KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑16 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )
Kawża C‑289/21
IG
vs
Varhoven administrativen sad
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-enerġija – Promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika – Direttiva 2012/27/UE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja – Kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni – Emenda ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali matul dan l-appell ta’ kassazzjoni”
|
1. |
Skont id-dritt proċedurali Bulgaru, kif deskritt f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-azzjonijiet ġudizzjarji kontra att normattiv ta’ livell inferjuri mil-liġi, bħala prinċipju, isiru mingħajr skop meta dan l-att ikun ġie emendat qabel ma tingħata s-sentenza. |
|
2. |
Fil-kawża prinċipali, il-persuna li għaliha ġiet applikata din ir-regola proċedurali ressqet, wara d-dikjarazzjoni li l-azzjoni tagħha saret mingħajr skop minħabba l-emenda tal-att normattiv, talba għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Istat. |
|
3. |
Il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar din it-talba tistaqsi, essenzjalment, jekk din ir-regola proċedurali hijiex kompatibbli mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”). |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Direttiva 2012/27/UE ( 2 )
|
4. |
Skont l-Artikolu 9(1): “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijent aħħari tal-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u tal-ilma sħun fid-djar jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum finali ta’ enerġija mill-klijent u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu”. |
|
5. |
L-Artikolu 10 jispeċifika l-kontenut u l-karatteristiċi tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-klijenti fil-fatturi tagħhom. |
B. Id‑dritt Bulgaru
1. Administrativnoprotsesualen kodeks ( 3 )
|
6. |
L-Artikolu 156 jistipula li: “(1) […] Bil-qbil mal-konvenuti l-oħra u mal-partijiet interessati li jibbenefikaw mill-att ikkontestat, l-awtorità amministrattiva tista’ tirtira l-att kollu jew parti minnu jew tadotta dak li hija rrifjutat l-adozzjoni tiegħu. (2) Il-kunsens tar-rikorrenti huwa wkoll neċessarju għall-finijiet tal-irtirar tal-att wara li tinżamm l-ewwel seduta. (3) L-att irtirat jista’ jiġi adottat għal darba oħra biss jekk ikun hemm ċirkustanzi ġodda. (4) Jekk l-azzjoni kontra l-att tkun akkumpanjata b’talba għad-danni, il-proċedura fir-rigward ta’ din it-talba għandha tkompli”. |
|
7. |
L-Artikolu 187 jipprovdi li: “(1) L-azzjonijiet kontra atti regolatorji ta’ implimentazzjoni ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda terminu. (2) Azzjoni kontra att regolatorju wara li tkun tressqet azzjoni għall-istess raġunijiet hija inammissibbli”. |
|
8. |
L-Artikolu 195 jippreskrivi li: “(1) Att regolatorju ta’ implimentazzjoni għandu jitqies li ġie annullat mill-jum tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ġudizzjarja. (2) Il-konsegwenzi legali ta’ att regolatorju ddikjarat null jew li jista’ jiġi annullat għandhom jittieħdu ex officio mill-awtorità kompetenti f’terminu massimu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ġudizzjarja.” |
|
9. |
Skont l-Artikolu 204(3), meta d-dannu jkun ġie kkawżat minn att amministrattiv null jew irtirat, l-illegalità ta’ dan tal-aħħar għandha tiġi kkonstatata mill-qorti adita bit-talba għal kumpens. |
|
10. |
L-Artikolu 221(4) jipprevedi: “Meta l-awtorità amministrattiva, bil-kunsens tal-konvenuti l-oħra, tirtira l-att amministrattiv jew tadotta l-att li l-adozzjoni tiegħu ġiet irrifjutata, il-Varhoven administrativen sad [il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija] għandha tannulla, inkwantu vvizzjata b’irregolarità proċedurali, id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fir-rigward ta’ dan l-att jew ta’ dan ir-rifjut u ttemm il-kawża.” |
2. Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi ( 4 )
|
11. |
L-Artikolu 1 jipprevedi li: “1. L-Istat u l-komuni huma responsabbli għad-danni kkawżati lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn atti ġuridiċi illegali u atti jew omissjonijiet illegali tal-korpi u tal-impjegati tagħhom fl-eżerċizzju tal-attività amministrattiva tagħhom […]. 2. L-azzjonijiet imressqa taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu eżaminati skont il-proċedura amministrattiva prevista fil-[Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva] […]”. |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari
|
12. |
In-Naredba n.o 16-334/06.04.2007 za toplosnabdyavaneto ( 5 ), adottat mill-Ministru għall-Ekonomija u għall-Enerġija tar-Repubblika tal-Bulgarija, fl-Anness 1 tal-Artikolu 61(1) kien inkorpora l-metodu tad-distribuzzjoni tal-enerġija termali f’kondominji (iktar ’il quddiem, il-“metodu ta’ kalkolu”). |
