KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑22 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑613/21 P

Il‑Parlament Ewropew

vs

Fernando Carbajo Ferrero

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura għall-ħatra għal pożizzjoni ta’ direttur — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Ċaħda tal-kandidatura tal-kandidat u ħatra ta’ kandidat ieħor — Irregolarità tal-proċedura ta’ reklutaġġ — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Trasparenza — Ugwaljanza fit-trattament — Ċaħda tal-kandidatura — Rikors għal annullament u għad-danni”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-reklutaġġ tal-uffiċjali għolja huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” ( 2 )) u, jekk ikun il-każ, minn atti interni speċifiċi ta’ istituzzjoni. B’mod ġenerali, l-għan tal-proċeduri ta’ reklutaġġ huwa li jippermetti lill-amministrazzjoni tagħmel għażla informata fir-rigward tal-iktar kandidat xieraq għall-pożizzjoni inkwistjoni u li tiżgura t-trasparenza tal-proċess ta’ reklutaġġ u l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati kollha. Dan l-appell, li permezz tiegħu l-Parlament Ewropew jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Lulju 2021, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament (T‑670/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:435; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), huwa relatat ma’ aspetti speċifiċi tal-proċedura ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali għolja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, b’mod iktar partikolari mal-interrelazzjoni tal-kriterji applikati matul tali proċedura fl-analiżi komparattiva tal-merti tal-kandidati. Din il-kwistjoni hija importanti peress li tiddetermina s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-amministrazzjoni matul il-proċedura ta’ selezzjoni.

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 18 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-għanijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

3.

F. Carbajo Ferrero huwa uffiċjal li daħal fis-servizz tal-Parlament Ewropew fil‑21 ta’ April 1986. Huwa eżerċita diversi kompiti fi ħdan il-Parlament fl-oqsma tal-istampa, tal-informazzjoni, tal-kultura u tal-midja.

4.

Bl-għan li jimla pożizzjoni ta’ Direttur tal-Midja tad-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttur għall-Midja”), il-Parlament ippubblika, fis‑27 ta’ Frar 2018, avviż ta’ pożizzjoni vakanti skont l-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”). Id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-kandidaturi kienet it‑23 ta’ Marzu 2018. F. Carbajo Ferrero wieġeb għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti fit‑22 ta’ Marzu 2018.

5.

Il-Parlament irċieva tliet kandidaturi b’risposta għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat. Madankollu, sabiex ikun jista’ jkollu għażla usa’ ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ Direttur għall-Midja, il-Parlament ippubblika, fis‑27 ta’ Marzu 2018, avviż ta’ trasferiment skont l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ trasferiment”). Barra minn hekk, fit‑13 ta’ April 2018, il-Parlament ippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż ta’ reklutaġġ skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ĠU 2018, C 132 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ reklutaġġ”).

6.

Id-data ta’ skadenza għall-kandidaturi, kif indikat fl-avviż ta’ reklutaġġ, kienet is‑27 ta’ April 2018. B’kollox, ikkandidaw ruħhom sittax-il kandidat, tlieta minnhom bi tweġiba għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, wieħed bi tweġiba għall-avviż ta’ trasferiment u tnax wara l-avviż ta’ reklutaġġ. Fost dawn il-kandidati, A ssottometta l-kandidatura tiegħu bi tweġiba għall-avviż ta’ reklutaġġ fis‑26 ta’ April 2018.

7.

Minn Ġunju 2018, peress li kien għad irid jiġi maħtur Direttur għall-Midja, F. Carbajo Ferrero ngħata kompiti temporanji marbuta ma’ din il-pożizzjoni bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz fi ħdan id-Direttorat għall-Midja.

8.

Fil-kuntest tal-ħatra ta’ Direttur għall-Midja, ġie stabbilit kumitat konsultattiv dwar il-ħatra tal-uffiċjali għolja (iktar ’il quddiem il-“Kumitat konsultattiv”), skont id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Bureau”) tas‑16 ta’ Mejju 2000 li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura ta’ ħatra tal-uffiċjali għolja, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bureau tat‑18 ta’ Frar 2008 (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura”).

9.

Waqt il-laqgħa tiegħu tal‑4 ta’ Ottubru 2018, il-Kumitat konsultattiv adotta kriterji għall-analiżi komparattiva tal-merti tal-kandidati (iktar ’il quddiem il-“kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva”). Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, il-Kumitat konsultattiv ħejja lista ta’ kandidati u rrakkomanda lill-Bureau min kellu jissejjaħ għal intervista. Il-Bureau approva din ir-rakkomandazzjoni unanimament. F. Carbajo Ferrero, li kien ikkandida ruħu bi tweġiba għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, A, li kien ikkandida ruħu bi tweġiba għall-avviż ta’ reklutaġġ, u B, l-uniku kandidat li kien ikkandida ruħu bi tweġiba għall-avviż ta’ trasferiment, kienu fost il-kandidati mistiedna għall-intervista.

10.

Qabel ma ltaqa’ mal-kandidati, il-Kumitat konsultattiv adotta seba’ suġġetti jew temi bħala l-bażi għall-intervisti, sabiex janalizza l-kandidaturi u jikklassifika lill-kandidati wara dawn l-intervisti.

11.

L-intervisti saru fid‑19 ta’ Novembru 2018.

12.

