KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis‑26 ta’ Ġunju 2025 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑364/24 u C‑393/24
Giorgio Fidenato, f’ismu stess u bħala s-sid tal-azjenda agrikola “In Trois”
vs
Ministero dell’Agricoltura, della Sovranità Alimentare e delle Foreste,
fil-preżenza ta’:
WX, f’ismu stess u bħala sid tal-azjenda agrikola Li Pocis de WX (C‑364/24)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
u
Giorgio Fidenato, f’ismu stess u bħala s-sid tal-azjenda agrikola “In Trois”
vs
Ministero dell’Agricoltura, della Sovranità Alimentare e delle Foreste (C‑393/24)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Udine (il-Qorti Distrettwali ta’ Udine, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rilaxx volontarju ta’ organiżmi ġenetikament immodifikati fl-ambjent– Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 26c(3) – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/321 – Projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament immodifikat MON 810 fl-Italja – Validità”
I. Daħla
|
1. |
Jidher li l-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament immodifikati (iktar ’il quddiem, “OĠM”) ma tantx hija apprezzata fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, 35 sena wara l-ewwel armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx volontarju tal-OĠM fl-ambjent ( 2 ), varjetà ta’ OĠM waħda għadha awtorizzata illum għall-kultivazzjoni fl-Unjoni: il-qamħirrum ġenetikament immodifikat MON 810 tal-impriża Monsanto (iktar ’il quddiem il-“qamħirrum MON 810”) ( 3 ). Din l-awtorizzazzjoni barra minn hekk kienet intlaqgħat b’mod imħallat mill-Istati Membri. Fil-fatt, uħud minnhom kienu ħadu miżuri intiżi sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu din il-kultivazzjoni billi użaw dispożizzjonijiet differenti tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni ( 4 ). |
|
2. |
F’din is-sitwazzjoni, fl‑2015, il-leġiżlatur tal-Unjoni iddeċieda, essenzjalment, li jagħti carte blanche lill-Istati Membri, li jistgħu għalhekk jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorji tagħhom, bil-kundizzjoni biss li jinkiseb il-kunsens tal-operatur ekonomiku kkonċernat. Dan wassal għall-ħolqien ta’ sistema ta’ “kultivazzjoni à la carte” tal-OĠM fl-Unjoni ( 5 ), li fil-kuntest tagħha ħafna Stati Membri ( 6 ) rrestrinġew jew ipprojbixxew il-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu. |
|
3. |
Għaxar snin wara, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tevalwa, f’dawn il-kawżi, il-validità tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu din il-“kultivazzjoni à la carte” tal-OĠM u l-legalità tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 introdotta fl-Italja abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2001/18/KE
|
4. |
Il-premessa 4 tad-Direttiva 2001/18/KE ( 7 ) tipprovdi: “Organiżmi ħajjin, kemm jekk jintefgħu fl-ambjent fi kwantitajiet żgħar jew kbar għal skopijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu fruntieri nazzjonali u b’hekk jaffetwaw Stati Membri oħra. L-effetti ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent jistgħu jkunu rriversibli.” |
|
5. |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tapprossima l-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta: […]
|
|
6. |
L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs, bħal jew fi prodotti, li josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.” |
|
7. |
L-Artikolu 33 tal-istess direttiva, intitolat “Penali”, jipprovdi: “L-Istati Membri jistabilixxu l-multi applikabli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. [Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi].” |
|
8. |
Id-Direttiva 2001/18 ġiet emendata, b’mod partikolari, bid-Direttiva (UE) 2015/412 ( 8 ). |
|
9. |
Il-premessi 5 sa 8 tad-Direttiva 2015/412 jipprovdu:
|
|
10. |
L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva daħħal l-Artikoli 26b u 26c fid-Direttiva 2001/18 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”). |
|
11. |
Id-Direttiva 2001/18, kif emendata bid-Direttiva 2015/412 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/18”), tipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 u 8 tal-Artikolu 26b tagħha, intitolat “Kultivazzjoni”: “1. Waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM partikolari jew matul it-tiġdid ta’ kunsens/awtorizzazzjoni Stat Membru jista’ jitlob li l-ambitu ġeografiku tal-kunsens jew l-awtorizzazzjoni bil-miktub ikun aġġustat bl-effett li t-territorju kollu jew parti minnu ta’ dak l-Istat Membru jiġi eskluż mill-kultivazzjoni. Dik it-talba għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni […]. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien […] 2. Fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dik it-talba, in-notifikatur/applikant jista’ jaġġusta jew jikkonferma l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni inizjali. Fin-nuqqas ta’ konferma, l-aġġustament tal-ambitu ġeografiku tan-notifika/l-applikazzjoni għandu jiġi implimentat […]. […] 3. Fejn ma tkunx saret talba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew fejn in-notifikatur/applikant ikun ikkonferma l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni inizjali tiegħu Stat Membru jista’ jadotta miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni fit-territorju kollu tiegħu jew f’parti minnu ta’ OĠM, jew ta’ grupp ta’ OĠM definiti minn wiċċ tar-raba jew karatteristika, ladarba jkun awtorizzat skont il-Parti C ta’ din id-Direttiva jew skont ir-[Regolament Nru 1829/2003] dejjem jekk tali miżuri jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, ikunu raġunati, propozjonati u mhux diskriminatorji u, minbarra dan, ikunu bbażati fuq raġunijiet konvinċenti bħal dawk b’rabta ma’:
[…] 8. Il-miżuri adottati taħt dan l-Artikolu ma għandhomx jaffettwaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ OĠM awtorizzati bħala, jew fi, prodotti.” |
|
12. |
L-Artikolu 26c ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri tranżizzjonali”, jipprovdi: “1. Mit‑2 ta’ April 2015 sat‑3 ta’ Ottubru 2015, Stat Membru jista’ jitlob li l-ambitu ġeografiku ta’ notifika/applikazzjoni li tkun saret, jew ta’ awtorizzazzjoni mogħtija, taħt din id-Direttiva jew ir-[Regolament Nru 1829/2003] qabel it‑2 ta’ April 2015 jiġi aġġustat. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien. 2. Fejn in-notifika/applikazzjoni tkun pendenti u n-notifikatur/applikant ma jkunx ikkonferma l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni inizjali tiegħu, fi żmien 30 jum minn meta tiġi kkomunikata t-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ. […] 3. Fejn l-awtorizzazzjoni tkun diġà ngħatat u d-detentur tal-awtorizzazzjoni ma jkunx ikkonferma l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu, l-awtorizzazzjoni għandha tkun modifikata kif meħtieġ. Għal kunsens bil-miktub taħt din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens kif meħtieġ u għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni ladarba dan ikun tlesta. Għal awtorizzazzjoni taħt ir-[Regolament Nru 1829/2003], il-Kummissjoni għandha temenda d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif meħtieġ, mingħajr ma tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 35(2) ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif meħtieġ. 4. Fejn ma ssir ebda talba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew fejn notifikant/applikant jew, skont il-każ, detentur ta’ awtorizzazzjoni ma jikkonfermax l-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni inizjali jew, skont il-każ, awtorizzazzjoni, il-paragrafi 3 sa 8 tal-Artikolu 26b għandhom japplikaw mutatis mutandis. 5. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kultivazzjoni ta’ kwalunkwe żrieragħ ta’ OĠM u materjal ta’ propagazzjoni tal-pjanti awtorizzati li tħawlu legalment qabel ma l-kultivazzjoni tal-OĠM tiġi ristretta jew ipprojbita fl-Istat Membru. 6. Il-miżuri adottati taħt dan l-Artikolu ma għandhomx jaffettwaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ OĠM awtorizzati bħala, jew fi, prodotti.” |
2. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/321
|
13. |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/321 ( 10 ), adottata abbażi tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18, tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[l]-kultivazzjoni [tal-qamħirrum MON 810] għandha tiġi pprojbita fit-territorji elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni”. |
|
14. |
Fost it-territorji elenkati fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hemm, fil-punt 8, it-territorju Taljan. |
3. Ir-Regolament Nru 1829/2003
|
15. |
Ir-Regolament Nru 1829/2003 jissupplimenta l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-OĠM intiżi għall-kultivazzjoni fl-Unjoni kollha bħala żrieragħ jew materjal ieħor ta’ propagazzjoni tal-pjanti. Skont l-Artikolu 1(a) tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li “jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u t-trattament xieraq ta’ l-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, waqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern”. |
|
16. |
