|
26.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 276/40 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2058
tat-28 ta’ Frar 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-perijodi tal-likwidità għall-approċċ alternattiv ibbażat fuq il-mudelli interni, kif imsemmi fl-Artikolu 325bd(7)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325bd(7), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Metodoloġija ġenerali għall-assoċjar ta’ fattur ta’ riskju ta’ pożizzjoni ma’ kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju għall-finijiet tal-Artikolu 325bd(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li tippermetti lill-istituzzjonijiet jidentifikaw kategoriji wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju u subkategoriji wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu mar-riskji inkorporati fil-fattur ta’ riskju sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu xieraq ta’ likwidità tiegħu. Il-metodoloġija ġenerali jenħtieġ li tkun ġenerika biżżejjed biex tkun applikabbli għall-biċċa l-kbira tal-fatturi ta’ riskju. |
|
(2) |
Minħabba l-partikolaritajiet ta’ ċerti fatturi ta’ riskju, inklużi dawk li ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju fit-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-metodoloġija ġenerali tista’ twassal għal eżiti differenti bejn l-istituzzjonijiet meta tiġi applikata għal dawk il-fatturi ta’ riskju, u dan iwassal għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni u arbitraġġ regolatorju potenzjali. B’riżultat ta’ dan, huwa meħtieġ li l-metodoloġija ġenerali tiġi kkomplimentata b’regoli speċifiċi. |
|
(3) |
Volum għoli ta’ fatturat medju ta’ kuljum ta’ derivattivi netti ta’ rati tal-imgħax Barra l-Borża (Over The Counter - OTC) jirrappreżenta indikatur tajjeb tan-natura likwida tal-muniti sottostanti rispettivi tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li jitqies dak l-indikatur tal-fatturat biex jiġi speċifikat liema muniti jenħtieġ li jikkostitwixxu s-subkategorija tal-aktar muniti likwidi tal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tar-rata tal-imgħax tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-Istħarriġ Triennali tal-Bank Ċentrali tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (Bank for International Settlements - BIS) tal-fatturat tad-derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC (2) jikkostitwixxi sors affidabbli ta’ statistika biex jiġi evalwat il-fatturat tad-derivattivi tar-rata tal-imgħax OTC skont l-istrument u skont il-munita. Għal dik ir-raġuni, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-prattiki internazzjonali, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati r-riżultati ta’ dak l-istħarriġ għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-muniti li jikkostitwixxu s-subkategorija tal-aktar muniti likwidi. |
|
(4) |
Bl-istess mod, volum għoli ta’ fatturat medju ta’ kuljum ta’ derivattivi netti tal-kambju OTC jirrappreżenta indikatur tajjeb tan-natura likwida tal-parijiet tal-muniti sottostanti rispettivi tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li jitqies dak l-indikatur biex jiġi speċifikat liema parijiet ta’ muniti jenħtieġ li jikkostitwixxu s-subkategorija tal-aktar parijiet ta’ muniti likwidi tal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tar-rata tal-imgħax tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-Istħarriġ Triennali tal-Bank Ċentrali tal-BIS dwar il-fatturat tad-derivattivi OTC tal-kambju (3) jikkostitwixxi sors affidabbli ta’ statistika biex jiġi evalwat il-fatturat tad-derivattivi tal-kambju OTC skont l-istrument u skont il-munita. Għal dik ir-raġuni, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-prattiki internazzjonali, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati r-riżultati ta’ dak l-istħarriġ għall-fini tal-ispeċifikazzjoni tal-parijiet ta’ muniti li jikkostitwixxu s-subkategorija tal-aktar parijiet ta’ muniti likwidi. |
|
(5) |
Minħabba d-diversità tas-swieq tal-ekwità fl-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi definita l-kapitalizzazzjoni tas-suq żgħira u kbira għall-finijiet tas-subkategorija tal-prezz tal-ekwità u tal-volatilità tal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tal-ekwità tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 abbażi ta’ kombinazzjoni ta’ limitu assolut u limitu relattiv. Minħabba l-ħtieġa ta’ konsistenza mal-istandards regolatorji internazzjonali, huwa xieraq li l-limitu assolut jiġi bbażat fuq il-limitu stabbilit mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (4). Minħabba li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1646 (5) jipprovdi lista ta’ indiċijiet ewlenin ibbażati fuq il-likwidità tal-komponenti tal-indiċijiet, u minħabba li l-metodoloġija għall-istabbiliment ta’ dik il-lista hija bbażata fuq il-kapitalizzazzjoni tas-suq u l-ishma liberi (free float), u bil-kundizzjoni ta’ limitu minimu ta’ likwidità, huwa xieraq li l-livell limitu relattiv jiġi stabbilit skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-ekwitajiet fl-indiċijiet ewlenin elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1646 li l-komponenti tagħhom huma kollha kkwotati fl-Unjoni, għalhekk jenħtieġ li jitqiesu bħala ekwitajiet b’kapitalizzazzjoni tas-suq kbira, filwaqt li l-ekwitajiet l-oħra kollha jenħtieġ li jitqiesu bħala ekwitajiet b’kapitalizzazzjoni tas-suq żgħira. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea. |
|
(7) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
Assoċjar tal-fatturi ta’ riskju
Artikolu 1
Metodoloġija ġenerali
1. Meta jassoċjaw il-fatturi ta’ riskju mal-kategoriji wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw kull fattur ta’ riskju fl-aktar kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju xierqa, filwaqt li jqisu n-natura tar-riskju kopert mill-fattur ta’ riskju u d-data użata bħala inputs għall-fattur ta’ riskju fil-mudell tal-kejl tar-riskju.