|
13. |
IG ikkontesta l-metodu ta’ kalkolu quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema; iktar ’il quddiem, il-“QAS”) fir-rikors Nru 1372/2016. |
|
14. |
Fit‑13 ta’ April 2018, il-QAS, bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, laqgħet ir-rikors billi sabet li l-metodu ta’ kalkolu ma kienx konformi mal-għan tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2012/27 (li l-enerġija termali għandha tiġi ffatturata skont il-konsum reali tagħha), u dan irendieha nulla ex tunc ( 6 ). |
|
15. |
Il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Enerġija ppreżenta quddiem l-istess QAS, bħala kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin, l-appell ta’ kassazzjoni Nru 1318/2019 kontra s-sentenza tal-ewwel istanza. |
|
16. |
Fl‑20 ta’ Settembru 2019 daħal fis-seħħ digriet ġdid li emenda, b’mod partikolari, il-formula tal-metodu ta’ kalkolu. |
|
17. |
Fil‑11 ta’ Frar 2020, kulleġġ ġudikanti tal-QAS ta’ ħames imħallfin, li għandu ġurisdizzjoni biex jiddeċiedi dwar l-appell, iddikjara li l-kawża kienet saret mingħajr skop. Huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li l-emenda tal-punt 6.1.1 tal-metodu ta’ kalkolu kienet wasslet għat-tħassir tiegħu u, skont id-dritt nazzjonali, il-qrati jistgħu jiddeċiedu biss fuq il-mertu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ. |
|
18. |
Konsegwentement, il-kulleġġ ġudikanti tal-QAS ta’ ħames imħallfin annulla s-sentenza tal-ewwel istanza, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-validità tal-metodu ta’ kalkolu. Din id-deċiżjoni saret finali. |
|
19. |
F’dan il-kuntest, IG talab lill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) kumpens ta’ 830 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 425) li huwa ekwivalenti għall-ispejjeż tal-ewwel proċedura (Kawża Nru 1372/2016) u ta’ BGN 300 għad-dannu morali ( 7 ) kkawżat mis-sentenza mogħtija fl-appell ta’ kassazzjoni Nru 1318/2019. |
|
20. |
L-azzjoni għad-danni hija diretta kontra l-QAS, li taġixxi quddiem il-qorti tar-rinviju bħala konvenuta. |
|
21. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
22. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Mejju 2021. |
|
23. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn IG, mill-QAS, mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk, huma kollha dehru waqt is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ April 2022. |
IV. Analiżi
A. Preliminari
|
24. |
Is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, naturalment, mit-tilwima li għandha tiġi deċiża fil-proċedura inkwistjoni. Dak li qiegħed jiġi diskuss f’din tal-aħħar huwa sempliċiment jekk IG għandux dritt għal kumpens għal dannu li allegatament sostna minħabba s-sentenza mogħtija bl-applikazzjoni tar-regola proċedurali Bulgara li ċaħditu milli jikseb deċiżjoni sostantiva dwar il-validità tal-metodu ta’ kalkolu. |
|
25. |
Għaldaqstant, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jiġi ddeterminat: a) jekk il-punt 6.1.1 tal-metodu ta’ kalkolu huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2012/27; b) jekk IG kellux id-dritt għal kumpens għall-ksur ta’ din id-direttiva; u c) jekk terzi, apparti IG, kellhomx id-dritt għal tali kumpens. |
|
26. |
Għaldaqstant, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jikkonċernax kemm huwa xieraq jew kemm ma huwiex xieraq li jingħata kumpens għad-danni kkawżati mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolatorja dwar l-effiċjenza enerġetika, li allegatament tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-uniċi danni li IG jitlob kumpens għalihom huma, nirrepeti, dawk ikkawżati (allegatament) minn leġiżlazzjoni proċedurali interna li tippermetti li l-ewwel sentenza li tiddikjara n-nullità tal-metodu ta’ kalkolu tal-enerġija ffatturata ma jibqax ikollha effett. |
|
27. |
Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan id-dannu u kwalunkwe kumpens għalih, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni r-regola nazzjonali li abbażi tagħha d-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-metodu ta’ kalkolu, deċiża fis-sentenza tal-ewwel istanza, ma jibqax ikollha effett ( 8 ). |
|
28. |
Meta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinftiehem b’dan il-mod, l-oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-QAS, li essenzjalment tallega: a) il-ksur tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; b) in-nuqqas ta’ rabta bejn is-sitwazzjoni legali oriġinali u d-dritt tal-Unjoni; u c) in-natura res judicata tas-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2020, ma jistgħux jintlaqgħu ( 9 ). |
|
29. |
Kontra dawn l-oġġezzjonijiet, inqis li:
|
|
30. |
Għall-bqija, jiena tal-fehma li għall-ewwel żewġ domandi preliminari tista’ tingħata risposta konġunta u li t-tielet waħda, bħalma ser nispjega, hija inammissibbli minħabba li hija ipotetika. |