L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li jiġu adottati miżuri ta’ urġenza “[f]ejn ikun evidenti li prodotti awtorizzati bi jew skond [l-imsemmi] Regolament x’aktarx jikkostitwixxu riskju gravi għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, jew fejn, fid-dawl ta’ opinjoni ta’ l-[Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (iktar ’il quddiem l-EFSA)] […], maħruġa taħt l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 22, tinħoloq in-neċessità li urġentement tiġi sospiża jew modifikata awtorizzazzjoni”. |
B. Id-dritt Taljan
|
17. |
L-Artikolu 35a tad-decreto legislativo n. 224 - Attuazione della direttiva 2001/18/KE concernente l’emissione deliberata nell’ambiente di organismi geneticamente modificati (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 224 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/18 fir-Rigward tar-Rilaxx Volontarju fl-Ambjent ta’ Organiżmi Ġenetikament Immodifikati), tat‑8 ta’ Lulju 2003 ( 11 ), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 224/2003”), intitolat “Sanzjonijiet relatati mat-Titolu IIIa”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Sakemm l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali, ikun punibbli b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn EUR 25000 u EUR 75000 kull min jikser:
2. Permezz ta’ digriet-ordni, is-sanzjoni amministrattiva anċillari għas-sospensjoni, għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur, tal-possibbiltà li jiġu kkultivati OĠM, mogħtija mid-deċiżjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq, hija imposta fuq il-persuna li twettaq il-ksur. 3. Kull persuna li tikser il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 hija obbligata li twettaq il-qerda tal-uċuħ tar-raba’ tal-OĠM imħawla illegalment u li tirrestawra l-post bi spejjeż tagħha, in solidum mas-sid u mad-detenturi ta’ drittijiet ta’ użu reali jew personali fuq l-art, li għalihom dan il-ksur huwa imputabbli minħabba nuqqas jew negliġenza, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet magħmula b’mod kontradittorju mal-persuni kkonċernati, mill-persuni inkarigati mill-kontroll. L-awtorità msemmija fil-paragrafu 4 għandha tordna l-miżuri neċessarji għal dan l-għan u t-terminu li fih dawn għandhom jiġu applikati, u wara dan hija tipproċedi għall-eżekuzzjoni forzata bi spejjeż tal-partijiet obbligati u għall-irkupru tas-somom imħallsa bil-quddiem.” |
III. Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
A. Il-Kawża C‑364/24
|
18. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, is-Sur Fidenato, huwa s-sid tal-azjenda agrikola “In Trois”, li s-sede tagħha tinsab f’Arba (il-Provinċja ta’ Pordenone, l-Italja). Matul is-sena 2021, bi ksur tal-projbizzjoni fis-seħħ fl-Italja, huwa beda jikkultiva, fuq uħud mill-artijiet tiegħu, il-qamħirrum MON 810. |
|
19. |
Fit‑8 ta’ Settembru 2021, twettqet spezzjoni fuq l-artijiet inkwistjoni u ttieħdu kampjuni. Permezz tad-Digriet Nru 511800, tal‑14 ta’ Ottubru 2021, il-Ministero delle Politiche Agricole, Alimentari e Forestali (il-Ministeru għall-Politika Agrikoli, tal-Ikel u tal-Foresti) ikkonstata li l-analiżi ta’ dawn il-kampjuni kienet żvelat il-preżenza ta’ OĠM u ordna lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 35a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 224/2003, biex jipproċedi bil-qerda, permezz tat-tħin u d-dfin, tal-uċuħ tar-raba’ tal-OĠM imħawla illegalment fuq l-artijiet inkwistjoni, kif ukoll li jirrestawra l-postijiet bi spejjeż tiegħu, dan kollu f’terminu ta’ 5 ijiem. Fid‑19 ta’ Ottubru 2021, il-persunal tal-Forestale (il-korp forestali tal-Istat, l-Italja), wara li kkonstata li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ikkonforma ruħu ma’ dan, ipproċeda bil-qerda tal-pjanti tal-qamħirrun MON 810. |
|
20. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Friuli Venezia Giulia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Friuli Venezia Giulia, l-Italja) fejn sostna li din kienet ġiet adottata abbażi ta’ regoli mhux konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni u mal-ordinament ġuridiku tagħha. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors. |
|
21. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tiegħu huwa jsostni, essenzjalment, li d-Direttiva 2001/18 ma hijiex valida, sa fejn tippermetti lil Stat Membru jintroduċi projbizzjoni ta’ kultivazzjoni ta’ OĠM li ġie awtorizzat, f’dan il-każ il-qamħirrun MON 810, abbażi ta’ sempliċi talba mhux motivata indirizzata lid-detentur tal-awtorizzazzjoni. Huwa jsostni wkoll li din il-projbizzjoni tikkostitwixxi limitazzjoni sproporzjonata tal-libertà ta’ intrapriża. |
|
22. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-possibbiltà, prevista fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, tal-Istati Membri li jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM fit-territorju tagħhom, mingħajr ma din il-projbizzjoni tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet sanitarji jew ambjentali, hijiex konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-libertajiet fundamentali tas-suq intern, mal-libertà ta’ intrapriża u, b’mod iktar ġenerali, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tosserva li l-invalidità possibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tista’ taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. |
|
23. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
B. Il-Kawża C‑393/24
|
24. |
Fil-kuntest ta’ proċedura separata, awtorità amministrattiva Taljana ( 12 ), permezz ta’ digriet-ordni tad‑19 ta’ Ġunju 2023, imponiet fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, is-Sur Fidenato, skont l-Artikolu 35a(1)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 224/2003, multa amministrattiva ta’ EUR 50000 talli kiser il-projbizzjoni fuq il-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fl-Italja. |
|
25. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑18 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali oppona dan id-digriet-ordni quddiem it-Tribunale di Udine (il-Qorti Distrettwali ta’ Udine, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors li jikkonċerna ammont ta’ EUR 25000 li jikkorrispondi għas-sanzjoni imposta għaż-żrigħ ta’ OĠM fil-provinċja ta’ Udine. |
|
26. |
Din il-qorti għandha dubji, b’mod partikolari, dwar il-validità tad-Direttiva 2001/18 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 fid-dawl tal-prinċipji fundamentali tat-Trattati UE u FUE. Hija tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk il-projbizzjoni tal-użu taż-żrieragħ diġà awtorizzati hijiex konformi mas-suq intern, jekk din tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi u jekk din il-miżura hijiex konformi mal-Artikolu 36 TFUE. Hija tistaqsi wkoll dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fid-dawl tal-Artikoli 16, 18, 21 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni. |
|
27. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Udine (il-Qorti Distrettwali ta’ Udine) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
28. |
Il-Kawżi C‑364/24 u C‑393/24 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali kif ukoll tas-sentenza. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Taljan, Grieg, Franċiż, Lussemburgiż, Ungeriż u Pollakk, kif ukoll mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta. |
IV. Analiżi
|
29. |
Il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, minn naħa, dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 ( 13 ) u, min-naħa l-oħra, dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ( 14 ). |
|
30. |
Ser norganizza l-analiżi tiegħi fi tliet partijiet. Wara xi rimarki preliminari dwar il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321, ser nindirizza l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari u ser nanalizza d-domandi komuni kollha tal-qrati tar-rinviju dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 kif ukoll iż-żewġ domandi, magħmula fil-Kawża C‑393/24, dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
A. Rimarki preliminari fuq il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati
|
31. |
Qabel ma neżamina l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari u l-eżami tal-mertu tagħhom, nixtieq nippreżenta xi osservazzjonijiet dwar il-possibbiltà tal-Istati Membri li jintroduċu l-projbizzjoni ( 15 ) tal-kultivazzjoni tal-OĠM abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. |
|
32. |
Id-Direttiva 2015/412 żiedet id-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-Direttiva 2001/18, b’effett mit‑2 ta’ April 2015. Dawn jipprevedu kull waħda minnhom mekkaniżmu li jippermetti l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni ta’ OĠM partikolari fit-territorju kollu ta’ Stat Membru jew f’parti minnu. Fir-rigward tad-differenzi bejn dawn iż-żewġ mekkaniżmi, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-fatt li l-applikabbiltà tal-mekkaniżmu previst mid-Direttiva 2001/18, fl-Artikolu 26b tagħha, ma hijiex limitata ratione temporis filwaqt li dak previst fl-Artikolu 26c tagħha jikkostitwixxi miżura tranżitorja, applikabbli biss matul is-6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/412. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu previst f’din it-tieni dispożizzjoni kellu japplika għall-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija qabel it‑2 ta’ April 2015, filwaqt li dak previst fl-ewwel dispożizzjoni kellu japplika biss matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ OĠM partikolari jew matul it-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni. |
|
33. |