Fuq il-bażi tal-intervisti mal-kandidati magħżula, il-Kumitat konsultattiv issottometta lill-Bureau rapport immotivat għal deċiżjoni. Dan ir-rapport ikklassifika lill-kandidati skont l-ordni tal-mertu u annetta rakkomandazzjoni dwar il-kandidati l-iktar ikkwalifikati sabiex jokkupaw il-pożizzjoni ta’ Direttur għall-Midja. Il-Bureau ddiskuta dan ir-rapport waqt laqgħa li nżammet fl‑10 ta’ Diċembru 2018. Il-proċess verbali ta’ din il-laqgħa ddikjara li l-Kumitat konsultattiv kien ippropona tliet kandidati sabiex timtela l-pożizzjoni vakanti skont l-ordni ta’ preċedenza, li skontu A kien jikklassifika l-ewwel, F. Carbajo Ferrero t-tieni u B it-tielet. Il-Bureau, fil-kwalità tiegħu bħala awtorità tal-ħatra, iddeċieda li jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat konsultattiv u ħatar lil A fil-pożizzjoni inkwistjoni.

13.

Fil‑11 ta’ Diċembru 2018, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” informa lill-persunal tiegħu li l-proċedura ta’ reklutaġġ kienet tlestiet u rringrazzja lil F. Carbajo Ferrero għar-responsabbiltajiet provviżorji li huwa kien assuma, sa minn Ġunju 2018, f’dan id-Direttorat.

14.

Permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Diċembru 2018, is-Segretarju Ġenerali nnotifika lil F. Carbajo Ferrero bid-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu u tal-ħatra ta’ A għall-pożizzjoni ta’ Direttur għall-Midja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

15.

Fit‑8 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-ilment ġie miċħud.

III. Il‑proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

16.

Fl‑1 ta’ Ottubru 2019, F. Carbajo Ferrero ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE li permezz tiegħu huwa talab, l-ewwel, annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tieni, kumpens tad-dannu li huwa sostna li sofra.

17.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lill-Parlament iħallas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-dannu materjali, is-somma ta’ EUR 40000.

18.

Carbajo Ferrero invoka ħames motivi insostenn tar-rikors tiegħu. Fid-difiża tiegħu, il-Parlament talab lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat jew, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat.

19.

Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, qabelxejn, l-eċċezzjoni mqajma mill-Parlament kontra l-ammissibbiltà tat-tieni motiv imqajjem minn F. Carbajo Ferrero. Hija sussegwentement ċaħdet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajjem minn F. Carbajo Ferrero, ibbażata fuq l-illegalità tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura u tal-Artikolu 6 tal-avviż ta’ reklutaġġ. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv imqajjem minn F. Carbajo Ferrero, li allega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

20.

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat it-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem minn F. Carbajo Ferrero, li allegat li l-proċedura ta’ selezzjoni kisret l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

21.

Il-Qorti Ġenerali bdiet billi fakkret, l-ewwel, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament matul il-proċedura ta’ selezzjoni tal-uffiċjali teħtieġ li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva jiġu stabbiliti qabel il-proċedura ta’ reklutaġġ inkwistjoni ( 3 ).

22.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-kriterji għall-analiżi komparattiva tal-merti tal-kandidati ma kellhomx jinbidlu matul il-proċedura ta’ selezzjoni, sabiex jiġi evitat ir-riskju li dawn il-kriterji jiġu adattati skont il-kandidaturi rċevuti.

23.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità tal-ħatra, sabiex din tal-aħħar tkun konxja tal-mod kif dawn il-merti ġew evalwati fl-istadju tal-preselezzjoni tal-kandidati għall-intervista kif ukoll waqt il-fażi tal-intervisti nnifisha.

24.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li anki jekk l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni, huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jiżguraw li l-kandidati ngħataw trattament ugwali mill-amministrazzjoni ( 4 ).

25.

Minbarra dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tat-tweġibiet tal-kandidati għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kumitat konsultattiv fuq il-bażi tal-lista ta’ seba’ suġġetti jew temi matul l-intervisti ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tliet kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva stabbiliti fuq il-bażi tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti, ta’ trasferiment u ta’ reklutaġġ fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni.

26.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li anki jekk huwa possibbli li jsiru mistoqsijiet lill-kandidati, dawn il-mistoqsijiet ma għandhomx isiru kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni komparattiva.

27.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li l-Bureau, fil-kwalità tiegħu bħala awtorità tal-ħatra, ma kienx informat bis-sostituzzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva mis-seba’ suġġetti jew temi użati waqt l-intervisti.

28.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali laqgħet, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, it-tieni parti tat-tieni motiv insostenn tar-rikors ta’ F. Carbajo Ferrero u ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata wara proċedura ta’ reklutaġġ irregolari.

29.

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement laqgħet, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, it-tieni parti tat-tielet motiv imqajjem minn F. Carbajo Ferrero u, konsegwentement, dan il-motiv kollu, sa fejn allega li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, l-awtorità tal-ħatra ħatret lil A fil-pożizzjoni mingħajr ma kienet informata b’mod xieraq bl-esperjenza professjonali ta’ F. Carbajo Ferrero.

30.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma teżamina l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent.

31.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment, fil-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata, it-talba għall-kumpens ta’ F. Carbajo Ferrero sa fejn din kienet tirrigwarda d-dannu materjali mġarrab minħabba d-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lill-Parlament iħallas s-somma ta’ EUR 40000.