B. L‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari
1. Rikorsi għal annullament u azzjonijiet għal kumpens, bħala mezzi sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad‑drittijiet tal‑parti f’kawża
|
31. |
Fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu l-azzjonijiet ġudizzjarji neċessarji sabiex jiggarantixxu lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 11 ). |
|
32. |
Dan l-obbligu tal-Istati Membri huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali li skontu, mingħajr preġudizzju għall-eżistenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet proċedurali għal dawn l-azzjonijiet ġudizzjarji ( 12 ). |
|
33. |
Il-libertà ta’ konfigurazzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri tasal sal-punt li d-dritt tal-Unjoni ma jimponilhomx l-obbligu li jkollhom azzjoni awtonoma ( 13 ) li tippermetti l-kontestazzjoni diretta, bħala waħda prinċipali, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. |
|
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-fatt li l-ineżistenza ta’ din l-azzjoni awtonoma fid-dritt nazzjonali tikser l-Artikolu 47 tal-Karta: “il-prinċipju ta’ protezzjoni ġurizzjarja effettiva ma jeħtieġx, bħala tali, l-eżistenza ta’ rimedju awtonomu intiż, prinċipalment, sabiex jikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli tal-Unjoni, sakemm jeżisti rimedju ġudizzjarju wieħed jew iktar li jippermettu, b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwu jislet mid-dritt tal-Unjoni” ( 14 ). |
|
35. |
Għalhekk, sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet li r-regoli tal-Unjoni “jagħtu lill-partijiet fil-kawża”, huwa biżżejjed li azzjonijiet ġudizzjarji oħra jissalvagwardjaw, fuq bażi inċidentali, ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet. |
|
36. |
Fost ir-rimedji proċedurali kapaċi li jippreservaw, anki jekk inċidentalment, ir-rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti mir-regoli tal-Unjoni, hemm ir-rekwiżit tar-responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni kkawżati lil individwi b’konsegwenza tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet. |
|
37. |
Għaldaqstant huwa possibbli li “l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minnhom jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu żgurati mill-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilha, peress li dan il-prinċipju huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata” ( 15 ). |
|
38. |
L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tiddetermina l-kompatibbiltà, bħala prinċipju, mal-Artikolu 47 tal-Karta ta’ modalità proċedurali li, mingħajr ma jiġu previsti rikorsi għal annullament, tibda azzjonijiet għall-kumpens li jippermettu li jiġu protetti b’mod effikaċi d-drittijiet ta’ dawk ikkonċernati. |
|
39. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, abbażi tal-karatteristiċi tagħha, l-azzjoni proċedurali għall-kumpens irregolata mid-dritt Bulgaru, li hija adita biha, hijiex kapaċi tissalvagwardja b’mod effikaċi d-drittijiet mogħtija mir-regoli tal-Unjoni lir-rikorrent. |
|
40. |
Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-qorti tar-rinviju tista’ tikseb kunsiderazzjonijiet imprezzabbli mis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev ( 16 ), li tagħmel riferiment għaliha hija nnifisha. peress li fis-sentenza huma indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-leġiżlazzjoni Bulgara dwar l-azzjonijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Istat ( 17 ). |
|
41. |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li:
|
2. L‑iskema proċedurali doppja tad‑dritt Bulgaru: rimedji kontra atti regolatorji u azzjonijiet għall-kumpens
|
42. |
Id-dritt Bulgaru jipprevedi rimedju (awtonomu) dirett li jiffaċilita l-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni interna mad-dritt tal-Unjoni. Kien preċiżament dan ir-rimedju li wassal għas-sentenza tal-ewwel istanza tat‑13 ta’ April 2018 li fiha ġie ddikjarat null il-punt 6.1.1 tal-metodu ta’ kalkolu minħabba li ma kienx jikkonforma mal-għanijiet tad-Direttiva 2012/27 ( 21 ). |
|
43. |
Indipendentement minn dan ir-rimedju dirett, id-dritt Bulgaru jawtorizza wkoll rimedju inċidentali, li jikkonsisti fit-talba għal kumpens mhux kuntrattwali mill-Istat fil-każ ta’ ksur ta’ regola tal-Unjoni li tat drittijiet lill-individwi. |
|
44. |
Fis-seduta ġie enfasizzat li r-rimedju għal kumpens jawtorizza lill-qrati kompetenti jiddikjaraw, għalkemm incidenter tantum u b’effetti bejn il-partijiet fil-kawża, l-illegalità tal-att regolatorju bi grad inqas mil-liġi, li minnu jirriżulta d-dannu kkawżat lir-rikorrent. Dawn il-qrati ma jidhrux li huma limitati miċ-ċirkustanza li l-att regolatorju ġie rtirat jew emendat qabel is-sentenza. |
|
45. |