Minkejja dawn id-differenzi, iż-żewġ mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjonijiet ikkontestati huma simili u kull wieħed minnhom jipprevedi, essenzjalment, il-possibbiltà li Stat Membru jipprojbixxi l-kultivazzjoni ta’ OĠM wara bidla fil-portata ġeografika ta’ notifika/applikazzjoni ppreżentata jew ta’ awtorizzazzjoni mogħtija. Din il-projbizzjoni tista’ tiġi introdotta fi stadju wieħed jew f’żewġ stadji, skont il-pożizzjoni adottata mill-operatur ekonomiku kkonċernat (in-notifikatur/applikant jew id-detentur tal-awtorizzazzjoni diġà mogħtija) fir-rigward tal-bidla fil-portata ġeografika ta’ notifika/applikazzjoni ppreżentata jew ta’ awtorizzazzjoni mogħtija, meħtieġa minn Stat Membru. Jekk dan l-operatur ma jopponix l-bidla mitluba (billi jikkonferma l-portata ġeografika tan-notifika/applikazzjoni inizjali/awtorizzazzjoni tiegħu), id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ma jirrikjedi l-adozzjoni tal-ebda miżura nazzjonali (l-ewwel stadju). Min-naħa l-oħra, meta l-operatur ekonomiku kkonċernat joġġezzjona għal din l-emenda u għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni mitluba (billi ma jikkonfermax l-portata ġeografika tan-notifika/applikazzjoni inizjali/awtorizzazzjoni tiegħu), l-Istat Membru kkonċernat għandu, sabiex jintroduċi din il-projbizzjoni, jadotta miżuri nazzjonali li għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 26b(3) tad-Direttiva 2001/18 (it-tieni stadju). |
|
34. |
Nenfasizza li l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fl-Italja inkwistjoni f’dan il-każ ġiet introdotta b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18, jiġifieri wara l-ewwel stadju tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tranżitorju. |
B. Fuq l-ammissibbiltà
1. Osservanza tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari
|
35. |
Il-gvern Grieg jirrileva li l-qrati tar-rinviju ma jesponux l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għal kull dispożizzjoni tad-dritt primarju msemmija fid-domandi tagħhom. Bl-istess mod, il-gvern Taljan isostni li l-ewwel domanda fil-Kawża C‑393/24 hija inammissibbli sa fejn il-qorti tar-rinviju ma esponietx speċifikament ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. |
|
36. |
Infakkar li d-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrilha li jistgħu jintlaqgħu. Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ). Minn dan jirriżulta li, minn naħa, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss il-validità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-motivi ta’ invalidità meqjusa fid-deċiżjoni tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-validità ta’ dan l-att jew ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għall-inammissibbiltà tad-domandi dwar il-validità tagħhom ( 17 ). |
|
37. |
F’dan il-każ, anki jekk l-espożizzjonijiet tal-motivi jibqgħu pjuttost qosra għal ċerti domandi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi li sarulha. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, dan ma japplikax għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑364/24, sa fejn din tikkonċerna l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fid-dawl tal-Artikoli 2 u 3 TFUE. Fil-fatt, anki jekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tal-eżami li għandu jsir mill-Qorti tal-Ġustizzja, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi mqajma fil-kuntest tal-kawża prinċipali f’din il-kawża, li huma riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda wieħed mill-argumenti mressqa ma jirrigwarda l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fid-dawl ta’ dawn l-artikoli tat-Trattat. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li din il-parti tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑364/24 ma hijiex ammissibbli. |
2. In-natura reali jew artifiċjali tal-kawżi prinċipali
|
38. |
Il-Parlament isostni li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fis-sentenza Foglia ( 18 ). Din l-istituzzjoni tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali xtaq joħloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet li jesponuh għall-effetti tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni taż-żrieragħ ġenetikament immodifikati inkwistjoni fit-territorju Taljan u li wassluh, b’mod partikolari, sabiex jirċievi l-ordni li jeqred dawn iż-żrieragħ u sabiex tiġi imposta fuqu l-multa prevista mid-dritt Taljan. |
|
39. |
Jiena ma naqbilx mal-opinjoni tal-Parlament. |
|
40. |
Infakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 19 ). |
|
41. |
Huwa ċertament minnu li talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE għandha tiġi miċħuda meta jidher b’mod ċar, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Foglia ( 20 ), invokata mill-Parlament, li l-proċedura prevista f’dan l-artikolu tkun intużat ħażin u hija intiża, fir-realtà, sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi abbażi ta’ tilwima artifiċjali ( 21 ). |
|
42. |
Madankollu, sabiex tilwima tikkwalifika bħala “artifiċjali”, il-partijiet fil-kawża prinċipali jridu jkunu qablu minn qabel li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar kwistjoni ( 22 ). Issa, il-qari tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jurix li dan huwa l-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, xejn ma jindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali aġixxa b’mod miftiehem mal-awtoritajiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, li dawn imponew fuqu diversi sanzjonijiet li r-realtà tagħhom ma hijiex iddubitata. Fi kwalunkwe każ, sabiex tilwima tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “artifiċjali”, ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li jiġi stabbilit li individwu li kiser id-dispożizzjonijiet fis-seħħ u li sofra konsegwenzi negattivi u reali tal-ksur tiegħu aġixxa b’tali mod sabiex iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
43. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-kawżi prinċipali jiġu kklassifikati bħala “artifiċjali”, fis-sens tas-sentenza Foglia ( 23 ), u għalhekk it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jitqiesu bħala ammissibbli. |
3. Id-domandi dwar il-validità tal-Artikolu 26b u tal-Artikolu 26c(4) tad-Direttiva 2001/18
|
44. |
Il-Gvern Franċiż jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑364/24 u tal-ewwel tliet domandi fil-Kawża C‑393/24, sa fejn dawn jikkonċernaw il-validità tal-Artikolu 26b u tal-Artikolu 26c(4) tad-Direttiva 2001/18. Skont dan il-gvern, id-domandi preliminari dwar dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tal-kawżi prinċipali u jirrigwardaw problema ta’ natura ipotetika. Huwa jsostni li l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fit-territorju Taljan, li hija l-oriġini taż-żewġ kawżi prinċipali, tirriżulta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321, adottata abbażi tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18. |
|
45. |
Jiena naqbel kompletament mal-fehma tiegħu. |
|
46. |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “[tagħti] s-sentenza” tagħha fil-kawża li hija adita biha ( 24 ). |
|
47. |
F’dan il-każ, il-kawżi prinċipali għandhom bħala suġġett tagħhom, essenzjalment, il-legalità tas-sanzjonijiet imposti fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali minħabba l-ksur tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 fit-territorju Taljan, introdotta permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18. La l-Artikolu 26b u lanqas l-Artikolu 26c(4) ta’ din id-direttiva ma jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni u l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fl-Italja ma ġietx introdotta skont ir-regoli stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
48. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk tingħata risposta għad-domandi dwar il-validità tal-Artikolu 26b u tal-Artikolu 26c(4) tad-Direttiva 2001/18, tkun manifestament qiegħda tingħata opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni ipotetika, bi ksur tal-missjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE ( 25 ). |
|
49. |
Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, inqis għalhekk, bħall-Gvern Franċiż, li l-ewwel domanda fil-Kawża C‑364/24 u l-ewwel tliet domandi fil-Kawża C‑393/24, sa fejn jirrigwardaw il-validità tal-Artikolu 26b u tal-Artikolu 26c(4) tad-Direttiva 2001/18, huma inammissibbli. |
4. Konklużjonijiet dwar l-ammissibbiltà
|
50. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li d-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju ma humiex ammissibbli sa fejn jikkonċernaw:
|
C. Fuq il-mertu
1. Fuq id-domandi fil-Kawża C‑364/24 kif ukoll fuq l-ewwel tliet domandi u l-ewwel parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑393/24
|
51. |
Id-domandi għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità jikkonċernaw, minn naħa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 ( 26 ). Ninnota li, sa fejn din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18, il-validità tagħha tiddependi mill-validità tad-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali tagħha. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hija invalida għal raġunijiet oħra, nirrileva madankollu li la l-qrati tar-rinviju u lanqas ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma qajmu argumenti f’dan is-sens ( 27 ). Minn dan jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 tiddependi minn dik li għandha tingħata għad-domanda dwar il-validità tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18. |
