Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑378/25
KX
vs
Predsedatel na Smetna palata na Republika Bulgaria,
parti interessata:
Okrazhna prokuratura Silistra
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Silistra (il-Qorti Amministrattiva ta’ Silistra, il‑Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 5k – Projbizzjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kuntratti Pubbliċi – Ċittadin Russu, persuna fiżika stabbilita fir-Russja jew persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit f’dan il-pajjiż jew ikkontrollat minnu – Għoti mis-sindku ta’ komun ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ vettura għall-ġbir tal-iskart – Valur stmat tal-kuntratt taħt l-ammont limitu skont id-Direttiva 2014/24/UE – Valur stmat tal-kuntratt ogħla mill-ammont limitu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2). L-Artikolu 5k tiegħu, li ġie introdott bir-Regolament 2022/576 (3), jipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar il-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi – jiġifieri d-Direttiva 2014/24/UE (4) – lil kwalunkwe ċittadin Russu jew lil kwalunkwe persuna fiżika stabbilita fir-Russja, kif ukoll lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit f’dan il-pajjiż jew ikkontrollat minnu (5).
2. It-talba tressqet fi proċeduri bejn KX, is-sindku tal-komun ta’ Glavinitsa (il-Bulgarija), u l-predsedatel na Smetna palata na Republika Bulgaria (il-President tal-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tal-Bulgarija). Dan tal-aħħar impona fuq KX sanzjoni amministrattiva għal irregolaritajiet li seħħew matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti(6) organizzata f’dan il-komun għall-akkwist ta’ vettura għall-ġbir tal-iskart. Dawn l-irregolaritajiet kienu jikkonsistu, essenzjalment, fl-issuġġettar tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, minkejja l-fatt li l-limitu stabbilit mid-Direttiva 2014/24 ma kienx intlaħaq.
3. Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat diversi drabi l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 833/2014 (7). Pereżempju, fis-sentenza reċenti tagħha Opera Laboratori Fiorentini (8), il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet l-obbligi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom josservaw skont l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 f’sitwazzjonijiet fejn offerent fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ikun impriża bbażata fl-Unjoni Ewropea ġestita minn ċittadini Russi (9).
4. Madankollu, il-kawża ineżami tqajjem kwistjoni legali b’konnotazzjonijiet kostituzzjonali iktar profondi. Din tikkonċerna t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-miżuri restrittivi. Bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika, qabel kollox, jekk awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tistax tipprojbixxi liċ-ċittadini Russi, kif ukoll lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, lill-entitajiet jew lill-korpi stabbiliti jew ikkontrollati mir-Russja, milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, f’termini analogi għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għall-proċeduri li jaqgħu taħt din id-direttiva.
5. Barra minn hekk, fil-każ li tiġi aċċettata prattika ta’ awtorità kontraenti ta’ Stat Membru li tistabbilixxi tali projbizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għalhekk tiddetermina jekk din il-prattika tiksirx il-prinċipji li għandhom jiġu osservati skont id-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma humiex irregolati mid-Direttiva 2014/24, iżda li madankollu għandhom ċertu interess transkonfinali. Dawn il-prinċipji jinkludu, inter alia, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
6. Fl-aħħar nett, il-kawża ineżami timmarka l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha bżonn tinterpreta l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014. Din id-dispożizzjoni tinkludi “klawżola ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà” li teskludi r-responsabbiltà tal-operaturi tal-Unjoni, inklużi korpi pubbliċi, jekk ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni raġonevoli sabiex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 833/2014. Il-kwistjoni dwar jekk awtorità kontraenti, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex tinżamm responsabbli talli tissuġġetta l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 hija kwistjoni addizzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Regolament Nru 833/2014
7. Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014 tipprovdi:
“Fit‑22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] ikkonkluda li jekk ir-Russja ma tweġibx għat-talbiet ifformulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas‑27 ta’ Ġunju 2014 u l-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Lulju, huwa jkun lest biex mingħajr dewmien jintroduċi pakkett ta’ miżuri restrittivi ulterjuri sinifikanti. Huwa għalhekk meqjus xieraq li jiġu applikati miżuri restrittivi addizzjonali bil-għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Dawn il-miżuri se jinżammu taħt osservazzjoni u jistgħu jiġu […] supplimentati minn miżuri oħra restrittivi, fid-dawl ta’ żviluppi fuq il-post.”
8. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi:
“Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi m’għandhomx iwasslu għal ebda tip ta’ responsabbiltà min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri li jinsabu f’dan ir-Regolament.”
2. Ir-Regolament 2022/576
9. Il-premessi 1, 2, 3, 4, 10 u 11 tar-Regolament 2022/576 jipprovdu:
“(1) Fil‑31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament [Nru 833/2014].
(2) Ir-Regolament [Nru 833/2014] jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-[Deċiżjoni 2014/512 (10)].
(3) Fit‑8 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta [d-Deċiżjoni 2022/578 (11)], li temenda [d-Deċiżjoni 2014/512/PESK]. […]
(4) [Id-Deċiżjoni 2022/578] tipprojbixxi […] milli jingħataw u jkomplu jitwettqu kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi ma’ ċittadini Russi u ma’ entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.
[…]
(10) Dawn il-miżuri huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.
(11) Għalhekk ir-Regolament [Nru 833/2014] jenħtieġ li jiġi emendat skont dan”.
10. L-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/576 jipprevedi:
“Ir-Regolament [Nru 833/2014] huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 1, jinżdiedu l-punti li ġejjin :
‘(v) ‘Direttivi dwar l-akkwist pubbliku’ tfisser [inter alia d-Direttiva 2014/24];
[…]’
[…]
(23) jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
‘Artikolu 5k
1. Għandu jkun ipprojbit l-għoti jew it-tkomplija tat-twettiq ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku jew ta’ konċessjoni li huma fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku […] lil jew ma’:
(a) ċittadin Russu, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja;
(b) persuna ġuridika, entità jew korp li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta’ entità msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu; jew
(c) persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem entità msemmija fil-punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu jew skont id-direzzjoni tagħha,
inklużi, fejn dawn jammontaw għal aktar minn 10 % tal-valur tal-kuntratt, tas-sottokuntratturi, tal-fornituri jew tal-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom huma invokati fis-sens tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku.
[…]’
[…]”
3. Id-Direttiva 2014/24
11. Il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi:
“L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-[TFUE], b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.”
12. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.”
13. L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ammonti tal-limitu stabbilit”, jipprevedi:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:
[…]
(c) EUR 215 000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u ta’ servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti subċentrali u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn tali awtoritajiet; […]
[…]”
14. Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”:
“1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.
[…]”
4. Id‑dritt Bulgaru
15. Iż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) (12), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tittrasponi fid-dritt Bulgaru d-Direttiva 2014/24 (13).
16. L-Artikolu 2 taż-ZOP jipprevedi:
“(1) Il-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw skont il-prinċipji tat-[TFUE], u b’mod partikolari l-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u r-rikonoxximent reċiproku, kif ukoll il-prinċipji dderivati minnhom:
1. l-ugwaljanza u l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni;
2. il-kompetizzjoni ħielsa;
3. il-proporzjonalità;
4. ir-reklamar u t-trasparenza.
(2) Fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx ikunu awtorizzati jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jimponu kundizzjonijiet jew rekwiżiti li jirriżultaw f’vantaġġ indebitu jew li indebitament jirrestrinġu l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi għall-kuntratti pubbliċi u li ma humiex proporzjonati għas-suġġett, għall-valur, għall-kumplessità, għall-kwantità jew għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt pubbliku.
[…]”
17. L-Artikolu 5 taż-ZOP jistipula:
“(1) L-entitajiet kontraenti għandhom ikunu responsabbli għall-istima, l-ippjanar, l-eżekuzzjoni, il-konklużjoni u r-rapportar xieraq tal-eżiti tal-kuntratti pubbliċi. L-entitajiet kontraenti għandhom ikunu pubbliċi u settorjali.
(2) Dawn li ġejjin għandhom ikunu entitajiet kontraenti pubbliċi:
[…]
9. sindki ta’ komuni, ta’ distretti u ta’ komunitajiet, kif ukoll viċi sindki li għandhom is-setgħa li jamministraw il-baġits;
[…]”.
