IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2026
COM(2026) 203 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji taċ-Ċekja
{SWD(2026) 203 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2026
COM(2026) 203 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji taċ-Ċekja
{SWD(2026) 203 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji taċ-Ċekja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li jridu jippromwovu finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jimpedixxu lill-gvernijiet milli jkollhom defiċits eċċessivi. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
(2)Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll għall-agrikoltura u l-qasam rurali, għas-sajd u l-affarijiet marittimi, għall-prosperità u għas-sigurtà għall-perjodu 2028-2034 u li jemenda r-Regolament (UE) 2023/955 u r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509( 2 ). Il-proposta għandha l-għan li żżid l-effettività tal-finanzjament tal-Unjoni billi tnaqqas il-frammentazzjoni tal-arkitettura finanzjarja u li tappoġġa lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tagħhom skont l-Artikolu 175 TFUE.
(3)Fil-25 ta’ Novembru 2025, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport ta' Mekkaniżmu tat-Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx liċ-Ċekja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom hemm il-ħtieġa ta' rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2026, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro ( 3 ) fil-21 ta’ April 2026, u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta’ Marzu 2026.
(4)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Is-Semestru Ewropew huwa allinjat mal-Boxxla għall-Kompetittività, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika joħloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.
(5)Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)( 4 ). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kellhom jindirizzaw l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f’ċikli reċenti b’mod effettiv u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni Ewropea kellhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem ħajjitha, huwa essenzjali li r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF jibqgħu jingħataw sostenn, b’mod partikolari dawk li jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
(6)Fit-3 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għaċ-Ċekja. Fih ġie vvalutat il-progress li għamlet iċ-Ċekja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ttieħed kont tal-implimentazzjoni tal-RRP taċ-Ċekja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja ċ-Ċekja. Ġie vvalutat ukoll il-progress taċ-Ċekja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
(7)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja( 5 ) ) . Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq 4 snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta li ġejjin: 4,5 % fl-2025, 2,5 % fl-2026, 2,6 % fl-2027, u 2,9 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkolati b’referenza għas-sena bażi tal-2023 ta’ 10,1 % fl-2025, 12,9 % fl-2026, 15,8 % fl-2027, u 19,2 % fl-2028.
(8)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu biex jattivaw il-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-UE biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fin-nefqa fid-difiża( 6 ) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew fis-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba taċ-Ċekja, fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti liċ-Ċekja tiddevja mir-rakkomandazzjoni tar-rati ta’ tkabbir massimi tan-nefqa netta( 7 ) . Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti liċ-Ċekja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex nefqa fid-difiża ogħla persistenti ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.
(9)Fit-30 ta’ April 2026 iċ-Ċekja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali( 8 ) tagħha tal-2026 dwar l-aderenza għar-rati massimi ta' tkabbir irrakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rapportar biannwali taċ-Ċekja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(10)Fl-2025 it-tkabbir tal-PDG reali kien ta’ 2,6 % u l-inflazzjoni tal-HICP laħqet it-2,3 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,8 % fl-2026 u 2,4 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,7 % fl-2026 u 2,8 % fl-2027.
(11)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat( 9 ), id-defiċit tal-gvern estiż taċ-Ċekja żdied minn 2,0 % tal-PDG fl-2024 għal 2,1 % fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment investiment pubbliku ogħla u żieda fis-sussidji tal-gvern għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta’ 2,8% tal-PDG fl-2026 u 2,9% tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali sħiħa tat-taxxa fuq il-profitti mhux mistennija tal-kumpaniji tal-enerġija u l-gvern jieħu f’idejh il-ħlas tal-imposta fuq l-enerġija rinnovabbli mill-konsumaturi tal-elettriku. Iż-żieda tad-defiċit fl-2027 tirrifletti prinċipalment tnaqqis fit-trasferimenti kapitali mill-UE, ikkumpensat b’mod ġenerali minn tnaqqis fl-infiq fuq il-benefiċċji soċjali u l-investiment pubbliku.
(12)Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali( 10 ), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet ġeneralment newtrali fl-2025. Huwa pprojettat li jkun wieħed espansjonarju, b’ 0,7 % tal-PDG, fl-2026, u restrittiv, b’ 0,6 % tal-PDG fl-2027.
(13)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat( 11 ), id-dejn tal-gvern estiż taċ-Ċekja żdied minn 43,3 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 44,3 % fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-aġġustament bejn il-fondi u l-flussi li jżid id-dejn u, sa ċertu punt, il-bilanċ primarju negattiv, parzjalment ikkumpensat mit-tkabbir nominali tal-PDG. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 45,8 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 47,2 % sa tmiem l-2027. Iż-żieda fl-2026 u fl-2027 tirrifletti prinċipalment il-bilanċ primarju negattiv u, sa ċertu punt, l=aġġustament stokk-flussi li jżid id-dejn, parzjalment ikkumpensat mit-tkabbir nominali tal-PDG.
(14)Abbażi tad-data tal-Eurostat( 12 ), fl-2025 in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fiċ-Ċekja ammontat għal 1,2 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, fl-2026 dan huwa pprojettat fl-istess livell. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,3 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mas-sena ta' referenza tal-2021.
(15)L-Unjoni tkompli tiffaċċja riskji ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, iċ-Ċekja adottat miżuri ta’ politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti( 13 ), jiġifieri tnaqqis mhux immirat fis-sisa fuq id-diżil, li jiskadu fil-31 ta’ Mejju 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta’ din il-miżura fl-2026 huwa pprojettat li jammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, kieku din il-miżura kellha tibqa’ fis-seħħ sa tmiem l-2026, fl-2026 il-kost fiskali tagħha jammonta għal 0,1 % tal-PDG.
(16)Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fiċ-Ċekja żdiedet b’4,9 % fl-2025 u b’6,0 % b’mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. It-tkabbir tan-nefqa netta fl-2025 huwa ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 0,2 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija anqas mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata( 14 ) .