|
52. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-validità tal-Artikolu 26c tad-Direttiva 2001/18 sa fejn id-domandi dwar il-validità tiegħu huma ammissibbli. Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati fil-kawżi prinċipali u fil-kawżi preżenti, l-eżami tal-validità għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiffoka fuq il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni eżaminata”), li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 ( 28 ) u li jistabbilixxi r-regola prinċipali tal-ewwel stadju tal-mekkaniżmu tranżitorju, inkwistjoni f’dawn il-kawżi. It-tieni, ser neżamina kif ir-riżultat ta’ dan l-eżami jaffettwa r-risposta għad-domanda dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. |
a) Fuq il-validità tad-dispożizzjoni eżaminata
|
53. |
Il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar il-validità tad-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju. |
|
54. |
Wara ser neżamina l-validità ta’ din id-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl 1) tad-dispożizzjonijiet kollha invokati dwar is-suq intern u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, 2) tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, 3) tal-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża, 4) tal-ftehimiet internazzjonali u, fl-aħħar nett, 5) tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1839/2003. |
1) Il-validità fid-dawl tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikoli 26, 34 sa 36 u 114 TFUE, u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
55. |
Għalkemm, fil-Kawża C‑364/24, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità tad-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 3 TUE, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-argumenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jirriżulta madankollu li dan l-artikolu huwa imsemmi sa fejn jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-istabbiliment tas-suq intern. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa xieraq li tiġi evalwata l-validità tad-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji kollha invokati dwar l-istabbiliment tas-suq intern u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
i) L-argumenti mressqa
|
56. |
Il-qrati tar-rinviju għandhom, essenzjalment, dubji dwar jekk il-projbizzjoni, f’ċerti Stati Membri, tal-kultivazzjoni ta’ prodott ġenetikament immodifikat diġà mqiegħed fis-suq, li ma hijiex ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet iddettati minn kwistjonijiet ta’ sikurezza għas-saħħa u ambjentali, tikkontribwixxix għall-funzjonament tas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE. F’dan ir-rigward, huma jistaqsu jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kisirx ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
ii) Evalwazzjoni
|
57. |
Huwa minnu, kif jirrilevaw il-qrati tar-rinviju, li d-dispożizzjoni eżaminata, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 adottata abbażi tagħha, wasslet sabiex jiġu stabbiliti ċerti ostakoli fis-suq intern minħabba l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 f’ċerti Stati Membri biss. Konsegwentement, prodott imqiegħed fis-suq, bħal, f’dan il-każ, iż-żrieragħ tal-qamħirrun MON 810 awtorizzati għal finijiet ta’ kultivazzjoni, ma jistax jintuża f’ċerti Stati Membri skont l-użu intiż tiegħu, u dan jaffettwa l-moviment liberu tiegħu. |
|
58. |
Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat UE li huwa rifless fil-projbizzjoni, li toħroġ mill-Artikolu 34 TFUE, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li għandha effett ekwivalenti ( 29 ). Din il-projbizzjoni hija intiża għall-miżuri kollha tal-Istati Membri li jistgħu jostakolaw direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, l-aċċess għas-suq ta’ Stat Membru ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, minkejja li tali miżura la jkollha bħala għan u lanqas bħala effett li tittratta b’mod inqas favorevoli l-prodotti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra ( 30 ). |
|
59. |
Issa, id-dispożizzjoni eżaminata ma hijiex miżura ta’ Stat Membru iżda tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm dan ma jipprekludix l-evalwazzjoni tal-validità tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju ( 31 ), għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, il-fatt li hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE. Dan l-artikolu jippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. |
|
60. |
Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni eżaminata. Fil-fatt, minn naħa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ddaħħlu fid-Direttiva 2001/18, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE. Għalhekk ma jistax ikun hemm dubju li d-Direttiva 2015/412, li ssupplimentat id-Direttiva 2001/18 b’żewġ artikoli li jikkonċernaw biss il-kultivazzjoni tal-OĠM, għandha l-istess bażi legali. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni eżaminata stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM komuni għall-Istati Membri kollha u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “miżura għall-approssimazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE. |
|
61. |
Kif iddikjarat ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jintervjeni billi jadotta l-miżuri adegwati b’osservanza, minn naħa, tat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji ġuridiċi msemmija fit-Trattat FUE jew żviluppati permezz tal-ġurisprudenza, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 32 ). Għalhekk, jekk l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri tinvolvi ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, għandu jiġi ċċekkjat jekk dawn madankollu jikkontribwixxux għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE. |
|
62. |
Id-dispożizzjoni eżaminata tipprevedi mekkaniżmu għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM mill-Istati Membri. Issa, peress li din id-dispożizzjoni tikkompleta d-Direttiva 2001/18, il-miżura li hija prevista ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi analizzata b’mod iżolat u, fuq kollox, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema legali kollha li din l-istess dispożizzjoni tifforma parti minnha. Fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjoni eżaminata tapplika għall-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ OĠM mogħtija abbażi ta’ din id-direttiva u tar-Regolament Nru 1829/2003, dawn iż-żewġ atti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-miżura inkwistjoni. |
|
63. |
Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jemendaw il-kuntest ġuridiku stabbilit minn dawn l-atti fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-OĠM. Qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, la d-Direttiva 2001/18 u lanqas ir-Regolament Nru 1829/2003 ma kienu jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kultivazzjoni. Għalhekk ir-regoli ġenerali applikaw għaliha, b’mod partikolari l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tqegħid fis-suq ta’ OĠM, bħal jew fi prodotti, li josservaw ir-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. Jekk l-Istati Membri kien biħsiebhom jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM imqiegħda fis-suq, huma kellhom jirrikorru għall-klawżoli ta’ salvagwardja jew għall-miżuri ta’ urġenza, previsti fl-Artikolu 23 tal-istess direttiva u fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, jew inkella għall-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 114(5) u (6) TFUE ( 33 ). |
|
64. |
Iż-żieda tad-dispożizzjonijiet ikkontestati donnha tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, fir-rigward taż-żrieragħ ta’ OĠM, li anki jekk ir-riskji marbuta mal-ambjent u mas-saħħa kienu diġà ġew evalwati meta tqiegħdu fis-suq, il-kwistjoni tal-użu tagħhom għal finijiet ta’ kultivazzjoni kienet teħtieġ li jiġi adottat approċċ partikolari, li jmur lil hinn mill-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa jew ambjentali biss fis-sens strett. Dan jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2015/412, li tgħid li l-kultivazzjoni tal-OĠM għandha “dimensjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali b’saħħithom minħabba r-rabta tagħha mal-użu tal-art, l-istrutturi agrikoli lokali u l-protezzjoni jew iż-żamma tal-ħabitats, l-ekosistemi u l-pajsaġġi”. |
|
65. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li l-introduzzjoni, mill-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ sistema partikolari li tirrigwarda l-kultivazzjoni tal-OĠM ma tistax titqies bħala mhux ġustifikata. Fil-fatt, għandha tiġi rrikonoxxuta n-natura partikolari tal-kultivazzjoni meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ użu tal-merkanzija. Filwaqt li l-konsum jew l-użu ta’ ċerti prodotti mqiegħda fis-suq jaffettwa biss, bħala prinċipju, lix-xerrejja jew lill-utenti, dan ma japplikax għall-kultivazzjoni tal-pjanti. Din ma taffettwax biss lix-xerrejja ta’ żrieragħ iżda tista’ tipproduċi effetti irriversibbli fuq l-ambjent. Il-kultivazzjoni tal-OĠM, min-naħa tagħha, jista’ b’mod partikolari jkollha impatt irriversibbli fuq l-uċuħ konvenzjonali u organiċi. Dan l-aspett ambjentali huwa enfasizzat mill-premessa 4 tad-Direttiva 2001/18 kif ukoll mill-premessa 6 tad-Direttiva 2015/412. |
