SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
1 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Artikolu 17 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI – ‘Isem tal-ikel’ – ‘Isem tal-prodott’ – Dettalji obbligatorji dwar l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel – Komponent jew ingredjent użat għas-sostituzzjoni totali jew parzjali ta’ dak li l-konsumaturi jistennew li jkun użat b’mod normali jew preżenti fi prodott tal-ikel”
Fil-Kawża C‑595/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht Ansbach (il-Qorti Amministrattiva Bavariża ta’ Ansbach, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura
LSI – Germany GmbH
vs
Freistaat Bayern,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Piçarra (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal LSI – Germany GmbH, minn G. Weyland, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Freistaat Bayern, minn J. Greim‑Diroll, Landesanwältin, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u B. Rous Demiri, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, ĠU 2016, L 266, p. 7, u ĠU 2022, L 35, p. 26). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LSI – Germany GmbH (iktar ’il quddiem “LSI”) u Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi lil LSI milli tqiegħed fis-suq prodotti tal-ikel li hija tipproduċi mingħajr indikazzjoni ta’ ċerti komponenti jew ingredjenti qrib sew l-isem ta’ dawn il-prodotti tal-ikel fil-kamp viżiv prinċipali. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 1169/2011
|
3 |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, dan ir-regolament “jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel”. |
|
4 |
Bit-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…] 2. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għanijiet ġenerali”, jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.” |
|
6 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:
[…]
2. L-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur. […]” |
|
7 |
Intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Isem tal-ikel”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-isem tal-ikel għandu jkun l-isem ġuridiku tiegħu. Jekk ma jkunx hemm dak l-isem, l-isem tal-ikel għandu jkun l-isem tradizzjonali tiegħu, jew, jekk ma jkollux isem tradizzjonali jew l-isem tradizzjonali ma jintużax, għandu jingħata l-isem deskrittiv tal-ikel. […] 4. L-isem tal-ikel m’għandux jiġi sostitwit b’isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali, isem tad-ditta jew isem ornamentali. 5. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-isem tal-ikel u d-dettalji li għandhom jakkumpanjawh huma stabbiliti fl-Anness VI.” |
|
9 |
L-Anness VI tal-istess regolament huwa intitolat “L-isem tal-ikel u d-dettalji speċifiċi akkumpanjanti” u huwa suddiviż fi tliet partijiet. Il-Parti A, intitolata “Dettalji obbligatorji li jakkumpanjaw l-isem tal-ikel”, tipprovdi, fil-punt 4 tagħha: “Fil-każ ta’ ikel li fih komponent jew ingredjent li l-konsumaturi jistennew li jkun użat b’mod normali jew preżenti b’mod naturali ġie sostitwit b’komponent jew ingredjent differenti, l-ittikkettjar għandu jkollu – minbarra l-lista tal-ingredjenti – indikazzjoni ċara tal-komponent jew tal-ingredjent li intuża għas-sostituzzjoni parzjali jew sħiħa:
|
Ir-Regolament Nru 178/2002
|
10 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ikel” bħala “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
LSI timmanifattura mini-salami mil-laħam tat-tjur li jinkludi, b’sostituzzjoni tax-xaħam tal-annimali, ix-xaħam tal-palma u ż-żejt tal-kolza, li hija tqiegħed fis-suq taħt il-forma ta’ prodott ta’ ikel ippakkjat minn qabel u mibjugħ bl-imnut bl-isem ta’ “BiFi The Original Turkey” (iktar ’il quddiem il-“prodott tal-ikel inkwistjoni”). “BiFi The Original” hija, taħt id-dritt Ġermaniż, trade mark kemm verbali kif ukoll figurattiva u, taħt id-dritt tal-Unjoni, hija trade mark figurattiva. |
|
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2019, l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti pprojbixxiet lil LSI li tqiegħed fis-suq il-prodott tal-ikel inkwistjoni mingħajr indikazzjoni tal-ingredjenti sostituttivi inkwistjoni qrib sew l-isem tad-ditta “BiFi The Original Turkey”, li jinsab fuq il-wiċċ ta’ quddiem tal-imballaġġ, permezz ta’ daqs ta’ font li l-għoli tal-ittra x tkun minn tal-inqas ugwali għal 75 % ta’ dan l-isem tal-prodott u li ma jkunx iżgħar mill-għoli minimu tad-daqs tal-font previst fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1169/2011. |