(17)Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fiċ-Ċekja hija projettata li tiżdied b’6,4 % fl-2026 u b’12,7 % b’mod kumulattiv fuq l-2024, il-2025 u l-2026. It-tkabbir tan-nefqa netta projettat fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 1,5 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta tinsab taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, b’devjazzjoni ta’ 0,1 % tal-PDG f’termini kumulattivi. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża.
(18)Fl-2024, iċ-Ċekja adottat riformi leġiżlattivi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż fit-tul u li kienet tikkonċerna l-pensjonijiet. Madankollu, is-sostenibbiltà fiskali għadha taħt riskju. Il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata taċ-Ċekja (il-proporzjon ta’ persuni akbar fl-età għal persuni fl-età tax-xogħol) huwa pprojettat li jiżdied malajr wara l-2030. Riċentement, il-Gvern ippropona li jżid l-indiċjar tal-pensjonijiet fuq nofs it-tkabbir fil-pagi reali (minflok it-terz tat-tkabbir fil-pagi reali ta’ bħalissa) u, barra minn hekk, li jżid l-indiċjar tal-pensjonijiet għal pensjonanti akbar fl-età. Mill-2025, il-pensjonanti li jaħdmu huma intitolati għal skont fuq l-assigurazzjoni soċjali, u reċentement il-gvern ippropona li jżid il-komponent tal-pensjoni tagħhom relatat mal-qligħ. L-inkoraġġiment ulterjuri tal-ħaddiema akbar fl-età biex jibqgħu fl-impjieg igħin biex jitnaqqsu r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali.
(19)Defiċits strutturali persistenti u pressjonijiet ta’ nfiq jenfasizzaw il-ħtieġa għal finanzi pubbliċi ta’ kwalità aħjar. Iċ-Ċekja qed tiffaċċja riskji baxxi sa medji assoċjati mas-sostenibbiltà fiskali. Madankollu, minħabba l-pressjonijiet fuq l-infiq fuq terminu medju sa twil, bħal dawk li ġejjin mill-popolazzjoni li qed tixjieħ, it-tibdil fil-klima u d-diffikultajiet tal-mudell tat-tkabbir ekonomiku, hemm il-bżonn ta’ aktar riformi li jqajmu lill-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà. Il-Gvern qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi fil-prijoritizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u biex in-nefqa tintuża bl-aktar mod produttiv, biex is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji jsiru aktar effiċjenti, speċjalment fis-suq tax-xogħol u s-sigurtà soċjali, u biex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi, inkluż fl-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Fuq in-naħa tan-nefqa, iċ-Ċekja hija waħda mill-ftit Stati Membri mingħajr ebda prattika stabbilita ta’ bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni jew rieżamijiet tal-infiq. Il-Gvern impenja ruħu li jipprijoritizza l-użu effiċjenti u trasparenti tal-fondi pubbliċi, b’mod li jallinja mal-baġit tal-istat u l-investimenti strateġiċi. Madankollu, ma għad hemm l-ebda intenzjoni li l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni u r-rieżamijiet tal-infiq li ġew pilotati reċentement jissoktaw. Ikun ta’ ġid għaċ-Ċekja jekk tibdel l-istruttura baġitarja tradizzjonali bbażata fuq l-input ma’ sistema orjentata lejn il-prestazzjoni li tintegra informazzjoni dwar il-prestazzjoni f’teħid ta’ deċiżjonijiet baġitarji, inkluż permezz tal-użu sistematiku ta’ rieżamijiet tal-infiq u indikaturi bbażati fuq l-eżiti. Dan ikun jeħtieġ ukoll qafas istituzzjonali u leġiżlattiv robust li jiżgura li s-sejbiet tar-rieżamijiet tal-infiq u l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni jiġu riflessi b’mod sistematiku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet baġitarji, fil-prijoritizzazzjoni tan-nefqa u fit-tfassil tal-politiki pubbliċi.
(20)L-involviment sistematiku, sinifikanti u f’waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali għar-responsabbiltà ġenerali tas-suċċess fl-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
(21)L-implimentazzjoni ta’ programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li tinkludi l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JFT), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), fiċ-Ċekja għaddejja b’ritmu aktar mgħaġġel minn tal-medja fl-UE, kemm f’dik li hija għażla kif ukoll pagament tal-proġetti. Importanti li jinżamm il-momentum ta’ bħalissa, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. Iċ-Ċekja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati miċ-Ċekja fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu( 15 ), jintużaw malajr u b’mod effettiv.
(22)Iċ-Ċekja qed tiffaċċja diversi sfidi relatati mal-amministrazzjoni pubblika, id-dekarbonizzazzjoni, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-swieq kapitali, l-innovazzjoni u l-ambjent tan-negozju.
(23)L-ambjent tan-negozju taċ-Ċekja huwa mxekkel mill-kapaċità baxxa tal-amministrazzjoni pubblika. B’mod partikolari, l-amministrazzjoni pubblika ssibha diffiċli tiġbed, iżżomm u tiżviluppa t-talent. Pereżempju, is-salarji fl-amministrazzjoni pubblika ilhom kważi għaxar snin jonqsu kemm f’termini reali kif ukoll meta mqabbla mas-settur privat. Fir-rigward ta’ pożizzjonijiet maniġerjali, tal-IT u ta’ esperti fi Praga, id-differenza mas-settur privat hija ta’ madwar 46 %. L-istabbiltà tar-rwoli maniġerjali fl-amministrazzjoni ċentrali hija limitata ħafna wkoll, u aktar minn 40 % tal-maniġment superjuri li nominalment ma huwiex politiku jinbidel wara kull bidla fil-gvern. Ta’ sikwit is-sensji jiġu kklassifikati bħala riorganizzazzjoni, li tillimita l-protezzjonijiet legali. Fil-Parlament tressqet proposta leġiżlattiva għar-riforma tas-servizzi ċivili. Peress li f’dan l-istadju ma hemm l-ebda valutazzjoni tal-impatt disponibbli, diffiċli li ssir valutazzjoni tal-effetti tagħha. Il-kapaċità amministrattiva limitata tippersisti wkoll f’reġjuni żvantaġġati (Karlovarský, Ústecký u Moravskoslezský) li jiffaċċjaw sfidi strutturali relatati mal-iżvilupp ekonomiku u l-kapital uman, li jfixklu l-kompetittività u t-tkabbir reġjonali. Il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika tista’ tissaħħaħ, pereżempju, permezz ta’ komunikazzjoni aħjar tal-opportunitajiet ta’ xogħol, għażla u żvilupp aħjar tal-maniġers, salarji aktar flessibbli kif ukoll ogħla, speċjalment għal rwoli maniġerjali u esperti, protezzjoni legali akbar għall-impjegati taċ-ċivil anzjani fl-amministrazzjoni ċentrali u piż amministrattiv imnaqqas.
