IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.7.2024
COM(2024) 278 final
2024/0152(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward taċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mit-taxxa
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.7.2024
COM(2024) 278 final
2024/0152(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward taċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mit-taxxa
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 (id-Direttiva tal-VAT) sabiex tintroduċi ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni li jikkonferma li tranżazzjoni tikkwalifika għal eżenzjoni speċifika skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 151(1) ta’ dik id-Direttiva.
L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 2 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT) jipprevedi ċertifikat tal-eżenzjoni mill-VAT u/jew mid-Dazju tas-Sisa, imfassal biex ikun f’verżjoni stampata ħalli jiġi ffirmat bl-idejn. Il-verżjoni stampata attwali jenħtieġ li tiġi sostitwita biċ-ċertifikat elettroniku l-ġdid sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domandi dejjem akbar fl-era diġitali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji. Barra minn hekk, permezz tat-tali konverżjoni elettronika, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-UE 3 li tirrikjedi li jistabbilixxu l-mezzi tekniċi meħtieġa biex ikun possibbli l-ipproċessar elettroniku tad-dokumenti ffirmati elettronikament meta jintuża servizz online provdut minn korp tas-settur pubbliku jew f’ismu.
Din l-inizjattiva sservi wkoll biex tallinja ruħha mal-qasam tad-dazji tas-sisa, fejn il-proċeduri elettroniċi huma diġà possibbli 4 .
Bis-saħħa ta’ dan, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-format elettroniku applikabbli taċ-ċertifikat u l-mod li bih għandu jiġi proċessat elettronikament. L-atti ta’ implimentazzjoni rispettivi għandhom jiġu adottati b’konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 5 , filwaqt li tiġi applikata l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 6 .
Din il-proposta hija r-riżultat ta’ analiżi fid-dettall tal-fattibbiltà u l-kostijiet tal-introduzzjoni ta’ ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni, imwettqa fuq talba tal-Istati Membri, li ħadu dan l-element minn proposta preċedenti tal-Kummissjoni ta’ April 2021 7 (’l hekk imsejħa proposta ta’ “xiri u għoti ta’ donazzjoni”) u talbu aktar informazzjoni dwar l-aspetti ta’ implimentazzjoni meta l-emendi korrispondenti tad-Direttiva tal-VAT ġew adottati f’Lulju 2021 8 .
Wara l-appoġġ estensiv muri fis-36 laqgħa tal-Grupp dwar il-futur tal-VAT f’Diċembru 2021 għal trasformazzjoni elettronika taċ-ċertifikat tal-eżenzjoni, f’Mejju 2022, il-Grupp ta’ Esperti tal-SCAC 9 (SCAC, Standing Committee on Administrative Cooperation) ta l-kompitu lill-SCIT 10 (SCIT, Sub-committee for IT matters) biex jistudja l-fattibbiltà u l-kostijiet ta’ tali proġett kif ukoll l-aspetti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-Grupp ta’ Esperti tal-SCAC iddiskuta l-eżitu ta’ dan l-istudju tekniku 11 waqt is-27 laqgħa tiegħu fi Frar 2023 12 .
Waqt it-43 laqgħa tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT li saret f’Novembru 2023, intlaħaq kunsens dwar il-prinċipju li jkun hemm soluzzjoni diġitali għaċ-ċertifikat tal-eżenzjoni bi preferenza għal għażla li tinvolvi formola elettronika f’format PDF akkumpanjata minn proċess kompletament elettroniku. Din is-soluzzjoni teknika għandha l-vantaġġ li żżid mal-istandards diġà żviluppati peress li tibbaża fuq l-istack tekniku u t-teknoloġiji b’sors miftuħ ta’ DĠ TAXUD, u b’hekk tista’ tiġi introdotta fiċ-ċentri tad-data ta’ DĠ TAXUD. Id-diskussjonijiet tekniċi mal-Istati Membri se jkomplu fl-SCAC u fl-SCIT, inkluż analiżi ulterjuri tad-dettalji tekniċi, li permezz tagħhom l-Istati Membri se jkunu jistgħu jiksbu l-elementi meħtieġa għall-kalkolu tal-kostijiet tagħhom.
Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ proġetti tal-IT li għandhom bħalissa, l-Istati Membri se jitħallew ikomplu jużaw il-verżjoni stampata taċ-ċertifikat tal-eżenzjoni għal perjodu tranżitorju sat-30 ta’ Ġunju 2030. Sabiex ikun kemm jista’ jkun faċli għall-Istati Membri li jaqilbu għall-proċedura elettronika, din l-għażla jenħtieġ li tkun flessibbli u disponibbli abbażi ta’ kull tranżazzjoni.
Fl-interessi taċ-ċertezza legali u s-simplifikazzjoni amministrattiva, u biex jiġu evitati kostijiet addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-IT, mhi se ssir l-ebda distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet domestiċi u dawk transfruntiera meta jiġi applikat iċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni. Iċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni se jiġi applikat ukoll jekk l-eżenzjoni tingħata permezz ta’ rifużjoni tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 151(2) tad-Direttiva tal-VAT.
Barra minn hekk, din il-proposta żżid dispożizzjoni ġdida li tiċċara li f’każijiet meta l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jiġux issodisfati jew ma jibqgħux japplikaw, il-korp jew l-individwu eliġibbli li joħroġ iċ-ċertifikat ikun responsabbli li jħallas kwalunkwe VAT dovuta. F’każijiet bħal dawn, il-persuna taxxabbli tkun żvantaġġata bla bżonn minħabba talba għal ħlas addizzjonali tal-VAT, peress li normalment il-korp jew l-individwu eliġibbli biss ikun jaf bl-informazzjoni rilevanti dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni. Tali kjarifika meħtieġa wkoll biex tiġi evitata l-inċertezza legali. Sabiex jiġu evitati piżijiet bla bżonn f’dawn il-każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli l-korpi jew l-individwi eliġibbli jkunu jistgħu jħallsu l-VAT dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni sħiħa tal-VAT.
Il-klawżola ta’ awtovalidazzjoni prevista fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT se tinżamm għall-proċedura elettronika l-ġdida. B’konsegwenza ta’ dan, jekk l-oġġetti jew is-servizzi jkunu maħsuba għall-użu uffiċjali, l-Istati Membri jistgħu jiddispensaw lill-korp jew lill-individwu eliġibbli mir-rekwiżit li jkollu ċertifikat tal-eżenzjoni ffirmat b’mod elettroniku mill-Istat Membru ospitanti bil-kundizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu huma. Din l-eżenzjoni tista’ tiġi rtirata fil-każ ta’ abbuż.
L-Istati Membri se jkollhom japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Lulju 2026, u b’hekk se jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw iċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mill-VAT u l-proċedura l-ġodda.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Permezz tal-proposta hija possibbli l-konverżjoni elettronika taċ-ċertifikat tal-eżenzjoni bħala l-pass li jmiss wara l-adattament tiegħu fl-2022 13 , li jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-VAT, ħalli jiġu inklużi l-attivitajiet tal-Unjoni skont il-Politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) 14 u l-miżuri tal-Unjoni b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 15 .
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-introduzzjoni taċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mill-VAT hija konformi mal-inizjattivi meħuda bħala parti mill-politika tad-diġitalizzazzjoni tal-UE, bħad-Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar Soċjetà Diġitali u Gvern Diġitali bbażat fuq il-Valuri 16 , u se tgħin lill-Istati Membri jgħammru lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-użu ta’ firem elettroniċi avvanzati stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE 17 .
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ tittieħed biss azzjoni fil-livell tal-Unjoni jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE. Id-Direttiva tal-VAT attwali tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu u japplikaw ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mill-VAT.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ u hija proporzjonata mal-objettivi segwiti. L-inizjattiva tintroduċi ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni li jikkonferma li tranżazzjoni tikkwalifika għal eżenzjoni speċifika skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-VAT. Minħabba ż-żieda fil-piż amministrattiv u n-nuqqas ta’ flessibbiltà assoċjati mal-proċedura ta’ eżenzjoni bbażata fuq dokumenti stampati, il-miżuri proposti se jwasslu għal simplifikazzjoni sinifikanti u ffrankar tal-kostijiet fit-tul, u għaldaqstant huma proporzjonati fid-dawl tal-impatt baġitarju limitat tagħhom.
