Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Lulju 2026 (*)

“Disinn tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat li jirrappreżenta paralum – Disinni preċedenti li jinsabu f’faxxikoli tal-privattiva Żvizzera u tal-Istati Uniti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Elementi tal-faxxikoli tal-privattiva li jinkludu d-disinni preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-impressjoni globali – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑40/25,

DecoTrend GmbH, stabbilita fi Weiden in der Oberpfalz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Nicolás Gómez, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

B.K.Licht GmbH & Co. KG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M.-H. Hoffmann, avukat,

IL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

komposta minn E. Buttigieg, President, J. Schwarcz u E. Tichy-Fisslberger (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Orgatex GmbH & Co KG, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑8 ta’ Novembru 2024 (Każ R 102/2022‑3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit‑12 ta’ Jannar 2022, l-intervenjenti, B.K.Licht GmbH & Co. KG, ippreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn tal-Unjoni Ewropea, irreġistrat bin-Nru 4 031 201–0004 wara applikazzjoni ppreżentata fit‑3 ta’ Ġunju 2017. Dan tal-aħħar huwa rrappreżentat fit-tliet veduti li ġejjin:

Image not found

Image not found

Veduta 4.1

Veduta 4.2

Image not found

Image not found

Veduta 4.3

Veduta 4.4

3        Il-prodotti li għalihom id-disinn, li l-invalidità tiegħu kienet ġiet mitluba, huwa intiż li jiġi applikat jaqgħu fil-klassijiet 26-04 u 26-05 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li Jistabbilixxi Klassifikazzjoni Internazzjonali għad-Disinni Industrijali, kif emendat, u kienu jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 26-04 “Paralum”;

–        Klassi 26-05 “Girlandi elettriċi”.

4        Ir-raġuni invokata insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, rettifiki fil-ĠU L, 2025/90303 u fil-ĠU L, 2026/90112), fil-verżjoni tiegħu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/2822 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2024 (ĠU L, 2024/2822), moqri flimkien mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

5        Fil-formola li permezz tagħha l-intervenjenti ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija kienet indikat li din it-talba kienet ibbażata fuq il-faxxikolu tal-privattiva Nru CH 132 939, ippreżentat lill-Istitut Federali tal-Proprjetà Intellettwali (IPI, l-Iżvizzera) u żvelat fis‑16 ta’ Lulju 1929. Fiha kienet indikat ukoll li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tinkludi diversi annessi, inkluż Anness 2 dwar il-motiv invokat insostenn ta’ din it-talba (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Dan l-Anness 2 kien jikkorrispondi għall-imsemmi faxxikolu tal-privattiva li kien jinkludi ħames illustrazzjonijiet, b’mod partikolari s-segwenti li kien identifikata fih bħala “Fig. 1” (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti D1”):

Image not found

6        B’mod iktar speċifiku, fil-formola msemmija fil-punt 5 iktar il fuq, l-intervenjenti kienet indikat ukoll li l-motivazzjoni tat-talba tagħha kienet tinsab fil-ħames annessi tagħha, jiġifieri f’fajl bl-isem “Begruendung Nichtigkeitsantrag.pdf” (motivazzjoni talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iktar ’il quddiem l-“anness motivazzjoni”), kif ukoll fl-Annessi 1, 3, 4 u 5.

7        Taħt il-punt II tal-anness motivazzjoni, l-intervenjenti kienet esponiet dan li ġej:

“Id-disinn ikkontestat ma għandux karattru individwali, peress li jipproduċi l-istess impressjoni globali bħal disinn preċedenti. Bħala Anness 2, aħna nehmżu l-faxxikolu tal-privattiva Żvizzera Nru 132 939. […] L-illustrazzjoni 1 [Fig. 1] li tinsab f’dan il-faxxikolu tal-privattiva tirrappreżenta l-forma tal-paralum f’forma ta’ stilla u għalhekk tikkostitwixxi disinn preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-[Regolament Nru 6/2002]. L-impressjoni globali prodotta minn dan id-disinn preċedenti tikkorrispondi għal dik prodotta mid-disinn ikkontestat.”

8        Taħt il-punt III tal-anness motivazzjoni, l-intervenjenti kienet indikat dan li ġej:

“Bħala Anness 4, aħna nehmżu kopja tal-faxxikolu tal-privattiva tal-Istati Uniti Nru 1 653 206 [...]. Dan il-faxxikolu ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Diċembru 1927. L-illustrazzjoni 1 li tidher f’dan il-faxxikolu tikkostitwixxi disinn preċedenti ieħor. Dan il-faxxikolu tal-privattiva joriġina mill-istess inventur bħall-faxxikolu tal-privattiva Żvizzeru. Ir-rappreżentazzjoni fl-illustrazzjoni 1 tal-faxxikolu tal-privattiva tal-Istati Uniti hija simili ħafna, iżda mhux kompletament identika. Madankollu, hawnhekk ukoll, hija rrappreżentata stilla li l-impressjoni globali tagħha tikkorrispondi għal dik tad-disinn ikkontestat.”

