European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2428

5.12.2025

Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali

L-UNJONI EWROPEA,

u

R-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO, minn hawn ’il quddiem imsejħa “San Marino”,

it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, “Parti Kontraenti” u, flimkien, “Partijiet Kontraenti”,

BILLI l-Partijiet Kontraenti huma impenjati li jtejbu r-relazzjoni tagħhom u jsaħħu l-kooperazzjoni bejniethom, kif muri mill-konklużjoni tan-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni f’Diċembru 2023, li jipprevedi d-dritt għal San Marino li jissieħeb fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-erba’ libertajiet fundamentali tiegħu, u għall-kooperazzjoni f’oqsma oħra,

BILLI l-Partijiet Kontraenti għandhom relazzjoni twila u mill-qrib fir-rigward tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali, li kienet tikkonsisti, inizjalment, fl-applikazzjoni ta’ miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (1), u li aktar tard ġiet żviluppata fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (2) (“il-Ftehim”), kif emendat bil-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (3) abbażi tal-iskambju awtomatiku reċiproku tal-informazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development) (“l-Istandard Globali”),

BILLI, wara l-ewwel rieżami komprensiv tal-Istandard Globali tal-OECD, ġew approvati emendi tal-Istandard Globali mill-Kumitat tal-OECD dwar l-Affarijiet Fiskali f’Awwissu 2022 u dawn ġew adottati mill-Kunsill tal-OECD fit-8 ta’ Ġunju 2023 bir-Rakkomandazzjoni riveduta tiegħu dwar l-Istandards Internazzjonali għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni fi Kwistjonijiet Fiskali (“l-aġġornament tal-Istandard Globali”),

BILLI r-rieżami komprensiv tal-OECD identifika l-kumplessità dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji u l-ħolqien u l-użu ta’ tipi ġodda ta’ assi diġitali u rrikonoxxa l-ħtieġa li l-Istandard Globali jiġi adattat biex tiġi żgurata konformità fiskali komprensiva u effettiva,

BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali espanda l-ambitu tar-rapportar biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali, li joffru alternattivi kredibbli għall-Kontijiet Finanzjarji tradizzjonali, li diġà huma soġġetti għar-rapportar skont l-Istandard Globali,

BILLI l-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi (“CARF”, Crypto-Asset Reporting Framework) il-ġdid tal-OECD, li ġie introdott b’mod parallel mal-aġġornament tal-Istandard Globali, iservi bħala mekkaniżmu komplementari fil-livell globali u huwa mfassal speċifikament biex jindirizza l-iżvilupp rapidu u t-tkabbir tas-suq tal-Kriptoassi,

BILLI kien meqjus li huwa essenzjali li tiġi żgurata interazzjoni effiċjenti bejn dawk iż-żewġ oqfsa, b’mod partikolari biex jiġu limitati każijiet ta’ rapportar doppju, billi: (i) il-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u l-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali jiġu esklużi mill-ambitu tal-CARF, minħabba l-kopertura tagħhom skont l-Istandard Globali aġġornat; (ii) il-Kriptoassi fl-ambitu tal-Istandard Globali aġġornat jitqiesu bħala Assi Finanzjarji għall-fini tar-rapportar ta’ Kontijiet ta’ Kustodja, Interessi ta’ Ekwità jew Dejn f’Entitajiet tal-Investiment (ħlief f’każijiet ta’ forniment ta’ servizzi li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ skambju għall-klijenti jew f’isimhom, li huma koperti skont il-CARF), investimenti indiretti fil-Kriptoassi permezz ta’ prodotti finanzjarji tradizzjonali oħra jew prodotti finanzjarji tradizzjonali maħruġa fil-forma ta’ kriptoassi; u (iii) tiġi prevista dispożizzjoni fakultattiva għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti biex iwaqqfu r-rapportar tar-rikavat gross għal assi li huma kklassifikati bħala Kriptoassi skont iż-żewġ oqfsa, meta tali informazzjoni tiġi rrapportata skont il-CARF, filwaqt li jkomplu jirrapportaw skont l-Istandard Globali l-informazzjoni l-oħra kollha, bħall-bilanċ tal-kont,

BILLI l-CARF ġie implimentat fl-Unjoni Ewropea permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (4) , li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (5), u dawk id-dispożizzjonijiet ser japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026 u San Marino huwa impenjat li jimplimenta l-CARF fil-leġiżlazzjoni domestika tiegħu u li japplika dawk id-dispożizzjonijiet mill-istess data,

BILLI, bil-għan li jiġu limitati l-każijiet ta’ rapportar doppju, il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li japplikaw id-delineazzjoni bejn il-Ftehim, il-CARF u d-Direttiva (UE) 2023/2226 b’mod konsistenti mad-delineazzjoni bejn l-Istandard Globali aġġornat u l-CARF,

BILLI, bil-għan li jittejbu l-affidabbiltà u l-użu tal-informazzjoni skambjata, l-aġġornament tal-Istandard Globali jintroduċi rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta,

BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali jżid kategorija ġdida “Kont Eskluż” għall-Kontijiet ta’ Kontribuzzjoni Kapitali u limitu de minimis għar-rapportar ta’ Kontijiet Depożitarji li fihom Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati,

BILLI r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea li japplikaw ukoll għall-iskambji ta’ informazzjoni koperti mill-Ftehim,

BILLI l-Liġi Nru 171 (7) tal-21 ta’ Diċembru 2018 tirregola l-protezzjoni tad-data personali f’San Marino,

BILLI, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Protokoll Emendatorju, il-Kummissjoni Ewropea sa issa għadha ma adottatx deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 li tistabbilixxi li San Marino huwa pajjiż li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali,