18. L-Artikolu 18(1) taż-ZOP jelenka, mill-punti 1 sa 13, it-tipi ta’ proċeduri koperti minn din il-liġi. B’mod partikolari, il-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għall-“proċedura miftuħa”, li fiha “kull parti interessata tista’ tissottometti offerta”.
19. L-Artikolu 20(1) taż-ZOP jipprevedi:
“(1) Il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(1) […] għandhom japplikaw meta:
1. l-awtoritajiet kontraenti pubbliċi u l-konsorzji tagħhom jagħtu kuntratti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom ikun daqs jew ikbar minn:
[…]
(b) [271 000 lev Bulgaru (BGN)] – għall-provvisti u s-servizzi;
[…]”
III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
20. KX huwa s-sindku tal-komun ta’ Glavinitsa. Skont iż-ZOP, f’din il-kapaċità huwa jista’ jaġixxi bħala awtorità kontraenti li toħroġ kuntratti pubbliċi.
21. Fid‑29 ta’ Diċembru 2022, KX beda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku taħt is-suġġett li ġej: “Provvista ta’ vettura speċjalizzata ġdida mgħammra b’sistema għall-ġbir tal-iskart u għat-tneħħija tal-iskart sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-komun ta’ Glavinitsa fil-qafas tal-kiri finanzjarju”. Il-valur stmat tal-kuntratt pubbliku, mingħajr VAT, kien jammonta għal BGN 283 333.33 – madwar EUR 145 000. Il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti elenkaw, bħala raġuni ta’ esklużjoni, il-“preżenza ta’ ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 5k tar-[Regolament Nru 833/2014]”.
22. Fl‑14 ta’ Diċembru 2023, wara li l-kuntratt pubbliku kien ingħata, il-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tal-Bulgarija ordnat spezzjoni tal-amministrazzjoni xierqa tal-fondi pubbliċi mill-komun ta’ Glavinitsa bejn l‑1 ta’ Jannar 2022 u t‑30 ta’ Ġunju 2023. Wara din l-ispezzjoni, l-awtorità amministrattiva rilevanti kkonstatat li KX kien kiser iż-ZOP fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti mnedija f’Diċembru 2022. KX ġie kkritikat b’mod partikolari talli ssuġġetta din il-proċedura għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, minkejja li l-kuntratt pubbliku kkonċernat minn din il-proċedura kellu valur stmat ta’ inqas mil-limitu previst mid-Direttiva 2014/24. Skont l-awtorità amministrattiva, dan ir-rekwiżit kien indebitament jirrestrinġi aċċess tal-operaturi ekonomiċi u kien sproporzjonat meta mqabbel mas-suġġett u mal-valur tal-kuntratt pubbliku.
23. Malli rċieva d-deċiżjoni mogħtija wara l-ispezzjoni, KX ikkontesta l-konstatazzjonijiet inklużi fiha. Għal dan l-għan, huwa sostna li, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur Bulgaru kien deliberatament naqqas il-limiti previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, skont iż-ZOP, id-Direttiva 2014/24 kienet għadha tapplika għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal provvisti u għal servizzi sakemm dawn ikollhom valur ogħla minn BGN 271 000 – madwar EUR 139 000 – bħall-kuntratt pubbliku kkonċernat mid-deċiżjoni. Skont KX, peress li, skont iż-ZOP, il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku kellha tosserva l-prinċipji u r-rekwiżiti ewlenin stabbiliti fid-Direttiva 2014/24, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt kellhom neċessarjament jinkludu raġuni ta’ esklużjoni bbażata fuq l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014.
24. Fit‑30 ta’ Settembru 2024, il-President tal-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tal-Bulgarija aċċetta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtorità amministrattiva fid-deċiżjoni tagħha u impona fuq KX sanzjoni ta’ BGN 6 594.04 – madwar EUR 3 500. KX sussegwentement ikkontesta din is-sanzjoni quddiem ir-Rayonen sad Tutrakan (il-Qorti Distrettwali ta’ Tutrakan, il-Bulgarija), li, fis-sentenza tagħha, ikkonstatat li huwa ġustament instab responsabbli. KX sussegwentement ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem l-Administrativen sad – Silistra (il-Qorti Amministrattiva ta’ Silistra, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami.
25. Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa paċifiku li, skont iż-ZOP, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 japplikaw għall-kuntratti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom huwa inqas mil-limiti stabbiliti minn din id-direttiva, kif kien il-każ tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2024, Agentsia za darzhavna finansova inspektsia (C‑550/23, EU:C:2024:808) (14), din hija fakultà mħollija fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, li huwa konformi mal-għan ewlieni tad-direttiva li jinfetħu l-kuntratti pubbliċi għall-iktar firxa wiesgħa possibbli ta’ operaturi ekonomiċi.
26. Fir-rigward tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dokument tal-Kummissjoni Ewropea intitolat “Mistoqsijiet frekwenti dwar is-sanzjonijiet fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kontra r-Russja”, il-kuntratti inqas mil-limiti għall-kuntratti pubbliċi stabbiliti fid-Direttiva 2014/24 ma humiex koperti minn dan l-artikolu. Din il-pożizzjoni hija kondiviża mill-Komisiya za zashtita na konkurentsiyata (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, il-Bulgarija), li indikat espressament li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma jilħqux il-limiti stabbiliti mid-Direttiva 2014/24 tirrestrinġi indebitament u illegalment il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi eliġibbli.
27. F’dan il-kuntest, madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 irrakkomandata mill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni, b’mod neċessarju, l-għanijiet ta’ dan ir-regolament u tista’ twassal għal lakuni fl-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. Skont dik il-qorti, l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 jikkostitwixxi raġuni ta’ esklużjoni li tikkumplimenta dawk stabbiliti fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24. Fil-kawża ineżami, peress li, skont iż-ZOP, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kienu vinkolanti għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 tista’ wkoll titqies li hija applikabbli għal din il-proċedura bħala raġuni għal esklużjoni.
28. Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll, li anki jekk l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 kellha tingħata preferenza, jibqa’ dubju dwar jekk l-istabbiliment ta’ din ir-raġuni ta’ esklużjoni għal kuntratt b’valur taħt il-limiti stabbiliti mid-Direttiva 2014/24 jirrestrinġix indebitament il-kompetizzjoni. Din ir-raġuni ma taffettwax l-operaturi ekonomiċi kollha, iżda grupp limitat ħafna ta’ individwi u ta’ entitajiet, li huma elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014. Dment li r-restrizzjoni tiġi implimentata biex jintlaħaq għan leġittimu tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), għandu jiġi determinat jekk tistax titqies iġġustifikata fid-dawl ta’ dan l-għan.
29. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad – Silistra (il-Qorti Amministrattiva ta’ Silistra) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 5k tar-[Regolament Nru 833/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom jaqa’ taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2014/24] f’sitwazzjoni fejn l-awtorità kontraenti tkun obbligata, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tapplika r-regoli previsti fid-Direttiva 2014/24?
2) Ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fis-sens li ma japplikawx ir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 5k tar-[Regolament 833/2014] jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni ħielsa jew tal-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq il-parteċipanti fis-sens tal-Artikolu 2(2) taż-[ŻOP] meta dan ir-rekwiżit ikun previst fi proċedura li ma tilħaqx il-limiti stabbiliti fid-[Direttiva 2014/24]?
3) L-Artikolu 5k tar-[Regolament Nru 883/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti pubblika, li tkun qiegħda tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi r-regoli tad-Direttiva 2014/24 fi proċedura li ma tilħaqx il-limiti, li tirrikjedi mingħand il-parteċipanti dikjarazzjoni fis-sens li japplikawx ir-raġunijiet previsti f’din id-dispożizzjoni?”
30. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja nhar is‑6 ta’ Ġunju 2025. Il-Gvern Ċek, il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Is-seduta nżammet fis‑27 ta’ April 2026.