Meta jassoċjaw il-fatturi ta’ riskju mas-subkategoriji wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju fil-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju ta’ dik it-Tabella, l-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw il-fattur ta’ riskju fl-aktar subkategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju xierqa ta’ dik il-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju, filwaqt li jqisu n-natura tar-riskju kopert mill-fattur ta’ riskju u d-data użata bħala inputs għall-fattur ta’ riskju fil-mudell tal-kejl tar-riskju.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, meta n-natura tal-fattur ta’ riskju ma tikkorrispondi mal-ebda kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jassoċjaw dak il-fattur ta’ riskju mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju “Komodità” ta’ dik it-Tabella u mas-subkategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju “Tipi oħra” ta’ dik il-kategorija.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għal fattur ta’ riskju li jista’ jiġi assoċjat ma’ aktar minn kategorija wiesgħa waħda tal-fatturi ta’ riskju jew ma’ aktar minn subkategorija wiesgħa waħda tal-fatturi ta’ riskju, l-istituzzjonijiet għandhom jidentifikaw dawk il-kategoriji korrispondenti u s-subkategoriji korrispondenti kollha.
Fost dawk il-kategoriji wiesgħa ta’ fatturi ta’ riskju jew dawk is-subkategoriji wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju korrispondenti, il-fattur ta’ riskju għandu jiġi assoċjat mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju u mas-subkategorija wiesgħa korrispondenti tal-fatturi ta’ riskju li għandhom l-itwal perijodi ta’ likwidità.
Meta aktar minn kategorija wiesgħa waħda tal-fatturi ta’ riskju jew subkategorija wiesgħa korrispondenti tal-fatturi ta’ riskju jkollhom l-istess l-itwal perijodi ta’ likwidità, il-fattur ta’ riskju jista’ jiġi assoċjat ma’ kwalunkwe waħda minn dawk il-kategoriji wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju u mas-subkategoriji wiesgħa korrispondenti tagħhom tal-fatturi ta’ riskju.
Artikolu 2
Metodoloġija speċifika għal strumenti tal-indiċi omoġenji
1. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1, meta istituzzjoni tirrappreżenta pożizzjoni fi strument tal-indiċi omoġenji bħala fattur ta’ riskju uniku fil-mudell tal-kejl tar-riskju tagħha, l-istituzzjoni tista’ tagħżel li tassoċja l-fattur ta’ riskju skont il-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 2.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “indiċi omoġenju” għandha tfisser indiċi li għandu wieħed mill-kompożizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ekwitajiet jew indiċijiet oħra magħmula minn ekwitajiet biss; |
|
(b) |
bonds jew indiċijiet oħra magħmula minn bonds biss; |
|
(c) |
swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu jew indiċijiet oħra magħmula minn swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu biss; |
|
(d) |
komoditajiet jew indiċijiet oħra magħmula minn komoditajiet biss. |
2. Il-perijodu tal-likwidità ta’ fattur ta’ riskju wieħed li jimmudella strument ta’ indiċi omoġenju kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi ddeterminat minn istituzzjoni kif ġej:
|
(a) |
l-istituzzjoni għandha tassoċja l-fattur ta’ riskju mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li tikkorrispondi mal-kategorija xierqa għall-kompożizzjoni tal-indiċi omoġenju; |
|
(b) |
l-istituzzjoni għandha tapplika l-metodoloġija ġenerali stabbilita fl-Artikolu 1 b’mod separat għal kull wieħed mill-kostitwenti tal-indiċi omoġenju biex tiddetermina l-perijodi ta’ likwidità xierqa tagħhom; |
|
(c) |
l-istituzzjoni għandha tikkalkula l-medja ponderata tal-perijodi tal-likwidità ddeterminati skont il-punt (b) fuq il-bażi tal-ponderazzjoni rispettiva ta’ kull kostitwent fl-indiċi; |
|
(d) |
il-perijodu tal-likwidità tal-immudellar tal-fattur ta’ riskju tal-istrument tal-indiċi omoġenju għandu jkun l-iqsar perijodu ta’ likwidità tas-subkategoriji kostitwenti tal-indiċi li jkun ikbar jew daqs il-medja ponderata msemmija fil-punt (c). |
Għall-finijiet tal-punt (a), fattur ta’ riskju ta’ strument ta’ indiċi omoġenju li għandu l-kompożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), għandu jiġi assoċjat mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju “Firxa tal-kreditu”.