BILLI ż-żewġ Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw u josservaw is-salvagwardji speċifiċi għall-protezzjoni tad-data kif inklużi fil-Ftehim, inkluż l-Anness III,

BILLI l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, l-Awtoritajiet Kompetenti li jibagħtu u l-Awtoritajiet Kompetenti riċeventi, bħala kontrolluri tad-data, jenħtieġ li jżommu l-informazzjoni pproċessata f’konformità mal-Ftehim għal mhux aktar milli meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet tiegħu u billi, minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u ta’ San Marino, il-perjodu massimu taż-żamma jenħtieġ li jiġi stabbilit b’referenza għall-istatut tal-preskrizzjonijiet ipprovdut mil-leġiżlazzjoni domestika dwar it-taxxa ta’ kull kontrollur tad-data,

BILLI l-ipproċessar ta’ informazzjoni skont il-Ftehim huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u ta’ San Marino jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod korrett u inekwivoku lill-kontribwenti kkonċernati, jamministraw u jinfurzaw il-liġijiet tagħhom dwar it-taxxa f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jivvalutaw il-probabbiltà li ssir evażjoni tat-taxxa u jevitaw aktar investigazzjonijiet mhux meħtieġa,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim huwa emendat kif ġej:

(1)

il-kliem introduttorju bejn it-titolu u l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-UNJONI EWROPEA,

u

R-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘San Marino’,

it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, ‘Parti Kontraenti’ u, flimkien, ‘Partijiet Kontraenti’,

FTIEHMU LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:”

;

(2)

fl-Artikolu 1(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“(m)

it-terminu ‘Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi’ ifisser il-qafas internazzjonali għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fir-rigward tal-Kriptoassi (li jinkludi l-Kummentarji) żviluppat mill-OECD mal-pajjiżi tal-G20 u approvat mill-OECD fis-26 ta’ Awwissu 2022.”

;

(3)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-subparagrafi (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

dawn li ġejjin:

(i)

l-isem, l-indirizz, in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid (fil-każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u jekk id-Detentur ta’ Kont ikunx ipprovda awtoċertifikazzjoni valida;

(ii)

fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta b’mod konsistenti mal-Annessi I u II, tiġi identifikata bħala li għandha Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li hija Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, u n-NITs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli, kif ukoll ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli tkun Persuna Kontrollanti tal-Entità u jekk tkunx ġiet ipprovduta awtoċertifikazzjoni valida għal kull Persuna Rapportabbli; u

(iii)

jekk il-kont huwiex kont konġunt, inkluż l-għadd ta’ Detenturi ta’ Kontijiet konġunti;

(b)

in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru tal-kont), it-tip ta’ kont u jekk il-kont huwiex Kont Preeżistenti jew Kont Ġdid;”

;

(ii)

jitħassar it-terminu “u” fl-aħħar tas-subparagrafu (f);

(iii)

is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu (f):

“(fa)

fil-każ ta’ kwalunkwe Interess ta’ Ekwità miżmum f’Entità ta’ Investiment li huwa arranġament legali, ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom il-Persuna Rapportabbli tkun detentur ta’ Interess ta’ Ekwità; u”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Minkejja l-paragrafu 2, is-subparagrafu (e), il-punt (ii), u sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx għażlet mod ieħor skont it-Taqsima I(F) tal-Anness I fir-rigward ta’ kwalunkwe grupp ta’ kontijiet identifikat b’mod ċar, ir-rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ Assi Finanzjarju ma jkunx meħtieġ li jiġi skambjat sa fejn tali rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ tali Assi Finanzjarju jiġi skambjat mill-Awtorità Kompetenti ta’ San Marino mal-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru mal-Awtorità Kompetenti ta’ San Marino skont il-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi.”

;

(4)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, għal kontijiet li huma ttrattati bħala Kont Rapportabbli biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru, u, fir-rigward tal-Kontijiet Rapportabbli kollha, għall-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi skambjata skont il-bidliet magħmula fl-Artikolu 2(2) skont dak il-Protokoll Emendatorju, l-informazzjoni għandha tiġi skambjata fir-rigward tal-ewwel sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Protokoll Emendatorju u tas-snin kollha sussegwenti.

Minkejja l-paragrafi preċedenti, fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jinżamm minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2025 u għall-perjodi ta’ rapportar li jintemmu sat-tieni sena kalendarja wara dik id-data, għandha tiġi skambjata informazzjoni fir-rigward tar-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli hija Persuna Kontrollanti jew detentur ta’ Interess ta’ Ekwità tal-Entità fejn irrapportat mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti f’konformità mat-Taqsima I, is-subparagrafi A(1)(b) u A(6a), tal-Anness I.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Awtoritajiet Kompetenti ser jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni deskritta fl-Artikolu 2 fi skema ta’ standard komuni ta’ rapportar b’Extensible Markup Language bl-użu tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Komuni approvata mill-OECD jew kwalunkwe sistema xierqa oħra għat-trażmissjoni tad-data li tista’ tiġi miftiehma fil-futur.”

;

(c)

jitħassar il-paragrafu 5;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Minbarra r-regoli ta’ kunfidenzjalità u salvagwardji oħra deskritti f’dan il-Ftehim, inklużi dawk deskritti fl-Anness III, l-ipproċessar ta’ data personali skont dan il-Ftehim għandu jkun soġġett, (i) għall-Istati Membri, għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u, (ii) għal San Marino, għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 171 tal-21 ta’ Diċembru 2018 (*2).

Għall-fini tal-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 13, l-Artikolu 14(1) sa (4) u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 sal-punt meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta’ dak ir-Regolament. San Marino għandu jieħu miżuri ekwivalenti skont il-liġi domestika tiegħu.

