijiex ta’ natura li tippreġudika l-protezzjoni tal-ambjent, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
53 |
Mill-kliem stess tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 jirriżulta li, bl-introduzzjoni ta’ din id-deroga, il-leġiżlatur tal-Unjoni awtorizza lill-Istati Membri jastjenu milli jiżvelaw informazzjoni ambjentali li t-tixrid tagħha jkun ta’ perikolu għall-ambjent, bħad-data li tidentifika l-post fejn jinsabu speċijiet rari. |
|
54 |
L-istess possibbiltà tirriżulta mill-Artikolu 4(4)(h) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprevedi li l-Istati li huma parti għal din il-konvenzjoni jistgħu jiċħdu t-talbiet li jirrigwardaw informazzjoni ambjentali li l-iżvelar tagħha jkollu effetti sfavorevoli fuq l-ambjent li tikkonċerna dik l-informazzjoni, bħas-siti ta’ riproduzzjoni ta’ speċijiet rari. |
|
55 |
F’din il-kawża, il-Gvern Estonjan u l-Aġenzija għall-Ambjent isostnu li l-iżvelar tal-koordinati tal-post fejn jinsabu il-plottijiet ta’ kampjuni permanenti jista’ jkun ta’ ħsara għall-kwalità rappreżentattiva u għall-affidabbiltà tal-inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti, u għalhekk għall-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi fil-qasam tal-ambjent. B’mod partikolari, fil-fehma tagħhom, dan l-iżvelar jiftaħ it-triq għal possibbiltà ta’ manipulazzjoni tad-data statistika mid-diversi persuni kkonċernati tal-forestrija, li jistgħu, pereżempju, jintervjenu biss fuq biċċiet ta’ art li ma humiex dawk li minnhom tinġabar id-data u b’hekk jikkontribwixxu sabiex tingħata stampa qarrieqa tal-istat tal-foresta. |
|
56 |
Sa fejn dan jista’ jippreġudika l-kwalità li biha jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti, u għalhekk il-protezzjoni tal-ambjent li tikkonċerna l-informazzjoni mitluba, tali riskju huwa ta’ natura li jiġġustifika l-applikazzjoni tad-deroga prevista fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. |
|
57 |
Il-fatt li ma huwiex inkwistjoni l-post fejn jinsabu speċijiet rari ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju din il-konklużjoni, billi l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 jipprevedi, b’mod ġenerali, il-każijiet kollha li fihom l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-ambjent u jsemmi l-protezzjoni tal-post fejn jinsabu speċijiet rari bħala eżempju biss. |
|
58 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, bħar-raġunijiet kollha għal rifjut ta’ aċċess stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, bl-eċċezzjoni ta’ dik imsemmija fit-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva li tikkonċerna l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, l-implimentazzjoni ta’ din id-deroga teħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi, taħt l-istħarriġ tal-qorti, jibbilanċjaw l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar mal-interess moqdi bir-rifjut ta’ żvelar u teħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li tali żvelar jista’ jippreġudika, b’mod konkret u effettiv, l-interessi mħarsa mill-imsemmija direttiva, liema riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. |
|
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq is‑sitt domanda
|
60 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità amministrattiva tista’ tirrifjuta, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li tiżvela lill-pubbliku l-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati sabiex jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti. |
|
61 |
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4, “[s]afejn u sakemm ikun fil-poter tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull tagħrif li jiġi kkumpilat minnhon jew f’isimhom ikun aġġornat, eżatt u paragunabbli.” |
|
62 |
Mill-kliem tagħha stess jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss rekwiżit ta’ kwalità tal-informazzjoni ambjentali. Hija ma tistax, waħedha, isservi bħala bażi għar-rifjut li tintlaqa’ talba għal informazzjoni ambjentali peress li, kif ġie indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, id-derogi mid-dritt ta’ aċċess għal tali informazzjoni huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. |
|
63 |
Għalhekk, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4 ma jipprovdix raġuni addizzjonali għal deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali, meta mqabbel mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u mar-raġunijiet stabbiliti f’dan tal-aħħar. |
|
64 |
Madankollu, huma l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit tal-kwalità tal-informazzjoni ambjentali stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4 sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali jistax jippreġudika wieħed jew l-ieħor mill-interessi msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, u, b’mod iktar speċifiku, il-protezzjoni tal-ambjent li tikkonċerna din l-informazzjoni, fis-sens tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
|
65 |
Mill-premess jirriżulta li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità amministrattiva ma tistax tirrifjuta li tiżvela lill-pubbliku l-koordinati tal-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati sabiex jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti abbażi biss ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda
|
66 |
Permezz tat-tielet sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-koordinati tal-post fejn jinsabu l-plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati sabiex jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti jaqgħux taħt l-informazzjoni msemmija fil-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4, li t-talbiet għal dik l-informazzjoni għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva. Fl-affermattiv, dik il-qorti tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tali data tikkostitwixxix informazzjoni dwar proċeduri tal-kejl, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8(2), kif ukoll, kemm‑il darba dan ikun il-każ, jekk raġunijiet importanti previsti fid-dritt nazzjonali jippermettux li dik id-data tiġi eskluża mill-aċċess tal-pubbliku u jekk miżuri oħra, bħat-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni ta’ korpi ta’ riċerka u ta’ kontroll, jistgħux jirrestrinġu r-rifjut li tiġi kkomunikata din id-data. |
|
67 |
Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti jikkostitwixxu informazzjoni ambjentali fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4 u li ma jaqgħux taħt il-punt 1(b) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 8(2) ta’ din tal-aħħar. Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda. |
Fuq is‑seba’ domanda
|
68 |
Permezz tas-seba’ u tal-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-premessa 21 tad-Direttiva 2003/4 tistax isservi bħala bażi legali awtonoma għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti. |
|
69 |
Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2003/4, bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-ambjent, “l-awtoritajiet pubbliċi għandhom, kif approprjat, jagħmlu disponibbli u jxerrdu t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun rilevanti għall-funzjonijiet tagħhom […]”. |
|
70 |
Billi l-premessi ta’ direttiva għandhom biss valur interpretattiv tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76), il-premessa 21 tad-Direttiva 2003/4 ma tistax isservi bħala bażi legali awtonoma għal obbligu ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali jew ta’ tixrid lill-pubbliku ta’ tali informazzjoni distint minn dawk previsti fl-Artikoli 3 u 7 ta’ din id-direttiva. |
|
71 |
Mill-premess jirriżulta li r-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-premessa 21 tad-Direttiva 2003/4 ma tistax isservi bħala bażi legali awtonoma għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-koordinati tal-post fejn jinsabu plottijiet ta’ kampjuni permanenti użati għall-ġbir ta’ data bil-għan li jitħejja inventarju statistiku nazzjonali tal-foresti. |
Fuq l‑ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.