Official Journal L 289 , 16/11/2000 P. 0011 - 0015
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2509/2000 tal-15 ta' Novembru 2000 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-għoti ta' kumpens finanzjarju għall-irtirar ta' ċerti prodotti tas-sajd IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' prodotti tas-sajd u akwakultura [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 21(8) tiegħu, billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000, li ħa post ir-Regolament tal-(KEE) Nru 3759/92 [2], kif emendat l-aħħar b'Regolament (KE) Nru 2792/1999 [3], b'effett mill-1 ta' Jannar 2001, jipprovdi li Stati Membri għandhom jagħtu kumpens finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirtiraw ċerti prodotti mis-suq. Dak ir-Regolament aġġusta l-livelli tal-kumpens finanzjarju u neħħa l-kumpens finanzjarju speċjali għal ċirkostanzi eċċezzjonali. Issa huwa xieraq li jimtela l-qafas preskritt mir-Regolament (KE) Nru 104/2000 bl-ippromulgar ta' regoli dettaljati u bit-tħassir tar-Regolament ta' implimentazzjoni dwar dan is-suġġett, jiġifieri ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3902/92 [4], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1338/95 [5]. (2) L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 tas-26 ta' Novembru 1996 li jippreskrivi standards komuni tas-suq għal ċerti prodotti [6] tas-sajd, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 323/97 [7], jistabbilixxi li prodotti li huma kklassifikati bħala kategorija "B" mhumiex eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja mogħtija fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' intervenzjoni ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq. Ladarba prodotti ta' kwalità "Extra" u "A" biss huma eliġibbli għal kumpens finanzjarju għal-irtirar espress fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, il-kalkulazzjoni tal-kwantitajiet eliġibbli għal dak il-kumpens finanzjarju għandha tkun ibbażata fuq prodotti ta' dawk il-kategorji. (3) Biex jingħata inkoraġġament massimu lill-azzjoni li tistabbilizza s-suq, l-organizazzjonijiet tal-produtturi li ma josservawx il-prezz ta' l-irtirar matul is-sena tas-sajd għandhom ikunu esklużi milli jirċievu kumpens finanzjarju. (4) Jinħtieġ li jkunu speċifikati l-kondizzjonijiet (l-bżonnijiet meħtieġa) għall-applikazzjoni tal-marġini ta' tolleranza li jipprovdi għalih l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 biex ikunu ggarantiti l-kondizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-użu tal-marġini ta' tolleranza għandu jkun irreklamat b'mod adekwat biex it-trasparenza tas-suq tkun assigurata. (5) Ladarba t-talba tista' titla' u tinżel matul kull operazzjoni ta' bejgħ, prodotti m'għandhomx ikunu irtirati mis-suq qabel ma jkunu offruti għall-bejgħ. Kumpens finanzjarju għandu jingħata biss fuq prodotti li jkunu offruti għall-bejgħ b'mod mormali u ma jkunux sabu xerrej bil-prezz ta' l-irtirar tal-Komunità. (6) Huwa ovvju li kumpens finanzjarju m'għandux jitħallas fuq ħut li fuqu ngħatat l-għajnuna carryover li jipprovdi għaliha l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. (7) Konformità sistematika ma' l-istandards komuni tas-suq li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 hija fattur determinanti fil-formazzjoni tal-prezzijiet u element kontributorju għall-istabilizzazzjoni tas-suq. L-għoti ta' kumpens finanzjarju fuq kwantitajiet eliġibbli għandu għalhekk isir b'kondizzjoni ta' konformità ma' l-istandards għall-kwantitajiet kollha tal-prodott in kwistjoni offrut għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew il-membri tagħha matul is-sena tas-sajd. (8) Kumpens finanzjarju ma jistax jitħallas sa l-aħħar tas-sena tas-sajd. Biex tkun iffaċilitata l-ħidma ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandu jkun possibbli li jingħata self kontra depost ta' sigurta. Għandhom isiru regoli għall-kalkulazzjoni ta' self fuq il-kumpens finanzjarju u biex ikun determinat l-ammont ta' sigurtà li jkun meħtieġ. (9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1925/2000 tal-11 ta' Settembru 2000 li jwaqqaf l-okkorrenzi operattivi għar-rati tal-kambju li għandhom ikunu applikati fil-kalkulazzjoni ta' ċerti ammonti li jipprovdu għalihom il-mekkaniżmi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-prodotti tas-sajd u akwakultura [8] jiddetermina l-okkorrenza operattiva għar-rata tal-kambju ta' kumpens finanzjarju. Din ir-rata tal-kambju tkun riflessa ukoll fil-kalkulazzjoni ta' self fuq il-kumpens finanzjarju. (10) L-għoti ta' kumpens finanzjarju għandu jkun estiż għal