9        Din l-illustrazzjoni 1 (“Fig. 1”), inkluża fil-faxxikolu tal-privattiva tal-Istati Uniti msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti D2”), hija s-segwenti:

Image not found

10      Fis‑17 ta’ Novembru 2022, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

11      Fis‑16 ta’ Jannar 2023, l-intervenjenti preżentat appell quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

12      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u bagħat lura l-każ quddiemha, għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell qies b’mod partikolari li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet żbaljat meta bbażat il-paragun tal-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat, minn naħa, u dik prodotta mid-disinni preċedenti, min-naħa l-oħra, fuq elementi oħra tal-faxxikoli tal-privattiva msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“faxxikoli tal-privattiva msemmija”) bħad-disinni preċedenti, jiġifieri l-preżentazzjoni bil-miktub tal-invenzjoni u tal-illustrazzjonijiet l-oħra li kienu jinsabu f’dawn il-faxxikoli tal-privattiva (punti 40 sa 43 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Bord tal-Appell, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kellha twettaq dan il-paragun, fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2, billi tibbaża ruħha esklużivament fuqhom, peress li dawn kienu l-uniċi illustrazzjonijiet invokati mill-intervenjenti fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Filwaqt li d-disinni preċedenti D1 u D2 kienu identiċi, bl-eċċezzjoni ta’ xi differenzi żgħar fl-isfumaturi tal-griż, l-illustrazzjonijiet l-oħra li jinsabu wkoll fil-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni kienu nettament differenti mill-imsemmija disinni preċedenti (punti 46, 47 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-disinni preċedenti D1 u D2 kienu jinqraw mingħajr ma kien hemm bżonn li jintużaw l-elementi l-oħra tal-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni, jiġifieri l-preżentazzjoni bil-miktub tal-invenzjoni u tal-illustrazzjonijiet l-oħra li kienu jinsabu fihom. Dawn id-disinni preċedenti li juru stilla b’diversi ponot kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun mad-disinn ikkontestat (punti 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ivvizzjata b’“irregolarità proċedurali serja”, b’tali mod li kien hemm lok li tiġi annullata u li l-każ jintbagħat lura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (punti 51 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrent titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u, jekk ikun il-każ, lill-intervenjenti, għall-ispejjeż.

14      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż jekk tiġi organizzata seduta.

15      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors u tibgħat lura l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 Id-dritt

16      Ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell qies li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat kellha ssir fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2 biss, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra tal-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni, jiġifieri l-preżentazzjoni bil-miktub tal-invenzjoni u l-illustrazzjonijiet l-oħra li kienu jinsabu fihom, u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidra, minn naħa, li ebda wieħed mid-disinni kunfliġġenti ma kien jinkludi inċiżi konkavi jew ħruġ ’il barra konvess u, min-naħa l-oħra, li t-tiwi ma kienx jirriżulta mid-disinni preċedenti D1 u D2.

 Fuq ir-riferiment għan-noti ppreżentati quddiem l-EUIPO

17      Qabelxejn, sa fejn, fil-punt 63 tar-rikors, ir-rikorrenti tirreferi għan-noti li hija kienet ippreżentat matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, għandu jitfakkar li rikors, sa fejn jirreferi għal tali noti, huwa inammissibbli sa fejn ir-riferiment globali li jinkludi ma huwiex marbut mal-motivi u mal-argumenti żviluppati f’dan ir-rikors stess (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Thun vs EUIPO (Ħuta), T‑604/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:42, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tagħmel riferiment globali għan-noti kollha li hija kienet ippreżentat matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, mingħajr madankollu ma tindika liema siltiet preċiżi minn dawn in-noti huma ta’ sostenn għal tali motiv jew għal tali argument żviluppat fir-rikors. Għaldaqstant, peress li dan ir-riferiment globali ma jintrabatx mal-motivi u mal-argumenti żviluppati fir-rikors, dan tal-aħħar huwa inammissibbli sa fejn fih ir-rikorrenti tagħmel l-imsemmi riferiment.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell qies li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat kellha ssir fir-rigward tad-disinni preċedenti biss

19      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi sa fejn qies li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat kellha ssir fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2 biss. Skont ir-rikorrenti, bħal fil-każ tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell jmissu ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-elementi l-oħra taż-żewġ faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni li fihom jidhru dawn id-disinni preċedenti, jiġifieri l-preżentazzjoni bil-miktub tal-invenzjoni u l-illustrazzjonijiet l-oħra li jinsabu fihom.