IV. Analiżi
31. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 tapplikax għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li ma tilħaqx il-limitu ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24, preċiżament f’kuntest fejn l-awtorità kontraenti hija madankollu obbligata, skont id-dritt nazzjonali, li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
32. Dan huwa, b’mod partikolari, is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, li l-kontenut tagħha huwa marbut mill-qrib ma’ dak tat-tielet domanda. Id-differenza prinċipali bejniethom tinsab fil-fatt li t-tielet domanda preliminari ma hijiex ifformulata bħala obbligu għall-awtorità kontraenti li jirriżulta mill-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, iżda pjuttost bħala għażla għad-dispożizzjoni ta’ din l-awtorità. Fil-fatt, permezz ta’ din it-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiċċara jekk, meta kuntratt pubbliku ma jilħaqx il-limiti previsti mid-Direttiva 2014/24, l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 xorta jippermettix prattika ta’ awtorità kontraenti li teżiġi li offerent fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti jipprovdi dikjarazzjoni li tikkonferma li huwa ma huwa kopert minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti f’dan l-artikolu.
33. Għall-kuntrarju, it-tieni domanda preliminari hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li awtorità kontraenti tapplika projbizzjoni analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 fir-rigward ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li ma hijiex koperta mid-Direttiva 2014/24. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk, f’din is-sitwazzjoni, l-applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni tistax madankollu tikser il-prinċipji li għandhom jiġu osservati fid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma jeħtiġux l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 – jiġifieri l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
34. Peress li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tiddependi fuq risposta pożittiva jew għall-ewwel domanda preliminari jew għat-tielet waħda, ser neżamina dawn iż-żewġ domandi l-ewwel u t-tieni domanda fl-aħħar.
L-ewwel domanda preliminari
35. L-ewwel domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 lil kwalunkwe ċittadin Russu jew lil kwalunkwe persuna fiżika stabbilita fir-Russja, kif ukoll lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit jew ikkontrollat minn dan il-pajjiż, tapplikax ukoll għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom huwa inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Id-domanda tqum f’kuntest fejn id-dritt nazzjonali jimponi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma jilħqux il-limitu stabbilit minn din id-direttiva.
36. Skont l-Artikolu 5k(1) tar-Regolament Nru 833/2014, il-kuntratti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma jistgħux jingħataw lil ebda waħda mill-partijiet li ġejjin: (a) ċittadini Russi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja; (b) persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu direttament jew indirettament proprjetà ta’ entità msemmija fil-punt (a); u (c) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entità msemmija fil-punti (a) u (b) (15). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1(v) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li r-riferimenti għad-Direttivi dwar il-Kuntratti Pubbliċi fir-Regolament Nru 833/2014 jinkludu d-Direttiva 2014/24.
37. Minn dan isegwi li l-kuntratti pubbliċi koperti mid-Direttiva 2014/24 ma jistgħux jingħataw lil ċittadini Russi u lanqas lil xi persuna fiżika, persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja. L-istess japplika għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp essenzjalment ikkontrollat minn dan il-pajjiż. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din hija kategorija residwa ta’ projbizzjonijiet intiża sabiex jiġi evitat li l-Artikolu 5k(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jiġi evitat u b’hekk jiġi mċaħħad minn kull effett utli (16).
38. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/24 jidher li din id-direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti mill-awtoritajiet kontraenti għall-kuntratti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom ma huwiex inqas mill-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 (17). Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal provvisti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti subċentrali, l-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 2014/24, fil-verżjoni rilevanti għall-fatti tal-kawża, jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw għal kuntratti li l-valur stmat tagħhom nett mill-VAT huwa ta’ mill-inqas EUR 215 000. Dan ifisser li, jekk kuntratt pubbliku għal provvisti li għandu jingħata minn awtorità kontraenti subċentrali jaqbeż dan il-limitu, id-dritt tal-Unjoni jimponi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti organizzata għal dan l-għan. Għall-kuntrarju, jekk kuntratt pubbliku ta’ dan it-tip ma jilħaqx dan il-limitu, il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24.
39. Fil-kawża ineżami, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tirrigwarda kuntratt pubbliku għal provvisti li kellu jingħata minn awtorità kontraenti subċentrali, b’valur stmat ta’ BGN 283 333.33 – madwar EUR 145 000 – nett mill-VAT. Meħuda inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, il-projbizzjoni li tinsab fih ma tistax titqies li hija applikabbli għal din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, peress li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni ma qabiżx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 2014/24.
40. Il-qorti tar-rinviju tispjega madankollu li, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 fid-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur Bulgaru ddeċieda li jnaqqas il-limiti ta’ applikabbiltà ta’ din id-direttiva. Dan ifisser li, f’dan l-Istat Membru, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 jibqgħu applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti organizzati għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ valur ta’ inqas minn EUR 215 000. Fir-realtà, huma biss il-kuntratti pubbliċi b’valur stmat ta’ inqas minn BGN 271 000 – madwar EUR 139 000 – li ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24. Skont id-dritt Bulgaru ta’ dak iż-żmien, il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda kuntratt pubbliku ta’ valur ta’ EUR 145 000, kellha tosserva r-regoli u l-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 2014/24.
41. Il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement għamlet riferiment għal din il-partikolarità tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 fid-digriet Agentsia za darzhavna finansova inspektsia (18). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi rregoli tad-Direttiva 2014/24 applikabbli għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom ma jilħaqx il-limiti stabbiliti minn din id-direttiva tirriżulta mil-libertà li għandu kull Stat Membru sabiex jirregola l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx kontra r-regoli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, peress li hija tikkondividi l-għan ewlieni tagħhom, jiġifieri l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli, għall-benefiċċju kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tal-awtoritajiet kontraenti (19).
42. Għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-portata tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u l-kompetenza tal-Istati Membri hija ddeterminata mid-daqs ekonomiku tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-għan tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24, li jiddetermina l-valur tal-kuntratti pubbliċi rilevanti għas-suq uniku tal-Unjoni (20). Il-kuntratti pubbliċi b’valur ogħla mil-limitu stabbilit f’din id-dispożizzjoni jitqiesu bħala sinjifikattivi għas-suq intern tal-Unjoni, filwaqt li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal offerti ta’ valur iktar baxx jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri, bir-rispett dovut lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà (21). Wara d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Agentsia za darzhavna finansova inspektsia, huwa fl-eżerċizzju ta’ din ir-responsabbiltà li l-Istati Membri jistgħu liberament jiddeċiedu li jnaqqsu l-limiti tad-Direttiva 2014/24 sabiex jagħmlu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.
43. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li ttrasponiet id-Direttiva 2014/24 fid-dritt Bulgaru, kienet kompatibbli ma’ din id-direttiva, id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Bulgaru li jnaqqas il-limiti ta’ applikabbiltà ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi għażla awtonoma ta’ dan l-Istat Membru li jirregola l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.
44. Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru jkun, fuq inizjattiva tiegħu stess, naqqas il-limiti tad-Direttiva 2014/24 ma jfissirx li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 tapplika awtomatikament għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti rregolati mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 ma għandux jeċċedi l-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fil-qasam tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, li, kif indikat fil-punt 42 hawn fuq, huma ddefiniti mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24. Anki jekk, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 kien jikkostitwixxi raġuni ta’ esklużjoni li tikkumplimenta dawk elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, din ir-raġuni ta’ esklużjoni ma tistax tiġi imposta fuq proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti mhux irregolata minn dan id-dritt.
45. Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda dwar jekk projbizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 tistax tiġi applikata għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ma tistax tiġi dedotta minn dan l-artikolu. Minflok, din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt nazzjonali, bħala espressjoni tal-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, bil-kundizzjoni, naturalment, li d-dritt tal-Unjoni ma joġġezzjonax għal dan, kif ser neżamina fl-analiżi tiegħi tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari.
46. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk interpretazzjoni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, kif esposta fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tistax twassal sabiex jiġu ppreġudikati l-għanijiet tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-aggressjoni militari mwettqa mir-Russja kontra l-Ukraina.
47. F’dan ir-rigward, nirrileva fil-qosor, qabelxejn, li l-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat, fid-dokument tagħha intitolat “Mistoqsijiet frekwenti dwar is-sanzjonijiet fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kontra r-Russja”, kif emendat fis‑26 ta’ Jannar 2024 (22), li l-kuntratti taħt il-limiti għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbiliti mid-Direttiva 2014/24 ma humiex koperti mill-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 huwa irrilevanti. Il-Kummissjoni ġustament tirrikonoxxi f’dan id-dokument li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-kompetenza sabiex tinterpreta r-regolamenti applikabbli fil-qasam tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, li jfisser li dan id-dokument ma jistax jiddetermina, bi kwalunkwe mod, l-eżitu tal-analiżi fir-rigward tal-interpretazzjoni xierqa li għandha tingħata lill-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 (23).
