|
11.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 117/95 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Mejju 2010
dwar il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-medda ta’ frekwenzi 790-862 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2923)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/267/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” (2) saħqet dwar l-importanza li l-medda ta’ frekwenzi 790-862 MHz (il-“medda ta’ 800 MHz”) tinfetaħ għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika b’mod koerenti permezz tal-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet tekniċi tal-użu. Il-medda ta’ 800 MHz hija parti mid-dividend diġitali, jiġifieri, mill-frekwenzi tar-radju li huma rilaxxati minħabba l-użu aktar effiċjenti tal-ispettru permezz tat-tranżizzjoni tat-televiżjoni analogu għal televiżjoni diġitali terrestri. Il-benefiċċji soċjo-ekomomiċi identifikati huma bbażati fuq l-ipoteżi ta’ approċċ Komunitarju li jirrilaxxa l-medda ta’ 800 MHz sal-2015 u li jimponi kundizzjonijiet tekniċi biex jippreveni l-interferenzi transkonfinali ta’ potenza kbira. |
|
(2) |
Il-principji dwar teknoloġija u servizz newtrali ġew konfermati bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (3) (id-Direttiva dwar Regolamentazzjoni Aħjar). Barra minn hekk, l-opinjoni li ta l-Grupp dwar il-Politika tal-Ispettru tar-Radju (l-RSPG) tat-18 ta’ Settembru 2009 dwar id-dividend diġitali tinkoraġġixxi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Politika ta’ Aċċess bla Wajers għal Servizzi ta’ Komunikazzjoni Elettronika (il-WAPECS) u tirrakkomanda li l-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha kemm jista’ jkun malajr biex timminimizza l-inċertezza tal-UE fir-rigward ta’ kemm l-Istati Membri jirnexxilhom jagħmlu l-medda ta’ 800 MHz disponibbli. |
|
(3) |
Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Settembru 2008“Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali”, iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrilaxxaw id-dividendi diġitali tagħhom kemm jista’ jkun malajr u jappella għal rispons fuq livell Komunitarju. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2009 dwar it-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Kunsill stabbilita fl-2008, li stieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa u tassisti lill-Istati Membri fil-proċess li bih tinkiseb kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi fil-koordinazzjoni tal-użu tal-ispettru u fil-ksib tal-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali. |
|
(4) |
Fid-dawl tal-impatt qawwi li l-komunikazzjoni broadband tħalli fuq it-tkabbir, il-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku (4) ffissa bħala mira li jassikura kopertura tal-broadband ta’ 100 % li għandha tintlaħaq bejn l-2010 u l-2013 (5). Din il-mira ma tistax tintlaħaq jekk l-infrastrutturi wireless ma jingħatawx rwol sinifikanti xi jwettqu, li jinkludi l-forniment tal-broadband f’żoni rurali, li parti minnu tista’ ssir billi dawn iż-żoni jingħataw il-benefiċċju ta’ aċċess bikri għad-dividend diġitali. |
|
(5) |