20      Ir-rikorrenti ssostni li, insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti mhux biss invokat id-disinni preċedenti D1 u D2, iżda l-privattivi Żvizzeri u tal-Istati Uniti msemmija rispettivament fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq, li tagħhom hija ppreżentat il-faxxikoli bħala annessi 2 u 4 tal-imsemmija talba. Issa, dawn il-faxxikoli ma jinkludux biss iż-żewġ disinni preċedenti D1 u D2, iżda wkoll rappreżentazzjonijiet grafiċi oħra tal-invenzjoni inkwistjoni. L-imsemmija disinni preċedenti ma humiex biżżejjed sabiex jispjegaw l-invenzjoni li hija s-suġġett tal-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni. Kif ġustament għamlet id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huwa neċessarju li jiżdiedu magħhom d-deżinjazzjoni u d-deskrizzjoni tal-invenzjoni, kif ukoll ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi korrispondenti li jikkjarifikaw is-suġġett ta’ din l-invenzjoni u d-deskrizzjoni tagħha, b’mod partikolari permezz tal-“identifikazzjonijiet permezz ta’ ittri wkoll imwaħħla” fuq id-disinni preċedenti D1 u D2, li min-naħa tagħhom jirreferu għall-espożizzjoni tal-invenzjoni, u b’hekk ikunu jistgħu jinftehmu r-rappreżentazzjonijiet grafiċi.

21      Skont ir-rikorrenti, kull disinn u kull dritt preċedenti invokat bħala oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni, b’mod partikolari sabiex tiġi ddeterminata, b’mod ċar u mingħajr ambigwità, l-impressjoni ġenerali. Jekk id-dritt preċedenti invokat kontra r-reġistrazzjoni ta’ disinn ikun dritt għall-proprjetà teknika, bħalma huma l-privattivi inkwistjoni, ikun hemm lok li tintuża l-perċezzjoni ta’ esperti speċifikament imħarġa, u mhux dik ta’ utent avżat. Preċiżament, fil-każ ta’ dritt għall-proprjetà teknika, jeħtieġ li “dak li dwaru l-applikant [għal dikjarazzjoni ta’ invalidità] jitlob protezzjoni li tista’ tkun kontra l-protezzjoni ta’ disinn ikun ċar u inekwivoku”. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju eżami preċiż tad-dritt preċedenti. Jekk dan id-dritt preċedenti huwa privattiva, ir-rappreżentazzjonijiet tal-oġġetti protetti minnha ma għandhomx jinqraw b’mod iżolat, iżda dejjem fil-kuntest tal-elementi l-oħra tal-faxxikolu tal-privattiva kkonċernata.

22      B’hekk, mill-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li dawn huma intiżi li jipproteġu “stilla li tixgħel li tintwewa” jew “lanterna li tintewa” u li l-oġġett hekk imsemmi, minħabba t-tiwi tiegħu, għandu jkollu forma partikolari. Id-disinni preċedenti D1 u D2 ma jippermettux waħedhom li tinftiehem kompletament l-invenzjoni protetta mill-privattivi inkwistjoni u huwa neċessarju li jiġu kkonsultati l-faxxikoli tal-privattiva relatati sabiex jiġi interpretat u ddeterminat il-kontenut tal-forma rrappreżentata mill-imsemmija disinni. Dawn id-disinni preċedenti ma humiex awtonomi mid-deskrizzjoni u mir-rappreżentazzjonijiet grafiċi l-oħra kollha li jinsabu fil-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni.

23      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

24      Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002, bla ħsara għall-Artikolu 25(2), (3), (4) u (5) ta’ dan l-istess regolament, kull persuna fiżika jew ġuridika, kif ukoll awtorità pubblika awtorizzata għal dan il-għan, tista’ tressaq quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat.

25      Skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan l-istess regolament.

26      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li l-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea hija żgurata sa fejn ikun ġdid u jippreżenta karattru individwali.

27      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, li għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id-data ta’ prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ dan id-disinn.

28      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, fir-rigward ta’ element preċedenti fi ħdan il-patrimonju ta’ disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jibqgħu insuffiċjentement evidenti sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, minkejja li jeċċedu dettalji insinjifikattivi, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement evidenti sabiex jinħolqu impressjonijiet ġenerali mhux simili (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Felin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet tal-applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, disinn għandu jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew mod ieħor, jew espost, użat fil-kummerċ jew żvelat lill-pubbliku xorta oħra qabel id-data msemmija, b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmi regolament, ħlief jekk dawn il-fatti, fil-kors normali tan-negozju, ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni Ewropea.

30      F’dan il-każ, permezz tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, li huwa disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), l-intervenjenti ssostni li, kuntrarjament għall-Artikolu 4(1) u għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, id-disinn ikkontestat ma jippreżentax, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, karattru individwali fir-rigward ta’ ċerti disinni diġà żvelati lill-pubbliku (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

31      F’dan il-kuntest, diġà ġie deċiż li, skont l-Artikolu 28(1)(b)(v) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal‑21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), meta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat tkun ibbażata fuq il-fatt li dan id-disinn ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tkun tinkludi l-indikazzjoni u r-riproduzzjoni tad-disinni preċedenti li jistgħu jostakolaw in-novità jew il-karattru individwali ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat, kif ukoll id-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn id-disinni preċedenti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 58). Hija l-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi l-elementi ta’ natura li juru r-realtà tar-raġuni għal invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, jiġifieri dik li tistabbilixxi li d-disinn ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 59 u 60).