48. Madankollu, huwa importanti li jitfakkar li, għalkemm, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet tar-regoli li minnha hija tagħmel parti, din l-istess ġurisprudenza tistabbilixxi li jistgħu jintużaw interpretazzjonijiet kuntestwali u teleoloġiċi biss sabiex jiġu solvuti ambigwitajiet fl-abbozzar. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ metodi ermenewtiċi ma jista’ jipprevali fuq il-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ dispożizzjoni, bir-riżultat li jċaħħad lil din il-formulazzjoni minn kull effett utli (24).
49. Fil-kawża ineżami, l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi espressament li l-projbizzjoni inkluża fih tapplika għall-kuntratti pubbliċi “li huma fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku”, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(v) ta’ dan ir-regolament, jinkludi d-Direttiva 2014/24. Peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 hija nieqsa minn ambigwità u s-sens tagħha huwa ċar, ma hemmx lok li jiġi eżaminat iktar il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-għanijiet tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
50. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, moqrija fil-kuntest tat-Trattati u, b’mod partikolari, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, kif spjegat f’dawn il-konklużjonijiet, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 timmilita favur l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni. Anki l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 twassal għal konklużjoni simili. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ewlieni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 huwa li jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji tal-Federazzjoni Russa li jippermettulha tkompli l-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukraina jkunu effettivament kompromessi (25). Kuntrarjament għall-fehma sostnuta mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju, dan l-għan, li għandu jintlaħaq bl-osservanza sħiħa tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, jista’ jintlaħaq mingħajr ma jitqies li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 japplika għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-projbizzjoni inkluża fih tkopri l-kuntratti pubbliċi li huma rilevanti għas-suq intern skont id-dritt tal-Unjoni u li l-protezzjoni tagħhom hija mogħtija lill-Unjoni.
51. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 lil ċittadin Russu, lil kwalunkwe persuna fiżika stabbilita fir-Russja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit jew ikkontrollat mir-Russja ma tapplikax għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom huwa inqas mil-limitu previst minn din id-direttiva, anki meta l-awtorità kontraenti hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
It-tielet domanda preliminari
52. Il-fatt li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 ma japplikax għall-kuntratti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom huwa inqas mil-limitu stabbilit fid-Direttiva 2014/24, kif ġie konkluż fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, ma jfissirx li l-awtoritajiet kontraenti nazzjonali huma neċessarjament preklużi milli jintroduċu projbizzjonijiet simili għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Dan huwa s-suġġett tat-tielet domanda preliminari, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika ta’ awtorità kontraenti li tobbliga lill-offerenti, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li ma jilħaqx il-limitu stabbilit mid-Direttiva 2014/24, li jikkonfermaw li huma ma huma koperti minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti f’dan l-artikolu.
53. Kemm ir-Regolament Nru 833/2014 kif ukoll ir-Regolament 2022/576, li t-tieni wieħed introduċa l-Artikolu 5k fl-ewwel wieħed, huma bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE. Din hija l-unika dispożizzjoni tat-Titolu IV, li tinsab fil-Ħames Parti tat-TFUE, dwar “l-azzjoni esterna tal-Unjoni” (26). Taħt it-titolu “Il-miżuri restrittivi”, l-Artikolu 215(1) TFUE jirreferi għas-setgħa tal-Kunsill li jadotta, fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni, il-miżuri neċessarji sabiex jinterrompu u jnaqqsu, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar. L-Artikolu 215(1) TFUE jistabbilixxi wkoll li tali deċiżjoni għandha tiġi adottata konformement mad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V TUE. (27)
54. Importanti li jitfakkar li, għalkemm dan it-terminu ma jintużax fl-Artikolu 215(1) TFUE nnifsu, il-miżuri adottati skont din id-dispożizzjoni huma komunement imsejħa miżuri restrittivi “settorjali”. Dawn il-miżuri huma mmirati lejn l-attivitajiet ekonomiċi strateġiċi tal-pajjiż li fih jiġu applikati, sabiex jeżerċitaw pressjoni massima fuq il-gvern tiegħu u jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-imġiba (28). Fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li ddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina u l-aggressjoni sussegwenti tal-forzi armati Russi kontra dan il-pajjiż, l-Unjoni sal-lum adottat 21 pakkett ta’ miżuri (29), li jinkludu firxa wiesgħa ta’ restrizzjonijiet settorjali (30), li l-parti l-kbira tagħhom huma stabbiliti fir-Regolament Nru 833/2014 (31), kif emendat sussegwentement.
55. Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi settorjali għandhom jiġu distinti mill-miżuri restrittivi “individwali”, li huma dawk immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali speċifiċi, pjuttost milli jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq l-attivitajiet u s-setturi ekonomiċi b’mod iġġeneralizzat (32). Fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, l-adozzjoni tagħhom teħtieġ ukoll deċiżjoni minn qabel tal-Kunsill konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE (33). Il-miżuri restrittivi individwali tipikament jikkonsistu f’iffriżar tal-assi, projbizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju tal-Unjoni u restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati f’dan it-territorju. Din it-tip ta’ miżura hija murija, b’mod partikolari, mill-miżuri adottati b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 (34).
56. Fil-kawża ineżami, id-domanda dwar jekk l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 jippermettix lil awtorità kontraenti tikkunsidra l-preżenza taċ-ċirkustanzi speċifikati f’dan l-artikolu bħala raġunijiet ta’ esklużjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, bħal fil-kawża prinċipali, għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk l-adozzjoni tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 tipprekludix l-istabbiliment ta’ projbizzjoni simili fil-livell nazzjonali, jew minħabba li l-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha titqies bħala esklużiva, jew għaliex għandha titqies bħala kondiviża u li r-Regolament Nru 833/2014 jipprelata kwalunkwe azzjoni tal-Istati Membri.
57. Kif inhu magħruf sew, il-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, stabbilit fl-Artikolu 5(1) TUE u ddefinit b’mod iktar konkret fl-Artikolu 5(2) tiegħu. Skont dan il-prinċipju, l-Unjoni tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-għanijiet stabbiliti fihom. Il-kompetenzi mhux mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri (35).
58. Il-kategoriji u l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni huma stabbiliti b’mod espliċitu fit-Titolu I tal-Ewwel Parti tat-TFUE. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) TFUE, il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni huma dawk li, essenzjalment, ma għandhomx kompetenza konkorrenti tal-Istati Membri, peress li jitqies li din il-kompetenza ġiet ittrasferita kompletament mill-Istati Membri lill-Unjoni (36). Dawn ikopru l-oqsma speċifikament elenkati fl-Artikolu 3(1) TFUE, li jinkludu, pereżempju, il-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta din il-konklużjoni tkun neċessarja, inter alia, sabiex tippermettilha teżerċita l-kompetenza interna tagħha.
59. Għall-kuntrarju, il-kompetenzi kondiviżi huma dawk li fihom it-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma msemmija fl-Artikolu 3 TFUE – jiġifieri l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva – jew fl-Artikolu 6 TFUE – jiġifieri l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenzi ta’ sostenn, ta’ koordinazzjoni u komplementari (37). Skont l-Artikolu 2(2) TFUE, meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam partikolari, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dan il-qasam. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni tkun għadha ma għamlitx dan. Dan ifisser li kompetenza kondiviża tista’ ssir esklużiva permezz tal-prelazzjoni minn azzjoni tal-Unjoni (38).
60. Kif indikat fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-miżuri restrittivi, kemm settorjali kif ukoll individwali, huma rregolati fil-parti tat-TFUE iddedikata għall-azzjoni esterna tal-Unjoni. Madankollu, għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, dawn għandhom ikunu ppreċeduti minn deċiżjoni adottata fil-qasam tal-PESK, b’mod partikolari skont l-Artikolu 29 TUE. Fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, imsemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dak is-sors leġiżlattiv doppju ta’ miżuri restrittivi, li jirriżulta kemm mit-TUE kif ukoll mit-TFUE, bħala l-“pont” (39) espressament ipprovdut mit-Trattat ta’ Lisbona biex jgħaqqad il-PESK mal-azzjonijiet esterni ordinarji tal-Unjoni li jinvolvu miżuri ekonomiċi kontra pajjiżi terzi jew kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet mhux statali (40).