L-allokazzjoni tal-medda ta’ 800 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tkun element importanti li jindirizza l-konverġenza tas-setturi tal-komunikazzjoni mobbli u fissa u tax-xandir, u tirrifletti l-innovazzjoni teknika. Is-servizzi pprovduti f’din il-medda ta’ frekwenzi għandhom ikunu mmirati l-aktar lejn l-aċċess tal-utent aħħari għall-komunikazzjoni broadband, li tinkludi l-kontenut tax-xandir. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, fit-3 ta’ April 2008, il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (minn hawn ‘il quddiem “is-CEPT”) biex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu applikati għall-medda ta’ 800 MHz, li jkunu ottimizzati iżda mhux limitati, għan-netwerks ta’ komunikazzjoni fissi u/jew mobbli, b’fokus partikolari fuq il-kundizzjonijiet tekniċi komuni u minimi (l-inqas restrittivi), l-iktar distribuzzjoni xierqa tal-frekwenzi u rakkomandazzjoni dwar l-aħjar mod li bih jiġu ġestiti s-servizzi tal-Ħolqien ta’ Programmi u Avvenimenti Speċjali (il-PMSE). |
|
(7) |
Bħala rispons għal dak il-mandat, is-CEPT adottat erba’ rapporti (ir-Rapporti Nru 29, 30, 31 u 32 tas-CEPT). Dawn fihom kundizzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet bażi u l-istazzjonijiet terminali li joperaw fil-medda ta’ 800 MHz. Dawn il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għandhom jiffaċilitaw l-ekonomiji fil-kobor, mingħajr il-ħtieġa li tintuża xi tip ta’ teknoloġija partikolari, u abbażi ta’ parametri ottimizzati għall-użu l-iktar probabbli tal-medda ta’ frekwenzi. |
|
(8) |
Ir-Rapport Nru 29 tas-CEPT jagħti indikazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet tal-koordinazzjoni transkonfinali li għandhom importanza speċifika waqt il-fażi ta’ koeżistenza, jiġifieri, meta xi Stati Membri jkunu setgħu applikaw il-kundizzjonijiet tekniċi ottimizzati għan-netwerks ta’ komunikazzjoni fissa u/jew mobbli, filwaqt li Stati Membri oħra jkunu għadhom qed joperaw trażmettituri tax-xandir ta’ potenza għolja fil-medda ta’ 800 MHz. Is-CEPT tqis li l-Atti Finali tal-Konferenza Reġjonali tar-Radjukomunikazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għall-ippjanar tas-servizz ta’ xandir diġitali terrestri f’partijiet tar-Reġjuni 1 u 3, fil-meded ta’ frekwenzi 174-230 MHz u 470-862 MHz (il-Ftehim GE06) jipprovdu l-proċeduri regolatorji neċessarji għall-koordinazzjoni transkonfinali. |
|
(9) |
Ir-Rapport Nru 30 tas-CEPT jidentifika l-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi permezz tal-kunċett ta’ Block-Edge Masks (BEMs), li huma rekwiżiti regolatorji mmirati sabiex jevitaw ir-riskju ta’ interferenza li tagħmel il-ħsara bejn netwerks li jinsabu qrib xulxin, u huma mingħajr preġudizzju għal-limiti stabbiliti fi standards għat-tagħmir skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/5/KE tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (id-Direttiva R&TTE) (6). Abbażi ta’ dan ir-Rapport tas-CEPT, il-BEMs huma ottimizzati, iżda mhux limitati, għan-netwerks ta’ komunikazzjoni fissi u/jew mobbli li jużaw Frequency-Division Duplexing (FDD) u/jew Time-Division Duplexing (TDD). |
|
(10) |
Fil-każijiet fejn tiġi kkawżata l-interferenza li tagħmel il-ħsara jew fejn jitqies b’mod raġonevoli li din tista’ tiġi kkważata, il-miżuri identifikati fir-Rapport Nru 30 tas-CEPT jistgħu wkoll jiġu integrati bl-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali proporzjonati. |
|
(11) |
Il-prevenzjoni ta’ interferenzi u disturbi li jagħmlu l-ħsara lit-tagħmir riċevitur tat-televiżjoni, inkluż it-tagħmir tat-televiżjoni bil-kejbil, tista’ tiddependi mill-preżenza ta’ mekkaniżmi aktar effettivi għall-ilqugħ ta’ interferenzi f’dan it-tagħmir. Il-kundizzjonijiet relatati mar-riċevituri ta’ televiżjoni għadhom jiġu indirizzati b’urġenza fil-qafas tad-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kompatibilità elettromanjetika u jħassar id-Direttiva 89/336/KEE (id-Direttiva EMC (7)). |
|
(12) |