|
66. |
Infakkar, f’dan il-kuntest, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont iċ-ċirkustanzi, il-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE jistgħu jikkonsistu fl-obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, jew li jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew ta’ ċerti prodotti ( 34 ). Fil-fehma tiegħi, dan japplika wkoll għall-projbizzjoni tal-kultivazzjoni. |
|
67. |
Għalkemm id-dimensjoni nazzjonali, reġjonali u lokali qawwija tal-kultivazzjoni tal-OĠM tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ sistema partikolari, huwa loġiku li d-deċiżjoni dwar il-projbizzjoni ta’ din il-kultivazzjoni ġiet fdata lill-Istati Membri li huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex ikunu jistgħu jevalwaw jekk il-kunsiderazzjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jiġġustifikawx tali projbizzjoni. Dan huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, stabbilit fl-Artikolu 2(2) TFUE. |
|
68. |
Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk il-miżura li tippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM mingħajr ma jkunu obbligati jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom hijiex xierqa fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
69. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-problema tar-rilaxx ta’ OĠM fl-ambjent hija kumplessa ħafna u tqajjem, kif tipprovdi l-premessa 7 tad-Direttiva 2015/412, bosta tħassib li ma jikkonċernax biss kwistjonijiet marbuta mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa u għall-ambjent. |
|
70. |
Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel li jilleġiżla f’qasam li jimplika, min-naħa ta’ dan il-leġiżlatur, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih ikun meħtieġ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’tali qasam, fil-konfront tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jkollhom l-intenzjoni li jsegwu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura ( 35 ). |
|
71. |
F’dan il-każ, peress li l-miżura inkwistjoni ma tistax tiġi analizzata b’mod iżolat ( 36 ), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, is-sistema kollha li minnha tagħmel parti din il-miżura, jiġifieri s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2001/18 u mir-Regolament Nru 1829/2003. Kif jirriżulta mill-Artikoli 1 tagħhom, l-għan ta’ din id-direttiva huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra r-riskji li jirriżultaw mir-rilaxx volontarju ta’ OĠM u dak tar-Regolament Nru 1829/2003 huwa l-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
|
72. |
Jiena tal-fehma li l-miżura stabbilita mid-dispożizzjoni eżaminata ma hijiex manifestament inadegwata fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
73. |
Fl-ewwel lok, din il-miżura tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE. Fil-fatt, il-premessa 7 tad-Direttiva 2015/412 tindika li l-proċess deċiżjonali dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM huwa partikularment diffiċli, b’teħid inkusndierazzjoni ta’ tħassib nazzjonali espress. Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjoni inkwistjoni tista’ tirrimedja din is-sitwazzjoni billi tissimplifika l-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM f’territorju u billi tikkontribwixxi, konsegwentement, għaċ-ċertezza legali. Jirriżulta fil-fatt mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva li, il-fatt li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk iridux li l-OĠM jiġu kkultivati fit-territorju tagħhom jew le għandu jtejjeb il-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-OĠM. |
|
74. |
Fit-tieni lok, wara l-adozzjoni tad-dispożizzjoni eżaminata, is-sitwazzjoni fl-Unjoni fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-OĠM saret iktar ċara, kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-konsumaturi. Fil-fatt, fil-passat, dawn tal-ewwel ma setgħux jeskludu li, minkejja l-awtorizzazzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM, l-Istat Membru kkonċernat, peress li dan ma kellux mezzi oħra sabiex jipprojbixxi din il-kultivazzjoni, xorta waħda jiddeċiedi li jagħmel dan billi jirrikorri, b’mod partikolari, għall-klawżoli ta’ salvagwardja jew għall-miżuri ta’ urġenza, kemm jekk dan ir-rikors ikun effettivament iġġustifikat jew le. Fid-dawl tal-partikolarità tal-produzzjoni agrikola, ir-riskju ta’ tali bidla fil-kuntest ġuridiku kien sfavorevoli, b’mod partikolari, għall-interessi tal-bdiewa. Fir-rigward tal-konsumaturi, issa għandhom informazzjoni iktar ċara dwar il-preżenza ta’ OĠM fl-ambjent. |
|
75. |
Fit-tielet lok, infakkar li d-dispożizzjoni eżaminata ma tikkonċernax il-moviment liberu ta’ OĠM imqiegħda fis-suq b’mod ġenerali, iżda biss il-kultivazzjoni tal-OĠM. Għaldaqstant, il-projbizzjoni ta’ din il-kultivazzjoni ma taffettwax id-dritt tal-konsumaturi u tal-operaturi ekonomiċi li jimportaw prodotti li fihom OĠM. |
|
76. |
Fir-raba’ lok, id-dispożizzjoni eżaminata ma tipprevedix projbizzjoni ġenerali tal-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, dawn għandhom il-possibbiltà li jipprojbixxu din il-kultivazzjoni f’parti mit-territorju tagħhom jew li jirrestrinġuha biss, skont il-kunsiderazzjonijiet preżenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. |
|
77. |
Fil-ħames lok, minkejja li dan jista’ jidher paradossali, jiena tal-fehma li l-miżura stabbilita mid-dispożizzjoni eżaminata ma tippreġudikax id-drittijiet li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jisiltu mill-moviment liberu tal-merkanzija. Dan huwa dovut għall-fatt li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit mid-dispożizzjoni eżaminata hija suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ma jopponix l-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM. |
|
78. |
Fil-fatt, minn naħa, il-kunsens (taċitu) tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM jimplika li d-drittijiet li huwa għandu abbażi tal-moviment liberu tal-merkanzija kkonċernata ma humiex affettwati minn xi ostakolu possibbli għal din il-libertà, li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni eżaminata. Volenti non fit iniuria. |
|
79. |
Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM introdotta abbażi tad-dispożizzjoni eżaminata taffettwa biss, minbarra dan id-detentur tal-awtorizzazzjoni, lill-bdiewa. Fir-rigward ta’ prodott bħalma huma ż-żrieragħ ta’ OĠM, nosserva madankollu li l-fatt li l-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM f’territorju hija suġġetta għall-kunsens tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għandu l-effett li dawn il-bdiewa ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet ibbażati fuq il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija għall-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM. |
|
80. |
Fil-fatt, it-tqegħid fis-suq tal-OĠM huwa strettament irregolat fl-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva 2001/18 u mir-Regolament Nru 1829/2003. Bħala prinċipju, huwa jeżiġi awtorizzazzjoni li tingħata wara proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji marbuta mar-rilaxx volontarju tal-OĠM fl-ambjent u mal-użu tiegħu fl-ikel u fl-għalf. Barra minn hekk, l-użu ta’ OĠM imqiegħda fis-suq huwa suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, huwa biss meta OĠM ikun is-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni bħala prodott jew parti minn prodott li jista’ jintuża mingħajr notifika oħra fit-territorju kollu tal-Unjoni, dment madankollu li l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu u l-ambjenti u/jew iż-żoni ġeografiċi speċifikati f’dawn il-kundizzjonijiet ikunu strettament osservati. Bl-istess mod, l-Artikoli 9 u 21 tar-Regolament Nru 1829/2003 jenfasizzaw l-obbligu, għad-detentur tal-awtorizzazzjoni kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati, li josservaw kull kundizzjoni jew restrizzjoni imposta fl-awtorizzazzjoni inkwistjoni. |
|
81. |
Minn dan isegwi li l-moviment liberu tal-merkanzija bħaż-żrieragħ ta’ OĠM huwa qabelxejn suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni u limitat għall-kuntest strett ta’ din l-awtorizzazzjoni. F’dan il-kuntest, id-dispożizzjoni li qiegħda tiġi eżaminata temenda l-kuntest ġuridiku eżistenti, billi tintroduċi sistema speċjali għad-determinazzjoni tal-portata ġeografika tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ OĠM fir-rigward tal-kultivazzjoni. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni ta’ OĠM hija introdotta wara l-limitazzjoni tal-portata ġeografika ta’ din l-awtorizzazzjoni, aċċettata mid-detentur tal-awtorizzazzjoni. Il-kunsens ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM jirrestrinġi din il-portata ġeografika fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari l-bdiewa. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux ikunu involuti f’din il-kultivazzjoni fit-territorju li ma huwiex kopert mill-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. |
|
82. |