ħut offrut għall-bejgħ u rtirat mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-membri tagħhom fi Stati Membri oħra. L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri l-oħra li fihom il-ħut kien offrut għall-bejgħ jew irtirat jew imħolli għall-quddiem għandhom joħorġu document li jiċċertifika dan u jibgħatu kopja. (11) L-identifikazzjoni ta' bastiment tas-sajd teħfief u tkun iktar preċiża (jekk issir) b'riferenza għan-numru tal-bastiment fir-reġistru tal-flotta milli bl-isem tal-bastiment. Iċ-ċertifikat li jinħareġ ma' l-iżbark fi Stat Membru ieħor għandu jkun emendat biex jirrikjedi mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirreferu għar-reġistru tal-flotta interna. (12) Kull Stat Membru għandu jintroduċi sistema ta' kontroll biex tivverifika illi ċ-ċifri mogħtija fl-applikazzjonijiet għall-kumpens finanzjarju jaqblu mal-kwantijitajiet attwalment offruti għall-bejgħ u rtirati. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħarrfa b'dawn is-sistemi ta' kontroll ħalli tassigura konformità xierqa mal-leġislazzjoni. (13) Il-miżuri li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat għall-Immaniġġjar tal-Prodotti tas-Sajd, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-kwantitajiet eliġibbli għall-kumpens finanzjarju taħt l-Artikolu 21(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi ta' kwantitajiet li huma kklassifikati taħt l-istandards tas-suq espressi skond l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament bħala li huma ta' kwalità "Extra" u "A" biss. Artikolu 2 1. Kumpens finanzjarju jingħata lil organizzazzjonijiet tal-produtturi bil-kondizzjoni li huma japplikaw, u jassiguraw li l-membri tagħhom jikkonformaw mal-prezz ta' rtirar tal-Komunità matul is-sena tas-sajd meta l-prodotti huma għall-ewwel darba offruti għall-bejgħ, b'mod konformi mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 21(1)(a) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. 2. Jekk l-użu tal-marġini ta' tolleranza li jipprovdi għalih l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 iwassal biex ikunu ddeterminati livelli ta' prezzijiet ta' rtirar differenti għall-istess kategorija ta' prodotti minn organizzazzjonijiet tal-produtturi f'arja partikolari, kull waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet tista' taddotta l-livell ta' prezzijiet iddeterminat minn organizzazzjoni tal-produtturi oħra fl-istess area b'effett mid-data li jidħol fis-seħħ u għall-perjodu relevanti. 3. Il-livell tal-prezz ta' l-irtirar stabbilit minn organizzazzjoni tal-produtturi billi tuża l-marġini ta' tolleranza għandu japplika għall-kwantitajiet offruti għall-bejgħ minn dik l-organizzazzjoni jew membri tagħha, inklużi dawk offruti għall-bejgħ barra mill-arja ta' attività tagħha. Madankollu, kull organizzazzjoni tal-produtturi, jew wieħed mill-membri tagħha, li tbigħ il-prodotti tagħha f'arja li mhix l-arja ta' attività tagħha tista' tapplika kemm il-livell tal-prezzijiet ta' rtirar tagħha stess li m'għandux ikun ibjex mil-livell ta' prezzijiet fiż-żona kkonċernata kif ukoll wieħed minn dawk adottati, wara l-applikazzjoni eventwali tal-marġini ta' tolleranza, mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi stabbiliti f'dik l-arja. 4. Il-prezz ta' rtirar m'għandux jinkludi spejjeż li ntefqu wara l-iżbark tal-prodotti ħlief spejjeż ta' ġarr li saru meħtieġa minħabba bejgħ bi rkant jew matul il-mollijiet. Artikolu 3 1. Kull organizzazzjoni tal-produtturi li tapplika l-marġini ta' tolleranza fuq il-prezz ta' rtirar tal-Komunità għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih hija (tkun) rrikonoxxuta il-livell tal-prezz ta' rtirar adottat għal kull kategorija ta' prodotti f'kull parti ta' l-arja ta' attività tagħha, għall-inqas jumejn tax-xogħol qabel tkun se ssir applikabbli. Jekk organizzazzjoni tal-produtturi għandha l-intenzjoni tbiddel il-perjodu ta' applikazzjoni tal-marġini ta' tolleranza jew il-livell tal-prezz ta' rtirar, jew li tagħmel użu mill-għażla li jipprovdi għaliha l-Artikolu 2(2), hi għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti għall-inqas jumejn tax-xogħol qabel id-data ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Id-deċiżjonijiet kollha li jirreferi għalihom dan il-paragrafu għandhom japplikaw għall-inqas għal ħamest ijiem tax-xogħol. 2. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom jassiguraw li t-tagħrif kollu ikkomunikat skond il-paragrafu 1 ikun irriklamata bla dewmien b'mod konformi mal-modi u d-drawwiet reġjonali. 