IV. It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

32.

Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija s-sentenza quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

33.

Sussidjarjament, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors ta’ F. Carbajo Ferrero u tikkundannah għall-ispejjeż kollha.

34.

L-appellat isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.

V. Eżami speċifiku tal‑appell

35.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, il-Parlament jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju jallega żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-irregolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni. It-tieni aggravju huwa intiż sabiex juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti u l-provi f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Sussidjarjament, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi motivazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi naqset milli teżamina l-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

36.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għal analiżi tal-ewwel aggravju u tal-aggravju sussidjarju.

A.   L‑ewwel aggravju: żbalji ta’ liġi u żnaturament tal‑fatti f’dak li jirrigwarda l‑konstatazzjoni tal‑irregolarità tal‑proċedura ta’ selezzjoni

37.

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. Ser neżaminahom flimkien peress li huma interkonnessi.

38.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura, u li l-motivi invokati huma kontradittorji. L-ewwel, il-Parlament isostni li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva huma użati biss matul l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, il-Kumitat konsultattiv adotta tliet kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ( 5 ) u sussegwentement seba’ suġġetti ta’ diskussjoni waqt l-intervisti ( 6 ). Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali għalhekk żbaljat meta kkritikat lill-Kumitat konsultattiv, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, talli biddel il-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva fl-istadju tal-intervisti. It-tieni, il-Parlament isostni li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura ma teħtieġx li tingħata xi informazzjoni mill-Kumitat konsultattiv lill-Bureau fil-kuntest tat-tieni fażi tal-proċedura. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi meta kkritikat lill-Kumitat konsultattiv, fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, talli ma informax lill-Bureau bit-tibdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva fl-istadju tal-intervisti. It-tielet, fir-rigward ta’ dan l-iżball ta’ liġi, il-Parlament isostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja.

39.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-ewwel, jikkontesta r-rilevanza tas-sentenza f’Booss u Fischer vs Il‑Kummissjoni ( 7 ) li invokat il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, fil-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ma għandhomx jinbidlu matul il-proċedura ta’ selezzjoni. Il-Parlament isostni wkoll li projbizzjoni ġenerali li jiġu mibdula l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva matul il-proċedura ta’ selezzjoni ma hijiex kompatibbli mal-ewwel u mat-tielet sentenza tal-Artikolu 5 skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk is-suġġetti diskussi waqt l-intervista kinux marbuta mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ u jekk ċerti kandidati kinux ivvantaġġati meta mqabbla ma’ oħrajn.

40.

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Parlament jikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ trasparenza. Huwa jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, li l-Kumitat konsultattiv ma informax lill-Bureau bit-tibdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva fl-istadju tal-intervisti. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita peress li l-kandidat allega ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-kandidati u mhux fil-konfront tal-Bureau.

41.

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Huwa jikkritika l-konstatazzjoni, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li biha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-klassifikazzjoni skont l-ordni tal-mertu ma tistax tkun ibbażata “unikament” fuq ir-risposti mogħtija mill-kandidati għas-seba’ suġġetti jew temi jew diskussi waqt l-intervista. Huwa jsostni li anki jekk il-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ma ntużawx fit-tieni fażi tal-proċedura, ma hemm xejn fl-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li dawn il-kriterji ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-għanijiet tal-klassifikazzjoni tal-kandidati fl-ordni tal-mertu.

42.

Fir-risposta tiegħu, fir-rigward tal-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura, F. Carbajo Ferrero jsostni li, għalkemm l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni, hija għandha tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati kollha. Huwa jsostni li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura ma tippermettix l-użu ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva differenti skont l-istadju tal-proċedura. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, ifakkar li l-Artikolu 4(c) ta’ din id-deċiżjoni jobbliga lill-Kumitat konsultattiv jissottometti l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva lill-Bureau. Għaldaqstant, il-Parlament huwa żbaljat meta jsostni li din id-deċiżjoni ma tipprevedix obbligu li l-awtorità tal-ħatra tiġi informata fil-każ ta’ kwalunkwe tibdil ta’ dawn il-kriterji matul il-proċedura.

43.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, F. Carbajo Ferrero jqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenza Booss u Fischer vs Il‑Kummissjoni ( 8 ). Bil-maqlub, huwa jikkunsidra li s-sentenzi Mavridis vs Il‑Parlament ( 9 ) u Verros vs Il‑Parlament ( 10 ), iċċitati mill-Parlament fl-appell tiegħu huma irrilevanti. Huwa jsostni wkoll li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-aħħar F. Carbajo Ferrero jsostni li l-Parlament naqas milli jqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali l-kwistjoni dwar jekk il-kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni komparattiva adottati fl-istadju tal-intervisti kinux x’aktarx sejrin jiffavorixxu ċerti kandidati.

44.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, F. Carbajo Ferrero jfakkar li fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa ressaq motiv dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ultra petita.

45.

F’dak li jirrigwarda l-ilment dwar l-iżnaturament tal-fatti, F. Carbajo Ferrero jsostni li dan huwa infondat. Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li jsegwi mill-proċess verbali tal-laqgħa tal‑10 ta’ Diċembru 2018 li l-Kumitat konsultattiv ippropona l-ħatra fil-pożizzjoni inkwistjoni ta’ tliet kandidati “skont l-ordni ta’ preferenza” u mhux “fir-rigward tat-tqabbil tal-ħiliet u tal-kompetenzi mal-pożizzjoni li għandha timtela”.