Fis-sitt lok, fir-rigward tad-dubji tal-qrati tar-rinviju dwar l-assenza ta’ obbligu għall-Istati Membri li jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom li jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom, inqis li l-assenza ta’ dan l-obbligu hija ġġustifikata mill-kunsens tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-projbizzjoni. Kif irrilevajt fil-punt preċedenti, il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM hija biss wieħed mill-elementi li jiddeterminaw il-portata ġeografika tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. Din l-awtorizzazzjoni għandha tiddelimita d-drittijiet tad-detentur tal-awtorizzazzjoni. Huwa l-obbligu tiegħu mhux biss li jitlob l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott tiegħu iżda wkoll li jopponi, jew le, il-limitazzjoni territorjali eventwali ta’ din l-awtorizzazzjoni. Il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ din il-limitazzjoni hija, f’dan il-każ, deċiżiva: jekk ma jopponihiex, ma huwiex neċessarju li r-raġunijiet partikolari għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM jiġu speċifikati minn kull Stat Membru. |
|
83. |
Fl-aħħar nett, fis-seba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-għan, imfittex mid-Direttiva 2001/18 u mir-Regolament Nru 1829/2003, li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra r-riskji li jirriżultaw mir-rilaxx volontarju ta’ OĠM u mill-użu tiegħu fl-ikel u fl-għalf, irrid nirrileva li ż-żieda tad-dispożizzjoni eżaminata ma tbiddel xejn f’dak li jirrigwarda l-parti tas-sistema stabbilita minn dawn iż-żewġ atti dwar il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ dawn ir-riskji. |
|
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, peress li l-miżura stabbilita mid-dispożizzjoni eżaminata ma hijiex manifestament mhux xierqa meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiena tal-fehma li d-dispożizzjoni eżaminata ma tinkludi ebda element li jippermetti li jitqies li dan il-leġiżlatur eċċeda l-limiti imposti mill-Artikolu 114 TFUE. B’mod partikolari, ma jidhirx li l-mekkaniżmu stabbilit mid-dispożizzjoni eżaminata jikkostitwixxi ostakolu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-merkanzija. |
2) Il-validità fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 21 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
i) L-argumenti mressqa
|
85. |
Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑393/24 tistaqsi dwar jekk teżistix forma ta’ diskriminazzjoni bejn il-bdiewa tad-diversi Stati Membri li tirriżulta mill-għażliet differenti magħmula mill-Istati Membri waqt l-emenda tal-portata ġeografika, bi ksur tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta. |
|
86. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jintroduċu diskriminazzjoni, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fi ħdan Stat Membru sa fejn il-produtturi agrikoli li jixtiequ jipproduċu b’mod organiku jew konvenzjonali huma vvantaġġati għad-detriment tal-produtturi li jixtiequ jikkultivaw pjanti ġenetikament immodifikati. |
ii) Evalwazzjoni
|
87. |
Il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni għandha żewġ aspetti distinti: minn naħa, id-diskriminazzjoni bejn il-produtturi agrikoli li joperaw fl-Istati Membri li jawtorizzaw il-kultivazzjoni ta’ OĠM partikolari u l-produtturi agrikoli li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istati Membri li jipprojbixxuha u, min-naħa l-oħra, id-diskriminazzjoni, fi Stat Membru li jipprojbixxi l-kultivazzjoni ta’ OĠM, bejn il-produtturi agrikoli li jixtiequ jikkultivaw il-pjanti ġenetikament immodifikati u dawk li ma jixtiqux jagħmlu dan. |
|
88. |
Peress li l-ewwel forma ta’ diskriminazzjoni allegata tirrigwarda d-differenza fit-trattament bejn il-produtturi agrikoli ta’ Stati Membri differenti, din hija bbażata fuq in-nazzjonalità. |
|
89. |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, filwaqt li l-Artikolu 21(2) tal-Karta jiddikjara dan il-prinċipju, l-Artikolu 52(2) tagħha jipprovdi li d-drittijiet irrikonoxxuti minnha li jkunu s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti fihom. Dan huwa l-każ ta’ dan l-Artikolu 21(2) li jikkorrispondi, kif ikkonfermat mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 37 ) relatati ma’ din id-dispożizzjoni, mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u għandu jiġi applikat konformement miegħu ( 38 ). |
|
90. |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, ma jipprojbixxix biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom indiretti kollha ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat ( 39 ). |
|
91. |
Huwa paċifiku li l-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jistabbilixxix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni ( 40 ). Sa fejn, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa implimentat, b’mod partikolari, mill-Artikoli 34 u 35 TFUE ( 41 ), il-validità tad-dispożizzjoni eżaminata għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE, iżda tal-Artikoli 34 u 35 TFUE. |
|
92. |
F’dan ir-rigward, ninnota, fir-rigward taż-żrieragħ ta’ OĠM għal finijiet ta’ kultivazzjoni, li dan huwa prodott partikolari ta’ operatur ekonomiku konkret, li l-oriġini tiegħu ma ġietx speċifikata fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, peress li d-dispożizzjoni eżaminata ma hijiex miżura awtonoma ta’ Stat Membru, iżda miżura tal-Unjoni, il-problema tad-diskriminazzjoni tal-prodotti barranin meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali ma tqumx. |
|
93. |
Fir-rigward tad-diskriminazzjoni bejn il-produtturi agrikoli, nixtieq infakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Karta jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 42 ). |
|
94. |
Issa, minn naħa, is-sitwazzjoni tal-bdiewa li jkabbru varjetajiet konvenzjonali u organiċi u dik tal-bdiewa li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-kultivazzjoni ta’ OĠM ma humiex paragunabbli. Fil-fatt, il-kultivazzjoni ta’ OĠM hija kkaratterizzata mill-ispeċifiċità tiegħu, li barra minn hekk hija r-raġuni għall-istabbiliment tal-kuntest ġuridiku partikolari applikabbli għalih. |
|
95. |
Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet tal-bdiewa tad-diversi Stati Membri lanqas ma huma paragunabbli, peress li l-produzzjoni agrikola hija intrinsikament marbuta mal-post tal-produzzjoni u mal-ispeċifiċità ta’ dan il-post. Dan l-aspett huwa enfasizzat fil-premessa 6 tad-Direttiva 2015/412 u jikkostitwixxi l-premessa li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-leġiżlatur li jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati, li diġà ġiet analizzata ( 43 ). |
|
96. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta. |
3) Il-validità fid-dawl tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta
i) L-argumenti mressqa
|
97. |
Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑364/24 tinvoka, fl-ewwel domanda tagħha, l-Artikoli 16 u 52 tal-Karta, mingħajr madankollu ma tressaq ebda argument dwar il-validità tad-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl ta’ dawn l-artikoli. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑393/24 sempliċement tikkonstata li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ intrapriża, stabbiliti fl-Artikoli 16 u 52 tal-Karta, jistgħu jitqiesu bħala kriterji ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjoni eżaminata. |
|
98. |
Fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa jsostni li l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni ta’ OĠM tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta sa fejn din taffettwa l-libertà ta’ intrapriża tal-bdiewa li jixtiequ jikkultivaw pjanti ġenetikament immodifikati. Fil-fatt, dawn ma jistgħux joffru lill-konsumaturi prodotti offruti minn produtturi organiċi attivi f’territorji fejn il-kultivazzjoni tal-OĠM ma hijiex ipprojbita. |
ii) Evalwazzjoni
|
99. |
Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali. Kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 44 ), id-dritt iggarantit minn din id-dispożizzjoni “għandu jiġi eżerċitat b’rispett għall-liġi ta’ l-Unjoni u tal-leġislazzjoni nazzjonali. Dan id-dritt jista’ jkun soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta”. |
|
100. |
Issa, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ impriża ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà ( 45 ). Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtorità pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ( 46 ). |
|
101. |
Din iċ-ċirkustanza hija riflessa, b’mod partikolari, fil-mod kif għandu jiġi implimentat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 47 ). |
|
102. |
Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tirrispetta l-essenza tagħhom u, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tkun meħtieġa u ġenwinament tilħaq l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
|
103. |
Il-limitazzjoni tal-libertà ta’ intrapriża li tirriżulta mill-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM inkwistjoni f’dan il-każ hija “prevista mil-liġi”, jiġifieri mid-dispożizzjoni eżaminata u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. Kif jirrileva, b’mod partikolari, il-Gvern Grieg, il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni ta’ varjetà ta’ OĠM bl-ebda mod ma tipprekludi, bħala prinċipju, l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, jiġifieri l-bdiewa professjonali, peress li dan l-obbligu huwa estremament limitat u, konsegwentement, josserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża. Fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ din il-projbizzjoni, l-analiżi tiegħi tagħha ippreżentata hawn fuq ( 48 ) tapplika wkoll għall-analiżi tal-legalità tal-limitazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. |