|
13 |
Dan ir-rekwiżit ta’ ttikkettjar huwa impost mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 17(5) u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011, b’mod iktar preċiż, bl-espressjoni “isem tal-prodott”, li ma huwiex sinonimu ta’ “isem tal-ikel”. L-ewwel espressjoni tiġbor fiha wkoll b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “isem tad-ditta” jew ta’ “isem ornamentali” msemmija fl-Artikolu 17(4) ta’ dan ir-regolament u tirrikjedi, f’dan il-każ, li l-indikazzjoni tal-isem tad-ditta “BiFi The Original Turkey” li tinsab fuq il-quddiem tal-imballaġġ tal-prodott tal-ikel inkwistjoni u li hija mqiegħda fil-kamp viżiv prinċipali ta’ dan l-imballaġġ, tkun mogħnija bil-kliem “b’xaħam tal-palma u żejt tal-kolza”, konformement mal-preskrizzjonijiet tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tal-imsemmi regolament. |
|
14 |
LSI ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht Ansbach (il-Qorti Amministrattiva Bavariża ta’ Ansbach, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. LSI issostni li, peress li l-espressjoni “isem tal-prodott” hija sinonima għal dik ta’ “isem tal-ikel”, hija osservat bis-sħiħ ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar imposti mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 17(5) u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011 sa fejn, fil-parti ta’ wara tal-imballaġġ tal-prodott tal-ikel inkwistjoni, jinsab il-kliem “mini-salami mil-laħam tat-tjur li jinkludi xaħam tal-palma u żejt tal-kolza”. Għaldaqstant dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li l-wiċċ ta’ quddiem ta’ dan l-imballaġġ, fejn jinsab l-isem tad-ditta “BiFi The Original Turkey” jiġi kkompletat bil-kliem “jinkludi xaħam tal-palma u żejt tal-kolza”. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, preliminarjament, li l-mod kif għandu konkretament isir l-ittikkettjar tal-prodott tal-ikel inkwistjoni jiddependi mill-interpretazzjoni tal-espressjoni “isem tal-prodott” li jinsab fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament 1169/2011, li d-definizzjoni tagħha la hija pprovduta minn dan ir-regolament u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tal-leġiżlazzjoni alimentari tal-Unjoni, u li l-kontenut eżatt tagħha ma jistax jiġi ddeterminat mit-test jew mill-istruttura tal-imsemmi regolament. Din il-qorti tosserva wkoll li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 17(5) u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011, li l-għan tagħhom huwa, fil-fehma tagħha, li jiżguraw l-informazzjoni ġenerali tal-konsumatur, ma jippermettux li jiġi dedott li dawn għandhom l-intenzjoni li jipproteġu lill-konsumatur mill-qerq b’differenza ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament bħall-Artikolu 7 tiegħu. |
|
16 |
Barra minn hekk l-imsemmija qorti tosserva li l-użu, mill-operaturi tas-settur tal-ikel, ta’ isem protett fil-kuntest tal-proprjetà intellettwali, ta’ isem ta’ ditta jew ta’ isem ornamentali, fis-sens tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 jista’ jneħħi l-attenzjoni tal-konsumatur mill-isem tal-prodott tal-ikel imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Hija tfakkar li, f’dan il-każ, dan l-isem jinsab fuq l-imballaġġ tal-prodott tal-ikel inkwistjoni f’daqs għal kollox iżgħar minn dak tal-isem tad-ditta ta’ dan il-prodott tal-ikel u “għaldaqstant huwa wkoll għalkollox inqas evidenti”. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tibda mill-prinċipju li l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament għandu bħala għan li jiżgura t-trasparenza u l-informazzjoni tal-konsumatur billi jiggarantixxi, minn tal-inqas fil-każijiet imsemmija fih, li informazzjoni dwar il-komponenti jew l-ingredjenti sostituttivi preżenti fil-prodott tal-ikel jinsabu fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott qrib sew l-ismijiet imsemmija fl-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament, b’daqs ta’ fonts paragunabbli għal dawk użati għall-isem ikkonċernat. L-espressjoni “isem tal-prodott” fis-sens tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011 ma hijiex sinonima ta’ “isem