32      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, billi jirreferi għall-impressjoni globali prodotta fuq utent avżat “kull disinn” li jkun ġie żvelat lill-pubbliku, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandha ssir fir-rigward ta’ disinn preċiż wieħed jew iktar, individwalizzati, iddeterminati u identifikati fost id-disinni kollha żvelati lill-pubbliku preċedentement (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 25; ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 61.

33      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, li l-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “disinn” bħala “[d]-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi l-element determinanti ta’ disinn (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 62; tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 25, u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punt 30).

34      Huwa għalhekk essenzjali li l-istanzi tal-EUIPO jkollhom stampa tad-disinn preċedenti, li għandu jippermetti li tiġi riflessa d-dehra tal-prodott li fih id-disinn ikun inkorporat jew li fih ikun iddestinat li jiġi applikat u li jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert id-disinn preċedenti sabiex, konformement mal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 6/2002, tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni tal-karattru ġdid u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u għall-paragun li din tinvolvi bejn id-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, l-eżami dwar jekk id-disinn ikkontestat huwiex effettivament nieqes minn novità jew minn karattru individwali jeħtieġ id-dispożizzjoni ta’ disinn preċedenti preċiż u ddeterminat (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 64).

35      Isegwi li hija l-parti li kienet ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tipprovdi lill-EUIPO l-indikazzjonijiet neċessarji u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiżi u sħaħ tad-disinn li tkun allegat il-prijorità tiegħu, bil-għan li jintwera li d-disinn ikkontestat ma jistax jiġi rreġistrat b’mod validu (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 65).

36      Konsegwentement, f’dan il-każ, kienet l-intervenjenti, bħala parti li talbet id-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn ikkontestat, li kellha tipprovdi lill-EUIPO l-identifikazzjoni u r-riproduzzjoni preċiżi u kompluti tad-disinni preċedenti li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sabiex dan l-Uffiċċju jkun jista’ jivverifika l-allegazzjonijiet tagħha li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

37      Għal dan il-għan, kif tfakkar fil-punti 5 u 8 iktar ’il fuq, l-intervenjenti rreferiet, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, qabelxejn għal faxxikolu tal-privattiva Żvizzeru u semmiet ukoll faxxikolu tal-privattiva tal-Istati Uniti. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn iż-żewġ faxxikoli tal-privattiva jirrigwardaw l-istess invenzjoni u li huma, tal-inqas essenzjalment, identiċi.

38      Madankollu, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata f’München (il-Ġermanja) fil‑5 ta’ Ottubru 1973, u mill-Artikolu 27(1) tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (ĠU 1994, L 336, p 214), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech (il-Marokk) fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), li privattiva tista’ tinkiseb għal kull invenzjoni, ta’ prodott jew ta’ proċess, fl-oqsma teknoloġiċi kollha, bil-kundizzjoni li hija tkun ġdida, li hija timplika attività inventiva u li tista’ tkun ta’ applikazzjoni industrijali. Skont l-Artikolu 52(2)(b) tal-imsemmija Konvenzjoni, il-kreazzjonijiet estetiċi ma humiex meqjusa bħala invenzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 52(1) ta’ din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 56 ta’ din l-istess Konvenzjoni jipprovdi li invenzjoni titqies li timplika attività inventiva jekk, għal raġel tas-sengħa, din ma tirriżultax b’mod evidenti mill-istat tat-teknika.

39      Għalhekk, il-EUIPO ġustament ifakkar li privattiva ma tipproteġix id-dehra ta’ prodott, iżda invenzjoni, u jsostni li l-illustrazzjonijiet li jinsabu f’faxxikoli tal-privattiva huma ppreżentati biss bħala eżempju u juru traspożizzjoni waħda jew iktar ta’ din l-invenzjoni. Dawn l-illustrazzjonijiet jistgħu għalhekk juru wkoll diversi dehriet tal-istess prodott, jew ta’ prodotti differenti, li jistgħu jikkonkretizzaw l-invenzjoni protetta u li l-vantaġġi u l-inkonvenjenzi tagħhom jiġu spjegati fl-imsemmija faxxikoli. Konsegwentement, l-illustrazzjonijiet li jinsabu f’faxxikolu tal-privattiva ma jikkonċernawx neċessarjament l-istess disinn. Għalhekk hija l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li tirreferi għal faxxikolu tal-privattiva sabiex tikkontesta l-karattru individwali ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat li għandha tidentifika b’mod preċiż, fost l-illustrazzjonijiet li jinsabu f’tali faxxikolu, id-disinni preċedenti li hija tinvoka insostenn tat-talba tagħha.