(24)Il-governanza muniċipali frammentata taċ-Ċekja u r-regoli skaduti dwar l-assenjazzjoni tat-taxxa muniċipali jonqsu milli jinċentivaw l-iżvilupp ekonomiku, ma jirriflettux b’mod preċiż il-kost tas-servizzi pprovduti minn muniċipalitajiet ta’ daqsijiet differenti, ifixklu l-koeżjoni territorjali, u jiġġeneraw iffrankar kbir u mhux investit. Iċ-Ċekja għandha l-iżgħar muniċipalitajiet fost il-pajjiżi tal-OECD. Dan jinkludi wkoll lil Praga, il-belt kapitali, li hija responsabbli minn aktar minn 25 % tal-PDG nazzjonali u hija maqsuma f’ 57 muniċipalità. Barra minn hekk, il-qafas legali tal-kooperazzjoni intermuniċipali ma huwiex żviluppat biżżejjed, u dan jimblokka lill-muniċipalitajiet milli jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom f’oqsma bħall-ippjanar spazjali u t-trasport lill-assoċjazzjonijiet muniċipali. Il-muniċipalitajiet taċ-Ċekja għandhom ukoll l-ogħla ffrankar relattiv għall-PDG fl-UE. Minbarra l-frammentazzjoni, dan l-iffrankar għoli huwa r-riżultat tar-regoli dwar l-assenjazzjoni tat-taxxa (rozpočtové určení daní). Dawn ir-regoli jallokaw il-maġġoranza l-kbira tad-dħul skont l-għadd ta’ residenti permanenti. Madankollu, dawn ma jinċentivawx biżżejjed l-iżvilupp ekonomiku (speċjalment il-kostruzzjoni) u ma jirriflettux b’mod preċiż il-kost reali tas-servizzi li jingħataw miċ-ċentri reġjonali.
(25)L-ippjanar spazjali u l-proċessi tal-permessi għadhom kumplessi u jdumu għaddejjin, u dan ipoġġi restrizzjoni kbira fuq l-ambjent tan-negozju, il-kompetittività u ż-żieda fil-kostijiet tal-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali. Dawn iżidu wkoll indirettament il-kostijiet tal-enerġija (għaliex l-infrastruttura tal-enerġija tinbena aktar bil-mod), jagħmluha aktar diffiċli biex in-nies jgħixu eqreb lejn xogħolhom (minħabba akkomodazzjoni inqas affordabbli) u jżommu lura t-tranżizzjoni diġitali (minħabba l-introduzzjoni bil-mod ta’ infrastruttura diġitali ewlenija). Pereżempju, iċ-Ċekja għandha waħda mill-aktar koperturi baxxi fl-UE ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna u fibra għal kull binja. Ir-regoli tal-ippjanar spazjali huma partikolarment ta’ piż fil- bliet il-kbar - l-aġġornament ta’ pjan urban jista’ jdum aktar minn għaxar snin. Is-sitwazzjoni tista’ tittejjeb billi, pereżempju, ir-responsabbiltajiet għall-ippjanar spazjali jiġu riallokati bejn l-istat u l-muniċipalitajiet u tiddaħħal differenzjazzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-ippjanar għal insedjamenti żgħar u dawk tal-insedjamenti kbar. Fir-rigward tal-permessi tal-kostruzzjoni, sar xi progress, b’mod partikolari bil-ħolqien tal-awtorità speċjalizzata għall-infrastruttura pubblika u dwar id-diġitalizzazzjoni. Madankollu, ftit għad hemm evidenza ta’ approvazzjonijiet tal-permessi aktar rapidi. It-titjib ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni, fosthom tal-interoperabbiltà, u l-kapaċità u l-ġestjoni tal-uffiċċji tal-kostruzzjoni jistgħu jaċċelleraw il-proċess.
(26)L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni hija baxxa u qed tonqos. Matul l-aħħar għaxar snin, il-proporzjon tal-prezz tad-djar mal-introjtu taċ-Ċekja kien qed jikber bit-tielet l-ogħla pass fl-UE. L-affordabbiltà hija partikolarment baxxa fil-bliet, fejn 11,2 % tan-nies iħallsu aktar minn 40 % tal-introjtu tagħhom fuq l-akkomodazzjoni. Għal persuni li jaqilgħu inqas minn 60 % tal-introjtu medjan din ir-rata hija ta’ 43,4 %. Id-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE, u aktar minn 160 000 persuna huma affettwati mill-problema ta’ persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni. Il-qafas attwali tat-tassazzjoni fuq l-akkomodazzjoni ma jipprovdix l-aħjar inċentivi li jindirizzaw is-sitwazzjoni. Id-dħul mit-tassazzjoni rikorrenti fuq il-proprjetà huwa baxx ħafna fil-livell ta’ 0,4 % tal-PDG (UE: 1,8 %), u l-kirjiet għal żmien qasir jiġu ttrattati b’mod aktar favorevoli minn dawk għal żmien twil. Iż-żieda fit-taxxi fuq il-proprjetà u r-rabta tagħhom mal-valur tas-suq, flimkien mat-tneħħija tat-trattament favorevoli tat-taxxa tal-kirjiet għal żmien qasir, jinċentivaw it-tqegħid ta’ akkomodazzjoni vojta u għall-kiri u għal żmien qasir fis-suq tal-kiri fit-tul u kostruzzjoni aktar densa. Id-domanda titnaqqas ukoll jekk titnaqqas id-deduċibbiltà tat-taxxa fuq l-introjtu personali tal-pagamenti tal-imgħax ipotekarju. Min-naħa tal-provvista — lil hinn minn ippjanar spazjali aħjar, permessi għall-kostruzzjoni u inċentivi muniċipali — l-istokk tad-djar jista’ jiżdied ukoll b’aktar investiment fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tad-djar mis-setturi pubbliċi u mingħajr skop ta’ qligħ.
