European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/881

19.3.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/881

tal-14 ta’ Marzu 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż f’ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2024) 1801)

(It-testi bil-Bulgaru u bil-Grieg biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huma marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u dan jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fi ħdan l-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882, il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huma elenkati bħala marda tal-kategorija A (2). Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (3) jissupplimenta r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 għall-kontroll tal-mard elenkat tal-kategorija A. B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, u ċerti miżuri għall-kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2725 (4) tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza b’rabta mat-tifqigħat konfermati tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fil-Bulgarija u fil-Greċja. Speċifikament, din tipprevedi li ż-żoni ristretti li jridu jiġu stabbiliti minn dawk l-Istati Membri, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, iridu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(4)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni tifqigħat addizzjonali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti fejn kienu jinżammu l-annimali ovini, li jinsabu fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, fir-reġjun tal-Greċja Ċentrali. Għaldaqstant, ġew emendati ż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni elenkati bħala żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja, fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725. L-aħħar emendi ta’ dak l-Anness saru bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/400 (5).

(5)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/400, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni b’żewġ tifqigħat addizzjonali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti fejn kienu jinżammu n-nagħaġ u l-mogħoż, li jinsabu fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, fir-reġjun tal-Greċja Ċentrali, fi ħdan iż-żona ta’ protezzjoni li diġà ġiet stabbilita f’dak ir-reġjun. L-ewwel waħda minn dawn it-tifqigħat seħħet fi spazju qasir ħafna ta’ żmien u f’distanza qasira mit-tifqigħat preċedenti diġà koperti mill-emendi li saru fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/400, u għalhekk ma kienx meħtieġ li jiġu emendati ż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri. It-tieni tifqigħa seħħet ukoll f’distanza qasira mit-tifqigħat preċedenti li tqiesu fiż-żoni elenkati għall-Greċja f’dak l-Anness, iżda sostanzjalment aktar tard, fil-bidu ta’ Marzu 2024.

(6)

Filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-ġidri tan-nagħag u l-ġidri tal-mogħoż fil-Greċja, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, b’kollaborazzjoni ma’ dan l-Istat Membru, jiġu aġġustati minnufih iż-żoni ristretti għall-ġidri tan-nagħaġ u għall-ġidri tal-mogħoż, li jinkludu ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u partikolarment il-perjodu twil ta’ żmien bejn l-aħħar tifqigħa fil-bidu ta’ Marzu 2024 u dik immedjatament qabilha, huwa meħtieġ li tiġi emendata d-durata taż-żoni ristretti, sabiex jiġi żgurat li l-marda tibqa’ kontenuta u ma tinxteridx minn dawk iż-żoni ristretti għal partijiet oħra tal-Greċja u għal Stati Membri oħra.

(7)

Għalhekk, minħabba din l-aħħar evoluzzjoni tal-marda, jenħtieġ li d-durata taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja, elekati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, jiġu emendati, fejn titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali inkwantu tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fir-reġjun tal-Greċja Ċentrali.

(8)

Barra minn hekk, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni rigward il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta’ Awwissu 2024.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Awwissu 2024.”

;

2.

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija u lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/2021-04-21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/2022-07-05).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2725 tad-29 ta’ Novembru 2023 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż f’ċerti Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2067 u (UE) 2023/2470 (ĠU L, 2023/2725, 4.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2725/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/400 tat-23 ta’ Jannar 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż f’ċerti Stati Membri (ĠU L, 2024/400, 24.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/400/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, il-Parti 2 li tikkonċerna l-Greċja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   IL-GREĊJA

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Reġjun

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

Żona ta’ protezzjoni:

Żona ta’ protezzjoni li tinkludi ż-żoni li ġejjin:

—

fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, il-Muniċipalità ta’ Lokroi,

—

fl-unità reġjonali ta’ Boeotia, il-komunitajiet ta’ Loutsi u ta’ Pavlos.

25.4.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Żona ta’ sorveljanza li tinkludi ż-żoni li ġejjin:

—

fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, l-unitajiet muniċipali ta’ Agios Konstantinos u l-unità muniċipali ta’ Elateia;

—

fl-unità reġjonali ta’ Boeotia, il-Muniċipalità ta’ Orchomenos, eskluż il-komunitajiet ta’ Loutsi u ta’ Pavlos u l-unità muniċipali ta’ Chaeronea.

9.5.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Żona ta’ sorveljanza li tinkludi ż-żoni li ġejjin:

—

fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, il-Muniċipalità ta’ Lokroi,

—

fl-unità reġjonali ta’ Boeotia, il-komunitajiet ta’ Loutsi u ta’ Pavlos.

26.4.2024 - 9.5.2024

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Reġjun

Żoni stabbiliti bħala żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun tal-Eġew tat-Tramuntana

Żona ristretta ulterjuri li tinkludi t-territorju kollu tal-unità reġjonali ta’ Lesbos.

30.6.2024

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

Żona ristretta ulterjuri li tinkludi:

—

it-territorju kollu tal-unità reġjonali ta’ Phthiotis;

—

it-territorju kollu tal-unità reġjonali ta’ Boeotia;

—

fl-unità reġjonali ta’ Euboea, it-territorju kollu tal-muniċipalità ta’ Chalcis.

30.6.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/881/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)