|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/2839 |
8.5.2024 |
P9_TA(2023)0377
Talba għall-ħarsien tal-immunità ta' Stefano Maullu
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Stefano Maullu (2023/2038(IMM))
(C/2024/2839)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-talba ta’ Stefano Maullu tas-17 ta’ Marzu 2023, imħabbra fis-seduta plenarja tad-29 ta’ Marzu 2023, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu fil-qafas tal-proċediment kriminali pendenti quddiem il-Qorti Ordinarja ta’ Venezja, l-Italja, |
|
— |
wara li sema’ lil Stefano Maullu, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Ottubru 2008, fid-19 ta’ Marzu 2010, fis-6 ta’ Settembru 2011, fis-17 ta’ Jannar 2013 u fid-19 ta’ Diċembru 2019 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0318/2023), |
|
A. |
billi Stefano Maullu, Membru tal-Parlament Ewropew mit-13 ta’ Lulju 2015 sal-1 ta’ Lulju 2019, elett fl-Italja, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu fil-qafas ta’ proċediment kriminali fil-konfront tiegħu pendenti quddiem il-Qorti Ordinarja ta’ Venezja talli offenda l-unur u l-prestiġju tal-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta’ Brescia, skont it-termini tal-Artikoli 595(1), (2) u (3) tal-Kodiċi Kriminali Taljan u tal-Artikolu 13 tal-Liġi Taljana Nru 47 tat-8 ta’ Frar 1948; |
|
B. |
billi dawn il-proċedimenti huma bbażati fuq dikjarazzjonijiet li għamel Stefano Maullu u ppubblikati f’gazzetta Taljana fil-5 ta’ April 2018; billi dawn id-dikjarazzjonijiet kien fihom kumment fir-rigward ta’ intervista dwar is-suġġett tal-armi li l-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta’ Brescia kien ta lil gazzetta Taljana oħra; billi dan il-kumment kien fih allegazzjonijiet li l-persuna kkonċernata ħasset li kienu inġurjużi; |
|
C. |
billi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu, u billi l-iskop tal-immunità parlamentari hu li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawn id-dmirijiet; |
|
D. |
billi dikjarazzjoni magħmula minn Membru barra mill-Parlament Ewropew tista’ tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, biss jekk in-natura jew il-kontenut tagħha jkollhom rabta diretta u evidenti mal-qadi tad-dmirijiet ta’ dak il-Membru fil-Parlament Ewropew; |
|
E. |
billi, fil-każ inkwistjoni, l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet ta’ Stefano Maullu fil-kapaċità tiegħu ta’ Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; |
|
F. |
billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea huwa applikabbli biss għall-Membri tal-Parlament Ewropew; billi Stefano Maullu kien Membru tal-Parlament Ewropew sal-1 ta’ Lulju 2019; billi t-telf tal-istatus ta’ Membru tal-Parlament Ewropew konsegwentement jinvolvi t-telf tal-immunità relatata, li t-tul tagħha huwa limitat, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, għal dak il-mandat (2); |
|
1. |
Jiddeċiedi li ma jħarisx il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Stefano Maullu; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Italja u lil Stefano Maullu. |
(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2017, Marion Le Pen vs Il-Parlament Ewropew, T-284/17, paragrafu 28, ECLI:EU:T:2017:939.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2839/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)