(27)L-unitajiet domestiċi Ċeki għandhom rata ta’ tfaddil ogħla mill-medja tal-UE, iżda sehem kbir mill-assi finanzjarji tagħhom għadu jinżamm fi flus u depożiti. Fl-istess ħin, l-investiment dirett tagħhom f’ishma u bonds ikkwotati għadu limitat, l-istess bħall-investiment dirett permezz ta’ prodotti tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjonijiet, sostanzjalment taħt il-medja tal-UE u minkejja sehem ogħla investit permezz ta’ fondi ta’ investiment meta mqabbel mal-passat. It-twassil tat-tfaddil privat permezz tas-swieq kapitali jista’ jiftaħ finanzjament addizzjonali siewi għad-ditti u jżid is-sehem attwalment baxx ħafna tal-ishma u l-bonds ikkwotati bħala sors ta’ finanzjament tan-negozju.
(28)Il-prodott ta’ investiment fit-tul introdott reċentement kellu użu pożittiv, iżda t-tfassil tiegħu jista’ jkollu bżonn jiġi emendat biex tiġi żgurata l-addizzjonalità fil-konfront ta’ strumenti oħra ta’ tfaddil fit-tul, bħall-fondi tal-pensjonijiet tat-3et pilastru. Ir-rata ta’ parteċipazzjoni fil-fondi tal-pensjonijiet tat-3et pilastru trid tiġi appoġġjata, filwaqt li jiġu mħeġġa kontribuzzjonijiet ogħla b’mod partikolari għall-impjegati żgħażagħ u b’introjtu aktar baxx. Allokazzjoni akbar għall-investimenti ta’ ekwità mill-fondi tal-pensjonijiet tat-3et pilastru ttejjeb il-profil tar-redditu modest tagħhom u l-attraenza tagħhom. Dan jista’ jiġi promoss billi jinħolqu kundizzjonijiet għal strateġiji ta’ investiment fit-tul aktar diversifikati, filwaqt li jiġu rieżaminati l-karatteristiċi regolatorji u l-għażliet ta’ investiment prestabbiliti li jillimitaw l-iskopertura tal-ekwità, il-flessibbiltà tal-investiment u l-għażliet ta’ ħlas xierqa, filwaqt li jitħeġġeġ element ta’ annwalità b’saħħtu. Dashbord pubbliku tal-pensjonijiet li jqabbel ir-redditi u t-tariffi tal-fondi, flimkien ma’ sistema ta’ traċċar tal-pensjonijiet li turi d-drittijiet pubbliċi u privati akkumulati jwasslu għal spinta lit-trasparenza, lill-kompetizzjoni u lis-sensibilizzazzjoni.
(29)L-aċċess għal finanzjament mhux bankarju huwa limitat għal negozji innovattivi, peress li l-ekosistema Ċeka tal-ekwità privata u tal-kapital ta’ riskju hija frammentata u sottożviluppata, b’parti kbira mill-finanzjament għal ditti innovattivi li jiddependu fuq investituri barranin. L-inkoraġġiment ta’ parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur, f’ekwità elenkata u mhux elenkata, kapital ta’ riskju u ekwità privata jgħin biex titwessa’ l-ġabra ta’ kapital ta’ riskju fit-tul disponibbli għad-ditti. F’dan il-kuntest, jekk l-investituri istituzzjonali u domestiċi jagħmlu aktar sforzi biex jiddiżinċentivaw l-irtirar bikri, bħall-fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet, huma jtejbu l-kapaċità tagħhom li jinvestu aktar fi klassijiet ta’ assi b’orizzont ta’ investiment itwal.
(30)L-isforzi ta’ bħalissa biex jingħata appoġġ pubbliku u jiġu attirati investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur fl-ekwità privata u l-kapital ta’ riskju għandhom jiġu estiżi aktar permezz ta’ użu akbar ta’ strumenti finanzjarji, inklużi strutturi ta’ fond ta’ fondi u mekkaniżmi xierqa ta’ tneħħija tar-riskji. Tali strumenti jistgħu jgħinu biex jimmobilizzaw il-finanzjament privat lejn ditti innovattivi u orjentati lejn it-tkabbir, u b’hekk jappoġġaw il-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Dan ikun jeħtieġ it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ ġestjoni rilevanti tal-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp li jfassal u juża dawn l-istrumenti b’mod effettiv.
(31)Iċ-Ċekja adottat diversi miżuri biex ittejjeb l-ekosistema tal-innovazzjoni tagħha, iżda hemm bżonn li tittieħed aktar azzjoni biex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha. Ir-riforma tal-2025 tal-pjan ta’ opzjonijiet fuq l-ishma għall-impjegati ttejjeb l-attraenza tal-iskema għan-negozji ġodda, u qed jiġi żviluppat Att dwar in-Negozji l-ġodda ġdid li għandu l-għan li jtejjeb il-qafas regolatorju għan-negozji innovattivi. Dan huwa meħtieġ peress li l-ostakli amministrattivi għadhom ta’ piż fuq in-negozji Ċeki, b’ 71 % minnhom jipperċepixxu r-regolamenti bħala ostaklu għall-investiment, u peress li l-prestazzjoni tal-innovazzjoni għadha taħt il-medja tal-UE. Barra minn hekk, in-negozji Ċeki għadhom lura meta mqabbla mal-medja tal-UE fl-adozzjoni ta’ għodod diġitali avvanzati, u l-intensità diġitali tan-negozji għadha fil-biċċa l-kbira staġnata, ta’ sikwit minħabba nuqqas ta’ ħiliet diġitali u restrizzjonijiet finanzjarji. L-att il-ġdid dwar ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (fis-seħħ mill-2027) għandu l-għan li jippromwovi t-trasferiment tal-għarfien u jippermetti finanzjament flessibbli tar-R u Ż, iżda l-inċentivi istituzzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka u r-rabtiet bejn l-akkademja u n-negozju għadhom dgħajfa. Ir-riforma tat-tnaqqis tat-taxxa fuq ir-R u Ż għandha l-għan li tagħmel l-iskema aktar attraenti, iżda jekk jittieħdu passi ulterjuri li jtejbu l-prevedibbiltà tal-implimentazzjoni tal-iskema jinħolqu benefiċċji, peress li huma biss 30 % tan-negozji attivi fir-riċerka li jgawdu minnha. Il-potenzjal tar-riċerka huwa limitat aktar bit-tnaqqis fl-infiq fuq ir-R u Ż (1,8 % tal-PDG fl-2024) u l-effiċjenza baxxa tiegħu, imxekkla minn grad għoli ta’ frammentazzjoni tas-sistema tar-riċerka.