46.

It-tilwima bejn il-partijiet hija essenzjalment dwar jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod korrett id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura billi kkonstatat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ma kellhomx jiġu mibdula matul il-proċedura ta’ selezzjoni. Il-punt ta’ tluq tal-analiżi ta’ din id-domanda huwa ddettat mill-formulazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura f’dak li jirrigwarda l-pożizzjonijiet ta’ livell għoli ( 11 ). L-ewwel stadju jikkonsisti fl-istabbiliment mill-Kumitat konsultattiv, fuq il-bażi tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ( 12 ), tal-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva. It-tieni stadju jikkonsisti fl-analiżi komparattiva tal-merti tal-kandidati magħmula mill-Kumitat konsultattiv u fl-istabbiliment, minn dan il-kumitat, tal-lista tal-kandidati, li huwa jirrakkomanda għall-intervista. It-tielet stadju jikkonsisti fin-notifika lill-Bureau, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità tal-ħatra, tal-lista stabbilita mill-Kumitat konsultattiv kif ukoll tal-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva adottati mill-Kumitat konsultattiv. Ir-raba’ stadju jikkonsisti fl-adozzjoni, mill-Bureau, tal-lista tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-ħames stadju jikkonsisti fit-twettiq ta’ dawn l-intervisti u fir-redazzjoni ta’ rapport dwarhom mill-Kumitat konsultattiv. Is-sitt stadju jikkonsisti fin-notifika ta’ dan ir-rapport mis-Segretarju Ġenerali, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-President tal-Parlament u lill-Bureau. Is-seba’ u l-aħħar stadju tal-proċedura jikkonsisti fl-adozzjoni, mill-Bureau, ta’ deċiżjoni dwar il-kandidat li għandu jinħatar wara l-proposta magħmula mill-President.

47.

Il-Parlament isostni li mill-formulazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jsegwi li l-proċedura ta’ selezzjoni tal-uffiċjali għolja tikkonsisti primarjament minn żewġ stadji. L-ewwel wieħed fosthom huwa l-analiżi komparattiva tal-merti tal-kandidati u l-approvazzjoni tal-lista ta’ kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista mill-Bureau. It-tieni wieħed jikkonsisti fit-twettiq ta’ intervisti mal-kandidati inklużi f’din il-lista. Il-Parlament isostni li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva huma użati biss matul l-ewwel stadju tal-proċedura filwaqt li, fit-tieni stadju, xejn ma jimponi l-użu tal-istess kriterji jew, fi kliem ieħor, xejn ma jipprojbixxi l-użu ta’ kriterji ġodda għall-intervista. Għaldaqstant, fis-sottomissjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet ivvizzjata b’irregolarità.

48.

F’dan ir-rigward, ninnota li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura tikkonsisti f’sekwenza ta’ stadji, deskritta fil-punt 46 iktar ’il fuq. Din id-deċiżjoni ma taqsamx l-istadji fi stadji speċifiċi jew separati. Għall-kuntrarju, l-istadji kollha huma interkonnessi u flimkien jiffurmaw proċess ta’ selezzjoni wieħed li huwa ddefinit fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti (jew, skont il-każ, mill-avviż ta’ reklutaġġ). L-għan aħħari ta’ dawn l-istadji huwa l-istess bħal f’kull proċedura ta’ reklutaġġ. B’mod iktar speċifiku, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li r-reklutaġġ għandu jimmira li jikseb għall-istituzzjoni s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità, irreklutati fuq l-usa’ bażi ġeografika possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni ( 13 ).

49.

Eżami bir-reqqa tal-istadji tal-proċedura juri li l-ewwel stadju huwa l-pilastru tal-proċedura kollha li tikkulmina fil-ħatra tal-iktar kandidat xieraq għall-pożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, f’dan l-ewwel stadju, il-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva huma stabbiliti mill-Kumitat konsultattiv fuq il-bażi tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti (jew, skont il-każ, l-avviż ta’ reklutaġġ). L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva huma elementi neċessarji għall-adozzjoni mill-Bureau tal-lista tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. L-intervista ssir biss wara li l-Bureau jkun adotta l-lista ta’ kandidati fuq il-bażi tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq. Huwa ċar li hemm rabta bejn il-preselezzjoni tal-kandidati u l-intervisti rispettivi tagħhom. Jekk dawn l-istadji huma marbuta, mela l-kriterji ta’ evalwazzjoni applikati f’kull stadju għandhom ikunu marbuta wkoll. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Parlament jagħmel distinzjoni artifiċjali bejn l-istadji differenti tal-proċedura ta’ selezzjoni.