40      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li minnu jirriżulta b’mod inekwivoku li huma biss disinni oħra żvelati preċedentement lill-pubbliku li jistgħu jostakolaw il-karattru individwali ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat, privattiva, jew faxxikolu tal-privattiva, żvelati preċedentement lill-pubbliku ma jistgħux jiġu invokat bħala tali sabiex jiġi miċħud il-karattru individwali ta’ disinn tal-Unjoni Ewropea rreġistrat. Fil-fatt, kif issostni, essenzjalment, l-intervenjenti, huma biss l-illustrazzjonijiet li jinsabu f’faxxikolu tal-privattiva li jistgħu jikkontestaw il-karattru individwali ta’ disinn ikkontestat, sa fejn l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk tali disinn għandux tali karattru jippreżupponi li d-dehra tiegħu tiġi pparagunata ma’ dik ta’ prodott preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Senz Technologies vs UASI – Impliva (Umbrelel), T‑22/13 u T‑23/13, EU:T:2015:310, punt 24 (mhux ippubblikata)). Għalkemm dawn l-illustrazzjonijiet jirrappreżentaw modi differenti ta’ twettiq ta’ prodott konformement mal-invenzjoni koperta mill-privattiva inkwistjoni, hija l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tidentifika, b’mod preċiż, fost dawn l-illustrazzjonijiet, id-disinni li hija għandha l-intenzjoni li tinvoka bħala disinni preċedenti fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

41      F’dan il-każ, mis-siltiet iċċitati fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mill-punti II u III tal-anness motivazzjoni, jirriżulta b’mod inekwivoku li l-intervenjenti qieset li huma biss iż-żewġ illustrazzjonijiet 1 inklużi fil-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni li kienu jikkostitwixxu disinni preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. Kif isostnu ġustament l-EUIPO u l-intervenjenti, huwa biss fir-rigward ta’ dawn l-illustrazzjonijiet li din tal-aħħar sostniet li l-impressjoni globali li huma kienu jipproduċu kienet tikkorrispondi għal dik prodotta mid-disinn ikkontestat, b’tali mod li dawn l-illustrazzjonijiet biss kienu jikkostitwixxu d-disinni preċedenti D1 u D2 f’dan il-każ (ara l-punt 5 u 9 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-intervenjenti identifikat b’mod preċiż id-disinni preċedenti li hija invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

42      Minn dan isegwi li għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li permezz tagħhom hija ssostni li l-intervenjenti mhux biss invokat, insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, id-disinni preċedenti D1 u D2, iżda, b’mod iktar ġenerali, il-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni li fihom jidhru u għalhekk ukoll l-illustrazzjonijiet l-oħra u d-deskrizzjoni tal-invenzjoni preżenti fihom.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li tiġi kkunsidrata l-invenzjoni protetta mill-privattivi inkwistjoni, peress li dawn tal-aħħar ma humiex invokati mill-intervenjenti – u, fi kwalunkwe każ, ma humiex bħala tali rilevanti (ara l-punt 40 iktar ’il fuq) – bħala disinni preċedenti fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

44      Għall-istess raġuni, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hemm lok li jsir użu mill-perċezzjoni ta’ esperti speċifikament imħarrġa sabiex jiddeterminaw l-impressjoni globali prodotta mill-privattivi inkwistjoni. Ma humiex l-imsemmija privattivi li ġew invokati bħala tali mill-intervenjenti insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda biss id-disinni preċedenti D1 u D2, li għall-evalwazzjoni tagħhom għandha tiġi adottata l-perspettiva ta’ utent avżat (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

45      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li d-disinni preċedenti D1 u D2 ma jkunux “leġibbli” mingħajr ma jsir użu mill-illustrazzjonijiet l-oħra u mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu wkoll fil-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, evidentement, dawn id-disinni preċedenti, riprodotti fil-punti 5 u 9 iktar ’il fuq, juru b’mod ċar stilla b’diversi ponot, fejn wieħed jista’ jaħseb li xi wħud minnhom għandhom bażi trijangolari, filwaqt li oħrajn għandhom bażi kwadra. Dawn id-disinni jinkludu wkoll inċidi ta’ ċerti uċuħ kif ukoll linji ttikkjati, li ma huwiex inabitwali għal disinni ta’ figura tridimensjonali.

46      Ċertament, huwa minnu li ma huwiex possibbli li jinftiehmu r-riferimenti għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-disinni preċedenti D1 u D2 fil-forma ta’ ittri mingħajr ma jsir riferiment għal dawn l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-parti deskrittiva tal-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni, u mhux fl-imsemmija disinni preċedenti stess. Madankollu, dawn ir-riferimenti bl-ebda mod ma jipprekludu li tingħaraf id-dehra ta’ prodott li jagħtuh, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-linji, tal-konfigurazzjoni, tal-kuluri, tal-għamla, tan-nisġa jew tal-materjali tal-prodott innifsu jew tal-ornamenti tiegħu, u għalhekk ta’ disinn fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 6/2002.

47      Peress li l-argumenti tar-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv huma għalhekk infondati, minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ġustament qies li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat kellha ssir fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2 biss u li l-elementi l-oħra taż-żewġ faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni li jinkludu dawn id-disinni preċedenti, jiġifieri l-preżentazzjoni bil-miktub tal-invenzjoni u l-illustrazzjonijiet l-oħra li kienu jinsabu fihom, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

48      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li ebda wieħed mid-disinni kunfliġġenti ma kien jinkludi inċiżi konkavi jew ħruġ ’il barra konvess u, min-naħa l-oħra, li t-tiwi ma rriżultax mid-disinni preċedenti D1 u D2

49      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni żbalji ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li ebda wieħed mid-disinni kunfliġġenti ma kien jinkludi inċiżi konkavi jew ħruġ ’il barra konvess u, min-naħa l-oħra, li t-tiwi ma kienx jirriżulta minn disinni preċedenti D1 u D2.