Din l-iskema proċedurali doppja hija, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex tissodisfa d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja, kif jiddikjaraw il-QAS, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni:
|
|
46. |
Il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li tiġi kkorroborata din l-evalwazzjoni. Sakemm tkun effettiva, id-dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat tista’ toffri rimedju għad-danni kkawżati lill-individwi jekk, permezz tagħha, il-konformità tar-regola nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tkun għadha tista’ tiġi mistħarrġa. |
|
47. |
Madankollu, din ir-risposta inizjali għandha tiġi kkwalifikata permezz tal-osservazzjoni ta’ ineffettività possibbli jew tal-effetti li joħolqu tfixkil tar-rimedju awtonomu, kif irregolati mid-dritt Bulgaru, sabiex jiġi żgurat b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni regolatorja nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, dawn l-effetti ta’ tfixkil huma bbażati fuq ir-rimedju kumpensatorju, fit-termini li ser nesponi iktar ’il quddiem. |
|
48. |
Ċertament, kif diġà fakkart, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-eżistenza ta’ rimedju awtonomu. Iżda, jekk Stat Membru jipprevedi dan, inqis li l-libertà tal-Istati Membri għall-istabbiliment tal-modalità proċedurali tar-rimedji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE hija suġġetta għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 22 ). |
|
49. |
Id-dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru tikkostitwixxi rimedju sussidjarju għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi, meta d-dritt nazzjonali ma joffrix rimedju awtonomu. Jekk dan ikun il-każ, dan tal-aħħar għandu, ninsisti, jintrabat mal-kundizzjonijiet ta’ ekwivalenza u ta’ effettività rikjesti mid-dritt tal-Unjoni. |
|
50. |
Barra minn hekk, sa fejn id-dritt proċedurali intern irendi diffiċli, jostakola jew idewwem l-aċċess tal-individwu għall-azzjoni għall-kumpens, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jiġix irrispettat u, konsegwentement, tista’ tinħoloq raġuni ġdida għar-rekwiżit tar-responsabbiltà tal-Istat. Din hija preċiżament ir-responsabbiltà li għaliha IG għandu l-intenzjoni li jiġi kkumpensat fil-kawża prinċipali. |
|
51. |
Ir-rimedju awtonomu previst mid-dritt Bulgaru jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ekwivalenza u ta’ effettività meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni? |
|
52. |
F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, kollox jidher li jindika li t-telf tal-iskop (f’dan il-każ iddikjarat mill-QAS) ma huwiex limitat għar-rimedji ppreżentati kontra regoli interni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
|
53. |
Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-informazzjoni disponibbli jidher li dan l-istess telf tal-iskop kien iseħħ ukoll jekk id-dispożizzjoni kkontestata tiġi ddikjarata invalida minħabba ksur ta’ regola nazzjonali ġerarkikament superjuri. |
|
54. |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, it-tilwima li għandha tiġi deċiża fil-kawża prinċipali turi li r-rimedju awtonomu jrendi diffiċli ħafna, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-dritt mogħti lil IG mir-regoli tal-Unjoni, meta l-emenda tar-regola kkontestata tinterferixxi mal-implimentazzjoni tiegħu, kif ser neżamina iktar ’il quddiem. |
3. Telf tal‑iskop tar‑rikors ippreżentat kontra att regolatorju u l‑konsegwenzi tal‑emenda ta’ dan l‑att
|
55. |
Skont l-informazzjoni fid-digrieti, ikkonfermata waqt is-seduta, ir-rikors kontra l-atti leġiżlattivi ta’ livell inferjuri mil-liġi jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Bulgaru b’tali mod li (bħalma kien il-każ hawnhekk) jista’ ma jibqax ikollu skop jekk jiġi emendat l-att ikkontestat qabel ma l-qrati jiddeċiedu definittivament il-mertu tal-kawża ( 23 ). |
|
56. |
Minn perspettiva astratta, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix Stat Membru milli jikkonfigura l-azzjonijiet ta’ nullità tal-atti leġiżlattivi b’tali mod li, bħala regola ġenerali, il-qrati kompetenti jkunu meħtieġa biss jiddeċiedu dwar il-legalità tar-regoli fis-seħħ fil-mument li tingħata sentenza ( 24 ). |
|
57. |
Iżda, skont il-karatteristiċi partikolari ta’ din ir-regola skont id-dritt intern, jista’ jkun li l-applikazzjoni tagħha tinvolvi restrizzjoni ċara fuq l-istħarriġ mill-qrati, prinċipalment u b’effett erga omnes, tal-legalità tad-dispożizzjoni kkontestata u sussegwentement emendata. |
|
58. |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk permezz ta’ din ir-restrizzjoni, id-dritt Bulgaru jipprevedix protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni kontra l-effetti ta’ regola qabel ma tiġi emendata jew imħassra. |
|
59. |