Artikolu 3
Metodoloġija speċifika għall-fatturi ta’ riskju bażi tal-inflazzjon, tal-muniti singoli u ta’ bejn il-muniti
1. B’deroga mill-Artikolu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jassoċjaw il-fatturi ta’ riskju tal-inflazzjoni għal munita partikolari mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju “Rata tal-imgħax”, u mas-subkategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju ta’ dik il-munita.
2. B’deroga mill-Artikolu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jassoċjaw il-fatturi ta’ riskju bażi ta’ munita singola u l-fatturi ta’ riskju bażi bejn il-muniti mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju “Rata tal-Imgħax”, u mas-subkategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tal-munita li tiddenomina l-bażi.
Artikolu 4
Metodoloġija speċifika għall-fatturi ta’ riskju tar-repo u tad-dividendi
1. B’deroga mill-Artikolu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jassoċjaw il-fatturi tar-riskju tar-rati repo tal-ekwità u tad-dividendi mal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju “Ekwità”.
2. B’deroga mill-Artikolu 1, għall-fini tad-determinazzjoni tas-subkategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju, il-fatturi tar-riskju tar-rati repo tal-ekwità u tad-dividendi għal ekwità partikolari għandhom jiġu ttrattati bħala fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għall-volatilità ta’ dik l-ekwità.
KAPITOLU 2
Determinazzjoni tas-subkategorija tal-muniti l-aktar likwidi, id-determinazzjoni tas-subkategorija tal-aktar parijiet ta’ muniti likwidi u d-definizzjoni tas-subkategoriji tal-kapitalizzazzjoni tas-suq żgħira u kbira
Artikolu 5
Subkategorija tal-aktar muniti likwidi
Il-muniti li jikkostitwixxu s-subkategorija tal-aktar tal-muniti likwidi tal-kategorija wiesgħa tal-fattur ta’ riskju tar-rata tal-imgħax tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Subkategorija-tal-aktar parijiet ta’ muniti likwidi
Il-parijiet ta’ muniti li jikkostitwixxu s-subkategorija tal-aktar parijiet ta’ muniti likwidi tal-kategorija wiesgħa tal-fattur ta’ riskju tal-kambju tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Definizzjoni ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq żgħira u kbira
1. Għall-finijiet tas-subkategorija tal-prezz tal-ekwità u tal-volatilità tal-kategorija wiesgħa tal-fatturi ta’ riskju tal-ekwità tat-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ekwità b’kapitalizzazzjoni tas-suq kbira għandha tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwità hija akbar minn EUR 1,75 biljun; |
|
(b) |
l-ekwità hija inkluża f’wieħed mill-indiċijiet ewlenin stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1646 li l-komponenti tagħhom huma kollha kkwotati fl-Unjoni. |
2. L-ekwitajiet l-oħra kollha għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala ekwitajiet b’kapitalizzazzjoni tas-suq żgħira.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(2) ‘Interest rate derivatives market turnover in 2019’, BIS Triennial Central Bank Survey 2019, Monetary and Economic Department
(3) ‘Global foreign exchange market turnover in 2019’, BIS Triennial Central Bank Survey 2019, Monetary and Economic Department