Kull Stat Membru u San Marino għandhom jiżguraw li kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom tinforma lil kull Persuna Rapportabbli individwali kkonċernata li l-informazzjoni relatata magħha msemmija fl-Artikolu 2 ser tinġabar u tiġi ttrasferita f’konformità ma’ dan il-Ftehim, u għandhom jiżguraw li l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tipprovdi lil dak l-individwu kull informazzjoni li hu intitolat għaliha skont il-leġiżlazzjoni domestika tagħha dwar il-protezzjoni tad-data, u mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-iskop tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu;

(b)

il-bażi legali tal-operazzjoni tal-ipproċessar;

(c)

ir-riċevituri tad-data personali tiegħu;

(d)

l-identità tal-kontrolluri tad-data;

(e)

il-limiti ta’ żmien għall-ħżin tad-data;

(f)

l-eżistenza tad-dritt li jintalbu l-aċċess għad-data personali tiegħu mingħand il-kontrollur, u r-rettifika u t-tħassir tagħha;

(g)

id-dritt għal rimedju amministrattiv u/jew ġudizzjarju u l-proċedura biex isir dan;

(h)

id-dritt għal rikors għand l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji kompetenti għall-protezzjoni tad-data u d-dettalji relevanti ta’ kuntatt.

Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien biżżejjed biex l-individwu jeżerċita d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tiegħu u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti kkonċernata tirrapporta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 lill-awtorità kompetenti tal-ġuriżdizzjoni tagħha ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew San Marino).

L-Istati Membri u San Marino għandhom jiżguraw li kull Persuna Rapportabbli individwali tiġi nnotifikata bi ksur tas-sigurtà fir-rigward tad-data personali tagħha meta dak il-ksur x’aktarx jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tad-data personali jew tal-privatezza tagħha.

(*1)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj)."

(*2)  Bollettino Ufficiale della Repubblica di San Marino [https://www.bollettinoufficiale.sm/on-line/RicercaBU?acm_lang=it_IT&acm_session=D41C8C128609A28C2FB7110E5375A6D1.tomcat1lb&operation=getDocBU&id=1da1d6f8c775533f025aaa32a4094d865ec68fb9].”;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-data personali pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet ta’ dan il-Ftehim u, fi kwalunkwe każ, f’konformità mar-regoli domestiċi ta’ kull kontrollur tad-data dwar l-istatut tal-preskrizzjonijiet.

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti u l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u ta’ San Marino għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data, kull wieħed f’osservanza tal-proċessi personali tad-data skont dan il-Ftehim. Il-kontrolluri tad-data għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw konformità mas-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali stabbiliti f’dan il-Ftehim u għall-ħarsien tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.”

;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, l-informazzjoni riċevuta minn ġuriżdizzjoni (li tkun Stat Membru jew San Marino) tista’ tintuża għal finijiet oħrajn meta tali informazzjoni tista’ tintuża għal tali finijiet oħrajn skont il-liġijiet, inkluż dawk dwar il-protezzjoni tad-data personali, tal-ġuriżdizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni (li tkun, rispettivament, San Marino jew Stat Membru) u meta l-Awtorità Kompetenti ta’ dik il-ġuriżdizzjoni tawtorizza dak l-użu. L-informazzjoni pprovduta minn ġuriżdizzjoni (li tkun Stat Membru jew San Marino) lil ġuriżdizzjoni oħra (li tkun, rispettivament, San Marino jew Stat Membru) tista’ tiġi trażmessa minn din tal-aħħar lil ġuriżdizzjoni terza (li tkun Stat Membru ieħor), soġġetta għas-salvagwardji previsti skont dan l-Artikolu u fl-Anness III u soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Awtorità Kompetenti tal-ewwel ġuriżdizzjoni msemmija li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni.

L-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru lil Stat Membru ieħor skont il-liġi applikabbli tiegħu li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni tista’ tiġi trażmessa lil San Marino dment li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel mill-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni.”

;

(6)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Jekk il-konsultazzjoni tkun relatata ma’ nuqqas ta’ konformità sinifikanti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, u l-proċedura deskritta fil-paragrafu 1 ma tipprevedix soluzzjoni adegwata, l-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ San Marino tista’ tissospendi l-iskambju ta’ informazzjoni skont dan il-Ftehim lejn, rispettivament, San Marino jew Stat Membru speċifiku, billi tavża bil-miktub lill-Awtorità Kompetenti kkonċernata l-oħra. Din is-sospensjoni jkollha effett immedjat. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, nuqqas ta’ konformità sinifikanti jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-salvagwardja tad-data ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-Anness III, tar-Regolament (UE) 2016/679 u tal-Liġi Nru 171 tal-21 ta’ Diċembru 2018, kif applikabbli, nuqqas mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ San Marino li tipprovdi informazzjoni f’waqtha jew adegwata kif meħtieġ skont dan il-Ftehim jew filwaqt li tiddefinixxi l-istatus ta’ Entitajiet jew kontijiet bħala Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi b’mod li jfixkel il-finijiet ta’ dan il-Ftehim.”

;

(7)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Terminazzjoni

Kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta’ terminazzjoni bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Din it-terminazzjoni ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-avviż ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ terminazzjoni, l-informazzjoni kollha riċevuta qabel skont dan il-Ftehim tibqa’ kunfidenzjali u soġġetta, (i) għall-Istati Membri, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 u (ii) għal San Marino, għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 171 tal-21 ta’ Diċembru 2018 u, fiż-żewġ każijiet, għas-salvagwardji speċifiċi għall-protezzjoni tad-data stabbiliti f’dan il-Ftehim, inklużi dawk li jinsabu fl-Anness III.”