Fil-kawża prinċipali, kien suffiċjenti li d-dispożizzjoni kkontestata minn IG fil-proċedura Nru 1372/2016 kienet ġiet emendata qabel ma ġie deċiż l-appell ta’ kassazzjoni biex is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza tiġi annullata. L-annullament ta’ din id-dispożizzjoni, deċiż mis-sentenza tal-ewwel istanza, ġie segwit mill-annullament ta’ din is-sentenza, mingħajr ma l-qorti ta’ kassazzjoni analizzatha fuq il-mertu. |
|
60. |
IG, għaldaqstant, ma setax jikseb, b’mod definittiv, l-annullament tal-att regolatorju li kien diġà kiseb fl-ewwel istanza. Għall-kuntrarju, minkejja din is-sentenza, baqgħu fis-seħħ l-effetti prodotti matul il-perijodu li ddekorra bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, li kien jikser id-dritt tal-Unjoni, u l-emenda sussegwenti tiegħu. |
|
61. |
Tali riżultat seħħ minn skema normattiva (jew, għall-inqas, mill-interpretazzjoni ġudizzjarja tagħha) li, kif jidher mis-seduta, ma tidhirx li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u prevedibbiltà neċessarji għas-salvagwardja tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
62. |
Fis-seduta ġie diskuss liema kienet il-bażi legali li abbażi tagħha l-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin tal-QAS iddeċieda li jiddikjara li l-kawża baqgħet mingħajr effett. Ir-rappreżentanta tal-QAS sostniet, b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-bażi legali ma tinsabx fl-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva ( 25 ), u li l-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin ma kien indika l-ebda dispożizzjoni pożittiva oħra li fuqha wieħed seta’ joqgħod ( 26 ). |
|
63. |
Il-konsegwenzi (negattivi għar-rikorrent, li huwa prekluż mir-rispons ġudizzjarju fuq il-mertu, minkejja li jkollu suċċess fl-ewwel istanza) tan-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà tar-regola jiżdiedu jekk, bħalma jsostni IG, din tiġi applikata mingħajr ma l-ewwel jinstemgħu l-partijiet involuti fil-kawża, sabiex jargumentaw dwar l-impatt tagħha fuq il-kawża ( 27 ). |
|
64. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-modalità proċedurali kontenzjuża hijiex suffiċjentement ċara u prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħha jew jekk, għall-kuntrarju, l-individwu affettwat minn dispożizzjoni interna inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jitħalliex għad-differenzi fl-evalwazzjoni tal-qrati differenti, bit-telf konsegwenti taċ-ċertezza legali. |
|
65. |
Madankollu, l-aspett l-iktar delikat fil-mument tal-evalwazzjoni ta’ din il-modalità proċedurali huwa li dan jippermetti lill-poter eżekuttiv irendi ineffettiv, b’mod retroattiv, sentenza tal-qorti li diġà ngħatat, li fiha jkun ġie ddikjarat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Huwa suffiċjenti għaliha li taqbel, qabel ma l-qorti ta’ kassazzjoni tagħti d-deċiżjoni tagħha, sempliċiment biex temenda ( 28 ) r-regola li ġiet annullata f’din is-sentenza. |
|
66. |
Dan kien ikun il-każ hawnhekk: l-emenda tal-metodu ta’ kalkolu tkun immotivata “preċiżament minħabba” s-sentenza tal-ewwel istanza li tkun annullatha ( 29 ). |
|
67. |
Kieku dan kien il-każ – li, għal darba oħra, għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju –, l-effettività tar-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra dispożizzjonijiet ta’ livell inferjuri mil-liġi, li fihom tkun inkisbet dikjarazzjoni dwar in-nonkonformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni, tkun suġġetta għar-rieda tal-awtorità li tkun ħarġet id-dispożizzjoni kkontestata. |
|
68. |
F’dan il-kuntest, ma jkun hemm xejn li jipprekludi lil din l-awtorità milli tiddeċiedi li temenda l-att normattiv, preċiżament sabiex tevita l-effetti ta’ annullament tal-ewwel sentenza, qabel ma jkun ġie kkonfermat minn sentenza definittiva fil-kassazzjoni. |
|
69. |
Fi kliem ieħor, l-iskema proċedurali kontenzjuża tagħti l-kunsens għall-istrumentalizzazzjoni tiegħu bħala mezz sabiex tiġi żgurata l-ineffikaċja ta’ dikjarazzjoni preċedenti ta’ nullità bbażata fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Sa dan l-istess punt, id-difiża tad-drittijiet tal-individwi tkun eċċessivament diffiċli, u tkun ta’ ħsara għall-prinċipju ta’ effettività. |
|
70. |
Bħalma sostniet il-QAS fis-seduta, huwa minnu li l-poter eżekuttiv jew, b’mod ġenerali, l-awtorità governattiva li toħroġ att normattiv ta’ livell inferjuri mil-liġi jkollhom is-setgħa li, f’kull każ, jemendawh jew iħassruh. |
|
71. |
Madankollu, din is-setgħa ma tistax tintuża bħala mezz sabiex jiġu nnewtralizzati s-sentenzi diġà mogħtija mill-qrati li fihom ġie kkonstatat il-ksur tar-regoli tal-Unjoni, meta dan il-mekkaniżmu jimpedixxi, fl-istess ħin:
|
|
72. |