50.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, l-interpretazzjoni tal-proċedura tas-selezzjoni bħala continuum ma tagħmilx l-intervista tal-kandidati inutli jew iċċaħħad lill-amministrazzjoni minn metodu ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni. L-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodi li hija timplimenta matul id-diversi stadji tal-proċedura ta’ selezzjoni sabiex tevalwa l-merti tal-kandidati. Dan huwa a fortiori l-każ fir-rigward tal-pożizzjonijiet ta’ livell għoli. Huwa paċifiku li l-Kumitat konsultattiv jista’ jagħmel id-domandi kollha li huwa jikkunsidra neċessarji waqt l-intervista tal-kandidati. Huwa wkoll possibbli li dawn il-mistoqsijiet jiġu strutturati madwar suġġetti jew temi differenti. Awtorità tal-ħatra ma tistax tiġi kkritikata talli titlob lill-kandidati għal tali pożizzjonijiet ta’ livell għoli biex juru, pereżempju, il-fehma tagħhom tal-pożizzjoni inkwistjoni ( 14 ) jew il-viżjoni tagħhom għad-direttorat.

51.

Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li, l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li minkejja li l-awtorità tal-ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-paragun tal-merti tal-kandidati, speċjalment fid-dawl tal-pożizzjoni li għandha timtela, hija għandha teżerċita din is-setgħa fi ħdan il-limiti li hija imponiet fuqha nnifisha fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ( 15 ). Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-amministrazzjoni għandha tiġi eżerċitata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ ir-regoli kollha applikabbli, inklużi kwalunkwe regoli proċedurali interni li hija stabbilixxiet ( 16 ). F’dan il-każ, l-att rilevanti huwa d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura.

52.

Min-naħa l-oħra, kull suġġett jew tema użati waqt l-intervista għandhom jirriżultaw mill-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva. Fi kliem ieħor, tali suġġetti jew temi ma jbiddlux il-kriterji oriġinali, iżda jiggwidaw il-Kumitat konsultattiv matul l-intervista sabiex tiġi evalwata l-kompetenzi tal-kandidati fir-rigward ta’ kull kriterju. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tindika, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-mistoqsijiet magħmula waqt l-intervista ma għandhomx isiru “kriterji ġodda” għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati adottati matul il-proċedura ta’ selezzjoni wara l-preselezzjoni tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

53.

Il-Qorti Ġenerali kellha raġun tfittex gwida f’dan ir-rigward fis-sentenza Booss u Fischer vs Il‑Kummissjoni ( 17 ), li tinvoka, min-naħa tagħha, is-sentenzi Culin vs Il‑Kummissjoni ( 18 ) u Grassi vs Il‑Kunsill ( 19 ). Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati jeħtieġ li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva jiġu stabbiliti qabel il-bidu tal-proċedura ta’ reklutaġġ u li dawn il-kriterji la għandhom ikunu adattati u lanqas mibdula matul il-proċedura ta’ selezzjoni.

54.

Il-Parlament jikkontesta r-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza billi jsostni li din kienet tikkonċerna avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat skont l-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li f’dan il-każ, il-Bureau ddeċieda li jixħet xibka usa’ u ppubblika avviż ta’ reklutaġġ fuq il-bażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Parlament isostni li din id-dispożizzjoni tipprevedi proċedura speċjali li fil-kuntest tagħha l-awtorità tal-ħatra tista’ tapplika, matul il-proċedura, kriterji li ma kinux stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Huwa jinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Mavridis vs Il‑Parlament ( 20 ) u Verros vs Il‑Parlament ( 21 ).

55.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-aħħar żewġ sentenzi ma jappoġġjawx l-konklużjoni li waslet għaliha l-Parlament li tgħid li huwa possibbli li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva jistgħu jinbidlu matul il-proċedura. Minn dik il-ġurisprudenza jsegwi li, fil-kuntest tal-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtorità tal-ħatra ma hijiex obbligata tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-avviżi ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, hija tista’ tapplika, matul il-proċedura, kriterji li ma humiex espressament stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Dan japplika bl-istess mod għal kumitat ta’ selezzjoni li l-awtorità tal-ħatra ddelegatlu s-setgħa ta’ selezzjoni tagħha.

56.

Madankollu, f’din il-kawża l-Qorti Ġenerali ma kkritikatx lill-Kumitat konsultattiv talli eżerċita s-setgħa tiegħu li jistabbilixxi kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ( 22 ). Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkritikat l-istabbiliment ta’ suġġetti jew temi sabiex jiggwidaw il-Kumitat konsultattiv matul l-intervista. Peress li l-Parlament iddeċieda li japplika d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura, il-Kumitat konsultattiv kien obbligat biss li jistabbilixxi l-kriterji fuq il-bażi tal-formulazzjoni tal-avviż ta’ reklutaġġ. Barra minn hekk, kwalunkwe suġġetti jew temi għall-għanijiet tal-intervisti li kellhom jitwettqu kellhom jisiltu l-“leġittimità” tagħhom minn dawn il-kriterji u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-avviż ta’ reklutaġġ. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni, irregolata mill-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u mir-regoli ta’ kondotta interni, l-avviż ta’ reklutaġġ jikkostitwixxi l-limiti esterni tal-proċedura ta’ selezzjoni kollha u l-kriterji huma l-espressjoni speċifika ta’ dawn il-limiti esterni. Għaldaqstant, kwalunkwe suġġetti jew temi ta’ diskussjoni fl-intervista ma jistgħux ikunu kompletament distinti mill-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva stabbiliti fil-bidu tal-proċedura ta’ reklutaġġ. Dawn huma l-amplifikazzjoni jew il-konkretizzazzjoni ta’ dawn il-kriterji. Huwa l-Kumitat konsultattiv li għandu jistabbilixxi r-rabta neċessarja bejn il-kriterji u s-suġġetti użati waqt l-intervista.