•Għażla tal-istrument
Tenħtieġ Direttiva biex id-Direttiva tal-VAT attwali tiġi emendata.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma twettqet l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati minħabba n-natura teknika ħafna ta’ din l-inizjattiva u l-allinjament tagħha mal-isforzi fil-livell tal-UE biex jiġu promossi l-interazzjonijiet diġitali tal-gvern.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, wettqet studju tekniku biex tidentifika soluzzjoni possibbli tal-IT għall-introduzzjoni ta’ ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni u proċedura korrispondenti.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt separata minħabba n-natura teknika u l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett ħafna ta’ din l-inizjattiva.
•Drittijiet fundamentali
Il-konverżjoni elettronika proposta tal-proċedura ta’ eżenzjoni mill-VAT tappoġġa l-adattament għall-era diġitali u ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, kif protetti mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta se tneħħi l-piż amministrattiv u l-kostijiet assoċjati mal-ipproċessar tal-verżjoni stampata taċ-ċertifikat tal-eżenzjoni mill-VAT. Il-Kummissjoni se ġġarrab ħafna mill-kostijiet għall-implimentazzjoni u l-operazzjoni tas-soluzzjoni diġitali, stmati għal EUR 2,9 miljuni, li se jkunu finanzjati kompletament mill-programm FISCALIS fil-pakkett finanzjarju tagħha previst fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. Il-kostijiet għall-Istati Membri mistennija jkunu ftit u fil-biċċa l-kbira se jkunu relatati mal-għoti tal-aċċess għall-applikazzjoni ċentrali.
Iċ-ċertifikat elettroniku l-ġdid mhux se jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mill-VAT applikati. Għalhekk mhu se jkun hemm l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE peress li r-riżorsi proprji bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) mhux se jiġu affettwati.
5.ELEMENTI OĦRA
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma għandhiex bżonn ta’ Dokumenti ta’ Spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 għandu l-għan li jemenda d-Direttiva tal-VAT billi permezz tiegħu, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tista’ tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni li jipprevedu ċertifikat elettroniku li jikkonferma li t-tranżazzjoni tikkwalifika għal eżenzjoni speċifika skont is-subparagrafu tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-VAT, li jinħareġ mill-korp jew mill-persuna eliġibbli li tirċievi l-provvista eżentata tal-oġġetti jew is-servizzi, u li flimkien mal-Istat Membru ospitanti jkun se jiffirma dak iċ-ċertifikat b’mezzi elettroniċi.
L-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għandu jkun fihom id-dettalji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format u l-ipproċessar elettroniku taċ-ċertifikat, u għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, li għaliha għandu jintuża l-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010.
Minħabba l-għadd kbir ta’ proġetti tal-IT li għaddejjin bħalissa, l-Istati Membri jistgħu minflok jużaw il-verżjoni stampata taċ-ċertifikat stabbilita fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT għat-tranżazzjonijiet imwettqa sat-30 ta’ Ġunju 2030.
Filwaqt li jiġi rikonoxxut li n-negozji normalment ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti, qed jiġi ċċarat li jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ma jiġux issodisfati jew ma jibqgħux japplikaw, huwa l-korp jew l-individwu eliġibbli li joħroġ iċ-ċertifikat elettroniku li jkun responsabbli għall-ħlas ta’ kwalunkwe VAT lill-Istat Membru meta tkun dovuta.
Sabiex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien ħalli jimplimentaw il-proċedura elettronika l-ġdida, se jkollhom japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-1 ta’ Lulju 2026.
2024/0152 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward taċ-ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni mit-taxxa
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 18 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)L-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 20 jipprevedi li ċ-ċertifikat tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u/jew mid-dazju tas-sisa, stabbilit fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, iservi biex jikkonferma li provvista ta’ oġġetti jew servizzi mogħtija lil korp jew individwu eliġibbli, tikkwalifika għal eżenzjoni skont l-Artikolu 151 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 21 . Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jipprevedi ċertifikat tal-eżenzjoni f’forma stampata li jeħtieġ jiġi ffirmat bl-idejn. Jeħtieġ li l-proċess tal-ħolqien u tat-tressiq taċ-ċertifikat tal-eżenzjoni jiġi diġitalizzat u li d-dokument stampat jiġi sostitwit b’dokument f’format elettroniku sabiex jiġu minimizzati l-burokrazija u l-piż amministrattiv kif ukoll jitnaqqsu l-kostijiet fit-tul.