50      Skont ir-rikorrenti, huwa paċifiku li d-disinn ikkontestat ma jippreżentax inċiżi konkavi u li l-ponot tiegħu huma “ċatti”. Fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2, anki jekk wieħed ma jirreferix għall-faxxikoli tal-privattiva li jinsabu fihom, iżda biss għal dawn tal-ewwel, ikun diffiċli li wieħed jifhem għaliex il-Bord tal-Appell ma riedx jara fihom inċiżi konkavi jew ħruġ ’il barra konvess. Id-disinn preċedenti D1 ma jurix stilla kwalunkwe, iżda “stilla li tixħet id-dawl li tintewa” u d-disinn preċedenti D2 jirreferi espliċitament għal “lanterna li tintewa”. Issa, stilla li tintewa neċessarjament ikollha karatteristiċi ta’ tfassil speċifiċi li jippermettu li tintewa. Il-kunċett tekniku neċessarju għat-tiwi tal-forma “Annaberger Faltstern”, li huwa kopert b’mod ċar mill-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni li jinkludu l-imsemmija disinni preċedenti, huwa rikonoxxibbli biss mid-disinni preċedenti D1 u D2 li għandhom linji sodi u linji speċifiċi diretti lejn iċ-ċentru, identifikati bl-ittri “n” u “o”. L-ittra “n” tindika l-ħruġ ’il barra rrappreżentat minn inċidi, filwaqt li l-ittra “o” tindika l-inċiż li jikkorrispondi għall-ħruġ ’il barra f’“n”. Meta l-istilla tintewa, l-inċiż jissovrapponi eżattament fuq il-ħruġ ’il barra u, bil-kontra, il-ħruġ ’il barra jidħol fl-inċiż, operazzjoni li hija biss tippermetti t-tiwi tal-istilla. L-affermazzjoni tal-intervenjenti li tgħid li l-karatteristiċi ta’ forma partikolari hekk invokati ma kinux irrappreżentati fiha hija ineżatta. It-tiwi orjentat lejn l-intern u lejn l-estern, neċessarju għall-funzjonament tal-forma “Annaberger Faltstern”, li għandha privattiva, huwa viżibbli biss fid-disinni preċedenti D1 u D2, permezz ta’ linji sodi, tal-inċidi u tal-linji orjentati lejn iċ-ċentru, mingħajr ma huwa neċessarju li jsir riferiment għall-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni. Dawn il-karatteristiċi huma assenti fid-disinn ikkontestat. Il-fatt li dawn l-istess karatteristiċi huma espressament indikati permezz tal-ittri “n” u “a” jħeġġeġ lill-osservatur avżat jeżamina iktar mill-qrib id-disinni preċedenti D1 u D2 li jirrappreżentaw il-forma “Annaberger Faltstern”. Anki l-persuni li ma jiddeduċux la partikolaritajiet tad-disinni, li huma viżibbli b’mod ċar, u lanqas l-identifikazzjoni permezz tal-ittri li hemm inċiżi u ħruġ ’il barra huma inċentivati li jħarsu iktar fil-qrib lejn il-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni u jifhmu għalhekk li din hija intiża li tindika t-tiwi tal-forma “Annaberger Faltstern”.

51      Skont ir-rikorrenti, l-intervenjenti ibbażat fuq iż-żewġ faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni kontra d-disinn ikkontestat, li għandu bħala suġġett “stilla mixgħewla li tintewa” jew “lanterna li tintewa”. Il-karatteristika partikolari tal-stilla li tirriżulta mill-kombinazzjoni tad-disinni preċedenti D1 u D2, minn naħa, u mill-illustrazzjonijiet indikati mill-“Fig. 2.” (illustrazzjoni 2) tidher ukoll fil-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni. Id-disinni preċedenti D1 u D2 ma jikkostitwixxux waħedhom disinni preċedenti, iżda biss parti minn tali disinni.

52      Ir-rikorrenti żżid ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha f’kawża parallela li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2023, Light Tec vs EUIPO – DecoTrend (Paralum) (T‑10/23, mhux ippubblikata, EU:T:2023:804), il-Bord tal-Appell, ċertament, ma kienx eżamina l-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni f’din il-kawża, invokati wkoll f’din il-kawża parallela insostenn ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat ippreżentata minn impriża oħra, iżda madankollu indika li huwa ma kienx jara kif il-kunsiderazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni f’din il-kawża, li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali meta mqabbel mad-disinni li kienu jinsabu f’dawn il-faxxikoli tal-privattiva, huma żbaljati. Ir-rikors ta’ din l-impriża l-oħra kontra din id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell f’din il-kawża parallela ġie miċħud mill-imsemmija sentenza. Skont ir-rikorrenti, l-istess loġika għandha tapplika f’dan il-każ.