Ir-riżultat huwa li rikors għal annullament ifformulat meta l-att normattiv kien fis-seħħ u kien ġie deċiż b’mod validu favur ir-rikorrent permezz ta’ sentenza tal-ewwel istanza, mogħtija f’mument li fih kien għadu fis-seħħ l-att, jiġi ddikjarat mingħajr effett minħabba l-emenda sussegwenti ta’ dan l-istess att, sussegwentement għad-deċiżjoni tas-sentenza tal-istanza. |
|
73. |
Fil-qosor, l-awtorità li inizjalment tapprova l-att u temendah bħala “reazzjoni” għas-sentenza tal-ewwel istanza (li kontriha din l-istess awtorità ppreżentat appell ta’ kassazzjoni) u b’hekk jirnexxielha trendi din is-sentenza mingħajr effett, anki jekk l-ebda qorti superjuri ma tkun iddeċidiet dwar il-kontenut tagħha. |
|
74. |
Finalment, ir-rikors għal annullament isir suġġett għal inċertezza inaċċettabbli fir-rigward tar-riżultat tiegħu. Dan ma jiddependix mill-evalwazzjoni ġudizzjarja tiegħu fuq il-mertu, iżda mill-possibbiltà ta’ tibdil leġiżlattiv li jseħħ mill-awtorità li toħroġ id-dispożizzjoni kkontestata, ladarba jiġi kkonstatat li l-kontestazzjoni ġudizzjarja tiegħu fl-ewwel istanza rriżultat sfavorevoli. |
|
75. |
Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li r-rikors awtonomu previst fid-dritt Bulgaru, fiċ-ċirkustanzi li għadni kif analizzajt, ma jidhirx li jagħti protezzjoni effettiva lil min jallega l-ksur tad-drittijiet mogħtija lilu mill-ordinament tal-Unjoni. |
|
76. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-iskema proċedurali interna tistax tiġi interpretata b’tali mod li tippermetti, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża quddiemha, li l-emenda tar-regola kkontestata ma tipprekludix deċiżjoni definittiva fuq il-mertu tar-rikors. |
|
77. |
Għal dan l-għan, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni jekk il-konsegwenzi tal-iskema kontenzjuża, f’termini tat-telf tal-effett tar-rikorsi li għadhom sub iudice, humiex suffiċjentement ċari u preċiżi u għandhomx bażi legali soda. |
|
78. |
Finalment, jista’ jiġi kkunsidrat li jekk ir-rikors għal annullament ma jirnexxix bħala konsegwenza tat-telf tal-iskop tiegħu, il-parti leża tista’ taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat, bħala mekkaniżmu sussidjarju għall-protezzjoni tad-drittijiet miksura. |
|
79. |
L-azzjoni għall-kumpens, bħalma diġà semmejt, isservi sabiex tikkumpensa d-danni kkawżati lil IG minħabba li ġie mġiegħel juża rimedju proċedurali li finalment ma rnexxiex minħabba ċirkustanzi kompletament irrelatati mal-imġiba tiegħu. |
|
80. |
Fil-fehma tiegħi, ir-responsabbiltà għad-dannu kkawżat mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għandha titfittex biss permezz ta’ kumpens jekk l-iskema proċedurali kontenzjuża ma tippermettix interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
81. |
Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat jekk, minħabba l-partikolarità tal-iskema ta’ implimentazzjoni tad-direttivi, id-dritt nazzjonali jippermettix li jiġi indirizzat l-interess leġittimu ta’ min, fis-sitwazzjoni ta’ IG, jista’ biss jinvoka d-drittijiet mogħtija minn direttiva jekk tiġi ddikjarata n-nullità tad-dispożizzjoni interna inkompatibbli magħha. |
|
82. |
Fil-fatt, anki kieku d-direttiva li permezz tagħha jingħataw id-drittijiet irrikonoxxuti lill-individwu kienet direttament applikabbli, ikun diffiċli għal IG biex jinvokaha kontra individwu bħall-impriża tal-provvista tal-enerġija, li lilha tħallsu l-ammonti li rriżultaw mill-applikazzjoni tal-punt 6.1.1 tal-metodu kontenzjuż ( 30 ). |
|
83. |
Fil-qosor, sabiex tinkiseb il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-iskema proċedurali doppja deskritta fid-digriet tar-rinviju tobbliga lill-individwi:
|
|
84. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li l-modalità proċedurali kontenzjuża tagħmilha eċċessivament diffiċli li tinkiseb il-protezzjoni ġudizzjarja sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet li jkunu ġejjin mid-dritt tal-Unjoni. |
|
85. |
Dan japplika għall-individwi li fittxew l-annullament ġudizzjarju tal-leġiżlazzjoni li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Hija ma tapplikax għal dawk li kkonformaw ruħhom ma’ din tal-aħħar, li l-kumpens għalih għandu, fejn xieraq, jitfittex billi tiġi invokata r-responsabbiltà tal-Istat. |
C. It‑tielet domanda preliminari
|
86. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex “permess li d-dispożizzjoni inkwistjoni tibqa’ tirregola r-relazzjonijiet pubbliċi fil-perijodu bejn l-adozzjoni tagħha u l-emenda tagħha fir-rigward ta’ grupp indefinit ta’ persuni li ma fetħux kawża għal kumpens quddiem qorti”. |
|
87. |
Abbażi tar-risposta li nissuġġerixxi għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, ma nemminx li huwa essenzjali li tingħata risposta għat-tielet waħda. |
|
88. |
Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni mqajma fit-tielet domanda hija ta’ natura purament ipotetika fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
89. |