(32)Id-dipendenza għolja persistenti taċ-Ċekja fuq il-fjuwils fossili importati tħalli lill-ekonomija vulnerabbli għal xokkijiet fil-prezzijiet u fil-provvista, u dan joħloq riskji għas-sigurtà ekonomika u l-kompetittività fit-tul tagħha. Is-settur tat-trasport jirrappreżenta l-akbar sehem u sehem dejjem akbar tal-konsum finali tal-enerġija, li ġej b’mod predominanti mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili. L-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero għadu konsiderevolment taħt il-medja tal-UE. Ir-riformi adottati bħala parti mir-REPowerEU jenħtieġ li jiġu kkomplementati b’aktar miżuri biex tingħata spinta lill-mobbiltà b’emissjonijiet żero. Dan jista’ pereżempju jinkludi ż-żamma tal-eżenzjoni mit-tariffi tal-vinjetti tal-awtostrada għal karozzi u vannijiet b’emissjonijiet żero, u l-istabbiliment ukoll ta’ eżenzjonijiet għal vetturi tqal b’emissjonijiet żero mill-pedaġġ biex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur kbir tal-merkanzija Ċek. Tali sforzi ta’ dekarbonizzazzjoni jenħtieġ li jindirizzaw ukoll id-disponibbiltà baxxa ta’ għażliet tat-trasport pubbliku b’emissjonijiet żero affordabbli u aċċessibbli, li jfixklu l-mobbiltà u l-aċċess għal servizzi essenzjali, b’mod partikolari għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, billi jtejbu l-konnettività reġjonali, jagħmlu s-servizzi aktar affordabbli għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, u fejn xieraq jappoġġaw skemi tat-trasport fuq talba. Il-konsum tal-enerġija tal-industrija għadu għoli, għalkemm qed jonqos f’dawn l-aħħar snin, u dan jirrifletti titjib fl-effiċjenza u bidliet strutturali. Sabiex jiġi żgurat perkors kosteffettiv lejn id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività industrijali, huwa meħtieġ aktar investiment fl-effiċjenza enerġetika u l-elettrifikazzjoni. Il-bidla gradwali tal-industrija Ċeka lejn il-produzzjoni ta’ volum ogħla ta’ teknoloġiji ekoloġiċi hija żvilupp pożittiv. Il-fjuwils fossili għadhom sors predominanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u jammontaw għal madwar 40 % tal-output totali fl-2025. Peress li t-tisħin distrettwali għadu fil-biċċa l-kbira mmexxi mill-fjuwils fossili, huma meħtieġa wkoll aktar sforzi biex għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur u jingħata appoġġ għat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli. Barra minn hekk, it-tassazzjoni ambjentali ma tintużax biżżejjed fiċ-Ċekja.
(33)Is-sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli taċ-Ċekja fit-taħlita tal-elettriku staġna għal 16,6 %, li fl-2025 huwa t-tieni l-aktar sehem baxx fl-UE. Il-prezzijiet tal-elettriku għadhom fil-biċċa l-kbira stabbiliti minn gass naturali bi prezz għoli, li jżomm ir-rwol predominanti tiegħu bħala teknoloġija marġinali għall-iffissar tal-prezzijiet. Filwaqt li r-riformi fl-ambitu tar-REPowerEU kkontribwew għal proċedura tal-għoti ta’ permessi simplifikata, il-potenzjal tal-enerġija mir-riħ għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat. Id-deżinjazzjoni ta’ żoni ta’ aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli, li mistennija ssir sa Awwissu 2026 bħala parti mill-RRP, se tippermetti żvilupp aktar mgħaġġel ta’ installazzjonijiet rinnovabbli fuq skala kbira, filwaqt li tikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija aktar affordabbli u esponiment aktar baxx għal riskji esterni. L-investituri fl-enerġija rinnovabbli jonqoshom iċ-ċertezza fit-tul, u dan jimpedixxi l-introduzzjoni tagħhom. It-tnedija tal-irkanti tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ kuntratti fit-tul fuq skala akbar jistgħu jippermettu t-tkabbir ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira lil hinn mill-iskemi ta’ appoġġ tradizzjonali u joħolqu wkoll opportunitajiet għad-dekarbonizzazzjoni ta’ industriji intensivi fl-enerġija.
(34)Il-kapaċità limitata tan-network tal-grilja taċ-Ċekja u l-ħtieġa li l-grilja tiġi aġġornata jkomplu jfixklu l-varar rapidu ta’ investiment f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Anki l-investiment fil-grilja għadu taħt il-livell meħtieġ biex jiġu akkomodati użu akbar tal-elettrifikazzjoni u l-mobbiltà sostenibbli. Id-dewmien fl-introduzzjoni ta’ investimenti kbar fl-infrastruttura tal-grilja għadu hemm, b’mod partikolari, minħabba l-konġestjonijiet fl-ippjanar spazjali u fil-kapaċità amministrattiva. Barra minn hekk, għad hemm sfidi fil-ġestjoni tal-grilja, bħall-kjuwijiet tal-konnessjoni mal-grilja u r-riżervi tal-kapaċità mhux użati, u l-introduzzjoni kajmana tal-arloġġi intelliġenti. Iċ-Ċekja ħadet passi leġiżlattivi importanti biex tippermetti aktar flessibbiltà mhux fossili, għalkemm is-suq mixtieq għal aktar investimenti biex ikompli jistabbilizza. Iċ-Ċentru tad-Data dwar l-Elettriku (EDC) diġà jipprovdi funzjonalitajiet għall-kondiviżjoni tal-enerġija, iżda għadhom ma ġewx implimentati l-fażijiet finali tal-EDC biex tkun tista’ ssir aggregazzjoni indipendenti tal-flessibbiltà teknika u tas-suq. Dawn jippermettu t-tranżizzjoni lejn settur tal-enerġija aktar flessibbli, inkluż l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Ir-riforma tat-tariffi, inkluża l-introduzzjoni ta’ skema ta’ tariffi dinamiċi, hija wkoll element importanti li għadu nieqes biex ikunu jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji tal-flessibbiltà domestika u biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-grilja.