61. Għall-finijiet tal-kawża ineżami, huwa importanti li jitfakkar li l-Artikolu 2(4) TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandu jkollha “kompetenza […] li tiddefinixxi u timplimenta [PESK]”. Dan ma huwiex qasam inkluż bħala tali fil-lista li tinsab fl-Artikolu 3 TFUE, u lanqas, ċertament, f’dik tal-Artikolu 6 TFUE. Konsegwentement, din il-politika ma tistax tiġi kklassifikata bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni u lanqas bħala kompetenza ta’ koordinazzjoni jew ta’ appoġġ. Barra minn hekk, jista’ jiġi sostnut li l-PESK lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata bħala kompetenza kondiviża (41), peress li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 2(2) TFUE, l-Unjoni ma tistax “tilleġiżla” fil-kuntest ta’ din il-politika (42). Minn dan isegwi li l-PESK għandha karatteristiċi speċifiċi li jirrendu diffiċli l-kategorizzazzjoni tagħha fost it-tipi ġenerali ta’ kompetenzi tal-Unjoni.
62. Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jitfakkar li, skont l-Artikolu 24(1)(1) TUE, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK “għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera” (43). Din id-definizzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tal-PESK tagħmel impossibbli, fil-fehma tiegħi, kull tentattiv li l-azzjonijiet jew id-deċiżjonijiet eventwali kollha tal-PESK, kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha skont it-TFUE, jingħaqdu f’kategorija waħda ta’ kompetenza tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, id-determinazzjoni ta’ jekk deċiżjoni adottata taħt il-PESK tipprekludix kwalunkwe azzjoni mill-Istati Membri – jew għaliex tista’ titqies bħala azzjoni esklużiva tal-Unjoni jew għaliex tista’ titqies bħala kompetenza kondiviża suġġetta għal prelazzjoni – tiddependi mill-qasam konkret ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni (44).
63. Dan huwa partikolarment evidenti meta jsir riferiment għal miżuri restrittivi settorjali adottati skont l-Artikolu 215(1) TFUE, li jikkostitwixxu wieħed mill-oqsma tal-PESK u li, kif indikat iktar ’il fuq, jistgħu jinkludu varjetà kbira ta’ miżuri ddedikati għall-eżerċizzju ta’ pressjoni massima fuq il-gvern ta’ pajjiż terz u li jwasslu għal bidla fil-politika jew fl-aġir (45). Pereżempju, minbarra l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, li hija rilevanti għall-kawża ineżami, dan ir-regolament jinkludi wkoll miżuri ta’ natura kompletament differenti sabiex tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa minħabba l-azzjonijiet tagħha li jikkompromettu l-integrità territorjali tal-Ukraina (46), inklużi l-kontrolli tal-esportazzjoni (47), il-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni (48), il-projbizzjonijiet finanzjarji u ta’ investiment (49), kif ukoll restrizzjonijiet fil-qasam tas-servizzi (50). F’dan il-kuntest, jidhirli li approċċ globali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi ddefinit it-tip speċifiku ta’ kompetenza eżerċitata mill-Unjoni fl-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi settorjali skont l-Artikolu 215(1) TFUE. Pjuttost, għandha ssir analiżi speċifika fir-rigward tal-qasam ta’ kompetenza kkonċernat mill-miżura restrittiva settorjali inkwistjoni.
64. Fil-kawża ineżami, kif jirriżulta mill-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa qasam li jaqa’ taħt il-kompetenzi kondiviżi mill-Unjoni u mill-Istati Membri. Dawn il-proċeduri jikkostitwixxu strument fundamentali sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni, li, skont l-Artikolu 4(2) TFUE, huwa wieħed mill-“oqsma prinċipali” fejn tapplika kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 huwa miżura restrittiva adottata mill-Kunsill f’dan il-qasam, dan għandu jitqies bħala l-espressjoni ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.
65. F’dan l-istadju, jekk l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 huwa l-espressjoni ta’ kompetenza kondiviża tal-Unjoni, il-kwistjoni tibqa’ dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax tipprelata kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-Istati Membri li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ projbizzjoni bħal dik li tinsab fih.
66. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SG u JA (C‑706/25 u C‑707/25, EU:C:2026:474), diġà enfasizzajt it-tliet ċirkustanzi li fihom, skont id-duttrina akkademika, tista’ sseħħ il-prelazzjoni (51). Dawn iċ-ċirkustanzi huma, jiġifieri, (i) meta l-Unjoni tkun armonizzat b’mod sħiħ ċertu qasam, li jkollu l-effett li b’hekk iċaħħad lill-Istati Membri mill-kompetenza tagħhom li jilleġiżlaw (prelazzjoni tal-qasam), (ii) meta d-dritt nazzjonali jostakola l-funzjonament tajjeb tal-liġi tal-Unjoni jew jostakola l-kisba tal-għanijiet imfittxija minnha (prelazzjoni tal-ostakoli) jew (iii) meta d-dritt nazzjonali jmur kontra regola tad-dritt tal-Unjoni (prelazzjoni tar-regoli).
67. Fil-kawża ineżami, l-ebda argument ma huwa konvinċenti biżżejjed sabiex jissuġġerixxi li kwalunkwe waħda mill-prelazzjonijiet possibbli sseħħ fid-dawl tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014.
68. L-ewwel, huwa evidenti li, billi llimita l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għall-proċeduri koperti mid-Direttivi tal-Unjoni dwar il-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi– inkluża d-Direttiva 2014/24 – il-Kunsill ma wettaqx armonizzazzjoni kompleta f’dan il-qasam. Il-formulazzjoni espressa tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kull azzjoni fuq livell nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi li l-valur stmat tagħhom ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti minn dawn id-direttivi. It-tieni, jidhirli li huwa evidenti wkoll li projbizzjoni stabbilita minn awtorità kontraenti nazzjonali għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li tagħmel riferiment ġenerali għall-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 u li tassumi l-formulazzjoni kompleta tagħha, bħall-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies li tostakola l-kisba tal-għan tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-miżuri adottati kontra l-Federazzjoni Russa għall-aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. Għall-kuntrarju, għandu jinftiehem li l-għanijiet taż-żewġ projbizzjonijiet huma allinjati. It-tielet, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni identiku tal-projbizzjoni applikata fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, ma tista’ titqies li teżisti ebda kontradizzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali.
69. Minn dan isegwi li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 ma għandux jitqies li jipprelata azzjoni fil-livell nazzjonali li tipprojbixxi liċ-ċittadini Russi, kif ukoll lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja, milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jadottaw projbizzjoni simili fil-qasam tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, bil-kundizzjoni, naturalment, li ebda element ta’ din il-projbizzjoni ma jkun jista’ jostakola l-għanijiet tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.
70. Jista’ jiġi argumentat kontra dik il-kunsiderazzjoni, l-ewwel, li projbizzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għandha tkun stabbilita, minn qabel, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u mhux mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-prattiki amministrattivi tagħhom. Għalkemm dan jista’ jkun mixtieq għall-koerenza u l-applikazzjoni uniformi ta’ raġuni ta’ esklużjoni fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari, din hija kwistjoni li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ġie diskuss waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, sa fejn din il-prattika tirriżulta fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, eventwali inkoerenza jew assenza ta’ uniformità bejn l-awtoritajiet kontraenti ta’ dan l-Istat Membru huwa element li għandu jiġi solvut mid-dritt nazzjonali.