Il-prevenzjoni ta’ interferenzi li jagħmlu l-ħsara lit-tagħmir riċevitur tat-televiżjoni, inkluż it-tagħmir tat-televiżjoni bil-kejbil, tista’ tiddependi wkoll mil-limiti għall-emissjonijiet fil-blokk tal-frekwenzi jew barra mill-medda ta’ frekwenzi għall-istazzjonijiet terminali. Il-kundizzjonijiet relatati mal-istazzjonijiet terminali għadhom jiġu indirizzati b’urġenza fil-qafas tad-Direttiva R&TTE b’mod konformi mal-elementi żviluppati fir-Rapport Nru 30 tas-CEPT. |
|
(13) |
Ir-Rapport Nru 31 tas-CEPT jikkonkludi li d-distribuzzjoni ta’ frekwenzi preferuta għall-medda ta’ 800 MHz għandha tkun ibbażata fuq il-modalità FDD biex tiffaċilita l-koordinazzjoni transkonfinali mas-servizzi ta’ xandir, u jinnota li din it-tip ta’ distribuzzjoni ma tiddiskrimina favur jew kontra xi teknoloġija attwalment prevista. Dan ma jeskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrikorru għal tipi oħra ta’ distribuzzjoni ta’ frekwenzi biex (a) jiksbu oġġettivi ta’ interess ġenerali, (b) jiżguraw aktar effiċjenza permezz ta’ ġestjoni tal-ispettru abbażi tas-suq, (c) jiżguraw aktar effiċjenza meta jaqsmu d-drittijiet eżistenti għall-użu f’perjodu ta’ koeżistenza, jew (d) jipprevenu interferenzi li jagħmlu l-ħsara, pereżempju, fil-koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, meta jallokaw il-medda ta’ 800 MHz, jew jagħmluha disponibbli, għas-sistemi li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, l-Istati Membri għandhom jużaw id-distribuzzjoni ta’ frekwenzi preferuta jew id-distribuzzjonijiet alternattivi deskritti fir-Rapport Nru 31 tas-CEPT. |
|
(14) |
Ir-Rapport Nru 32 tas-CEPT jirrikonoxxi l-interess fit-tħaddim kontinwu ta’ applikazzjonijiet għall-PMSE u jidentifika għadd ta’ meded ta’ frekwenzi potenzjali u żviluppi tekniċi innovattivi bħala soluzzjoni għall-użu attwali tal-medda ta’ 800 MHz minn dawn l-applikazzjonijiet. L-amministrazzjonijiet għandhom ikomplu jistudjaw l-alternattivi disponibbli u l-effiċjenza tas-sistemi tal-PMSE bil-għan li jinkludu s-sejbiet tagħhom fir-rapporti perjodiċi li jgħaddu lill-Kummissjoni dwar l-użu effikaċi tal-ispettru. |
|
(15) |
Minħabba l-urġenza li saħqu dwarha l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-RSPG, kif ukoll id-domanda dejjem tiżdied tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika terestri li jipprovdu komunikazzjoni broadband, li hija identifikata fl-istudji fuq livell Ewropew u internazzjonali, il-konklużjonijiet tal-mandat tas-CEPT għandhom isiru applikabbli fl-Unjoni Ewropea u jiġu implimentati mill-Istati Membri minn meta dawn jallokaw il-medda ta’ 800 MHz għal netwerks għajr dawk in-netwerks tax-xandir b’potenza għolja. |
|
(16) |
Għalkemm hemm ħtieġa urġenti għad-disponibbiltà ta’ kundizzjonijiet tekniċi komuni għall-użu effiċjenti tal-medda ta’ 800 MHz minn sistemi li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe azzjoni li tittieħed minn xi Stat Membru wieħed jew iktar fil-ġejjieni qrib ma tnaqqasx il-benefiċċju ta’ approċċ Ewropew armonizzat, iż-żmien li fih isiru l-affarijiet jaffettwa b’mod dirett l-organizzazzjoni tas-servizzi tax-xandir min-naħa tal-Istati Membri fit-territorji nazzjonali tagħhom. |
|
(17) |
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu b’mod individwali x’ħin u jekk jallokawx jew jagħmlux disponibbli l-medda ta’ 800 MHz għal netwerks li mhumiex tax-xandir ta’ potenza għolja, u din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-użu tal-medda ta’ 800 MHz għall-fini tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, u d-difiża f’xi Stati Membri. |
|
(18) |