;

(8)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-Taqsima I, il-paragrafu A huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju u s-subparagrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Soġġett għall-paragrafi C sa F, kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jeħtiġilha tirrapporta lill-Awtorità Kompetenti tal-ġuriżdizzjoni tagħha (li tkun Stat Membru jew San Marino) fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli ta’ tali Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti:

1.

l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew San Marino), in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid (fil-każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u jekk id-Detentur ta’ Kont ikunx ipprovda awtoċertifikazzjoni valida;

(b)

fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta b’mod konsistenti mat-Taqsimiet V, VI u VII, tiġi identifikata bħala li għandha Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li hija Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru, San Marino jew ġuriżdizzjoni oħra), u n-NITs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew San Marino), in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli, kif ukoll ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli tkun Persuna Kontrollanti tal-Entità u jekk tkunx ġiet ipprovduta awtoċertifikazzjoni valida għal kull Persuna Rapportabbli; u

(c)

jekk il-kont huwiex kont konġunt, inkluż l-għadd ta’ Detenturi ta’ Kontijiet konġunti;

2.

in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru tal-kont), it-tip ta’ kont u jekk il-kont huwiex Kont Preeżistenti jew Kont Ġdid;”

;

(ii)

jitħassar it-terminu “u” fl-aħħar tas-subparagrafu 6;

(iii)

is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu 6:

“6a.

fil-każ ta’ kwalunkwe Interess ta’ Ekwità miżmum f’Entità ta’ Investiment li huwa arranġament legali, ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom il-Persuna Rapportabbli tkun detentur ta’ Interess ta’ Ekwità; u”

;

(b)

fit-Taqsima I, il-paragrafu C huwa sostitwit b’dan li ġej:

“C.

Minkejja s-subparagrafu A(1), fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jkun Kont Preeżistenti, in-NIT(s) jew id-data tat-twelid ma jkunux meħtieġa li jiġu rrapportati jekk dawn in-NIT(s) jew id-data tat-twelid ma jkunux fir-rekords tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti u ma jkunux meħtieġa li jinġabru b’mod ieħor minn din l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-liġi domestika jew kwalunkwe strument legali tal-Unjoni Ewropea (jekk applikabbli). Madankollu, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hija meħtieġa li tuża sforzi raġonevoli biex tikseb in-NIT(s) u d-data tat-twelid fir-rigward ta’ Kontijiet Preeżistenti sa tmiem it-tieni sena kalendarja wara s-sena li fiha l-Kontijiet Preeżistenti ġew identifikati bħala Kontijiet Rapportabbli u kull meta jkun meħtieġ li tiġi aġġornata l-informazzjoni relatata mal-Kont Preeżistenti skont il-Proċeduri tal-AML/KYC domestiċi.”

;

(c)

fit-Taqsima I, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“F.

Minkejja s-subparagrafu A(5)(b) u sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tagħżilx mod ieħor fir-rigward ta’ kwalunkwe grupp ta’ kontijiet identifikat b’mod ċar, ir-rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ Assi Finanzjarju ma jkunx meħtieġ li jiġi rrapportat sa fejn tali rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ tali Assi Finanzjarju jiġi rrapportat mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi.”

;

(d)

fit-Taqsima VI, is-subparagrafu A(2)(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Id-Determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta’ Detentur ta’ Kont. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta’ Detentur ta’ Kont, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista’ tibbaża fuq informazzjoni miġbura u miżmuma skont il-Proċeduri tal-AML/KYC, dment li dawn il-proċeduri jkunu konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF (Financial Action Task Force) tal-2012. Jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx legalment meħtieġa li tapplika l-Proċeduri tal-AML/KYC li huma konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF tal-2012, din trid tapplika proċeduri sostanzjalment simili għall-fini tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti.”

;

(e)

fit-Taqsima VII, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu A:

“Aa.

Nuqqas temporanju ta’ awtoċertifikazzjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-awtoċertifikazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti fir-rigward ta’ Kont Ġdid fil-ħin biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-diliġenza dovuta u tar-rapportar tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ rapportar li matulu jkun infetaħ il-kont, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jeħtiġilha tapplika l-proċeduri tad-diliġenza dovuta għall-Kontijiet Preeżistenti, sakemm tinkiseb u tiġi vvalidata din l-awtoċertifikazzjoni.”

;

(f)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu A(5) sa (7) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.

It-terminu ‘Istituzzjoni Depożitorja’ jfisser kwalunkwe Entità li:

(a)

taċċetta depożiti fil-kors ordinarju ta’ negozju bankarju jew negozju simili; jew

(b)

ikollha Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati jew Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali għall-benefiċċju tal-klijenti.

6.

It-terminu ‘Entità ta’ Investiment’ ifisser kwalunkwe Entità:

(a)

li primarjament twettaq bħala negozju, attività jew operazzjoni waħda jew aktar mill-attivitajiet jew operazzjonijiet li ġejjin għal klijent jew f’ismu:

(i)

negozjar fi strumenti tas-suq monetarju (ċekkijiet, kambjali, ċertifikati tad-depożitu, derivattivi, eċċ.); muniti barranin; strumenti tal-kambju, tar-rati tal-imgħax u tal-indiċi; titoli trasferibbli; jew negozju tal-futuri tal-komoditajiet;

(ii)

ġestjoni ta’ portafolli individwali u kollettivi; jew

(iii)

investiment, amministrazzjoni, jew ġestjoni b’xi mod ieħor ta’ Assi Finanzjarji, flus, jew Kriptoassi Rilevanti f’isem persuni oħrajn; jew

(b)

li l-introjtu gross tagħha jkun attribwibbli primarjament għall-investiment, l-investiment mill-ġdid jew in-negozjar f’Assi Finanzjarji jew Kriptoassi Rilevanti, jekk l-Entità hija ġestita minn Entità oħra li tkun Istituzzjoni Depożitorja, Istituzzjoni ta’ Kustodja, Kumpanija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, jew Entità ta’ Investiment deskritta fis-subparagrafu A(6)(a).

