|
18.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 38/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/227
tas-17 ta’ Frar 2022
li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe. |
|
(2) |
Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, il-miżuri restrittivi jenħtieġ li jiġġeddu sal-20 ta’ Frar 2023. Jenħtieġ li l-Kunsill iżommhom taħt rieżami kostanti fid-dawl tal-iżviluppi politiċi u dawk fil-qasam tas-sigurtà fiż-Żimbabwe. |
|
(3) |
Jenħtieġ li tliet persuni jitħassru mil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, u l-Anness II għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK għandu jitħassar. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/101/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2011/101/PESK hija emendata kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 10 1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. 2. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ Frar 2023. 3. Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”; |
|
(2) |
l-Anness I huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni; |
|
(3) |
l-Anness II huwa mħassar. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Frar 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J.-Y. LE DRIAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).
ANNESS
Fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, parti “I. Persuni”, jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:
|
“2. |
MUGABE, Grace |
Imwielda fit-23.7.1965 Passaport AD001159 ID 63-646650Q70 |
Eks Segretarja tal-Lega tan-nisa ta’ ZANU-PF (Zimbabwe African National Union – Patriotic Front), involuta f’attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Ħadet taħt idejha l-Iron Mask Estate fl-2002; allegata li tikseb b’mod illeċitu profitti kbar mit-tħaffir għad-djamanti. |
|
5. |
CHIWENGA, Constantine |
Viċi President Eks Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe, Ġeneral irtirat, imwieled fil-25.8.1956 Passaport AD000263 ID 63-327568M80 |
Viċi President u eks Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe. Membru tal-Kmand Operattiv Konġunt u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika repressiva tal-istat. Uża l-armata għall-akkwisti ta’ azjendi agrikoli. Matul l-elezzjonijiet tal-2008 kien arkitett prinċipali tal-vjolenza assoċjata mal-proċess tal-ballottaġġ Presidenzjali. |
|
7. |
SIBANDA, Phillip Valerio (magħruf ukoll bħala Valentine) |
Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe Eks Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe, Ġeneral, imwieled fil-25.8.1956 jew l-24.12.1954 ID 63-357671H26 |
Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe u eks Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe. Membru anzjan tal-armata b’rabtiet mal-Gvern u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika oppressiva tal-istat.” |