(35)Iċ-Ċekja għamlet progress fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini residenzjali. Il-programmi ta’ appoġġ għar-rinnovazzjoni taw riżultati, għalkemm it-titjib ikkonċentra l-aktar fuq id-djar tal-familja, filwaqt li l-progress fir-rinnovazzjoni tal-bini tal-appartamenti u tal-abitazzjonijiet b’introjtu baxx għadu kajman. Ir-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku hija sfida persistenti. F’dan is-settur bi prestazzjoni baxxa, l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji innovattivi għandha l-potenzjal li tingrana l-kapital privat għall-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija.
(36)Ir-reżiljenza dgħajfa għall-klima u fis-settur tal-ilma hija sfida dejjem aktar sinifikanti għall-produttività tas-setturi Ċeki tal-industrija, tal-agrikoltura u tal-enerġija. Iċ-Ċekja tbati minn governanza amministrattiva u kapaċità dgħajfa għall-politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u dawk tal-ilma. L-implimentazzjoni tagħhom hija mxekkla min-nuqqas sistemiku ta’ riżorsi umani fil-ministeri u fil-livelli kollha ta’ governanza, diviżjoni mhux ċara tar-responsabbiltajiet bejniethom u nuqqas ta’ qafas ta’ koordinazzjoni effiċjenti. L-istabbiliment ta’ sistema ta’ koordinazzjoni, id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki ta’ adattament fis-setturi kollha.
(37)Is-suq tax-xogħol taċ-Ċekja għandu livelli għoljin ta’ impjieg - fk-2025 ir-rata ta’ impjieg laħqet it-82,9 % (UE: 76,1 %) u r-rata tal-qgħad ta’ 2,8 % (UE: 6,0 %), it-tnejn li huma fost l-aħjar prestazzjonijiet fl-UE. Madankollu, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti hija qrib il-medja tal-UE. Minbarra mobbiltà ogħla tal-forza tax-xogħol, il-postijiet vakanti jistgħu jimtlew billi jiżdiedu l-livelli ta’ impjieg ta’ ċerti gruppi tal-popolazzjoni. Dawn jinkludu ġenituri ta’ tfal żgħar, Rom u persuni b’diżabbiltà. Barra minn hekk, huwa stmat li 66 % tar-refuġjati Ukreni ekonomikament attivi ġew impjegati fl-2024; madankollu, nofshom irrapportaw li jaħdmu fi rwoli li ma kinux jaqblu mal-kwalifiki tagħhom. Dan huwa marbut, fost l-oħrajn, ma’ rikonoxximent ikkumplikat ta’ kwalifiki barranin u għadd kbir ta’ professjonijiet regolati. Fl-2024 ir-rata ta’ impjieg tar-Rom kienet ta’ madwar 55 % (meta mqabbla ma’ 82,3 % tal-popolazzjoni ġenerali), u kważi nofs iż-żgħażagħ Rom ta’ bejn is-16 u d-29 sena la huma f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni u taħriġ (meta mqabbla ma’ 8,6 % fil-livell nazzjonali), u dan jimmina l-inklużjoni soċjali.
(38)Is-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji għadha tiskoraġġixxi l-ġenituri, b’mod partikolari l-ommijiet żgħażagħ, milli jerġgħu lura x-xogħol. Filwaqt li fl-2025 ir-rata ta’ impjieg tan-nisa kienet ta’ 77,5 % (UE: 71,3 %), fl-2025 id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi għan-nisa ta’ bejn il-25 u l-34 sena kienet ta’ 32,8 punti perċentwali, waħda mill-ogħla fl-UE. Fl-2024 id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa kienet ta’ 18,5 % (UE: 11,1 %), xprunat minn liv twil tal-ġenituri, fost kwistjonijiet oħra. It-tassazzjoni fuq pagi għal ħaddiema li huma t-tieni sors ta’ dħul kienet ogħla mill-medja tal-UE fl-2025, u ogħla mill-porzjon ta’ taxxa għal persuna waħedha fl-istess livell ta’ paga. Il-kreditu tat-taxxa għall-konjuġi li ma jaħdmux u t-tfassil tal-benefiċċji tal-familja jiskoraġġixxu lill-ġenituri, b’mod partikolari lill-ommijiet, milli jaħdmu. F’termini ta’ disponibbiltà ta’ servizzi għall-indukrar tat-tfal, fl-2025 kienu biss 7,9 % biss mit-tfal taħt l-età ta’ tliet snin li kienu jinsabu f’servizz tal-indukrar tat-tfal, titjib ta’ 3,5 punti perċentwali meta mqabbel mal-2023, iżda xorta ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 40,5 %. Dan kien xprunat kemm minn għadd inqas ta’ tfal kif ukoll minn żieda fil-kapaċità, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar kapaċità f’xi reġjuni (kif ukoll immudellar aħjar tad-domanda). Il-kapaċità tas-servizzi tal-kura fit-tul ibbażati fil-komunità u fid-dar għadha wkoll sottożviluppata, u tnaqqas l-impjiegi fost il-persuni li jindukraw, tipikament in-nisa, filwaqt li twassal ukoll għal sfidi usa’ fl-organizzazzjoni tal-kura, inkluż fil-kura tas-saħħa. L-investiment pubbliku fil-kura fit-tul residenzjali huwa 14 % ogħla fiċ-Ċekja meta mqabbel mal-UE filwaqt li l-investimenti fis-servizzi bbażati fid-dar huma 20,5 % inqas milli fl-UE, li jissottolinja l-ħtieġa li tinstab struttura ta’ investiment pubbliku aktar ibbilanċjata għall-kura fit-tul fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ malajr. Is-sistema tal-kura tas-saħħa għadha tiddependi żżejjed fuq servizzi bbażati fl-isptarijiet, b’kapaċità għolja ta’ sodod, rati baxxi ta’ okkupanza u ammissjonijiet li jistgħu jiġu evitati, li jindikaw ineffiċjenzi u koordinazzjoni insuffiċjenti mal-kura primarja u dik komunitarja.