(4) Ir-Rekwiżiti kapitali minimi għar-riskju tas-suq, Jannar 2019 (rev. Frar 2019).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1646 tat-13 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar indiċijiet ewlenin u boroż rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment (ĠU L 245, 14.9.2016, p. 5).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
ANNESS I
Lista tal-muniti l-aktar likwidi msemmija fl-Artikolu 5
|
— |
Euro (EUR); |
|
— |
Dollaru Amerikan (USD); |
|
— |
Lira Sterlina (GBP); |
|
— |
Yen Ġappuniż (JPY); |
|
— |
Dollaru Awstraljan (AUD); |
|
— |
Krona Żvediża (SEK); |
|
— |
Dollaru Kanadiż (CAD). |
ANNESS II
Lista tal-parijiet ta’ muniti msemmija fl-Artikolu 6
Għall-fini ta’ dan l-Anness, jintużaw il-kodiċijiet li ġejjin relatati mal-muniti:
|
|
EUR (Euro), USD (Dollaru Amerikan), JPY (Yen Ġappuniż), GBP (Lira Sterlina), CHF (Frank Żvizzeru), CAD (Dollaru Kanadiż), MXN (Peso Messikan), CNY (Yuan Ċiniż), NZD (Dollaru tan-New Zealand), RUB (Rublu Russu), HKD (Dollaru ta’ Hong Kong), SGD (Dollaru ta’ Singapore), TRY (Lira Torka), KRW (Won tal-Korea ta’ Isfel), SEK (Krona Żvediża), ZAR (Rand tal-Afrika t’Isfel), INR (Rupee Indjan), NOK (Krona Norveġiża), BRL (Real Brażiljan), AUD (Dollaru Awstraljan), DKK (Krona Daniża), BGN (Lev Bulgaru), HRK (Kuna Kroata). |
|
|
EUR/USD, EUR/JPY, EUR/GBP, EUR/CHF, EUR/CAD, EUR/MXN, EUR/CNY, EUR/NZD, EUR/RUB EUR/HKD, EUR/SGD, EUR/TRY, EUR/KRW, EUR/SEK, EUR/ZAR, EUR/INR, EUR/NOK, EUR/BRL, EUR/AUD. |
|
|
USD/JPY, USD/GBP, USD/AUD, USD/CAD, USD/CHF, USD/MXN, USD/CNY, USD/NZD, USD/RUB, USD/HKD, USD/SGD, USD/TRY, USD/KRW, USD/SEK, USD/ZAR, USD/INR, USD/NOK, USD/BRL, USD/DKK, USD/BGN, USD/HRK. |
|
|
JPY/GBP, JPY/CAD, JPY/CHF, JPY/MXN, JPY/CNY, JPY/NZD, JPY/RUB, JPY/HKD, JPY/SGD, JPY/TRY, JPY/KRW, JPY/SEK, JPY/ZAR, JPY/INR, JPY/NOK, JPY/BRL, JPY/DKK, JPY/AUD, JPY/BGN, JPY/HRK. |
|
|
GBP/AUD, GBP/CAD, GBP/CHF, GBP/MXN, GBP/CNY, GBP/NZD, GBP/RUB, GBP/HKD, GBP/SGD, GBP/TRY, GBP/KRW, GBP/SEK, GBP/ZAR, GBP/INR, GBP/NOK, GBP/BRL, GBP/DKK, GBP/BGN, GBP/HRK. |
|
|
AUD/CAD, AUD/CHF, AUD/MXN, AUD/CNY, AUD/NZD, AUD/RUB, AUD/HKD, AUD/SGD, AUD/TRY, AUD/KRW, AUD/SEK, AUD/ZAR, AUD/INR, AUD/NOK, AUD/BRL. |
|
|
CAD/CHF, CAD/MXN, CAD/CNY, CAD/NZD, CAD/RUB, CAD/HKD, CAD/SGD, CAD/TRY, CAD/KRW, CAD/SEK, CAD/ZAR, CAD/INR, CAD/NOK, CAD/BRL. |
|
|
CHF/MXN, CHF/CNY, CHF/NZD, CHF/RUB, CHF/HKD, CHF/SGD, CHF/TRY CHF/KRW, CHF/SEK, CHF/ZAR, CHF/INR, CHF/NOK, CHF/BRL, CHF/DKK, CHF/BGN, CHF/HRK. |
|
|
MXN/CNY, MXN/NZD, MXN/RUB, MXN/HKD, MXN/SGD, MXN/TRY, MXN/KRW, MXN/SEK, MXN/ZAR, MXN/INR, MXN/NOK, MXN/BRL. |
|
|
CNY/NZD, CNY/RUB, CNY/HKD, CNY/SGD, CNY/TRY, CNY/KRW, CNY/SEK, CNY/ZAR, CNY/INR, CNY/NOK, CNY/BRL. |
|
|
NZD/RUB, NZD/HKD, NZD/SGD, NZD/TRY, NZD/KRW, NZD/SEK, NZD/ZAR, NZD/INR, NZD/NOK, NZD/BRL. |
|
|
RUB/HKD, RUB/SGD, RUB/TRY, RUB/KRW, RUB/SEK, RUB/ZAR, RUB/INR, RUB/NOK, RUB/BRL. |
|
|
HKD/SGD, HKD/TRY, HKD/KRW, HKD/SEK, HKD/ZAR, HKD/INR, HKD/NOK HKD/BRL. |
|
|
SGD/TRY, SGD/KRW, SGD/SEK, SGD/ZAR, SGD/INR, SGD/NOK, SGD/BRL. |
|
|
TRY/KRW, TRY/SEK, TRY/ZAR, TRY/INR, TRY/NOK, TRY/BRL. |
|
|
KRW/SEK, KRW/ZAR, KRW/INR, KRW/NOK, KRW/BRL. |
|
|
SEK/ZAR, SEK/INR, SEK/NOK, SEK/BRL. |
|
|
ZAR/INR, ZAR/NOK, ZAR/BRL. |
|
|
INR/NOK, INR/BRL. |
|
|
NOK/BRL. |