17.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/791

tal-10 ta’ Ġunju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi li jikkonċernaw il-vaguni tal-merkanzija, l-immarkar tal-vetturi u l-istorbju tal-materjal fuq ir-roti, u fir-rigward tal-adozzjoni ta’ rieżami bis-sħiħ tar-regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-awditjar tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistri nazzjonali tal-vetturi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni aderiet mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980 kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-COTIF”) f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, huma Partijiet għall-COTIF.

(3)

Skont l-ittra f) tal-Artikolu 13 § 1 tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi (“CTE”) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF).

(4)

Skont l-ittra b) tal-Artikolu 20 § 1 tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Appendiċi F (APTU), is-CTE għandu l-kompetenza biex jadotta jew jemenda, fost l-oħrajn, il-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi (UTP) li jikkonċernaw il-vaguni tal-merkanzija, l-immarkar tal-vetturi u l-istorbju tal-materjal fuq ir-roti. F’konformità mal-Artikolu 13 §§ 1, 4 u 5 tal-Appendiċi G (ATMF), is-CTE għandu l-kompetenza wkoll biex jieħu deċiżjonijiet dwar it-tfassil jew il-modifika, il-fużjoni jew l-irtirar tar-reġistri nazzjonali tal-vetturi ferrovjarji (NVR). Fl-aħħar nett, f’konformità mal-Artikolu 15 § 2 tal- Appendiċi G (AMTF), is-CTE għandu l-kompetenza biex jadotta u biex jemenda regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-awditjar tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni (ECM).

(5)

Is-CTE inkluda fl-aġenda tat-13-il sessjoni tiegħu, li se ssir fis-16 u s-17 ta’ Ġunju 2020, proposti għal deċiżjonijiet li jemendaw l-UTP li jikkonċernaw il-vaguni tal-merkanzija, l-immarkar tal-vettura u l-istorbju tal-materjal fuq ir-roti, għal rieżami bis-sħiħ tar-regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-awditjar tal- ECM u għal rieżami bis-sħiħ tal-ispeċifikazzjonijiet dwar ir-reġistri nazzjonali tal- NVR.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CTE, billi l-emendi proposti ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

(7)

L-objettiv ta’ dawk l-emendi proposti huwa li l-UTP li jikkonċernaw il-vaguni tal-merkanzija, l-immarkar tal-vettura u l-istorbju tal-materjal fuq ir-roti kif ukoll ir-regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-awditjar tal-ECM, jiġu allinjati, rispettivament, mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/774 (2), (UE) 2019/776 (3), (UE) 2019/773 (4), u (UE) 2019/779 (5). L-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw l-NVR ġew aġġornati fid-dawl tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (6).

(8)

L-emendi proposti huma konformi mal-liġi u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, billi jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġislazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-liġi tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li dawk l-emendi proposti jkunu appoġġati mill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) dwar l-emendi għall-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi (UTP) li jikkonċernaw il-vaguni tal-merkanzija, l-immarkar tal-vettura, u l-istorbju tal-materjal fuq ir-roti, għal rieżami bis-sħiħ tar-regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-awditjar tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni (ECM) u għal rieżami bis-sħiħ tal-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistri nazzjonali tal-vetturi (NVR), għandha tkun kif stabbilit fid-dokument ST 7725/20 (7).

Artikolu 2

Ladarba jiġu adottati, id-deċiżjonijiet tas-CTE għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/774 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2014 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“vetturi ferrovjarji — storbju” għall-vaguni tal-merkanzija eżistenti (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 89).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/776 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013, (UE) Nru 1299/2014, (UE) Nru 1301/2014, (UE) Nru 1302/2014, (UE) Nru 1303/2014 u (UE) 2016/919 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE fir-rigward tal-allinjament mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi stipulati fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (ĠU L 139 I, 27.5.2019, p. 108).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/773 tas-16 ta’ Mejju 2019 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “operat u ġestjoni tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 2012/757/UE (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 5).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/779 tas-16 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni tal-vetturi skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 (ĠU L 139I, 27.5.2019, p. 360).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53).

(7)  Id-dokument ST 7725/20 jista’ jinstab fuq http://register.consilium.europa.eu