Entità tiġi ttrattata bħala li primarjament twettaq bħala negozju waħda jew aktar mill-attivitajiet deskritti fis-subparagrafu A(6)(a), jew introjtu gross ta’ Entità jiġi primarjament attribwibbli għal investiment, investiment mill-ġdid, jew negozjar f’Assi Finanzjarji jew Kriptoassi Rilevanti għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(b), jekk l-introjtu gross tal-Entità attribwibbli għall-attivitajiet rilevanti jkun 50 % jew aktar tal-introjtu gross tal-Entità matul l-iqsar wieħed minn: (i) il-perjodu ta’ 3 snin li jintemm fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li fiha ssir id-determinazzjoni; jew (ii) il-perjodu li matulu l-Entità tkun ilha teżisti. Għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(a)(iii), it-terminu ‘investiment, amministrazzjoni, jew ġestjoni b’xi mod ieħor ta’ Assi Finanzjarji, flus, jew Kriptoassi Rilevanti f’isem persuni oħrajn’ ma jinkludix il-forniment ta’ servizzi li jwettqu Tranżazzjonijiet ta’ Skambju għall-klijenti jew f’isimhom. It-terminu ‘Entità ta’ Investiment’ ma jinkludix Entità li tkun NFE Attiva għaliex dik l-Entità tissodisfa kwalunkwe kriterju fis-subparagrafi D(9)(d) sa (g).

Dan il-paragrafu għandu jkun interpretat b’mod li jkun konsistenti ma’ lingwaġġ simili stipulat fid-definizzjoni ta’ ‘istituzzjoni finanzjarja’ fir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

7.

It-terminu ‘Assi Finanzjarju’ jinkludi titolu (pereżempju, sehem minn stokk f’korporazzjoni; sħubija jew interess fuq sjieda benefiċjarja fi sħubija jew fiduċjarja b’parteċipazzjoni wiesgħa jew innegozjata pubblikament; kambjala, bond, titolu obbligazzjonarju, jew evidenza oħra ta’ dejn), interess fi sħubija, komodità, swap (pereżempju, swaps tar-rati tal-imgħax, swaps tal-valuti, swaps varjabbli għal varjabbli, limiti massimi tar-rati tal-imgħax, rati tal-imgħax minimi (interest rate floors), swaps tal-komoditajiet, swaps tal-ekwità, swaps tal-indiċi tal-ekwità, u ftehimiet simili), Kuntratt tal-Assigurazzjoni jew Kuntratt tal-Vitalizju, jew kwalunkwe imgħax (inkluż kuntratt jew opzjoni tal-futuri jew forward) f’titolu, Kriptoassi Rapportabbli, interess fi sħubija, komodità, swap, Kuntratt tal-Assigurazzjoni, jew Kuntratt tal-Vitalizju. It-terminu ‘Assi Finanzjarju’ ma jinkludix interess dirett mingħajr dejn fi proprjetà immobbli.”

;

(g)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu wara s-subparagrafu A(8):

“9.

It-terminu ‘Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat’ ifisser kwalunkwe prodott li huwa:

(a)

rappreżentazzjoni diġitali ta’ Munita ta’ Kors Legali waħda;

(b)

maħruġ mal-wasla ta’ fondi għall-fini li jsiru tranżazzjonijiet ta’ pagament;

(c)

irrappreżentat minn talba fuq l-emittent denominat fl-istess Munita ta’ Kors Legali;

(d)

aċċettat bħala pagament minn persuna fiżika jew ġuridika għajr l-emittent; u

(e)

bis-saħħa ta’ rekwiżiti regolatorji li għalihom huwa soġġett l-emittent, jista’ jinfeda fi kwalunkwe ħin u b’parità għall-istess Munita ta’ Kors Legali fuq talba tad-detentur tal-prodott.

It-terminu ‘Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat’ ma jinkludix prodott maħluq għall-fini uniku li jiffaċilita t-trasferiment ta’ fondi minn klijent lil persuna oħra skont l-istruzzjonijiet tal-klijent. Prodott ma jkunx maħluq għall-fini uniku li jiffaċilita t-trasferiment ta’ fondi jekk, fil-kors ordinarju tan-negozju tal-Entità trasferenti, jew il-fondi marbuta ma’ dan il-prodott jinżammu għal aktar minn 60 jum wara li jiġu riċevuti l-istruzzjonijiet biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment, jew, jekk ma tasal l-ebda struzzjoni, il-fondi marbutin ma’ dan il-prodott jinżammu għal aktar minn 60 jum wara li jiġu riċevuti l-fondi.

10.

It-terminu ‘Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali’ jfisser kwalunkwe Munita ta’ Kors Legali diġitali maħruġa minn Bank Ċentrali, jew minn awtorità monetarja oħra.

11.

It-terminu ‘Munita ta’ Kors Legali’ jfisser il-munita uffiċjali ta’ ġuriżdizzjoni, maħruġa minn ġuriżdizzjoni jew mill-Bank Ċentrali jew mill-awtorità monetarja maħtura minn ġuriżdizzjoni, kif irrappreżentata minn karti tal-flus jew muniti fiżiċi jew minn flus f’forom diġitali differenti, inklużi riżervi bankarji jew Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali. It-terminu jinkludi wkoll il-flus tal-banek kummerċjali u l-prodotti ta’ ħlas elettroniku (inklużi l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati).

12.

It-terminu ‘Kriptoassi’ jfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li tiddependi fuq reġistru distribwit magħmul sigur bil-kriptografija jew teknoloġija simili għall-validazzjoni u t-twettiq sigur tat-tranżazzjonijiet.

13.