Il-Kummissjoni ma għandha tiddefinixxi ebda data ta’ skadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-medda ta’ 800 MHz għas-sistemi li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika; dan jiġi deċiż jekk u meta jkun xieraq mill-Parlament u mill-Kunsill, wara li ssirilhom proposta mill-Kummissjoni. |
|
(19) |
L-allokazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-medda ta’ 800 MHz skont il-konklużjonijiet li joħorġu mill-mandat għas-CEPT jirrikonoxxu l-fatt li hemm applikazzjonijiet oħra tar-radjukomunikazzjoni li mhumiex koperti b’din id-Deċiżjoni. Fil-każ fejn ir-Rapporti Nru 29, 30, 31 u 32 tas-CEPT ma jindirizzawx il-koeżistenza ma’ applikazzjoni tar-radjukomunikazzjoni, il-kriterji xierqa ta’ qsim għall-koeżistenza jistgħu jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet nazzjonali. |
|
(20) |
L-aħjar użu tal-medda ta’ 800 MHz meta Stati Membri ġirien jew pajjiżi terzi jkunu ddeċidew li jagħmlu użi differenti minn din il-medda hu meħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni kostruttiva tat-trażmissjonijiet transkonfinali bil-għan li jiġi stabbilit approċċ innovattiv mill-partijiet kollha, li jqis l-opinjonijiet tal-RSPG tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kwistjonijiet tal-ispettru fir-rigward tal-fruntieri esterni tal-UE u tat-18 ta’ Settembru 2009 dwar id-dividend diġitali. L-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq il-ħtieġa li jikkoordinaw mal-Istati Membri li jkomplu jużaw id-drittijiet eżistenti tax-xandir ta’ potenza għolja. Għandhom ukoll jiffaċilitaw ir-riorganizzazzjoni tal-medda ta’ 800 MHz fil-ġejjieni biex jippermettu, għal żmien fit-tul, l-aħjar użu tagħha minn sistemi ta’ potenza baxxa u medja li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Fil-każ partikolari tal-koeżistenza ma’ sistemi ta’ radjunavigazzjoni ajrunawtika, li teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi flimkien ma’ BEMs, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ftehimiet bilaterali jew multilaterali. |
|
(21) |
L-użu tal-medda ta’ 800 MHz għal applikazzjonijiet eżistenti oħra f’pajjiżi terzi jista’ jillimita l-introduzzjoni u l-użu ta’ din il-medda għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika f’diversi Stati Membri, u dan għandu jitqies fi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed fil-ġejjieni biex tiġi ffissata data sa meta l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-medda ta’ 800 MHz għal dawn is-sistemi terrestri. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa bit-tagħrif rigward dawn il-limitazzjonijiet skont l-Artikoli 7 u 6(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, u għandu jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(22) |
Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-medda ta’ 800 MHz għal-żmien fit-tul ukoll, l-amministrazzjonijiet għandhom ikomplu jistudjaw is-soluzzjonijiet li jistgħu jżidu l-effiċjenza u l-użu innovattiv. Dawn l-istudji għandhom jitqiesu meta tkun se tiġi kkunsidrata reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(23) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Din id-deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-medda ta’ 790-862 MHz (il-medda ta’ 800 MHz) għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
1. Meta jallokaw jew jagħmlu l-medda ta’ 800 MHz disponibbli għal netwerks li mhumiex tax-xandir ta’ potenza għolja, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dan, fuq bażi mhux esklussiva, għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, skont il-parametri mogħtija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 jagħtu l-protezzjoni xierqa lis-sistemi f’meded li jmissu magħhom.
3. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ftehimiet dwar il-koordinazzjoni transkonfinali bil-għan li jippermettu l-funzjonament tas-sistemi msemmija fil-paragrafu 1, billi jitqiesu l-proċeduri u d-drittijiet regolatorji eżistenti.
4. L-Istati Membri mhux se jkunu obbligati li jimplimentaw l-obbligi fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni fiż-żoni ġeografiċi fejn il-koordinazzjoni tal-ispettru ma’ pajjiżi terzi teħtieġ devjazzjoni mill-parametri mogħtija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, sakemm jinnotifikaw l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni, li tinkludi ż-żoni ġeografiċi affettwati, u li tippublikaha skont id- Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex isolvu dawn id-devjazzjonijiet u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-medda ta’ 800 MHz taħt sorveljanza kontinwa u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni meta jintalbu. Il-Kummissjoni għandha, meta jkun xieraq, tagħmel reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2010.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Viċi President
(1) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.
(2) COM(2009) 586.
(3) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37.
(4) Konklużjonijiet tal-Presidenza, Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell, 12 ta’ Diċembru 2008, 17271/08.
(5) Approvat mill-Kunsill: Il-Kunsill tal-Kompetittività, Dokument dwar il-Kwistjonijiet Prinċipali, Marzu 2009.
ANNESS
IL-PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI
Il-kundizzjonijiet tekniċi ppreżentati f’dan l-Anness jirreferu għad-distribuzzjoni tal-frekwenzi u l-block-edge masks (BEMs). BEM hija maskra għall-emissjonijiet, definta bħala funzjoni tal-frekwenza, relattiva għat-tarf ta’ blokk ta’ spettru li d-drittijet għall-użu tiegħu jkunu ngħataw lil operatur. Din hija magħmula minn komponenti ġewwa l-blokk u komponenti ′l barra mill-blokk, li jispeċifikaw il-livelli permissibbli għall-emissjonijiet fil-frekwenzi ġewwa u ′l barra mill-blokk ta’ spettru li tkun inħarġitlu liċenzja, rispettivament.
Il-livelli tal-BEM jiġu stabbiliti billi l-valuri elenkati fit-tabelli ta’ hawn taħt jiġu kkumbinati b’tali mod li l-limitu fi frekwenza partikolari jiġi ddeterminat skont l-ogħla valur (l-inqas strett) ta’ (a) ir-rekwiżiti ta’ referenza, (b) ir-rekwiżiti ta’ tranżizzjoni, u (c) ir-rekwiżiti ta’ ġewwa l-blokk (fejn xieraq). Il-BEMs huma ppreżentati bħala l-limiti superjuri tal-medja tal-potenza iżotropika rradjata ekwivalenti (EIRP - equivalent isotropically radiated power) jew tal-potenza rradjata totali (TRP — total radiated power) (1) fuq perjodu ta’ żmien għall-kejl tal-medja, u fuq wisa’ ta’ medda ta’ frekwenzi għall-kejl. Fl-ambitu tal-ħin, il-medja tal-EIRP jew tat-TRP titkejjel fuq il-porzjonijiet attivi tal-emissjonijiet tas-sinjali massimi u tikkorrispondi għal aġġustament uniku tal-kontroll tal-potenza. Fl-ambitu tal-frekwenzi, l-EIRP jew it-TRP tiġi ddeterminata fuq medda ta’ frekwenzi għall-kejl speċifikata fit-tabelli li ġejjin (2). Ġeneralment, u sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, il-livelli tal-BEM jikkorrispondu għall-potenza rradjata mit-tagħmir rilevanti, ikun xi jkun l-għadd tal-antenni li jittrażmettu, għajr fil-każ tar-rekwiżiti ta’ tranżizzjoni għall-istazzjonijiet bażi, li jiġu speċifikati skont l-għadd ta’ antenni.