71. It-tieni, ġie sostnut ukoll waqt is-seduta fil-kawża ineżami li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Istati Membri ma għandhomx jitħallew jadottaw elenkar addizzjonali fir-rigward ta’ miżuri restrittivi individwali li jmorru lil hinn minn dawk adottati mill-Unjoni (52). Madankollu, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi spjegata faċilment mill-fatt li miżuri restrittivi individwali prinċipalment jimponu ffriżar ta’ assi fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati, li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, għandu effett partikolari fuq il-movimenti ta’ kapital u fuq il-pagamenti. Il-miżuri restrittivi individwali jimponu wkoll restrizzjonijiet fuq id-dħul fl-Unjoni, li għandha fruntiera esterna waħda biss, kif ukoll fuq moviment liberu f’dak it-territorju, fejn tneħħew il-fruntieri interni. Jekk l-Istati Membri jitħallew jadottaw l-elenkar tagħhom stess mingħajr ebda kundizzjoni, dan jostakola l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar id-dħul u l-moviment liberu tat-TFUE. Minbarra l-fatt li dan ma huwiex is-suġġett tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, differenza fl-approċċ bejn il-miżuri restrittivi individwali u l-miżura restrittiva settorjali li tinsab fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 hija ġġustifikata minħabba n-natura ġuridika totalment differenti tagħhom (53).
72. It-tielet, għalkemm il-premessa 10 tar-Regolament 2022/576 tistabbilixxi li l-miżuri introdotti fir-Regolament Nru 833/2014, inkluż l-Artikolu 5k tiegħu, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għaldaqstant, jeħtieġu azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, “b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha”, din hija espressjoni tal-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-adozzjoni ta’ projbizzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma taffettwax jekk projbizzjoni simili tistax tiġi stabbilita mill-Istati Membri għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom.
73. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, nikkonkludi li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, waħdu, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fih bħala deċiżjoni awtonoma ta’ awtorità kontraenti skont id-dritt nazzjonali. Dan jinkludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità kontraenti tobbliga lill-offerent jipprovdi dikjarazzjoni li tikkonferma li huwa ma huwa kopert minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi elenkati f’dan l-artikolu, sakemm ebda element ta’ din il-projbizzjoni ma jkun ta’ natura li jostakola l-għanijiet tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.
It-tieni domanda preliminari
74. Wara li ġie stabbilit li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 ma jipprekludix lil awtorità kontraenti milli timplimenta projbizzjoni analoga għal dik indikata f’din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li ma taqax taħt id-Direttiva 2014/24, jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk dan jistax xorta jikser il-prinċipji li għandhom jiġu osservati skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Dan huwa, essenzjalment, is-suġġett tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
75. Kif diġà indikajt fl-analiżi tiegħi tal-ewwel u tat-tielet domandi preliminari, l-Istati Membri jżommu, bħala regola ġenerali, kompetenza regolatorja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti ta’ kuntratti li, fid-dawl tal-valur tagħhom, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jibqa’ suġġett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-TFUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll għall-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, sakemm dawn il-kuntratti jkollhom interess transkonfinali ċert (54).
76. Qabelxejn, nixtieq nenfasizza li, permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, parzjalment, jekk il-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u l-projbizzjoni li l-parteċipanti jkunu b’mod indebitu ristretti, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) taż-ZOP, humiex inkompatibbli mal-introduzzjoni minn awtorità kontraenti ta’ projbizzjoni analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014. Madankollu, din il-parti tad-domanda magħmula għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli, peress li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tagħha (55).
77. Barra minn hekk, fir-rigward tal-interess transkonfinali tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li d-digriet tar-rinviju ma jinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament indikat li dan l-interess għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, fosthom, inter alia, il-fatt li l-kuntratt inkwistjoni jkun ta’ ammont sinjifikattiv, b’rabta mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol jew il-karatteristiċi tekniċi tal-kuntratt u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti kkonċernati (56). Fil-kawża ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kuntratt pubbliku inkwistjoni jqajjimx tali problema qabel ma titwettaq analiżi ulterjuri (57).
78. Jekk jiġi stabbilit li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu ċerti implikazzjonijiet transkonfinali, nirrileva, qabelxejn, skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li r-raġuni ta’ esklużjoni imposta mill-awtorità kontraenti f’din il-proċedura hija fformulata f’termini identiċi għal dawk tal-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014. Skont il-premessa 4 tar-Regolament 2022/576, li, kif diġà ġie indikat, introduċiet din id-dispożizzjoni fir-Regolament Nru 833/2014, il-projbizzjoni kienet intiża, essenzjalment, sabiex tipprekludi l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi lil ċittadini Russi u lil entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja. Dan jaqa’ taħt l-għan globali li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji tal-Federazzjoni Russa li jippermettulha tkompli bl-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukraina jkunu effettivament kompromessi (58).
79. Mill-osservazzjoni preċedenti jista’ jiġi dedott li, għall-kuntratti pubbliċi rregolati mid-Direttivi tal-Unjoni dwar il-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi , inkluża d-Direttiva 2014/24, l-għan tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 huwa, fil-fehma tal-Kunsill, ta’ natura li jiġġustifika l-limitazzjoni tal-prinċipji fundamentali tat-TFUE li japplikaw komunement għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. Madankollu, huwa diffiċli li jiġi sostnut li projbizzjoni fformulata f’termini simili minn awtorità kontraenti nazzjonali għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li taqa’ fil-kompetenza ta’ Stat Membru, li essenzjalment tfittex l-istess għan bħal dak tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, tista’ twassal għall-ksur ta’ dawn il-prinċipji.
80. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward, l-ewwel, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk ftehim internazzjonali konkluż mal-Unjoni jiżgurax aċċess ugwali u reċiproku għal dawn il-proċeduri. Dan ifisser li, jekk pajjiż terz ma jkunx stabbilixxa tali ftehim mal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn dan il-pajjiż ma jistgħux jiġu ttrattati bħal dawk tal-Istati Membri (59). Fir-rigward tal-kawża ineżami, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Federazzjoni Russa ma hijiex parti fil-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar il-Kuntratti Pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“FKP”), li huwa ċċitat fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24. F’dan il-kuntest, l-operaturi ekonomiċi Russi ma jistgħux isostnu li għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal kwalunkwe operatur ieħor tal-Istati Membri tal-Unjoni.
81. Għaldaqstant, awtorità kontraenti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fir-rigward ta’ ċittadini Russi, jew ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ta’ entitajiet jew ta’ korpi stabbiliti fir-Russja, billi tadotta bħala raġuni ta’ esklużjoni dispożizzjoni fformulata f’termini analogi għal dawk tal-Artikolu 5k(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014.
82. Jenħtieġ li tinsilet konklużjoni simili fir-rigward ta’ persuni, entitajiet u korpi stabbiliti fl-Unjoni iżda relatati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja. Ċertament, f’dan il-każ, dan ma jkunx dovut għall-fatt li l-Federazzjoni Russa ma hijiex parti għall-FKP, iżda pjuttost għall-fatt li l-Artikolu 5k(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 833/2014 jestendi l-projbizzjonijiet inkluża fih għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li huwa essenzjalment ikkontrollat minn dan il-pajjiż. Kif issemma fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li dawn id-dispożizzjonijiet huma kategorija residwa ta’ projbizzjonijiet intiża sabiex jiġi evitat li l-Artikolu 5k(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jiġi evitat u b’hekk jiġi mċaħħad minn kull effett utli (60).
83. It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-prinċipju huwa intiż li joffri lill-offerenti kollha l-istess opportunitajiet li jippreżentaw l-offerti tagħhom (61). Barra minn hekk, huwa jinkludi obbligu ta’ trasparenza, li jippermetti lill-awtorità kontraenti tivverifika l-osservanza ta’ dan il-prinċipju. Dan l-obbligu jikkonsisti f’li tiġi żgurata, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, pubbliċità suffiċjenti sabiex is-suq tas-servizzi jinfetaħ għall-kompetizzjoni u sabiex ikun jista’ jsir stħarriġ tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti (62). Fil-kawża ineżami, din ma hijiex kwistjoni kontroversjali, peress li, kif jidher mill-informazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju, il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jelenkaw espressament u mingħajr ambigwità, bħala raġuni ta’ esklużjoni, iċ-ċirkustanzi speċifikati fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014.
84. Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li prattika ta’ awtorità kontraenti fi Stat Membru li tistabbilixxi projbizzjoni analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 ma tiksirx il-prinċipji li għandhom jiġu osservati fid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma humiex irregolati mid-Direttiva 2014/24 li, madankollu, jippreżentaw interess transkonfinali ċert, jiġifieri l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta.