tal-ikel” fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament u għandha sens usa’ minn din l-aħħar espressjoni sa fejn din tikkonċerna wkoll l-“isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, l-“isem tad-ditta” jew l-“isem ornamentali” li jinsabu fl-istess Artikolu 17(4). L-istess qorti tosserva li, jekk din l-interpretazzjoni tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors ta’ LSI kontra d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2019 imsemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ikollu jiġi miċħud bħala infondat, fejn ikun jista’ jiġi validament rikjest ittikkettjar tal-prodott tal-ikel inkwistjoni bħal dak ordnat minn din id-deċiżjoni. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Ansbach (il-Qorti Amministrattiva Bavariża ta’ Ansbach) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
19 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 17(1), (4) u (5) kif ukoll tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-espressjoni “isem tal-prodott”, li tinsab f’dan il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI, għandhiex tifsira awtonoma, differenti minn dik tal-espressjoni “isem tal-ikel”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, jekk għalhekk tistax tkopri mhux biss isem legali, isem tradizzjonali jew isem deskrittiv, iżda wkoll “isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, “isem tad-ditta” jew “isem ornamentali” msemmija fl-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-“isem tal-ikel” huwa l-“isem ġuridiku” tiegħu jew, fl-assenza ta’ tali isem, l-“isem tradizzjonali” tiegħu jew ulterjorment, fin-nuqqas ta’ tali isem jew jekk dan ma jintużax “isem deskrittiv”, fejn dawn it-tliet kunċetti huma ddefiniti fl-Artikolu 2(2)(n), (o) u (p) rispettivament ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament jippreċiża li “isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, “isem tad-ditta” jew “isem ornamentali” ma jistgħux jissostitwixxu l-“isem tal-ikel” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. |
|
21 |
Fit-tieni lok, bis-saħħa tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011, meta komponent jew ingredjent li l-konsumaturi jistennew li jaraw jintuża normalment jew li jsibu preżenti b’mod naturali fi prodott tal-ikel ikun ġie ssostitwit b’komponent jew ingredjent differenti, l-ittikkettjar għandu jkollu, minbarra l-lista tal-ingredjenti, indikazzjoni preċiża tal-komponent jew tal-ingredjent użat għas-sostituzzjoni parzjali jew totali, u dan qrib sew l-“isem tal-prodott” [punt (a)], permezz ta’ daqs ta’ font li l-għoli tal-ittra “x” tkun minn tal-inqas ugwali għal 75 % ta’ dak tal-ittri li jikkomponu l-“isem tal-prodott” [punt (b)]. |
|
22 |
Fit-tielet lok, l-espressjoni “isem tal-prodott” li tintuża biss fil-punt 4(a) u (b) tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011, ma huwiex iddefinit minnu. F’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Produktname”) jew Franċiża (“nom du produit”), din l-espressjoni hija wkoll differenti minn dik li tinsab fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011, jiġifieri, rispettivament, “Bezeichnung des Lebensmittels” u “dénomination de la denrée alimentaire” kif ukoll minn verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“denominación del producto” u “denominación del alimento”), Ċeka (“název produktu” u “název potraviny”), Ingliża (“name of the product” u “name of the food”), Kroata (“naziv proizvoda” u “naziv hrane”), Taljana (“denominazione del prodotto” u “denominazione dell’alimento”), Olandiża (“benaming van het product” u “benaming van het levensmiddel”), Pollakka (“nazwa produktu” u “nazwa środka spożywczego”), Portugiża (“denominação do produto” u “denominação do género alimentício”), Rumena (“denumirea produsului” u “denumirea produsului alimentar”), Slovakka (“názov výrobku” u “názov potraviny”), Slovena (“ime proizvoda” u “ime živila”), Finlandiża (“tuotteen nimi” u “elintarvikkeen nimi”) u Svediża (“produktens beteckning” u “livsmedlets beteckning”). |
|
23 |
