|
12.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/54 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1895
tas-7 ta’ Novembru 2019
li tirrikonoxxi diversi gżejjer tal-Portugall bħala ħielsa mill-varroożi u li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/503/UE
(notifikata bid-dokument C(2019) 7905)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/65/KEE jipprevedi li meta jikkonsidra li t-territorju tiegħu jew parti mit-territorju tiegħu ikun ħieles minn waħda mill-mardiet imniżżla fl-Anness B tagħha, irid jippreżenta d-dokumentazzjoni x-xierqa lill-Kummissjoni li abbażi tagħha tiġi adottata Deċiżjoni li tirrikonoxxi lil dak l-Istat Membru jew parti mit-territorju tiegħu bħala ħielsa, u jrid jiddefinixxi l-garanziji addizzjonali għall-kummerċ li jistgħu jkunu meħtieġa. |
|
(2) |
Fl-Anness B tad-Direttiva 92/65/KEE, il-varroożi fin-naħal tal-għasel hija elenkata bl-isem preċedenti tagħha ta’ “varroażi” u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/503/UE (2) diġà rrikonoxxiet diversi territorji ta’ Stati Membri bħala ħielsa minnha. Dawk it-territorji huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/503/UE, flimkien mal-garanziji addizzjonali għall-kummerċ. |
|
(3) |
Il-Portugall talab lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-gżejjer ta’ Corvo, Graciosa, São Jorge, Santa Maria, São Miguel u Terceira tal-Arċipelagu tal-Açores bħala ħielsa mill-varroożi, talab li l-garanziji addizzjonali għall-kummerċ jiġu ddefiniti b’mod li jikkorrispondu ma’ dawk li huma implimentati nazzjonalment u ppreżenta d-dokumentazzjoni dettaljata x-xierqa ddefinita fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 92/65/KEE biex isostni t-talba tiegħu. |
|
(4) |
Jenħtieġ li abbażi tad-dokumentazzjoni dettaljata li ppreżenta l-Portugall, il-gżejjer ta’ Corvo, Graciosa, São Jorge, Santa Maria, São Miguel u Terceira jitqiesu bħala territorji tal-Portugall li huma ħielsa mill-varroożi u jiġu elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/503/UE, flimkien mal-garanżiji addizzjonali għall-kummerċ. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/503/UE tiġi emendata skont dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-entrata ta’ hawn taħt għandha tiddaħħal fit-tabella stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/503/UE, bejn l-entrata tal-Finlandja u dik tar-Renju Unit:
|
PT |
Il-Portugall |
Il-Gżira ta’ Corvo |
PT01300 FLORES (SANTA CRUZ) |
In-naħal (Apis mellifera) f’kull stadju ta’ ħajjithom, ukoll il-ferħ, l-irġejjen, il-kolonji u l-kaxxi tan-naħal u t-tilari użati |
|
Il-Gżira ta’ Graciosa |
PT05200 GRACIOSA (SANTA CRUZ DA GRACIOSA) |
|||
|
Il-Gżira ta’ São Jorge |
PT02700 SAO JORGE (VELAS) |
|||
|
Il-Gżira ta’ Santa Maria |
PT02500 SANTA MARIA (VILA DO PORTO) |
|||
|
Il-Gżira ta’ São Miguel |
PT02600 SAO MIGUEL (PONTA DELGADA) |
|||
|
Il-Gżira ta’ Terceira |
PT02800 TERCEIRA (ANGRA DO HEROISMO) |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/503/UE tal-11 ta’ Ottubru 2013 li tirrikonoxxi partijiet tal-Unjoni bħala ħielsa mill-varroażi fin-naħal u li tistabbilixxi garanziji addizzjonali mitluba fil-kummerċ fl-Unjoni u fl-importazzjonijiet biex titħares il-qagħda ħielsa mill-varroażi tagħhom (ĠU L 273, 15.10.2013, p. 38).