It-terminu ‘Kriptoassi Rilevanti’ jfisser kwalunkwe Kriptoassi għajr Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali, Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat jew kwalunkwe Kriptoassi li għalih il-Fornitur ta’ Servizzi tal-Kriptoassi tar-Rapportar ikun iddetermina b’mod adegwat li ma jistax jintuża għal finijiet ta’ pagament jew ta’ investiment.

14.

It-terminu ‘Tranżazzjoni ta’ Skambju’ jfisser kwalunkwe:

(a)

skambju bejn il-Kriptoassi Rilevanti u l-Muniti ta’ Kors Legali; u

(b)

skambju bejn forma waħda jew aktar ta’ Kriptoassi Rilevanti”

;

(h)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu B(1)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali, għajr:

(i)

fir-rigward ta’ pagament li jkun derivat minn obbligu li jkun hemm f’konnessjoni ma’ attività finanzjarja kummerċjali tat-tip li tkun attiva fiha Kumpanija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, Istituzzjoni ta’ Kustodja, jew Istituzzjoni Depożitorja; jew

(ii)

fir-rigward tal-attività taż-żamma tal-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali għad-Detenturi ta’ Kontijiet li ma humiex Istituzzjonijiet Finanzjarji, Entitajiet Governattivi, Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew Banek Ċentrali.”

;

(i)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

It-terminu ‘Kont Depożitarju’ jinkludi kwalunkwe kont kummerċjali, kurrenti, ta’ tfaddil, fiss, jew thrift, jew kont li huwa evidenzjat minn ċertifikat ta’ depożitu, ċertifikat ta’ thrift, ċertifikat ta’ investiment, ċertifikat ta’ dejn, jew strument ieħor simili miżmum minn Istituzzjoni Depożitorja. Kont Depożitarju jinkludi wkoll:

(a)

ammont miżmum minn kumpanija tal-assigurazzjoni skont kuntratt ta’ investiment garantit jew ftehim simili biex jitħallas jew jiġi akkreditat imgħax fuqu;

(b)

kont jew kont nozzjonali li jirrappreżenta l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati kollha miżmuma għall-benefiċċju ta’ klijent; u

(c)

kont li għandu Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali waħda jew aktar għall-benefiċċju ta’ klijent.”

;

(j)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(9)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2015 jew, jekk il-kont jiġi ttrattat bħala Kont Finanzjarju bis-saħħa biss tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025, mill-31 ta’ Diċembru 2025.”

;

(k)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.

It-terminu ‘Kont Ġdid’ ifisser Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti miftuħ fl-1 ta’ Jannar 2016 jew wara, jew, jekk il-kont jiġi ttrattat bħala Kont Finanzjarju biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju tat-13 ta’ Ottubru 2025, fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara sakemm ma jiġix ittrattat bħala Kont Preeżistenti skont id-definizzjoni estiża ta’ Kont Preeżistenti fis-subparagrafu C(9).”

;

(l)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu C(17)(e)(iv):

“(v)

fondazzjoni jew żieda fil-kapital ta’ kumpanija dment li l-kont jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

—

il-kont jintuża esklużivament għad-depożitu ta’ kapital li għandu jintuża għall-fini tal-fondazzjoni jew taż-żieda fil-kapital ta’ kumpanija, kif preskritt mil-liġi;

—

kwalunkwe ammont miżmum fil-kont jiġi mblukkat sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tikseb konferma indipendenti rigward il-fondazzjoni jew iż-żieda fil-kapital;

—

il-kont jingħalaq jew jiġi ttrasformat f’kont f’isem il-kumpanija wara l-fondazzjoni jew iż-żieda fil-kapital;

—

kwalunkwe ripagament li jirriżulta minn fondazzjoni jew minn żieda fil-kapital li ma tkunx irnexxiet, netti mill-fornitur tas-servizz u tariffi simili, isir biss lill-persuni li kkontribwew l-ammonti; u

—

il-kont ma jkunx ilu li ġie stabbilit aktar minn 12-il xahar.”

;

(m)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu C(17)(e):

“(ea)

Kont Depożitarju li jirrappreżenta l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati kollha miżmuma għall-benefiċċju ta’ klijent, jekk il-medja rikorrenti ta’ 90 jum tal-bilanċ jew tal-valur aggregat tal-kont fi tmiem il-jum matul kwalunkwe perjodu ta’ 90 jum konsekuttiv ma tkunx qabżet USD 10 000 jew ammont ekwivalenti denominat fil-munita domestika ta’ kull Stat Membru jew ta’ San Marino fi kwalunkwe jum matul is-sena kalendarja jew perjodu ta’ rapportar xieraq ieħor.”

;

(n)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu D(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

It-terminu ‘Persuna Rapportabbli’ tfisser Persuna ta’ ġuriżdizzjoni Rapportabbli għajr: (i) Entità li l-istokk tagħha jiġi nnegozjat b’mod regolari f’suq tat-titoli stabbilit jew aktar minn wieħed; (ii) kwalunkwe Entità li hija Entità Relatata ta’ Entità deskritta fil-klawżola (i); (iii) Entità Governattiva; (iv) Organizzazzjoni Internazzjonali; (v) Bank Ċentrali; jew (vi) Istituzzjoni Finanzjarja.”

;

(o)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu D(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

kwalunkwe ġuriżdizzjoni oħra (i) li magħha l-Istat Membru rilevanti jew San Marino, skont kif jirrikjedi l-kuntest, ikollha ftehim fis-seħħ li skontu dik il-ġuriżdizzjoni l-oħra tipprovdi l-informazzjoni speċifikata fit-Taqsima I; u (ii) li hija identifikata f’lista ppubblikata minn dak l-Istat Membru jew minn San Marino.”

;

(p)

fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara s-subparagrafu E(6):

“7.