B’hekk, jekk jitqies li l-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bil-Franċiż, minħabba l-użu ta’ termini inqas viċini, jippermettu li ż-żewġ espressjonijiet inkwistjoni jiġu interpretati fis-sens li ma għandhomx l-istess tifsira, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkonfermata mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ċċitati fil-punt preċedenti. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini użati f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux iservu bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jew jingħataw natura prijoritarja meta mqabbel mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14 u tal‑25 ta’ Frar 2021, Bartosch Airport Supply Services, C‑772/19, EU:C:2021:141, punt 26). |
|
24 |
Fi kwalunkwe każ, id-definizzjoni ta’ “ikel” bħala “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem” mogħtija mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011, ma huwiex suffiċjenti biex minn dan jiġi dedott li d-differenza bejn l-espressjoni “isem tal-ikel”, imsemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan l-aħħar regolament, u l-espressjoni “isem tal-prodott”, imsemmija fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tal-istess regolament hija ta’ natura purament terminoloġika. Fil-fatt, fid-dawl ta’ din id-definizzjoni tal-“ikel”, l-“isem tal-prodott” li għalih jirreferi dan il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI jista’ jfisser biss l-“isem tal-ikel”. |
|
25 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li ż-żewġ espressjonijiet inkwistjoni, minkejja l-varjazzjonijiet tagħhom skont verżjonijiet lingwistiċi differenti, għandhom jitqiesu li għandhom l-istess kontenut, mingħajr il-possibbiltà li l-espressjoni “isem tal-prodott” titqies li għandha sens usa’ minn dik ta’ “isem tal-ikel”. |
|
26 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, minn naħa, mill-kuntest li fih jidħol il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li dan l-anness huwa intitolat “L-isem tal-ikel u d-dettalji speċifiċi akkumpanjanti” u l-Parti A hija intitolata “Dettalji obbligatorji li jakkumpanjaw l-isem tal-ikel”. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-ittikkettjar f’dan il-qasam. |
|
28 |
It-tieni, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Isem tal-ikel”, jippreċiża, fil-paragrafu 5 tiegħu, li “[i]d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-isem tal-ikel u d-dettalji li għandhom jakkumpanjawh huma stabbiliti fl-Anness VI”. Issa, is-suffiss “h” f’“jakkumpanjawh” manifestament jirreferi għall-isem tal-ikel, fejn xejn ma jindika li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinftiehmu wkoll għall-kunċetti l-oħra enumerati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri l-“isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, l-“isem tad-ditta” jew l-“isem ornamentali”. |
|
29 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jiintlaħqu mir-Regolament Nru 1169/2011 għandu jitfakkar li dan għandu b’mod partikolari bħala għan, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(1) tiegħu u tal-Artikolu 3(1) tiegħu, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, b’osservanza tad-differenzi fil-perċezzjoni tagħhom, billi jipprovdilhom il-bażijiet li minnhom huma jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Upfield Hungary, C‑533/20, EU:C:2022:211, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konformement mal-Artikolu 9(1)(a) ta’ dan ir-regolament, l-“isem tal-ikel” huwa fost l-indikazzjonijiet li għandhom obbligatorjament jinsabu fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel. |
|
30 |
Barra minn hekk, b’rabta stretta bejn dan l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, ir-Regolament Nru 1169/2011 għandu wkoll l-intenzjoni li jipprekludi li l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel iwassal lill-konsumaturi fi żball. Għal dan il-għan, l-Artikolu 7(1)(d) tiegħu jipprojbixxi li, permezz tal-apparenza, tad-deskrizzjoni jew tar-rappreżentazzjoni bl-istampi, tiġi ssuġġerita lill-konsumatur il-preżenza ta’ ikel jew ta’ ingredjent partikolari kull darba li komponent jew ingredjent differenti jissostitwixxi komponent preżent b’mod naturali jew ingredjent normalment użat f’dan il-prodott tal-ikel. |
|
31 |
Minkejja li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011, b’differenza tal-Artikolu 17(5) ta’ dan ir-regolament, ma jirreferixxix espressament għad-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tal-imsemmi regolament, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, moqrija b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(d) tal-istess regolament, huma intiżi, essenzjalment, li jikkompletaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 permezz ta’ indikazzjonijiet speċjali fir-rigward tal-ittikkettjar, sabiex jipproteġu lill-konsumatur kontra l-qerq ikkawżat minn indikazzjonijiet ineżatti. |