3. Permezz ta' deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 [9], u għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi għandhom jitqiesu bħala jiem tax-xogħol sakemm l-offerta għall-bejgħ toħroġ skond l-Artikolu 4(1)(c). Artikolu 4 1. Kwantitajiet irtirati mis-suq għandhom jitqiesu li jkunu kwantitajiet eliġibbli għal kumpens finanzjarju biss jekk: (a) kienu nqabdu minn membru ta' organizzazzjoni tal-produtturi; (b) kienu offruti għall-bejgħ: (i) permezz l-organizzazzjoni tal-produtturi, jew (ii) minn membru skond ir-regoli komuni mwaqqfa mill-organizzazzjoni tal-produtturi, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000; (ċ) qabel l-irtirar kienu offruti għal bejgħ milħuq mill-partijiet interessati kollha skond il-modi u d-drawwiet reġjonali u lokali, li matulu kien stabbilit li ma sabux xerrej bil-prezz determinat skond l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000; (d) ma kinux suġġetti għal xi talba għall-għajnuna carryover li jirreferi għaliha l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 u ma bbenefikawx minn din l-għajnuna. 2. L-għotja ta' kumpens finanzjarju għal kwantitajiet eliġibbli skond il-paragrafu 1 tkun suġġetta għall-kondizzjoni illi, għall-prodott jew grupp ta' prodotti kkonċernat, il-kwantitajiet kollha offruti għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew il-membri tagħha matul is-sena tas-sajd kien qabel ikklassifikat skond l-istandards tas-suq preskritti skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. Artikolu 5 1. Il-kumpens finanzjarju għandu jitħallas lil organizzazzjonijiet tal-produtturi, wara applikazzjoni, wara tmiem kull sena tas-sajd. 2. Applikazzjonijiet għal ħlas tal-kumpens finanzjarju għandhom jintefgħu minn organizzazzjonijiet tal-produtturi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru mhux iktar tard minn erba' xhur wara tmiem is-sena tas-sajd ikkunċernata. 3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iħallsu l-kumpens finanzjarju mhux iktar tard minn tmien xhur wara tmiem is-sena tas-sajd ikkonċernata. Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Komunità l-isem u l-indirizz tal-korp responsabbli għall-għoti tal-kumpens finanzjarju. Artikolu 6 Wara applikazzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernati, Stati Membri għandhom kull xahar jagħtu self fuq il-kumpens finanzjarju fuq kondizzjoni li l-applikant ikun għamel depost ta' sigurta ugwali għal 105 % ta' l-ammont tas-self. Is-self għandu jkun ikkalkulat skond il-metodu speċifikat fl-Anness I. Artikolu 7 Jekk organizzazzjoni tal-produtturi jew wieħed mill-membri tagħha toffri għall-bejgħ il-prodotti tagħha fi Stat Membru differenti minn dak li fih hija rrikonoxxuta, l-awtorità kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru għandha toħroġ, wara applikazzjoni u mingħajr dewmien, lill-organizzazzjoni in kwistjoni jew lill-membru tagħha, ċertifikat li l-kontenut tiegħu għandu jkun skond il-kampjun preskritt fl-Anness II, u għandha tibgħat fl-istess ħin, permezz ta' mezzi uffiċjali, kopja ta' dan lill-korp responsabbli għall-għoti tal-kumpens finanzjarju fl-Istati Membri l-oħra. Applikazzjonijiet għall-ħruġ taċ-ċertifikat għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti kkonċernata immedjatament wara li l-prodotti jkunu offruti għall-bejgħ. Artikolu 8 1. Stati Membri għandhom jintroduċu sistema ta' kontroll biex jivverifikaw li l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjonjiet taqbel mal-kwantitajiet attwalment offruti għall-bejgħ u rtirati mis-suq mill-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata. 2. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond paragrafu 1 hekk kif ikunu adottati, u f'kull każ sal-31 ta' Jannar 2001. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'miżuri eżistenti fil-qasam kopert bil-paragrafu 1 sal-31 ta' Jannar 2001. Artikolu 9 Regolament (KEE) Nru 3902/92 huwa mħassar. Artikolu 10 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Hu għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2001. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Novembru 2000. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 17, tal-21.1.2000, p. 22. [2] ĠU L 388, tal-31.12.1992, p. 1. [3] ĠU L 337, tat-30.12.1999, p. 10. [4] ĠU L 392, tal-31.12.1992, p. 35. [5] ĠU L 129, ta' l-14.6.1995, p. 7. [6] ĠU L 334, tat-23.12.1996, p. 1. [7] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 8. [8] ĠU L 230, tat-12.9.2000, p. 7. [9] ĠU L 124, tat-8.6.1971, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS 1 +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- L-ANNESS II +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------