It-terminu ‘Servizz ta’ Verifika tal-Gvern’ ifisser proċess elettroniku magħmul disponibbli mingħajr ħlas minn Ġuriżdizzjoni Rapportabbli lil Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għall-finijiet tal-aċċertar tal-identità u tar-residenza tat-taxxa ta’ Detentur ta’ Kont jew ta’ Persuna Kontrollanti.”

;

(q)

it-taqsima li ġejja tiżdied wara t-Taqsima X:

“TAQSIMA XI

MIŻURI TRANŻIZZJONALI

Minkejja s-subparagrafu A(1)(b) u A(6a) tat-Taqsima I, fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jinżamm minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2025 u għall-perjodi ta’ rapportar li jintemmu sat-tieni sena kalendarja wara dik id-data, l-informazzjoni fir-rigward tar-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli hija Persuna Kontrollanti jew detentur ta’ Interess ta’ Ekwità tal-Entità hija meħtieġa li tiġi rrapportata biss jekk tali informazzjoni tkun disponibbli fid-data li tista’ tiġi mfittxija b’mod elettroniku miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti.”

;

(9)

l-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“SALVAGWARDJI ADDIZZJONALI GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA RIGWARD IT-TRATTAMENT TAD-DATA PPROĊESSATA SKONT DAN IL-FTEHIM”

;

(b)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Minimizzazzjoni tad-data

Id-data personali pproċessata mill-Partijiet Kontraenti skont dan il-Ftehim għandha tkun rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti ma għandhomx jiskambjaw data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade unions, data ġenetika, data bijometrika għall-fini ta’ identifikazzjoni unika ta’ persuna fiżika, jew data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali tal-individwu.

4.   It-trasparenza, id-dritt għall-aċċess, għar-rettifika u għat-tħassir tad-data

Meta data personali riċevuta minn ġuriżdizzjoni oħra skont dan il-Ftehim, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim, tintuża għal finijiet oħra fil-ġuriżdizzjoni riċeventi, jew tiġi trażmessa mill-ġuriżdizzjoni riċeventi lil ġuriżdizzjoni terza (li tkun Stat Membru ieħor jew San Marino), l-Awtorità Kompetenti tal-ġuriżdizzjoni riċeventi li tuża d-data personali għal finijiet oħra jew tittrażmettiha lil ġuriżdizzjoni terza għandha tinforma lill-Persuna Rapportabbli individwali kkonċernata. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien biżżejjed biex l-individwu jeżerċita d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tiegħu u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-ġuriżdizzjoni riċeventi tkun użat id-data personali għall-finijiet l-oħra jew tkun ittrażmettietha lill-ġuriżdizzjoni terza.

Fir-rigward ta’ kwalunkwe data personali li tiġi pproċessata skont dan il-Ftehim, kull individwu għandu jkollu d-dritt li jikseb aċċess għad-data personali tiegħu li tirrigwardah u li jikseb rettifika tad-data personali mhux preċiża li tikkonċernah. Meta d-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment, l-individwu jista’ jitlob li din titħassar.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, kull individwu għandu jkun jista’ jagħmel talbiet għall-aċċess għad-data tiegħu, għar-rettifika u/jew għat-tħassir tagħha li jkunu indirizzati lill-Awtorità Kompetenti l-oħra permezz tal-Awtorità Kompetenti tal-individwu stess.

L-Awtorità Kompetenti li ssirilha t-talba għandha tagħti aċċess għad-data rilevanti u, meta jkun xieraq, taġġorna u/jew tikkoreġi kwalunkwe data mhux preċiża jew mhux kompluta.”

;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   Ipproċessar awtomatizzat

L-Awtoritajiet Kompetenti ma għandhom jieħdu l-ebda deċiżjoni li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw individwu jew li taffettwah b’mod sinifikanti u li tkun ibbażata biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data.

7.   Trasferimenti lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

Awtorità Kompetenti kultant tista’ tittrasferixxi data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lill-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi terzi, minbarra l-Istati Membri u San Marino, jekk ikunu applikabbli ċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin:

(a)

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 6(4) fil-pajjiż terz riċeventi u d-data personali tintuża mill-pajjiż terz riċeventi biss għal tali finijiet;

(b)

id-data personali tkun rilevanti u proporzjonata għall-finijiet li għalihom tiġi ttrasferita;

(c)

il-kompetenzi tal-awtorità tal-pajjiż terz huma direttament relatati mal-finijiet imsemmija fl-Artikolu 6(4);

(d)

il-pajjiż terz riċeventi jiżgura livell ta’ protezzjoni tad-data personali li jkun ekwivalenti għal dak stabbilit b’dan il-Ftehim, kif ukoll jimpenja ruħu li ma jittrasferixxix id-data riċevuta lil kwalunkwe parti terza;

(e)

l-Awtorità Kompetenti minn fejn tkun waslet l-informazzjoni tkun ipprovdiet kunsens minn qabel; u

(f)

is-suġġett tad-data jkun ġie infurmat dwar it-trasferiment.

Kwalunkwe trasferiment ieħor ta’ informazzjoni riċevuta skont dan il-Ftehim lil partijiet terzi għandu jkun ipprojbit.”

;

(d)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Sorveljanza

L-ipproċessar tad-data personali mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti u mill-Awtoritajiet Kompetenti skont dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għas-superviżjoni indipendenti ta’ (i) l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 fl-Istati Membri, u (ii) il-Garanti għall-Kunfidenzjalità tad-Data Personali, stabbilit bil-Liġi Nru 171 tal-21 ta’ Diċembru 2018, f’San Marino.