(39)Is-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji għadha titfa’ piż kbir fuq dawk b’introjtu baxx, filwaqt li tnaqqas l-inċentivi finanzjarji tax-xogħol minħabba kontribuzzjonijiet għoljin mhux deduċibbli u tnaqqis fil-benefiċċji hekk kif jiżdied il-qligħ. Iċ-Ċekja għandha wieħed mill-ogħla porzjonijiet ta’ taxxa fuq ix-xogħol għall-ħaddiema waħedhom li jaqilgħu 50 % tal-paga medja, li jiskoraġġixxi l-impjieg formali u jalimenta l-ekonomija griża u l-faqar fost il-ħaddiema. L-aġġustament tat-taxxi fuq ix-xogħol jista’ jtaffi dan il-piż, u jinkoraġġixxi aktar nies f’impjieg standard. Barra minn hekk, iċ-Ċekja għandha sehem għoli ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom (13 %, UE: 9 %) li jiffaċċjaw tassazzjoni ferm aktar baxxa mill-impjegati tradizzjonali. Is-sistema attwali tippermetti lill-individwi li jaħdmu għal rashom jnaqqsu bejn 40 u 80 % tal-introjtu bħala spejjeż tan-negozju jew, għal dawk li jaqilgħu inqas minn CZK 2 miljun fis-sena, jagħżlu taxxa ta’ somma f’daqqa. Din it-taxxa hija ferm aktar baxxa mit-taxxa li jħallas impjegat konvenzjonali li jaqla’ introjtu simili, u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom b’introjtu għoli jħallsu biss kwart tat-taxxa li jħallas impjegat ekwivalenti. F ’Marzu 2026 ġiet revokata r-riforma li żżid il-pagamenti b’rata fissa, u nżammet il-bażi minima ta’ valutazzjoni tal-pensjonijiet ta’ 35 % tal-paga medja. It-tneħħija tal-eżenzjonijiet minn fuq dawk b’introjtu għoli tista’ ttejjeb il-ġustizzja u tnaqqas id-distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol.
(40)Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b’mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fl-oqsma tal-ħiliet u l-edukazzjoni, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati liċ-Ċekja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni.
(41)Il-parteċipazzjoni u l-kisba relattivament baxxi tal-edukazzjoni għolja jaggravaw in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa, speċjalment f’reġjuni inqas żviluppati. Il-livell edukattiv terzjarju milħuq fost dawk bejn il-25 u l-34 sena għadu fost l-aktar baxxi fl-UE (36 %, l-UE: 45 % fl-2025), ferm taħt il-mira tal-UE ta’ 45 %. Ir-reġistrazzjoni totali fl-edukazzjoni terzjarja għadha baxxa minkejja żieda żgħira bejn l-2020 u l-2023, u r-rati ta’ tluq bikri mill-iskola għadhom persistentement għoljin, b’mod partikolari fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), fl-agrikoltura u fis-servizzi. In-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju u gwida vokazzjonali biżżejjed gwida u spariġġ bejn il-programmi l-istennijiet tal-istudenti huma fost il-fatturi li jwasslu għar-rati għolja tat-tluq mill-iskola fl-istituzzjonijiet Ċeki tal-edukazzjoni għolja. L-akkomodazzjoni affordabbli ukoll għadha fost l-isfidi ewlenin. L-istudenti, fosthom dawk b’diżabilità, ma jingħatawx biżżejjed appoġġ, b’hekk l-aċċess, il-parteċipazzjoni u t-tlestija b’suċċess tal-edukazzjoni terzjarja tagħhom għadhom limitati.
(42)Ir-reġistrazzjoni fil-programmi STEM għadha kemxejn baxxa meta mqabbla mal-medja tal-UE, u dan jindika sfidi strutturali persistenti. Fl-2023, kienu biss 11,8-il mara minn kull elf persuna bejn l-20 u d-29 sena ggradwaw fl-oqsma tax-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), inqas mill-medja tal-UE ta’ 15. Din ix-xejra tikkontribwixxi għal nuqqas ta’ ħiliet f’setturi b’domanda għolja, tirriskja li tillimita l-innovazzjoni u l-kapaċità tar-riċerka, u tirrifletti sfidi usa’ relatati mal-parteċipazzjoni u ż-żamma tal-istudenti, inkluża gwida limitata biex jiġu segwiti l-oqsma STEM.
(43)Iċ-Ċekja qed tiffaċċja restrizzjonijiet fl-edukazzjoni sekondarja, b’mod partikolari kapaċità insuffiċjenti fl-iskejjel sekondarji ġenerali u flessibbiltà limitata biex l-istudenti jimxu bejn l-edukazzjoni ġenerali u dik speċjalizzata, li jirrestrinġu l-opportunitajiet tal-istudenti biex jagħmlu progress b’suċċess fl-edukazzjoni terzjarja. Minkejja l-interess dejjem jikber għall-binarji tal-edukazzjoni ġenerali, il-provvista ma laħqitx mad-domanda. Filwaqt li sehem studenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jistgħu japplikaw għal edukazzjoni terzjarja, ir-rati ta’ suċċess tagħhom huma iktar baxxi minn dawk ta’ studenti f’sistemi ġenerali, li jikkontribwixxi għal riżultati tal-edukazzjoni terzjarja persistentement ħżiena konsistenti. Dawn l-isfidi huma aggravati minn nuqqas ta’ għalliema kwalifikati, b’mod partikolari f’oqsma b’domanda għolja bħal fi STEM u f’ċerti reġjuni, li jirriskjaw li jaffettwaw il-kwalità tal-edukazzjoni.