85. Għall-finijiet ta’ kompletezza, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi mwettqa fil-punti preċedenti jew mal-evalwazzjoni tiegħi rigward it-tielet domanda preliminari, nistedinha madankollu sabiex tikkunsidra r-rilevanza tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014 għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali. L-ebda waħda mid-domandi magħmula ma tikkonċerna din id-dispożizzjoni. Madankollu, peress li din il-kawża tinvolvi sanzjoni amministrattiva imposta fuq individwu meqjus responsabbli minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li ma hijiex koperta mid-Direttiva 2014/24, ikun utli li l-qorti tar-rinviju tingħata gwida dwar il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà” prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament (63).
86. Kif indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014 jeżenta lill-operaturi tal-Unjoni, inklużi l-korpi pubbliċi, mir-responsabbiltà, jekk ma kinux jafu u ma kellhom ebda raġuni raġonevoli sabiex jissuspettaw li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru l-miżuri previsti mir-Regolament Nru 833/2014.
87. Fil-kawża ineżami, l-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari tissuġġerixxi li l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 ma japplikax għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom huwa inqas mil-limitu stabbilit mid-Direttiva 2014/24, anki meta l-awtorità kontraenti tkun obbligata, skont id-dritt nazzjonali, li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, meta awtorità kontraenti timplimenta projbizzjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li ma hijiex koperta mid-Direttiva 2014/24, hija tkun qiegħda topera fil-kuntest tad-dritt nazzjonali pjuttost milli d-dritt tal-Unjoni (64).
88. Jista’ jiġi sostnut li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014 ma jistax jiġi applikat sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà ta’ persuna bħal dik issanzjonata fil-kawża prinċipali, peress li din il-persuna ma tkunx qiegħda topera taħt ir-Regolament Nru 833/2014 fi kwalunkwe każ. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma għandux jintlaqa’. Wara kollox, din l-awtorità kontraenti tkun qiegħda twettaq żball fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tal-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, li jfisser li r-responsabbiltà tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014. Dan huwa iktar u iktar evidenti fil-kawża ineżami, fejn l-assenza ta’ ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 irriżultat f’talba għal deċiżjoni preliminari li finalment ser tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja.
89. Minn dan isegwi li, fil-każ fejn jeżistu dubji raġonevoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 833/2014 u fejn l-awtorità kontraenti rilevanti tista’, essenzjalment, turi bona fide fl-aġir tagħha, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014 jeskludi r-responsabbiltà ta’ din l-awtorità talli imponiet b’mod żbaljat projbizzjoni analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 5k ta’ dan ir-regolament fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li fiha din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli.
90. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014 bħala deċiżjoni awtonoma ta’ awtorità kontraenti skont id-dritt nazzjonali, jiġifieri fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku mhux suġġett għad-Direttiva 2014/24, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, fatt li għandu jiġi aċċertat mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, f’każ fejn ikun hemm dubji raġonevoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 833/2014 u fejn l-awtorità kontraenti rilevanti tista’ turi bona fide fl-aġir tagħha, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014 jeskludi r-responsabbiltà ta’ din l-awtorità talli imponiet b’mod żbaljat projbizzjoni analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 5k ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li fiha din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa dawn l-elementi.
V. Konklużjoni
91. Fuq il-bażi tal-analiżi preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad – Silistra (il-Qorti Amministrattiva ta’ Silistra, il-Bulgarija) kif ġej:
(1) L-Artikolu 5k tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/576 tat‑8 ta’ April 2022,
għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1952 tal‑10 ta’ Novembru 2021, lil ċittadin Russu, lil kwalunkwe persuna fiżika stabbilita fir-Russja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit jew ikkontrollat mir-Russja ma tapplikax għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom huwa inqas mil-limitu previst minn din id-direttiva, anki meta l-awtorità kontraenti hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
(2) L-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/576,
għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, waħdu, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fih bħala deċiżjoni awtonoma ta’ awtorità kontraenti skont id-dritt nazzjonali. Dan jinkludi prattika nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità kontraenti tobbliga lill-offerent jipprovdi dikjarazzjoni li tikkonferma li huwa ma huwa kopert minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi elenkati f’dan l-artikolu, sakemm ebda element ta’ din il-projbizzjoni ma jkun ta’ natura li jostakola l-għanijiet tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.
(3) Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta
għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/576, bħala deċiżjoni awtonoma ta’ awtorità kontraenti skont id-dritt nazzjonali, jiġifieri fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku mhux suġġett għad-Direttiva 2014/24, kif emendata bir-Regolament Delegat 2021/1952, iżda li għandu interess transkonfinali ċert, fatt li għandu jiġi aċċertat mill-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ, f’każ fejn ikun hemm dubji raġonevoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 833/2014 u fejn l-awtorità kontraenti rilevanti tista’ turi bona fide fl-aġir tagħha, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat, jeskludi r-responsabbiltà ta’ din l-awtorità talli imponiet b’mod żbaljat projbizzjoni analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 5k ta’ dan ir-regolament, kif emendat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti li fiha din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa dawn l-elementi.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/576 tat‑8 ta’ April 2022 (ĠU 2022, L 111, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 190, p. 191 u fil-ĠU 2022, L 202, p. 58) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”).
3 Ara wkoll l-Artikolu 1(25) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/395 tal‑24 ta’ Frar 2025 (ĠU L, 2025/395, rettifika fil-ĠU L, 2025/90213, fil-ĠU L, 2025/90254, u fil-ĠU L, 2025/90511), li biddel parzjalment l-Artikolu 5k tar-Regolament Nru 833/2014. Madankollu, din l-emenda ma tapplikax ratione temporis għall-fatti tal-kawża ineżami.
4 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU L, 2025/90115). Il-verżjoni tad-Direttiva 2014/24 rilevanti għall-fatti tal-kawża ineżami hija dik emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1952 tal‑10 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, L 398, p. 23) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).
5 Ara l-Artikolu 5k(1)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 833/2014. F’dawn il-konklużjonijiet, iċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti (b) u (c) ta’ din id-dispożizzjoni ser jissejħu “kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp ikkontrollat mir-Russja”, jew formulazzjoni simili, sakemm ma tkunx meħtieġa indikazzjoni iktar preċiża. Il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni hija indikata fil-punt 10 hawn taħt.
6 Għall-finijiet ta’ leġġibbiltà, it-terminu “proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti” f’dawn il-konklużjonijiet għandu jinftiehem bħala li qiegħed jirreferi għal “proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi”.
7 Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236); tal‑5 ta’ Settembru 2024, Jemerak (C‑109/23, EU:C:2024:681); tat‑30 ta’ April 2025, Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main (Esportazzjoni ta’ flus kontanti fir-Russja) (C‑246/24, EU:C:2025:295); u tal‑5 ta’ Frar 2026, Hauptzollamt Düsseldorf (Vettura li toriġina mir-Russja) (C‑619/24, EU:C:2026:73).
8 Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, Opera Laboratori Fiorentini (C‑313/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Opera Laboratori Fiorentini”, EU:C:2026:91).
9 Ibid., punti 51 sa 56.
10 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13 u rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35).
11 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/578 tat‑8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 111, p. 70).
12 DV Nru 13 tas‑16 ta’ Frar 2016, p. 2 (iktar ’il quddiem iż-“ZOP”).
13 Ara l-punt 3 tad-dispożizzjonijiet supplimentari taż-ZOP.
14 Iktar ’il quddiem “id-digriet f’Agentsia za darzhavna finansova inspektsia”.
15 Kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 hawn fuq, l-Artikolu 1(25) tar-Regolament 2025/395 emenda l-Artikolu 5k(1)(c) tar-Regolament Nru 833/2014 biex jaqra kif ġej: “(c) persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew skont id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu”.
16 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Opera Laboratori Fiorentini, punti 33 u 36.
17 L-ammonti ta’ dawn il-limiti huma suġġetti għal reviżjonijiet kull sentejn skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/24.
18 Dan id-digriet ġie adottat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprevedi, inter alia, li, meta r-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.
19 Id-digriet Agentsia za darzhavna finansova inspektsia, punti 29 u 30.
20 Ara r-riferiment għall-Artikolu 114 TFUE fil-preambolu tad-Direttiva 2014/24, u fil-premessa 1 tagħha.
21 Ara Nowicki, P., “Article 4: Threshold amounts”, f’Caranta, R. u Sánchez-Graells, A. (eds), European Public Procurement – Commentary on Directive 2014/24/EU, Edward Elgar Publishing, 2021, pp. 43-44.