53      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

54      Qabelxejn, għandu jiġi miċħud l-argument tal-EUIPO li t-tieni motiv huwa ineffettiv, peress li, fid-dawl tal-analiżi tal-ewwel motiv, ir-rinviju quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni magħmul mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata kien iġġustifikat. Fil-fatt, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 6/2002, jekk il-Bord tal-Appell jibgħat lura l-każ sabiex jitkomplew il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, din tal-aħħar hija marbuta mill-motivi u mid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, sakemm il-fatti jkunu l-istess.

55      F’dan il-każ, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li ma setax jirrikonoxxi “inċiżi konkavi” la fid-disinn ikkontestat u lanqas fid-disinni preċedenti D1 u D2 u li lanqas mill-eżami tal-imsemmija disinni preċedenti ma kien jirriżulta li l-istilel kienu “jintwew”. Huwa bagħat lura l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, billi qies li dan jippermetti lill-partijiet jippreżentaw appell quddiemu kontra deċiżjoni fuq il-mertu (punti 52 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 2 tad-dispożittiv tagħha). Għalkemm mill-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li s-sustanza tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet għadha ma ġietx analizzata, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-viżibbiltà ta’ “inċiżi konkavi” u tat-“tiwi”, dan il-Bord kien tassew ħa pożizzjoni definittiva fl-imsemmi punt. Barra minn hekk, peress li l-fatti jibqgħu l-istess, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 6/2002, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija marbuta b’dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell.

56      Sussegwentement, fir-rigward tad-disinn ikkontestat, kif ġustament tirrimarka r-rikorrenti, huwa effettivament stabbilit li dan ma jippreżentax “inċiżi konkavi”, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata.

57      Fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li jidher ċar, li la “inċiżi konkavi” u lanqas kwalunkwe “tiwi” ma jirriżultaw minn dawn id-disinni preċedenti.

58      Huwa minnu li d-disinni preċedenti D1 u D2 jinkludu inċidi fuq ċerti wċuħ, linji ttikkjati u riferimenti fil-forma ta’ linji sodi u ta’ ittri. Madankollu, minn naħa, ma huwiex inabitwali li, f’disinn tridimensjonali bħalma huma b’mod ċar id-disinni preċedenti D1 u D2, ċerti superfiċi jiġu inċidjati u ċerti linji mhux viżibbli għall-għajnejn rappreżentati jiġu ttikkjati, preċiżament bl-għan li r-rappreżentazzjoni ta’ oġġett tridimensjonali ssir iktar leġibbli. Ebda wieħed minn dawn l-aspetti ta’ preżentazzjoni ma juri li l-oġġett irrappreżentat jinkludi “inċiżi konkavi” jew li huwa oġġett li l-forma rrappreżentata tiegħu tinkiseb permezz ta’ tiwi ta’ oġġett li jkun ċatt, iżda “li jintewa”.

59      Fir-realtà, kif josservaw ġustament l-EUIPO u l-intervenjenti, permezz tal-argumenti tagħha insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tfittex, essenzjalment, li tagħmel użu mhux biss mid-disinni preċedenti D1 u D2, iżda pjuttost mill-elementi l-oħra tal-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni li fihom jinsabu, b’mod partikolari l-illustrazzjonijiet l-oħra u d-deskrizzjoni tal-invenzjoni msemmija f’dawn il-faxxikoli. Issa, mill-analiżi tal-ewwel motiv imwettqa fil-punti 24 sa 48 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament qies li ma kienx hemm lok li jsir użu minn dawn l-elementi l-oħra tal-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni, li ma humiex relatati mad-disinni preċedenti D1 u D2 bħala tali.

60      Konsegwentement, huma irrilevanti, għad-disinni preċedenti D1 u D2, iċ-ċirkustanzi enfasizzati mir-rikorrenti, jiġifieri dawk li, l-ewwel, dawn id-disinni huma indikati bħala “stilla li tixħet id-dawl li tintewa” jew “lanterna li tintewa” fil-faxxikoli tal-privattiva inkwistjoni, it-tieni, il-forma “Annaberger Faltstern” hija koperta mill-imsemmija faxxikoli u, it-tielet, l-imsemmija disinni preċedenti jinkludu riferimenti fil-forma ta’ linji sodi u ta’ ittri għal spjegazzjonijiet li jinsabu f’dawn l-istess faxxikoli.

61      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata li d-disinni preċedenti D1 u D2 ma kinux jinkludu “inċiżi konkavi” u li t-“tiwi” ma lanqas ma kien jirriżulta minn dan.

62      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell inkwistjoni fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2023, Paralum (T‑10/23, mhux ippubblikata, EU:T:2023:804), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-EUIPO u l-intervenjenti, li l-Bord tal-Appell ma kienx analizza, f’dik il-kawża, id-disinni preċedenti D1 u D2 inkwistjoni fil-kawża preżenti (li jikkorrispondu għad-disinni D4 u D3 f’dik id-deċiżjoni l-oħra tal-Bord tal-Appell).