Il-BEMs għandhom jiġu applikati bħala komponent essenzjali tal-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji biex tiġi żgurata l-koeżistenza bejn is-servizzi fuq livell nazzjonali. Madankollu, għandu jinftiehem li l-BEMs derivati mhux dejjem jipprovdu l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ għas-servizzi li huma suġġetti għall-interferenzi li jagħmlu l-ħsara u li jkun meħtieġ li jiġu applikati tekniki addizzjonali għat-tnaqqis ta’ interferenza b’mod proporzjonat fuq livell nazzjonali biex jiġu solvuti l-każijiet ta’ interferenzi li jkun fadal.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-operaturi ta’ sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-medda ta’ 800 MHz jistgħu jużaw parameti tekniċi inqas stretti minn dawk mogħtija hawn taħt, sakemm ikun sar qbil dwar l-użu ta’ dawn il-parametri bejn il-partijiet affettwati u li dawn l-operaturi jibqgħu konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta’ servizzi, applikazzjonijiet jew netwerks oħra u mal-obbligi derivati mill-koordinazzjoni transkonfinali.
It-tagħmir li jopera f’din il-medda ta’ frekwenzi jista’ juża wkoll limiti ta’ potenza differenti minn dawk mogħtija hawn isfel, sakemm ikunu applikati tekniċi xierqa għat-tnaqqis ta’ interferenza li jkunu konformi mad-Direttiva 1999/5/KE, u li joffru livell ta’ protezzjoni talanqas ekwivalenti għal dak ipprovdut minn dawn il-parametri tekniċi.
It-terminu “block edge” jirreferi għal-limitu tal-frekwenza ta’ dritt għall-użu awtorizzat. It-terminu “band edge” jirreferi għal-limitu ta’ medda ta’ frekwenzi allokata għal ċertu użu.
A. Parametri ġenerali
|
1. |
Fil-medda ta’ frekwenzi 790-862 MHz, id-distribuzzjoni ta’ frekwenzi għandha tkun kif ġej:
|
|
2. |
Mingħajr preġudizzju għall-kontenut tal-Parti A(1), iżda bil-kundizzjoni li jiġu applikati l-kundizzjonijiet tekniċi tal-Parti B u tal-Parti C ta’ dan l-Anness, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw distribuzzjonijiet ta’ frekwenzi alternattivi bil-għan li (a) jiksbu oġġettivi ta’ interess ġenerali, (b) jiżguraw aktar effiċjenza permezz ta’ ġestjoni tal-ispettru bbażat fis-suq, (c) jiżguraw aktar effiċjenza meta jaqsmu d-drittijiet eżistenti għall-użu waqt il-perjodu ta’ koeżistenza, jew (d) jipprevenu l-interferenzi. |
B. Kundizzjonijiet tekniċi għal stazzjonijiet bażi (BS) FDD jew TDD
|
1. |
Limiti ġewwa l-blokk:
Il-limiti ta’ EIRP fil-blokk tal-istazzjonijiet bażi mhumiex obbligatorji. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti u normalment, sakemm ma jkunx ġustifikat mod ieħor, dawn il-limiti jkunu fil-medda ta’ bejn 56 dBm/5 MHz u 64 dBm/5 MHz. |
|
2. |
Limiti ′l barra mill-blokk:
Tabella 1 Rekwiżiti ta’ referenza — limiti ta’ EIRP ’il barra mill-blokk tal-Istazzjon Bażi (BS BEM)
Tabella 2 Rekwiżiti ta’ tranżizzjoni — limiti ta’ EIRP ’il barra mill-blokk tal-Istazzjon Bażi (BS BEM), għal kull antenna (3) fil-frekwenzi tal-konnessjoni dixxendentali FDD u tat-TDD
Tabella 3 Rekwiżiti ta’ tranżizzjoni — limiti ta’ EIRP ’il barra mill-blokk tal-Istazzjon Bażi (BS BEM), għal kull antenna (4) fil-frekwenzi li jintużaw bħala medda ta’ frekwenzi ta’ protezzjoni