|
104. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjoni eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta. |
4) Il-validità fid-dawl tal-Artikolu 216(2) TFUE
i) L-argumenti mressqa
|
105. |
Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑393/24 tistaqsi jekk il-konklużjoni, mill-Unjoni, ta’ ftehimiet bħall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ( 49 ) u l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (GATT), li jidher fl-anness tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO ( 50 ), tmurx kontra r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ prodott li huwa preżenti biss f’ċerti Stati Membri, li jippreġudika s-suq intern għall-prodotti awtorizzati. |
ii) Evalwazzjoni
|
106. |
Preliminarjament, kif ifakkru l-Gvern Franċiż u dak Ungeriż kif ukoll il-Kunsill, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija parti għalih jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni doppja, minn naħa, li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi. Għaldaqstant, huwa biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kumulattivament li tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex iservu bħala kriterju għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni ( 51 ). Dan japplika wkoll għall-evalwazzjoni tal-validità fil-kuntest ta’ proċedura ta’ deċiżjoni preliminari. |
|
107. |
Issa, fir-rigward tal-ftehimiet tal-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, minn naħa, li dawn ma humiex ta’ natura li joħolqu għall-individwi drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti skont id-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-ftehim ma humiex, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 52 ). |
|
108. |
Huwa biss f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirriflettu l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita hu stess il-marġni ta’ manuvra tiegħu fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li hija l-qorti tal-Unjoni, skont il-każ, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni u tal-atti adottati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-ftehimiet tal-WTO jew ta’ deċiżjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO li jikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-ftehimiet. Din hija, minn naħa, is-sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet tal-WTO u, min-naħa l-oħra, dik fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet ( 53 ). |
|
109. |
F’dan il-każ, billi żied id-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellu l-intenzjoni jeżegwixxi ebda obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet tal-WTO u la d-Direttiva 2001/18 u lanqas id-Direttiva 2015/412 ma jirreferu espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet. |
|
110. |
Minn dan isegwi li l-ftehimiet tal-WTO u l-Artikolu 216(2) TFUE ma jippermettux li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni eżaminata ma hijiex valida. |
5) Il-validità fid-dawl tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003
i) L-argumenti mressqa
|
111. |
Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑364/24 tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex konformi mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003. Hija tqis li s-soluzzjoni adottata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati hija sors ta’ dubji sa fejn, essenzjalment, l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jiksbu emenda tal-portata ġeografika ta’ awtorizzazzjoni dwar prodott ġenetikament immodifikat, mingħajr ma jkollhom għalfejn jippreżentaw l-iċken ġustifikazzjoni jew prova tal-eżistenza ta’ riskju gravi. |
ii) Evalwazzjoni
|
112. |
Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ regoli tal-istess livell ( 54 ). |
|
113. |
Barra minn hekk, kif jirrileva l-Gvern Franċiż, il-proċedura stabbilita mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u dik stabbilita mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 ma jeskludux lil xulxin u huma rikonċiljabbli, minħabba l-għan u s-sistema distinti tagħhom. |
|
114. |
Fil-fatt, id-dispożizzjoni eżaminata tat lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ OĠM fit-territorju tagħhom dment li d-detentur tal-awtorizzazzjoni kkonċernata ma jopponihiex. L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, min-naħa tiegħu, jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ urġenza jekk ikun evidenti li prodott awtorizzat minn – jew skont – dan ir-regolament x’aktarx jikkostitwixxi riskju gravi għas-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, jew fejn, fid-dawl ta’ opinjoni tal-EFSA, tinħoloq in-neċessità li urġentement tiġi sospiża jew modifikata awtorizzazzjoni. Din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għall-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Istati Membri li ma pprojbixxewhiex abbażi tad-dispożizzjoni eżaminata. Il-fatt li din il-kultivazzjoni tiġi awtorizzata f’territorju ma jeskludix il-possibbiltà li sussegwentement jittieħdu miżuri ta’ urġenza meta l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu jkunu ssodisfatti. |
|
115. |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 ma jippermettix li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni eżaminata hija invalida. |
6) Konklużjoni dwar il-validità tad-dispożizzjoni eżaminata
|
116. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonstata li l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjoni eżaminata. |
b) Fuq il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321
|
117. |
Kif irrilevajt ( 55 ), minn naħa, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18 u, min-naħa l-oħra, il-qrati tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-istituzzjonijiet kif ukoll il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma qajmu ebda argument li l-invalidità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 tista’ tkun marbuta ma’ raġunijiet oħra minbarra l-invalidità tal-artikolu li jikkostitwixxi l-bażi tiegħu. |
|
118. |
F’din is-sitwazzjoni, fid-dawl tal-evalwazzjoni tiegħi dwar il-validità tad-dispożizzjoni eżaminata, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. |
|
119. |
Barra minn hekk, sa fejn it-tieni domanda fil-Kawża C‑364/24 hija magħmula fil-każ li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex validi, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha. |
c) Konklużjoni interim dwar il-validità
|
120. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. |
2. Fuq ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑393/24
|
121. |
Ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑393/24 tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 li hija prevista fiha hijiex ibbażata fuq raġunijiet serji indikati fl-Artikolu 26b(3)(a) sa (g) tad-Direttiva 2001/18. |
|
122. |
Kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi tal-validità tad-dispożizzjoni eżaminata ( 56 ), l-introduzzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM skont din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ raġunijiet partikolari, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 26b(3)(a) sa (g) tad-Direttiva 2001/18. Fil-fatt, l-Artikolu 26b(3) ta’ din id-direttiva ma japplikax għall-projbizzjoni tal-kultivazzjoni introdotta abbażi tal-Artikolu 26c(3) tagħha. |
|
123. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑393/24 għandha tkun li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-motivi tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 li hija introduċiet ma humiex iddeterminati fl-Artikolu 26b(3)(a) sa (g) tad-Direttiva 2001/18. |
3. Fuq it-tieni parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑393/24
|
124. |
It-tieni parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑393/24 tirrigwarda l-punt dwar jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni li hija tipprevedi. |
|
125. |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/18 jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ din id-direttiva. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
126. |
Għalkemm l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/18 jirrigwarda l-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li, formalment, il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Italja tirriżulta minn att tad-dritt tal-Unjoni, jiena tal-fehma li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll, a fortiori, għall-projbizzjoni prevista mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, filwaqt li hija att tad-dritt tal-Unjoni, hija bbażata fuq id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri li jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorji tagħhom. |
|
127. |
Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑393/24 fis-sens li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni li hija tipprevedi. |
V. Konklużjoni
|
128. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) u mit-Tribunale di Udine (il-Qorti Distrettwali ta’ Udine, l-Italja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar il-firxa volontarja ta’ organiżmi modifikati ġenetikament fl-ambjent (ĠU 1990, L 117, p. 15).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat‑22 ta’ April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810), skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77).