Sabiex tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal kumpens ifformulata minn IG (li, infakkar, hija s-suġġett tal-kawża prinċipali), huwa irrilevanti x’inhi l-iskema tar-relazzjonijiet legali ta’ terzi, li ma humiex rikorrenti, jew li “ma tkunx twettqet evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali qabel l-emenda mad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dawn il-persuni”. |
|
90. |
Fil-fatt, id-destin tat-talba ta’ IG li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex l-istess għal dak ta’ “persuni li ma fetħux kawża għal kumpens quddiem qorti”. Il-qorti tar-rinviju għandha tittratta biss din it-talba. |
|
91. |
Għaldaqstant, b’formulazzjoni fit-termini li għadni kif ittraskrivejt, inqis li t-tielet domanda preliminari hija inammissibbli. |
V. Konklużjoni
|
92. |
Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija): “Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jeżiġix, minnu nnifsu, l-eżistenza ta’ azzjoni awtonoma intiża, prinċipalment, sabiex tikkontesta l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli tal-Unjoni, sakemm teżisti azzjoni ġudizzjarja waħda jew iktar li jippermettu, inċidentalment, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi għandhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rikors awtonomu sabiex tiġi kkontestata l-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli tal-Unjoni għandha tiggarantixxi l-effettività ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kontestazzjoni mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-individwi. Din l-effettività ma hijiex iggarantita meta, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, is-sentenza ta’ qorti li tkun iddikjarat, fl-ewwel istanza, l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ att normattiv mingħajr ordni ta’ liġi, u li kontrih ikun ġie ppreżentat appell ta’ kassazzjoni, tista’ tiġi annullata, mingħajr ma wieħed jidħol fl-analiżi tal-motivazzjoni tagħha, bis-sempliċi emenda tal-att regolatorju li seħħet, wara l-għoti ta’ din is-sentenza, mill-istess awtorità li ddeċidiet l-att ikkontestat u li, b’dan il-mod, tħalli mingħajr effett l-imsemmija sentenza u tostakola l-evalwazzjoni tal-mertu tagħha fl-appell ta’ kassazzjoni.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 113, p. 24).
( 3 ) Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (DV Nru 30, tal‑11 ta’ April 2006).
( 4 ) Il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Komuni għad-Danni Kkawżati (DV Nru 60, tal‑5 ta’ Awwissu 1988).
( 5 ) Digriet Nru 16‑334 tas‑6 ta’ April 2007 dwar il-provvista tat-tisħin distrettwali (DV Nru 34, tal‑24 ta’ April 2007).
( 6 ) Fis-seduta, il-QAS sostniet li s-sentenza tat‑13 ta’ April 2018 kienet ibbażata fuq raġunijiet oħrajn. Madankollu, id-digriet tar-rinviju huwa kategoriku f’dan ir-rigward u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mal-fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju. Fil-punt 5 ta’ dan id-digriet hemm stabbilit li: “permezz ta’ deċiżjoni […] tat‑13 ta’ April 2018 […] il-formula użata fil-punt 6.1.1 […] kienet ġiet annullata minħabba li ma kinitx tissodisfa l-għan tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2012/27, li ġew trasposti mill-Artikolu 155(2) tal-Liġi dwar l-Enerġija”.
( 7 ) Id-danni invokati jikkonsistu fil-“frustrazzjoni, ir-rabja u l-ilmenti mġarrba minħabba l-imġiba tal-imħallfin supremi tal-kulleġġ ġudikanti tal-QAS li ma ggarantixxewx l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u li, minflok irrimedjaw l-ilment, irrifjutaw li jeżerċitaw il-kontroll tagħhom fuq l-attività tal-poter eżekuttiv”.
( 8 ) Il-punt 17 tad-digriet tar-rinviju jagħmel riferiment għal dibattitu ġurisprudenzjali intern dwar l-effetti tal-emendi regolatorji dwar il-proċeduri għal annullament li jkunu għaddejjin. IG isostni li sentenza oħra tal-QAS tas‑26 ta’ Ġunju 2020 daħlet fil-mertu tal-appell ta’ kassazzjoni Nru 14350/2019 fejn analizzat il-legalità ta’ ċerti artikoli tad-Digriet Nru 16‑334 li kienu tħassru jew ġew emendati qabel id-data li fiha ġiet deċiża s-sentenza. Madankollu, meta ġie diskuss dan il-punt fis-seduta, deher li l-appell Nru 14350/2019 kien jikkonċerna dispożizzjonijiet li, fid-data tal-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, ma ġewx affettwati mit-tħassir jew mill-emenda.
( 9 ) Il-QAS, wara li enfasizzat li s-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2020 kisbet l-awtorità ta’ res judicata, issostni li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-inapplikazzjoni tar-regoli interni li jagħtu din in-natura lid-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali.
( 10 ) Kawża C‑497/20, EU:C:2021:1037 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Randstad Italia”).
( 11 ) Sentenza Randstad Italia, punt 56, li tiċċita s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32).