|
32 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Land ta’ Bayern, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur sottostanti għall-projbizzjoni li konsumatur jaqa’ fi żball, previst fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011, jista’ jintlaħaq, mingħajr ma jkun meħtieġ li tinġibed partikolarment l-attenzjoni ta’ dan il-konsumatur dwar id-differenza bejn il-kompożizzjoni reali tal-prodott tal-ikel meta mqabbel mal-kompożizzjoni li bħala prinċipju huwa għandu jistenna li jsib, permezz ta’ indikazzjonijiet imqiegħda fil-kamp viżiv prinċipali tal-imballaġġ ta’ dan il-prodott li normalment jinsab fuq il-wiċċ ta’ quddiem ta’ dan l-imballaġġ. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ, fil-fatt, li l-isem tal-imsemmi ikel, fis-sens tal-Artikolu 17(1) u (5) tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-lista tal-ingredjenti li minnhom huwa kompost, ikunu jinsabu fuq il-wiċċ ta’ wara ta’ tali imballaġġ, fi kliem preċiż, ċar u li faċilment komprensibbli, hekk kif inhu impost mill-Artikolu 7(2) tal-istess regolament. |
|
33 |
Fil-fatt, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fil-mument li d-deċiżjoni tiegħu li jixtri hija ddeterminata mill-kompożizzjoni tal-prodott tal-ikel inkwistjoni, jaqra’ qabel kollox il-lista ta’ ingredjenti ta’ dan il-prodott li obbligatorjament għandhom jissemmew bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 1169/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C‑210/96, EU:C:1998:369, punt 31, u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände,C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 37). |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tosserva l-Kummissjoni, interpretazzjoni tal-indikazzjonijiet speċjali fil-qasam tal-ittikkettjar previsti fil-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011, tali li tirrikjedi li l-komponenti jew l-ingredjenti sostituttivi jiġu indikati fuq l-imballaġġ tal-prodott tal-ikel inkwistjoni qrib sew l-“isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, l-“isem tad-ditta” jew l-“isem ornamentali” ta’ dan il-prodott tal-ikel, imsemmija fl-Artikolu 17(4) ta’ dan ir-regolament – u mhux sempliċement qrib sew l-“isem tal-ikel”, li għalih ma jikkostitwixxux alternattiva ta’ sostituzzjoni l-“isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, l-“isem tad-ditta” jew l-“isem ornamentali” – tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dawn l-indikazzjonijiet speċjali, hekk kif inhu spjegat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. |
|
35 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 17(1), (4) u (5) kif ukoll tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1169/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-espressjoni “isem tal-prodott”, li tinsab f’dan il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI, ma għandhiex tifsira awtonoma, differenti minn dik tal-espressjoni “isem tal-ikel”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, fejn għalhekk l-indikazzjonijiet speċjali fil-qasam tal-ittikkettjar previsti mill-imsemmi punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI ma japplikawx għall-“isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, l-“isem tad-ditta” jew l-“isem ornamentali” msemmija fl-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament. |
Fuq it-tieni u r-raba’ domanda
|
36 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għar-raba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 17(1), (4) u (5) kif ukoll tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
l-espressjoni “isem tal-prodott”, li tinsab f’dan il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI, ma għandhiex tifsira awtonoma, differenti minn dik tal-espressjoni “isem tal-ikel”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, fejn għalhekk l-indikazzjonijiet speċjali fil-qasam tal-ittikkettjar previsti mill-imsemmi punt 4 tal-Parti A tal-Anness VI ma japplikawx għall-“isem li jkun protett bħala proprjetà intelletwali”, l-“isem tad-ditta” jew l-“isem ornamentali” msemmija fl-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.