(2)Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ proġetti tal-IT li jużaw ħafna riżorsi, li huma involuti fihom l-Istati Membri, flimkien ma dak li hu meħtieġ biex jaqilbu għal ċertifikat elettroniku tal-eżenzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà u biżżejjed żmien biex ilestu t-tranżizzjoni għall-proċedura elettronika l-ġdida. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jitħallew ikomplu jużaw il-formola stampata stabbilita fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 għat-tranżazzjonijiet imwettqa matul il-perjodu tranżitorju.
(3)Wara li jkun inħareġ ċertifikat tal-eżenzjoni, huwa possibbli li korp jew individwi eliġibbli għal eżenzjoni għax-xiri tiegħu skont l-Artikolu 151 tad-Direttiva 2006/112/KE, isir jaf li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni inkwistjoni mhumiex issodisfati jew ma jibqgħux jiġu ssodisfati. Tali informazzjoni normalment tkun magħrufa biss minn dak il-korp jew individwu peress li l-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk il-kundizzjonijiet jeħtieġ titwettaq abbażi tal-attivitajiet tal-korp jew tal-individwu li jsirulu l-provvisti u li permezz tiegħu jeħtieġ jintużaw dawk l-oġġetti jew is-servizzi. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-persuni taxxabbli u biex jiġu evitati piżijiet żejda fuq il-persuni taxxabbli, jeħtieġ jiġi ċċarat li f’tali każijiet, il-VAT dovuta jenħtieġ li titħallas mill-korp jew mill-individwu eliġibbli li jkun ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżenzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw piżijiet bla bżonn f’każijiet eċċezzjonali bħal dawn billi jawtorizzaw il-ħlas tal-VAT mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni sħiħa tal-VAT.
(4)Filwaqt li tinżamm l-għażla attwalment disponibbli għall-verżjoni stampata taċ-ċertifikat, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jkomplu jirrinunzjaw ir-rekwiżit li ċ-ċertifikat elettroniku jiġi ffirmat mill-Istat Membru ospitanti, soġġetti għall-kundizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu u li jistgħu jiġu rtirati f’każ ta’ abbuż.
(5)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 151(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 .
(6)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 151 tad-Direttiva 2006/112/KE jiżdiedu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:
“1a. L-Istati Membri għandhom jużaw ċertifikat elettroniku biex jikkonfermaw li t-tranżazzjoni tikkwalifika għall-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1, l-ewwel subaragrafu. Il-korp jew l-individwu eliġibbli li jirċievi l-provvista eżentata tal-oġġetti jew tas-servizzi, għandu joħroġ iċ-ċertifikat u jiffirmah b’mezzi elettroniċi flimkien mal-Istat Membru ospitanti.
Jekk l-oġġetti jew is-servizzi jkunu maħsuba għall-użu uffiċjali, l-Istati Membri jistgħu jiddispensaw lill-korp jew lill-individwu eliġibbli mir-rekwiżit li jkollu ċ-ċertifikat iffirmat mill-Istat Membru ospitanti bil-kundizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu huma. Din id-dispensa tista’ tiġi rtirata fil-każ ta’ abbuż. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-punt ta’ kuntatt deżinjat biex jidentifika s-servizzi responsabbli għall-iffirmar taċ-ċertifikat b’mezzi elettroniċi u kemm jistgħu jiddispensaw minn dan ir-rekwiżit. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni li tressqet mill-Istati Membri.
B’deroga mill-ewwel żewġ subparagrafi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw il-verżjoni stampata taċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011* għal kwalunkwe tranżazzjoni li ssir sat-30 ta’ Ġunju 2030.
Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-dettalji u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-format elettroniku taċ-ċertifikat imsemmi fl-ewwel subparagrafu u l-ipproċessar tiegħu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u għal dan l-għan, il-kumitat għandu jkun il-kumitat stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.
1b. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ma jiġux issodisfati jew ma jibqgħux japplikaw, il-korp jew l-individwu eliġibbli li jkun ħareġ u ffirma ċ-ċertifikat, għandu jkun responsabbli li jħallas il-VAT lill-Istat Membru meta tkun dovuta.
______________________
* Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/282/oj).”.
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2026. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn tal-aħħar għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert mill-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President