European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/918

15.11.2023

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-VAT u l-Irkupru ta’ Taxxi u Dazji stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

(C/2023/918)

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)

Fl-4 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-VAT u l-Irkupru ta’ Taxxi u Dazji stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Proposta”).

L-għanijiet tal-Proposta huma li jippermettu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti fl-Unjoni Ewropea u l-omologu tagħhom fir-Renju Unit. Peress li din il-kooperazzjoni, kif speċifikat ulterjorment fil-ftehim dwar il-livell ta’ servizz li jifforma wieħed mill-annessi għall-Proposta (l-Anness I), tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, anke mill-Kummissjoni, l-EDPS jirrakkomanda li ssir referenza għall-konformità mal-GDPR (1) u mal-EUDPR (2) fi premessa tal-Proposta.

Barra minn hekk, l-EDPS jirrakkomanda li fil-Proposta tiġi inkluża referenza speċifika għad-deċiżjoni ta’ adegwatezza bħala l-bażi legali li tippermetti t-trasferiment ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni Ewropea lill-awtoritajiet kompetenti fir-Renju Unit. L-EDPS jirrakkomanda wkoll li l-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (imsemmi fl-Anness I għall-Proposta) jiġi ssupplimentat b’dispożizzjonijiet speċifiċi, li jispeċifikaw l-aspetti rilevanti kollha tal-protezzjoni tad-data.

1.   Introduzzjoni

1.

Fl-4 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-VAT u l-Irkupru ta’ Taxxi u Dazji stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Proposta”).

2.

Il-Proposta hija akkumpanjata minn erba’ Annessi, li jipprovdu:

—

abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-VAT u l-Irkupru ta’ Taxxi u Dazji stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ”) dwar il-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz (l-Anness I);

—

abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha ssir mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-kost iġġenerat mill-parteċipazzjoni tiegħu fis-Sistemi ta’ Informazzjoni Ewropej (l-Anness II);

—

abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ li tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għad-dispożizzjonijiet relatati mal-assistenza għall-irkupru tal-Protokoll dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet (l-Anness III);

—

abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar formoli standard għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u data statistika, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz tan-Network Komuni ta’ Komunikazzjoni u l-arranġamenti prattiċi għall-organizzazzjoni ta’ kuntatti bejn l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament u d-dipartimenti ta’ kollegament (l-Anness IV).

3.

L-objettiv tal-Proposta (3) huwa li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-VAT u l-Irkupru ta’ Taxxi u Dazji għall-adozzjoni tad-deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi u dazji (“il-Protokoll tal-VAT”, “PVAT”), kif stabbilit fl-Artikolu 39(2) tal-PVAT tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (4).

4.

L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Settembru 2023, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR. L-EDPS jirrimarka li r-referenza għal din il-konsultazzjoni fi premessa tal-Proposta hija nieqsa. Għalhekk, l-EDPS jirrakkomanda li tiddaħħal tali referenza fi premessa tal-Proposta.

3.   Konklużjonijiet

12.

Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(1)

li tiżdied referenza għall-konsultazzjoni tal-EDPS skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR fi premessa tal-Proposta;

(2)

li tiddaħħal premessa fil-Proposta li tispeċifika li “l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) Nru 2018/1725”;

(3)

li fil-Proposta tiġi inkluża referenza speċifika għad-deċiżjoni ta’ adegwatezza bħala l-bażi legali li tippermetti t-trasferiment ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni Ewropea lill-awtoritajiet kompetenti fir-Renju Unit;

(4)

li l-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (imsemmi fl-Anness I għall-Proposta) jiġi akkumpanjat minn dispożizzjonijiet speċifiċi, li jispeċifikaw l-aspetti rilevanti kollha tal-protezzjoni tad-data.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2023.

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali. data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(3)  COM(2023) 504 final, p. 1.

(4)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/918/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)