63      Fil-fatt, mill-punti 25 sa 27 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell imsemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq jirriżulta li dan l-ewwel ċaħad fiha d-disinni preċedenti D1 u D2 inkwistjoni f’din il-kawża (li jikkorrispondu għad-disinni D4 u D3 f’dik id-deċiżjoni l-oħra tal-Bord tal-Appell), billi kkunsidra li dawn kienu ġew invokati tardivament. Sussegwentement, huwa kkonstata li l-persuna li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’dan il-każ ma kinitx ippreżentat argumenti sabiex tinvalida l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali meta pparagunat mad-disinni D1 u D2 kif indikati f’din id-deċiżjoni l-oħra, filwaqt li huwa kien argumenta biss fuq il-bażi tad-disinni preċedenti D1 u D2 inkwistjoni f’din il-kawża (disinni D4 u D3 f’dik id-deċiżjoni l-oħra). Fl-aħħar nett, huwa kkonstata li huwa ma kien jara ebda raġuni għalfejn l-espożizzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kellha tkun żbaljata u, għaldaqstant, ikkonfermaha.

64      Għaldaqstant, minn dan jirriżulta b’mod inekwivoku li l-unika kunsiderazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li l-Bord tal-Appell iċċita – u għalhekk l-unika kunsiderazzjoni li huwa seta’ jikkonferma – hija dik li tikkonċerna d-disinni D1 u D2 kif indikati f’din id-deċiżjoni l-oħra tal-Bord tal-Appell, li ma humiex inkwistjoni f’din il-kawża. Fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2 inkwistjoni f’din il-kawża (li jikkorrispondu għad-disinni D4 u D3 f’dik id-deċiżjoni l-oħra tal-Bord tal-Appell), din id-deċiżjoni sempliċement teskludihom mill-analiżi u sempliċement tikkonstata li l-persuna li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’din il-kawża kienet madankollu limitat l-argument tagħha għal dawn id-disinni preċedenti. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għalhekk ma ħa ebda pożizzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk id-disinn ikkontestat f’dan il-każ kellux karattru individwali fir-rigward tad-disinni preċedenti D1 u D2 inkwistjoni f’din il-kawża (disinni D4 u D3 f’din id-deċiżjoni l-oħra).

65      Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

 Konklużjoni

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, peress li ebda wieħed mill-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha ma għandu jintlaqa’, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

67      Fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet tal-intervenjenti, għandu jiġi rrilevat li dan huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors u tiddeċiedi dwar l-invalidità tad-disinn ikkontestat. Dan il-kap tat-talbiet jista’ jinftiehem bħala li huwa intiż b’mod partikolari sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 6/2002, billi tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita konformement mal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI u hija tista’ tannulla jew tibdel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, fil-mument meta tkun ittieħdet, din kienet ivvizzjata minn wieħed mill-motivi ta’ annullament jew ta’ bidla msemmija fl-Artikolu 61(2) ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bidla rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Bord tal-Appell u, wisq inqas, li tagħmel evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell ma jkunx għadu ħa pożizzjoni. Konsegwentement, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord inkwistjoni kien obbligat li jadotta (sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitairy Solutions (Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa), T‑15/13, EU:T:2015:281, punt 89).

69      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata minn waħda mill-motivi ta’ annullament jew ta’ bidla msemmija fl-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002 u li, min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell bagħat lura l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, billi qies li dan kien jippermetti lill-partijiet jippreżentaw appell quddiemu kontra deċiżjoni fuq il-mertu (punti 52 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 2 tad-dispożittiv tagħha). Għalhekk, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-mertu tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien għadu ma ġiex analizzat minn ebda waħda mill-istanzi tal-EUIPO.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq l-evalwazzjoni tal-mertu tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-kuntest ta’ talba għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Bord tal-Appell għadu ma ħax pożizzjoni f’dan ir-rigward. Sussegwentement, sa fejn, permezz tagħha, l-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat, l-ewwel kap tat-talbiet ta’ din tal-aħħar ma jistax jintlaqa’.

71      Barra minn hekk, sa fejn, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, l-intervenjenti tistieden lill-Qorti Ġenerali tibgħat lura l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li, peress li din is-sentenza tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, huwa l-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din tal-aħħar li jkompli jirregola t-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

73      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar. Madankollu, f’każ fejn l-intervenjenti talbet li r-rikorrenti tiġi kkundannata “għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”, għandu jitfakkar li, peress li din is-sentenza tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, huma l-punti 3 u 4 tad-dispożittiv ta’ din tal-aħħar li jkomplu jirregolaw l-ispejjeż sostnuti fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2023, Zielonogórski Klub Żużlowy Sportowa vs EUIPO – Falubaz Polska (FALUBAZ), T‑703/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:19, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Min-naħa l-oħra, peress li l-EUIPO talab il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż biss jekk kienet ġiet organizzata seduta, fl-assenza ta’ organizzazzjoni ta’ seduta, għandu jiġi deċiż li l-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      DecoTrend GmbH għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn B.K.Licht GmbH & Co. KG.

3)      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Buttigieg

Schwarcz

Tichy-Fisslberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Lulju 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.