( 12 ) Sentenza Randstad Italia, punt 58: “Dan ingħad, bla ħsara għall-eżistenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, skont il‑prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġudizzjarju intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il‑modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività)”.
( 13 ) Din tfisser l-azzjoni jew ir-rikors ippreżentati prinċipalment kontra r-regola stess u mhux biss kontra l-atti individwali ta’ applikazzjoni tagħha.
( 14 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Lufthansa (C‑379/18, EU:C:2019:1000, punt 61).
( 15 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 54).
( 16 ) Kawża C‑571/16, EU:C:2018:807.
( 17 ) Dawn il-kunsiderazzjonijiet, sa fejn huma ġenerali, jibqgħu validi, anki jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara f’dan ir-rigward tkun ġiet emendata, bħalma ġie enfasizzat fis-seduta.
( 18 ) Punt 140.
( 19 ) Punt 142.
( 20 ) Punt 143.
( 21 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Sentenza Randstad Italia, punt 58; u s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175) punt 49.
( 23 ) L-emenda sussegwenti tippermetti, b’dan il-mod, li jibqgħu l-effetti prodotti sa dak il-mument mid-dispożizzjoni kkontestata. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-QAS issostni li, fis-sistema proċedurali tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 149 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar jirrikonoxxi t-telf tal-iskop ta’ rikors dirett meta, qabel ma tiġi deċiża sentenza, l-att ikkontestat ikun ġie emendat. Madankollu, u irrispettivament mill-fatt li din is-soluzzjoni tipprevali meta ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni fl-ewwel istanza, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament kontra att li ma għadux fis-seħħ mhux neċessarjament jitlef l-iskop tiegħu minħabba f’hekk, jekk ir-rikorrent iżomm l-interess tiegħu fl-annullament ta’ dan l-att. F’dan is-sens, ara K. Lenaerts, I. Maselis u K. Gutman: EU Procedural Law, Oxford University Press, Oxford, 2014, punt 7.10, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 24 ) F’ċerti Stati Membri, l-istess regola tapplika għal stħarriġ a posteriori tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet. It-tħassir tagħhom wara l-introduzzjoni tat-talba jiddetermina, bħala prinċipju, iċ-ċaħda tar-rikors abbażi tal-fatt li, fi proċedura diretta lejn il-purifikazzjoni oġġettiva tal-ordinament ġuridiku, ma hemm l-ebda lok sabiex tingħata sentenza fuq test legali li ma huwiex fis-seħħ. Madankollu, dan il-kriterju jista’ ma japplikax meta, minkejja t-tħassir tagħha, il-liġi jibqa’ jkollha effett sa ċertu punt (ultra vires) jew meta jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, bil-preżunzjoni tal-applikazzjoni tagħha għall-fatti kontenzjużi skont il-prinċipju “tempus regit factum”, kinitx konformi mal-Kostituzzjoni.
( 25 ) Infakkar li din id-dispożizzjoni, traskritta fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tipprevedi li l-awtorità amministrattiva “tirtira” l-att ikkontestat, fejn il-QAS tannulla d-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fir-rigward ta’ tali att.
( 26 ) Skont id-digriet tar-rinviju (punt 9), il-QAS sostniet li fil-kawża kien hemm att normattiv irtirat, li għalih japplika l-Artikolu 204(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva. Skont din id-dispożizzjoni, meta d-danni jkunu kkawżati minn att irtirat, l-illegalità ta’ dan tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata mill-qorti adita bit-talba għad-dannu.
( 27 ) Fis-seduta, IG esprima li l-kulleġġ ġudikanti tal-QAS iddeċieda mingħajr ma sema’ dwar it-telf possibbli tal-effett tar-rimedju.
( 28 ) Skont id-diskussjoni matul is-seduta, tkun biżżejjed bidla minima fid-dispożizzjoni regolatorja sabiex il-proċedura ġudizzjarja attwali tibqa’ mingħajr effett. IG kien sostna (punt 45 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu) li l-emenda introdotta ma kinitx tali, peress li d-digriet il-ġdid adotta l-istess metodu ta’ kalkolu. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, issostni li d-digriet ippubblikat fl‑20 ta’ Settembru 2019 emenda d-digriet preċedenti, “b’mod partikolari”, f’dak li jirrigwarda l-punt 6.1.1 tal-metodu tad-distribuzzjoni tal-enerġija termali f’kondominji (punt 6 tad-digriet tar-rinviju).
( 29 ) Punt 4 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ IG li insista fuq dan il-punt fis-seduta. Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjonijiet tiegħu ma kinux imminati fl-iżvolgiment tad-dibattitu sussegwenti.
( 30 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod ġenerali, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631).
( 31 ) Il-QAS, fis-seduta sostniet li min jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni regolatorja jista’ wkoll jitlob il-kumpens korrispondenti. Madankollu, hija spjegat li l-istess QAS trid tirreferi din it-talba lill-qorti kompetenti, li għandha tiddeċiedi jekk seħħx każ ta’ responsabbiltà tal-Istat.