57.

Għaldaqstant nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni tal-kandidati skont l-ordni tal-mertu ma setgħetx tkun ibbażata biss fuq it-tweġibiet mogħtija dwar is-seba’ suġġetti jew temi diskussi waqt l-intervista, peress li tali approċċ ma jissodisfax ir-rekwiżit li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ma għandhomx jinbidlu matul il-proċedura ta’ selezzjoni.

58.

Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet irregolari peress li l-Bureau ma ġiex informat mill-Kumitat konsultattiv bil-bidla tal-kriterji ta’ selezzjoni, ninnota li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Kif intwera iktar ’il fuq, il-premessa żbaljata hija li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva jistgħu jinbidlu matul il-proċedura ta’ selezzjoni. Il-Kumitat konsultattiv jista’ jistabbilixxi mistoqsijiet li jsegwu mill-kriterji stabbiliti fl-ewwel stadju. Fir-rapport tiegħu lill-Bureau, il-Kumitat konsultattiv għandu għalhekk juri kif it-tweġibiet għall-mistoqsijiet juru l-kompetenzi tal-kandidati billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji.

59.

Barra minn hekk, il-Parlament wettaq żball meta jsostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni lejn il-Bureau tat-temi jew tas-suġġetti ta’ diskussjoni fl-intervista u tar-rabta bejn dawn is-suġġetti u l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva.

60.

Għaldaqstant, l-argument tal-Parlament li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud.

61.

Lanqas ma jien konvint mill-ilment tal-Parlament li l-motivazzjonijiet tas-sentenza appellata f’dawn il-punti huma kontradittorji. Jidhirli li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-punti 66 sa 73 tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jadottaw regoli interni li jistabbilixxu l-proċedura ta’ selezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ livell għoli, u li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura sservi bħala qafas wiesa’ għall-proċedura ta’ selezzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm lok li jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva fil-korp ta’ din id-deċiżjoni. F’dan l-istadju tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-kwistjoni tal-konsistenza tal-kriterji applikati matul il-proċedura ta’ selezzjoni jew tar-rekwiżit li l-Bureau jiġi informat. Għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, ma tikkontestax il-konstatazzjoni, magħmula fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, tal-irregolarità tal-proċedura segwita matul il-proċedura ta’ selezzjoni speċifika.

62.

Sussegwentement, il-Parlament jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonkludiet li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mingħajr ma eżaminat jekk is-suġġetti jew it-temi diskussi matul l-intervisti kinux marbuta jew le mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ ( 23 ). F’dan ir-rigward, ninnota li l-Parlament ma jipprovax jistabbilixxi rabta bejn is-suġġetti jew it-temi mqajma matul l-intervista, il-kriterji stabbiliti fil-bidu tal-proċedura u l-avviż ta’ reklutaġġ. Il-Parlament ma allegax, pereżempju, li s-suġġetti jew it-temi użati fl-istadju tal-intervisti kienu konkretizzazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-ewwel stadju u tal-avviż ta’ reklutaġġ. Minflok, huwa jsostni, fl-appell tiegħu, li fl-istadju tal-intervista l-Kumitat konsultattiv ma kienx għadu marbut mill-kriterji li huwa kien adotta inizjalment. Il-Parlament huwa għalhekk żbaljat li jilmenta li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-eżistenza ta’ rabta li l-Parlament stess jikkunsidra superfluwa.

63.

Nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-bidla tal-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva matul il-proċedura ta’ selezzjoni tinvolvi r-riskju li dawn il-kriterji jiġu adattati skont il-kandidati għall-pożizzjoni li għandha timtela. Il-Parlament isostni, essenzjalment, li r-riskju huwa insuffiċjenti u li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk is-suġġetti jew it-temi użati waqt l-intervista kinux jiffavorixxu ċerti kandidati. Insostenn tas-sottomissjoni tiegħu, il-Parlament jirreferi għas-sentenzi Vlachou vs Il‑Qorti tal-Awdituri ( 24 ) u Caturla-Poch u de la Fuente Pascual vs Il‑Parlament ( 25 ). Minn dawn iż-żewġ sentenzi jsegwi li s-sistema jew il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati ma għandhomx oġġettivament ikunu tali li jittrattaw lil ċerti kandidati b’mod favorevoli u lil oħrajn b’mod sfavorevoli ( 26 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni teħtieġ, f’kull każ konkret, l-eżami dwar jekk ċerti kandidati ġewx ittrattati b’mod favorevoli u oħrajn b’mod sfavorevoli. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni f’dan il-każ tqajjem kwistjoni differenti, jiġifieri r-relazzjoni bejn il-kriterji u s-suġġetti jew it-temi ta’ diskussjoni waqt l-intervista stabbiliti għall-għanijiet tas-selezzjoni tal-iktar kandidat xieraq.

64.

Fl-aħħar nett, nikunsidra li l-argument tal-Parlament li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-klassifikazzjoni tal-kandidati skont l-ordni tal-mertu ma kellhiex tkun ibbażata biss fuq it-tweġibiet mogħtija mill-kandidati fuq is-seba’ suġġetti jew temi ta’ diskussjoni waqt l-intervista, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. L-ewwel, l-użu mill-Qorti Ġenerali tat-terminu “unikament” (bil-Franċiż, “uniquement”) jista’ jiġi spjegat mill-konstatazzjoni, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-mistoqsijiet magħmula waqt l-intervista ma għandhomx isiru kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni komparattiva. Dan jista’ jiġi spjegat ukoll mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva ma ntużawx waqt l-intervista. It-tieni, huwa l-Parlament li għandu juri li l-kriterji u s-suġġetti jew it-temi użati matul il-proċedura kollha kienu marbuta u li ttieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma mill-awtorità tal-ħatra.