Tabella 4 Rekwiżiti ta’ referenza — limiti ta’ EIRP ’il barra mill-blokk tal-Istazzjon Bażi (BS BEM) fil-frekwenzi aktar baxxi minn 790 MHz
Il-każijiet A, B u C elenkati fit-Tabella 4 jistgħu jiġu applikati għal kull stazzjon tax-xandir u/jew kull reġjun, biex hekk, l-istess stazzjon tax-xandir jista’ jkollu livelli differenti ta’ protezzjoni f’żoni ġeografiċi differenti u stazzjonijiet tax-xandir differenti jista’ jkollhom livelli differenti ta’ protezzjoni fl-istess żona ġeografika. L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rekwiżit ta’ referenza fil-każ A f’ċirkustanzi fejn stazzjonijiet tax-xandir diġitali terrestri jintużaw waqt l-iskjerament ta’ sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. L-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-rekwiżit ta’ referenza fil-każijiet A, B u C f’ċirkustanzi fejn l-istazzjonijiet rilevanti tax-xandir ma jkunux qed jintużaw waqt l-iskjerament ta’ sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Għandhom iqisu li l-każijiet A u B għandhom il-possibbiltà li jibdew jużaw l-istazzjonijiet rilevanti tax-xandir għal xandir diġitali terrestri f’data fil-ġejjieni, filwaqt li l-każ C ikun xieraq meta ma jkunx hemm pjanijiet biex l-istazzjonijiet rilevanti tax-xandir jibdew jintużaw. |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
C. Kundizzjonijiet tekniċi għal stazzjonijiet terminali (TS) FDD jew TDD
Tabella 5
Rekwiżiti ta’ ġewwa l-blokk — limiti ta’ emissjoni ġewwa l-blokk tal-Istazzjon Terminali (TS BEM) fil-frekwenzi tal-konnessjoni axxendentali FDD u TDD
|
Potenza medja massima fil-blokk |
23 dBm (7) |
L-Istati Membri jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward tal-limitu indikat fit-Tabella 5 fil-każ ta’ xi skjeramenti speċifiċi, pereżempju, stazzjonijiet terminali fissi f’żoni rurali, sakemm ma tiġix kompromessa l-protezzjoni ta’ servizzi, netwerks u applikazzjonijiet oħra u l-obbligi transkonfinali jibqgħu mħarsa.
(1) It-TRP hija unità ta’ kejl għall-ammont ta’ potenza rradjata mill-antenna. It-TRP hija definita bħala l-parti integrali tal-potenza trażmessa f’direzzjonijiet differenti fl-isfera sħiħa ta’ radjazzjoni.
(2) Il-wisa’ tal-medda ta’ frekwenzi reali għall-kejl tat-tagħmir tal-kejl li jintuża għall-fini tat-testijiet tal-konformità tista’ tkun iżgħar minn dik tal-medda ta’ frekwenzi għall-kejl indikata fit-tabelli.
(3) Għal bejn antenna waħda u erba’ antenni.
(4) Ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna.
(5) 790 MHz sa 791 MHz fil-każ tad-distribuzzjoni ta’ frekwenzi deskritta fil-Parti A(1).
(6) 821 MHz sa 832 MHz fil-każ tad-distribuzzjoni ta’ frekwenzi deskritta fil-Parti A(1).
(7) Dan il-limitu ta’ potenza huwa speċifikat bħala l-EIRP fil-każ tal-istazzjonijiet terminali ddisinjati biex ikunu fissi jew jiġu installati, u bħala t-TRP għall-istazzjonijiet terminali ddisinjati biex ikunu mobbli jew nomadiċi. L-EIRP u t-TRP huma ekwivalenti fil-każ tal-antenni isotropiċi. Huwa magħruf li dan il-valur huwa suġġett għal tolleranza ta’ mhux aktar minn + 2 dB, biex jitqiesu l-funzjonament f’kundizzjonijiet ambjentali estremi u d-differenzi fil-produzzjoni.