(44)Il-prestazzjoni edukattiva fiċ-Ċekja hija influwenzata ħafna mill-isfond soċjoekonomiku, u waħda mill-akbar lakuni fil-prestazzjoni bejn l-istudenti soċjoekonomikament vantaġġati u dawk żvantaġġati fl-UE. Fil-matematika, id-distakk kien il-ħames l-ogħla fl-UE f’PISA 2022. It-traċċar akkademiku bikri, id-differenzi fit-tipi ta’ skejjel u s-segregazzjoni tat-tfal Rom jikkontribwixxu għal dawn ir-riżultati, flimkien ma’ inugwaljanzi reġjonali persistenti fl-aċċess għall-edukazzjoni. Filwaqt li nbdew miżuri biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, inkluż programm ta’ appoġġ għall-iskejjel b’sehem għoli ta’ studenti żvantaġġati, huma meħtieġa aktar sforzi. Aktar titjib jista’ jinkludi appoġġ aħjar għall-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel biex jimplimentaw il-kurrikuli riveduti u biex inaqqsu l-piż amministrattiv fuq skejjel iżgħar.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li ċ-Ċekja tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:
1.Tkompli taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu tal-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa fid-difiża ogħla. Issaħħaħ l-infiq fid-difiża u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiżgura l-effiċjenza fl-infiq u gradwalment tadatta l-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li kwalunkwe miżura li tittieħed biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tkun temporanja, immirata lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew tindirizza l-bżonnijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, tħares l-inċentivi tal-iffrankar tal-enerġija filwaqt li taċċerta li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji konformi mal-qafas fiskali. Ittejjeb l-inċentivi biex il-ħaddiema akbar fl-età jkomplu jaħdmu. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku speċjalment permezz tal-użu sistematiku ta’ rieżamijiet tal-infiq u indikaturi bbażati fuq l-eżiti.
2.Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Tibqa’ għaddejja bl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni filwaqt li, fejn xieraq, tibni fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta’ koeżjoni.
3.Issaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika, kemm fil-gvern ċentrali kif ukoll fir-reġjuni żvantaġġati, biex tattira u żżomm u tiżviluppa t-talent u tiżviluppa il-ħiliet. Ittejjeb l-investiment pubbliku u l-effiċjenza amministrattiva billi tissimplifika u tinċentiva l-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet muniċipali, u tirriforma r-regoli muniċipali dwar l-assenjazzjoni tat-taxxa. Tissimplifika l-ippjanar spazjali u ttejjeb id-diġitalizzazzjoni, il-kapaċità u l-ġestjoni tal-uffiċċji tal-kostruzzjoni. Ittejjeb il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali billi tespandi r-rwol tas-setturi pubbliċi u mingħajr skop ta’ qligħ u tħeġġeġ użu aktar effiċjenti tal-akkomodazzjoni eżistenti permezz ta’ riformi tat-taxxa fuq il-proprjetà u fuq l-introjtu.
4.Issaħħaħ is-swieq kapitali, l-aċċess tan-negozji għal finanzjament mhux bankarju u l-kundizzjonijiet għat-tfaddil, l-investiment u l-innovazzjoni billi ttejjeb l-investimenti tal-unitajiet domestiċi fis-swieq kapitali, billi ttejjeb it-tfassil tal-prodotti tat-tfaddil fit-tul u tal-fondi tal-pensjoni tat-3et pilastru. Tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-investituri istituzzjonali f’ishma kkwotati u mhux ikkwotati, kif ukoll il-kapital ta’ riskju u l-ekwità privata. Iżżid l-użu ta’ strumenti finanzjarji, inkluż billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp biex timmobilizza l-finanzjament privat. Tagħti spinta lill-innovazzjoni u ttejjeb l-ambjent tan-negozju billi ttejjeb il-qafas regolatorju għan-negozji ġodda, tnaqqas il-frammentazzjoni tas-sistema tar-riċerka u taċċellera l-adozzjoni tat-teknoloġija, inkluż permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija mill-akkademja u l-użu effettiv tal-benefiċċji tat-taxxa tar-R u Ż.
5.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, b’mod partikolari għat-trasport bit-triq, l-industrija, it-tisħin u l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Tagħti aktar inċentivi biex tiġi introdotta kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira, b’mod partikolari r-riħ. Timmodernizza u tespandi l-grilji tal-elettriku, ittejjeb il-flessibbiltà ħielsa mill-fjuwils fossili, tiżgura l-implimentazzjoni tal-funzjonalitajiet kollha taċ-Ċentru tad-Data dwar l-Elettriku, u tippermetti l-elettrifikazzjoni tat-trasport u tal-proċessi industrijali. Iddaħħal miżuri biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-intensità ta’ karbonju tas-settur tal-bini, speċjalment tal-istokk tal-bini pubbliku. Issaħħaħ il-governanza u l-koordinazzjoni tar-reżiljenza għall-klima fil-livelli kollha tal-gvern.
6.Iżżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati u jiġi ssimplifikat ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin. Tnaqqas id-diżinċentivi biex il-ġenituri biex jirritornaw għax-xogħol u ttejjeb il-provvista tal-indukrar tat-tfal u tas-servizzi tal-kura fit-tul biex tinkoraġġixxi aktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol. Tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema b’introjtu baxx u l-eżenzjonijiet għal dawk li jaħdmu għal rashom b’introjtu għoli. Tagħti spinta lill-ħiliet u lill-eżiti edukattivi billi żżid il-parteċipazzjoni, tnaqqas ir-rati ta’ tluq bikri mill-iskola, u tappoġġa aktar lill-istudenti għall-edukazzjoni terzjarja, u tipprovdi aktar appoġġ għal skejjel u studenti żvantaġġati fl-edukazzjoni primarja u sekondarja. Iżżid l-għadd ta’ studenti u gradwati fl-oqsma STEM, speċjalment in-nisa. Iżżid l-aċċess għall-edukazzjoni sekondarja ġenerali, jippermettu lill-istudenti jagħmlu tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni ġenerali u dik vokazzjonali, u tindirizza n-nuqqas ta’ għalliema.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President