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju.

B.   L‑aggravju sussidjarju: żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l‑konsegwenzi tal‑annullament tad‑deċiżjoni kontenzjuża

66.

Sussidjarjament, il-Parlament isostni li l-annullament tad-deċiżjoni tal-ħatra ta’ A għall-pożizzjoni ta’ Direttur tal-Midja huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi li jikkonsisti f’nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa josserva li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni adottata favur terz, jiġifieri A. Billi bbaża fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Spadafora vs Il‑Kummissjoni ( 27 ), il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina, billi tibbilanċja l-interessi opposti kollha, jekk is-sanzjoni ta’ annullament kinitx eċċessiva.

67.

F. Carbajo Ferrero josserva li A ma setax jinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, peress li d-deċiżjoni li ħatritu fil-pożizzjoni inkwistjoni ġiet ikkontestata, u jsostni fi kwalunkwe każ li l-annullament tad-deċiżjoni ma kienx sanzjoni eċċessiva għall-irregolarità inkwistjoni.

68.

Nikkunsidra li huwa ġustament li l-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma eżaminat jekk tali annullament kienx proporzjonat. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Spadafora vs Il‑Kummissjoni ( 28 ) tistabbilixxi raġunament li huwa b’mod ċar rilevanti għal din it-tilwima. Din is-sentenza ddeċidiet li, bħala prinċipju, ir-rikorrent għandu jitqiegħed fis-sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel ma seħħet l-irregolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni. Madankollu, meta t-tqegħid fis-sitwazzjoni preċedenti jinvolvi l-annullament ta’ atti li huma indirizzati għal terzi u li huma favorevoli għal dawn il-partijiet, għandu jiġi eżaminat jekk l-annullament jikkostitwixxix sanzjoni eċċessiva fir-rigward tal-irregolarità inkwistjoni. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-illegalità mwettqa, l-interess tar-rikorrent, l-interess tat-terzi u l-interess tas-servizz.

69.

F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jista’ b’mod ċar jaffettwa lil A li nħatar fil-pożizzjoni inkwistjoni. F’tali ċirkustanzi, l-annullament tal-ħatra tiegħu jew tagħha jirrikjedi eżami preliminari tal-proporzjonalità ta’ tali annullament, li jinvolvi l-ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma tagħmel tali evalwazzjoni.

70.

Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jindikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-dispożittiv tagħha jkun jidher fondat minħabba motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni ta’ motivi ( 29 ).

71.

Din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ibbilanċjar tal-interessi kollha kkonċernati għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, bla ħsara għall-obbligu tal-amministrazzjoni li ssib soluzzjoni ekwa għal A. B’mod iktar speċifiku, il-proċedura ta’ reklutaġġ hija vvizzjata b’irregolarità sinjifikattiva. Kif spjegajt iktar ’il fuq fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel aggravju, il-Kumitat konsultattiv ma għandux jibdel il-kriterji ta’ evalwazzjoni komparattiva matul il-proċedura ta’ selezzjoni. F’dak li jirrigwarda lil F. Carbajo Ferrero, l-interess tiegħu jikkonsisti fl-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex huwa jkun jista’ jibbenefika mir-rikors tiegħu. F’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni, ma nara ebda ħsara għall-interessi tas-servizz. L-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex sostitut għall-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward ta’ liema kandidat għandu jinħatar għall-pożizzjoni inkwistjoni. Il-Parlament ikollu jiftaħ mill-ġdid il-proċedura billi jħalli barra l-irregolaritajiet ikkonstatati mis-sentenza appellata. Fi tmiem din il-proċedura ġdida ta’ selezzjoni, huwa liberu li jagħżel l-iktar kandidat xieraq għall-pożizzjoni kkonċernata. Fir-rigward ta’ A, is-sitwazzjoni tiegħu hija differenti. L-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża joħloq riskju għal A li jitlef il-pożizzjoni li nħatar fiha. Barra minn hekk, A ma huwiex responsabbli għal din l-irregolarità. Anki jekk, kif isostni F. Carbajo Ferrero, A ma setax jinjora li l-fatt li l-ħatra tiegħu ma kinitx definittiva waqt li kien pendenti rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-ħatra tiegħu, jibqa’ l-fatt li A ma għamel xejn ħażin.

72.

Madankollu, il-fatt li l-interessi ta’ A huma affettwati ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni milli tikkonferma l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tal-irregolarità inkwistjoni. L-amministrazzjoni hija marbuta, madankollu, li tfittex soluzzjoni ekwa għas-sitwazzjoni fir-rigward tat-terz ikkonċernat. F’termini iktar speċifiċi, jekk fi tmiem il-proċedura ġdida ta’ selezzjoni, persuna oħra tinħatar fil-pożizzjoni inkwistjoni, il-Parlament huwa obbligat jipproteġi l-interessi ta’ A.