Dawn l-awtoritajiet fl-Istati Membri u f’San Marino għandu jkollhom setgħat effettivi ta’ sorveljanza, investigazzjoni, intervenzjoni u rieżami, u għandu jkollhom is-setgħa li jirreferu ksur tal-liġi għal azzjoni legali, meta jkun xieraq. Huma għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ilmenti relatati man-nuqqas ta’ konformità jiġu riċevuti, investigati, imwieġba u rimedjati kif xieraq.”

;

(10)

fl-Anness IV, jitħassar is-subparagrafu (ac).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll Emendatorju jirrikjedi li jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija ta’ dawn il-proċeduri. Il-Protokoll Emendatorju għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar wara l-aħħar notifika.

Artikolu 3

Lingwi

Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż, u kull test ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Protokoll Emendatorju.

Image 1

Image 2


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/48/oj).

(2)   ĠU L 381, 28.12.2004, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/903/oj.

(3)   ĠU L 346, 31.12.2015, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2015/2469/oj.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L, 2023/2226, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2226/oj).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1 , ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).

(6)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(7)  Bollettino Ufficiale della Repubblica di San Marino [https://www.bollettinoufficiale.sm/on-line/RicercaBU?acm_lang=it_IT&acm_session=D41C8C128609A28C2FB7110E5375A6D1.tomcat1lb&operation=getDocBU&id=1da1d6f8c775533f025aaa32a4094d865ec68fb9].


DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI TAL-PARTIJIET KONTRAENTI

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR IL-FTEHIM U L-ANNESSI

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Annessi I u II tiegħu kif emendati bil-Protokoll Emendatorju ta-13 ta’ Ottubru 2025, li l-Kummentarji tal-Mudell ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-OECD u l-Istandard Komuni ta’ Rapportar, kif ukoll il-Kummentarji tal-Addendum tal-2023 tal-Mudell ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-OECD u tal-aġġornament tal-2023 għall-Istandard Komuni ta’ Rapportar, jenħtieġ li jkunu sors ta’ spjegazzjoni jew interpretazzjoni u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR L-ARTIKOLU 5 TAL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-Artikolu 5 tal-Ftehim huwa allinjat mal-aħħar standard tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali minqux fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD. Għalhekk, il-Partijiet Kontraenti jaqblu, rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5, li l-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital fil-verżjoni attwali meta jiġi ffirmat il-Protokoll Emendatorju jenħtieġ li jkun sors ta’ interpretazzjoni.

Meta l-OECD tadotta verżjonijiet ġodda tal-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital fis-snin sussegwenti, kull Stat Membru jew ir-Repubblika ta’ San Marino, meta jaġixxi bħala l-ġuriżdizzjoni rikjesta, jista’ japplika dawk il-verżjonijiet bħala sors ta’ interpretazzjoni, billi jissostitwixxi dawk preċedenti. Dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lir-Repubblika ta’ San Marino u r-Repubblika ta’ San Marino għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea meta japplikaw is-sentenza preċedenti. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkoordina t-trażmissjoni tan-notifika mill-Istati Membri lir-Repubblika ta’ San Marino u l-Kummissjoni Ewropea għandha tittrażmetti n-notifika mir-Repubblika ta’ San Marino lill-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni għandu jkollha effett mid-data tan-notifika.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR IR-RELAZZJONIJIET BEJN SAN MARINO U L-UNJONI EWROPEA

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol attiv tar-Repubblika ta’ San Marino fil-proċess internazzjonali għat-trasparenza u għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa fost il-pajjiżi. San Marino qed jaħdem b’mod kostanti lejn konverġenza sħiħa mal-istandards internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, it-taxxa u l-finanzi, kif ġie rikonoxxut mill-Moneyval, mill-OECD u mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

B’mod partikolari, il-proċess ta’ allinjament mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar kwistjonijiet bankarji, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, is-sistemi ta’ pagament, l-istatistika, u l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro — dispożizzjonijiet li huma importanti wkoll fir-rigward tal-istandards ta’ trasparenza msemmija hawn fuq — huwa rregolat mill-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (il-“Ftehim Monetarju”), iffirmat fl-2012. Fil-Ftehim Monetarju, San Marino impenja ruħu li jittrasponi s-sett rilevanti ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea fis-sistema legali nazzjonali tiegħu stess.

Dan il-proċess ta’ konverġenza huwa maħsub li jiġi assistit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (il-“Ftehim”), li fir-rigward tiegħu San Marino enfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja, teknika u operazzjonali.

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rieda ta’ San Marino li jikseb l-integrazzjoni effettiva tas-sistema finanzjarja u bankarja tiegħu fis-suq tal-Unjoni, f’konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim Monetarju, filwaqt li jitqies il-bidu tal-iskambju ta’ informazzjoni skont il-Ftehim.

Kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni ser ikomplu jiġu indirizzati fil-kuntest tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea, li n-negozjati għalih ġew konklużi fit-12 ta’ Diċembru 2023.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR ID-DEFINIZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu, b’referenza għall-kriterji biex tiġi identifikata Istituzzjonijiet Finanzjarji Mhux Rapportanti (l-Anness I, it-Taqsima VIII, il-paragrafu B), li għal San Marino, it-terminu “Bank Ċentrali” (l-Anness I, it-Taqsima VIII, is-subparagrafu B (4)) għandu jiġi interpretat li jirreferi għall-Bank Ċentrali tar-Repubblika ta’ San Marino (Banca Centrale della Repubblica di San Marino).

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR ID-DĦUL FIS-SEĦĦ TAL-PROTOKOLL EMENDATORJU

Il-Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li huma jistennew li r-rekwiżiti kostituzzjonali ta’ San Marino u r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar id-dħul fi ftehimiet internazzjonali ser jiġu ssodisfati fil-ħin biex il-Protokoll Emendatorju jkun jista’ jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar 2026. Huma ser jieħdu l-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom sabiex jilħqu dak l-għan.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2428/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)