( 4 ) Diversi miżuri nazzjonali ġew ikkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553); tas‑6 ta’ Settembru 2012, Pioneer Hi Bred Italia (C‑36/11, EU:C:2012:534); tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fidenato et (C‑111/16, EU:C:2017:676), u tas‑7 ta’ Lulju 2022, PH (Projbizzjoni reġjonali ta’kultivazzjoni ta’ OMĠ) (C‑24/21, EU:C:2022:526).
( 5 ) Ara, Dubouis, L., Blumann, C., Droit matériel de l’Union européenne, LGDJ, is‑7 ed., Pariġi, 2015, punt 322.
( 6 ) Dawn l-Istati Membri llum jammontaw għal 18: ir-Renju tal-Belġju (iżda biss fil-Wallonia), ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ħlief għal skopijiet ta’ riċerka), ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tas-Slovenja.
( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom (ĠU 2015, L 68, p. 1,u rettifika fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).
( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).
( 10 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/321 tat‑3 ta’ Marzu 2016 li taġġusta l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.) MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (ĠU 2016, L 60, p. 90).
( 11 ) GURI Nru 194, tat‑22 ta’ Awwissu 2003, p. 14.
( 12 ) Id-Direttur tad-Direzione Generale per il riconoscimento degli organismi di controllo e certificazione e tutela del consumatore (id-Direttorat Ġenerali għar-Rikonoxximent tal-Korpi tal-Kontroll, taċ-Ċertifikazzjoni u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-Italja) tad-Dipartimento dell’Ispettorato Centrale della Tutela della Qualità e Repressione Frodi dei Prodotti Agroalimentari (id-Dipartiment tal-Ispettorat Ċentrali għall-Ħarsien tal-Kwalità u tar-Repressjoni tal-Frodi fil-qasam tal-Prodotti Agroalimentari, l-Italja).
( 13 ) Imsemmija fid-domandi kollha fil-Kawża C‑364/24 kif ukoll fl-ewwel tliet domandi u fl-ewwel parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑393/24.
( 14 ) Imsemmija fir-raba’ domanda u fit-tieni parti tal-ħames domanda fil-Kawża C‑393/24.
( 15 ) Kif jirriżulta mill-kuntest ġuridiku espost f’dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipprevedu l-possibbiltà mhux biss li tiġi pprojbita iżda wkoll li tiġi ristretta l-kultivazzjoni tal-OĠM. Fid-dawl tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 fl-Italja, f’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi biss għall-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM, sakemm ir-riferiment għar-restrizzjoni ma jkunx partikolarment neċessarju. Ir-riflessjonijiet tiegħi dwar il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-OĠM introdotta abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, jew ta’ waħda minnhom, japplikaw madankollu, mutatis mutandis, ukoll għar-restrizzjoni ta’ din il-kultivazzjoni introdotta abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
( 16 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Vitol (C‑268/22, EU:C:2023:508, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Vitol (C‑268/22, EU:C:2023:508, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1980 (104/79, EU:C:1980:73).
( 19 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1980 (104/79, EU:C:1980:73).
( 21 ) Digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, EU:C:2019:1090, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme (C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 22).
( 23 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1980 (104/79, EU:C:1980:73).
( 24 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et (C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Fil-Kawża C‑364/24, it-tieni domanda tirrigwarda l-possibbiltà li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 u li tiġi ddikjarata “ineffettiva” fil-każ li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jkunu invalidi. Jiena ninterpreta din id-domanda bħala li tirreferi, fir-realtà, għall-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321.
( 27 ) Fil-Kawża C‑393/24, il-ħames domanda tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/321 fid-dawl tar-regoli kollha li jirregolaw l-OĠM fis-“suq uniku Ewropew”. Issa, il-qorti tar-rinviju ma tippreżenta ebda argument li jiġġustifika l-evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra minbarra l-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18, li jikkostitwixxi l-bażi legali tagħha.
( 28 ) Ara punti 33 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ninnota li jekk il-paragrafi 1, 5 u 6 tal-Artikolu 26c tad-Direttiva 2001/18 jissupplimentaw il-kuntest ġuridiku li jiddetermina l-ewwel stadju tal-mekkaniżmu tranżitorju, huma madankollu japplikaw ukoll għat-tieni stadju tiegħu. Għalhekk, l-invalidità possibbli tad-dispożizzjoni li qed tiġi eżaminata ma tistax timplika l-invalidità ta’ dawn il-paragrafi, li jkomplu japplikaw għat-tieni stadju ta’ dan il-mekkaniżmu. Barra minn hekk, jekk il-paragrafu 2 jikkonċerna biss l-ewwel stadju tal-imsemmi mekkaniżmu, dan ma japplikax għal awtorizzazzjoni diġà mogħtija iżda għal notifiki/applikazzjonijiet pendenti. Għalhekk ma huwiex rilevanti fil-kawżi preżenti.
( 29 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, CDIL (C‑96/22, EU:C:2023:1025, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, CDIL (C‑96/22, EU:C:2023:1025, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Meyhui (C‑51/93, EU:C:1994:312, punt 11), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara l-premessa 7 tad-Direttiva 2015/412.
( 34 ) Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.
( 38 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 311 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 312 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Faurécia (C‑420/23, EU:C:2024:534, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 41 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE (C‑558/22, EU:C:2024:209, punt 39).
( 42 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 308 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) Ara l-punti 64 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) ĠU 2007, C 303, p. 17. Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 16 – Libertà ta’ intrapriża.
( 45 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).
( 47 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 47).
( 48 ) Ara l-punti 68 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
( 50 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82.
( 51 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 74 u 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 54 ) Sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kunsill u Il‑Parlament (C‑733/19, EU:C:2021:272, punt 44).
( 55 ) Ara l-punt 51 ta’dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara l-punt 82 ta’dawn il-konklużjonijiet.