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkunsidra li l-aggravju sussidjarju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

VI. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju u l-aggravju sussidjarju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385).

( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1993, Booss u Fischer vs Il‑Kummissjoni (T‑58/91, EU:T:1993:15, punt 67).

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni (T‑100/04, EU:T:2008:68, punti 132 u 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Il-kriterji kienu s-segwenti: “(1) esperjenza speċifika fl-oqsma msemmija fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jew fl-avviż ta’ reklutaġġ: direzzjoni ta’ unità prinċipali fil-qasam tal-midja, tal-istampa u tat-telekomunikazzjoni; (2) amministrazzjoni jew ġestjoni: esperjenza fil-ġestjoni (f’oqsma bħar-riżorsi umani, ġestjoni, baġit, finanzi, eċċ); (3) esperjenza internazzjonali: esperjenza ta’ ħidma f’ambjent tal-Unjoni u/jew internazzjonali” (traduzzjoni libera tas-sottomissjonijiet tal-appellant).

( 6 ) Dawn is-suġġetti kienu s-segwenti: “(1) Motivazzjonijiet għall-kandidatura għall-pożizzjoni u l-viżjoni strateġika u l-pjan kummerċjali għad-Direttorat; (2) Kif għandu jiġi żgurat li l-modi kollha ta’ komunikazzjoni jintużaw biex jittrażmettu messaġġ koerenti, skont il-Qafas ta’ Eżekuzzjoni Strateġiku (QES); (3) Prijoritajiet ta’ komunikazzjoni għas-sena elettorali li jmiss; (4) Kif għandu jiżdied l-impatt taż-żjarat ta’ livell għoli, l-abbozzi leġiżlattivi importanti u sessjonijiet plenarji minn perspettiva tal-media; (5) Promozzjoni ta’ politika tal-ugwaljanza tas-sessi; (6) Il-kontestazzjonijiet tal-waqfien tal-attivitajiet u d-determinazzjoni tal-prijoritajiet negattivi; (7) Kif tagħmel l-aħjar użu tal-possibbiltajiet tal-aġġornament tal-pożizzjonijiet AST għal pożizzjonijiet AD fil-kuntest ta’ funzjonijiet ta’ livell superjuri u ta’ nuqqas ta’ riżorsi” (traduzzjoni libera tas-sottomissjonijiet tal-appellant).

( 7 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1993 (T‑58/91, EU:T:1993:15).

( 8 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1993 (T‑58/91, EU:T:1993:15).

( 9 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1983 (289/81, EU:C:1983:142).

( 10 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1983 (306/81, EU:C:1983:143).

( 11 ) It-test ta’ din id-deċiżjoni huwa ċċitat fil-punt 47 tas-sentenza appellata.

( 12 ) It-test tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-istadji tal-proċedura jirreferi biss għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Madankollu, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza appellata, din id-deċiżjoni kienet applikabbli wkoll f’dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ reklutaġġ imwettqa fuq il-bażi tal-avviż ta’ reklutaġġ.

( 13 ) Ara l-punt 67 tas-sentenza appellata.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1990, Kalavros vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (T‑160/89 u T‑161/89, EU:T:1990:86, punt 37).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni (C‑343/87, EU:C:1990:49, punt 19).

( 16 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2017, Hristov vs Il‑Kummissjoni u EMA (T‑495/16 RENV I u T‑495/16 RENV II, mhux ippubblikata, EU:T:2017:676, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 1993 (T‑58/91, EU:T:1993:15, punt 67).

( 18 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1990 (C‑343/87, EU:C:1990:49, punt 19).

( 19 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 1974 (188/73, EU:C:1974:112).

( 20 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1983 (289/81, EU:C:1983:142, punt 16).

( 21 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1983 (306/81, EU:C:1983:143, punt 16).

( 22 ) Għall-kuntrarju, skont il-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ibbażata fuq l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

( 23 ) Il-Parlament jiċċita numru ta’ punti tad-difiża u tal-kontroreplika tiegħu fl-ewwel istanza. Madankollu, dawn il-punti ma humiex intiżi li jistabbilixxu rabta bejn id-diversi kriterji u dawn is-suġġetti matul il-proċedura ta’ selezzjoni. Hemm argument wieħed fil-kontroreplika li jista’ jkun rilevanti, fejn il-Parlament jiddikjara li l-“esperjenza professjonali” tista’ tintrabat ma’ diversi elementi stabbiliti fil-punti 4 u 5 tal-avviż ta’ reklutaġġ. Madankollu huwa ma jelaborax fuq dan l-argument fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u ma jsostnix li s-suġġetti diskussi waqt l-intervista huma marbuta mal-kriterji stabbiliti fil-bidu tal-proċedura ta’ reklutaġġ.

( 24 ) Sentenza tas‑6 ta’ Frar 1986 (143/84, EU:C:1986:55).

( 25 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989 (361/87 u 362/87, EU:C:1989:317).

( 26 ) Sentenza tas‑6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il‑Qorti tal-Awdituri (143/84, EU:C:1986:55, punti 17 u 19).

( 27 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Spadafora vs Il‑Kummissjoni (T‑250/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:866, punt 110).

( 28 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Spadafora vs Il‑Kummissjoni (T‑250/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:866, punt 110).

( 29 ) Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, RFA International vs Il‑Kummissjoni (C‑56/19 P, EU:C:2021:102, punt 61).