22 Ara l-punti 7 u 33 ta’ dan id-dokument; disponibbli fuq: https://finance.ec.europa.eu/system/files/2024-01/faqs-sanctions-russia-public-procurement_en.pdf.
23 Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Jemerak (C‑109/23, EU:C:2024:307, punt 69).
24 Ara, inter alia, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31).
25 Is-sentenza Opera Laboratori Fiorentini, punti 46 u 47.
26 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill”, EU:C:2012:472, punti 56 u 57).
27 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 29 TUE, li jipprevedi l-bażi ġuridika għall-Kunsill biex jadotta deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-approċċ tal-Unjoni dwar kwistjoni ġeografika jew tematika partikolari.
28 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill (C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punt 59).
29 Għal ħarsa ġenerali lejn il-pakketti ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni mill-bidu tal-azzjonijiet militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, ara l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kronoloġija – Pakketti ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja minn Frar 2022; disponibbli fuq: https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/sanctions-against-russia/timeline-packages-sanctions-since-february-2022/.
30 Għal lista komprensiva ta’ miżuri ekonomiċi restrittivi koperti mir-Regolament Nru 833/2014, ara Miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/MT/legal-content/summary/eu-restrictive-measures-in-view-of-russia-s-invasion-of-ukraine.html.
31 Għalkemm ir-Regolament Nru 833/2014 jikkostitwixxi l-istrument legali prinċipali li jimplimenta l-miżuri restrittivi settorjali tal-Unjoni kontra l-Federazzjoni Russa, dan ma jinkludix ir-reġimi kollha ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni li jikkonċernaw lill-Federazzjoni Russa. Ara, inter alia, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1485 tas‑27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (ĠU L, 2024/1485) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat‑8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (ĠU L, 2024/2642, rettifika fil-ĠU L, 2024/90665).
32 Minkejja d-differenzi sostanzjali tagħhom, kemm il-miżuri restrittivi settorjali kif ukoll dawk individwali spiss jiġu adottati fil-kuntest ta’ rispons komuni tal-Unjoni għal sitwazzjoni partikolari. Ara, b’mod partikolari, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1), li tiddikjara li r-risposta tal-Unjoni Ewropea kontra “l-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa […] [t]inkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali”.
33 Ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punti 47, 57 u 58. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 hawn fuq.
34 Regolament tal-Kunsill tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).
35 Ara wkoll l-Artikolu 4(1) TUE.
36 Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti biss jekk ikunu awtorizzati mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw atti tal-Unjoni.
37 Ara l-Artikolu 2(5) TFUE, li, essenzjalment, jirreferi għal kompetenzi ta’ assenza ta’ armonizzazzjoni li permezz tagħhom l-Unjoni tista’ tinkoraġġixxi, tiffaċilita jew tikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri f’oqsma ta’ politika speċifiċi filwaqt li tħalli f’idejn dawn l-Istati l-awtorità ta’ regolamentazzjoni primarja.
38 Kategoriji oħra ta’ kompetenza kondiviża huma meqjusa b’mod espliċitu mit-TFEU bħala mhux prelattivi. Ara, fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, l-Artikolu 4(4) TFUE, li jeskludi l-prelazzjoni fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u tal-kooperazzjoni.
39 Is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 59.
40 Ara wkoll De Baere, G., “From ‘Don’t Mention the Titanium Dioxide Judgment’ to ‘I Mentioned it Once, But I Think I Got Away with it All Right’: Reflections on the Choice of Legal Basis in EU External Relations after the Legal Basis for Restrictive Measures Judgment”, The Cambridge yearbook of European legal studies, Vol. 15, 2013, p. 554.
41 Ara, f’dan ir-rigward, Cremona, M., “The position of CFSP/CSDP in the EU’s constitutional architecture”, f’Blockmans, S. u Koutrakos, P. (eds), Research Handbook on the EU’s Common Foreign and Security Policy, Edward Elgar Publishing, 2018, p. 6, u Ramopoulos, T., “Article 24 TEU”, f’Kellerbauer, M. et al. (eds), The EU Treaties and the Charter of Fundamental Rights: a commentary, Oxford, 2019, p. 214.
42 Ara l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 31(1) TUE.
43 Enfasi miżjuda minni.
44 Ara, f’dan ir-rigward, Lenaerts, K., Van Nuffel, P., u Corthaut, T., EU Constituional Law, Oxford University Press, 2021, p. 337, li jistipula li “[i]l-PESK ma tikkonsistix minn lista ta’ kompetenzi, iżda pjuttost tifformula għanijiet u strumenti bl-għan li ssegwi ‘politika estera’ fl-istess waqt u flimkien ma’ azzjoni esterna oħra tal-Unjoni” [traduzzjoni libera].
45 Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
46 Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, li minnha jirriżulta li l-Unjoni qiegħda tgħaqqad diversi miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ara wkoll il-premessi ta’ diversi regolamenti sussegwenti li jemendaw ir-Regolament Nru 833/2014, jiġifieri l-premessi 3 sa 9 tar-Regolament 2022/576.
47 Ara, inter alia, l-Artikoli 2, 2a, 2aa, 2b, 3, 3b, 3c, 3f, 3h, 3k, 3ra, 3s, 3t u 4 tar-Regolament Nru 833/2014, flimkien mal-annessi rilevanti.
48 Ara, inter alia, l-Artikoli 3g, 3i, 3m, 3ma, 3o, 3p, 3ra, 3u u 3v tar-Regolament Nru 833/2014, flimkien mal-annessi rilevanti.
49 Ara, inter alia, l-Artikoli 5, 5a, 5aa, 5b, 5e, 5f, 5h, 5i u 5l tar-Regolament Nru 833/2014, flimkien mal-annessi rilevanti tagħhom.
50 Ara, inter alia, l-Artikoli 3g, 3l, 3m, 3n, 3r, 3rb, 3s, 3t, 3u, 4, 5j, 5m, 5n u 5p tar-Regolament Nru 833/2014, flimkien ma’ ċerti dispożizzjonijiet tat-trasport u ta’ assistenza teknika.
51 Ara, b’mod partikolari, il-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sors duttrinali ċċitat.
52 Opinjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Novembru 2019 dwar il-kompatibbiltà tal-iffriżar tal-assi nazzjonali impost mill-Istati Membri mad-dritt tal-Unjoni (C(2019) 8007 final, p. 2).
53 Ara, madankollu, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, EM SYSTEM (C‑84/24, EU:C:2026:181, punt 74 et seq.), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li, f’ċerti ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu jimponu miżura ta’ ffriżar tal-assi fuq persuna ġuridika li ma hijiex speċifikament elenkata f’regolament tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi.
54 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Ara, inter alia, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 L-ebda waħda mid-domandi magħmula, inkluż it-tieni waħda, ma hija intiża sabiex tiċċara jekk il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux interess transkonfinali ċert. Minflok, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li ma humiex koperti mid-Direttiva 2014/24 għandhom fi kwalunkwe każ josservaw skont id-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li, fil-fehma tiegħi, din id-domanda ma għandha tkun is-suġġett ta’ ebda analiżi dwar l-ammissibbiltà tagħha, anki fl-assenza ta’ informazzjoni ulterjuri dwar l-implikazzjonijiet transkonfinali tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Oftalma Hospital (C‑65/17, EU:C:2018:263, punti 42 sa 46).
58 Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari r-riferiment għas-sentenza Opera Laboratori Fiorentini, punti 46 u 47.
59 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, CRRC Qingdao Sifang et (C‑266/22, EU:C:2025:178, punti 58 u 59). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punti 45 u 55), li tinterpreta l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064). Din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/24.
60 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Opera Laboratori Fiorentini, punti 56 u 57, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għandha titwettaq investigazzjoni bbażata fuq il-fatti sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża fil-fatt hijiex qiegħda taġixxi f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entità stabbilita fir-Russja.
61 Ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Ara, inter alia, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punti 61 u 62).
63 Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Medipac – Kazantzidis (C‑6/05, EU:C:2007:337, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 Ara l-punti 44 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.