IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.9.2021
COM(2021) 595 final
ANNESSI
ta' [...]
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq qbil dwar il-qabdiet totali permissibbli
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli
1.PRINĊIPJI
Fil-qafas tal-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit, l-Unjoni għandha:
(a)Tfittex li tiżgura li l-opportunitajiet tas-sajd maqbula jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, u tal-Ftehim tan-NU tal-1995 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u ta’ Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna.
(b)Tfittex li tiżgura li jitħarsu l-impenji internazzjonali tal-Unjoni.
(c)Tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politiki li l-Unjoni qiegħda ssegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma’ pajjiżi terzi oħra u fi ħdan organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha b’mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, tal-impjiegi, tal-ambjent, tal-kummerċ, tal-iżvilupp, tar-riċerka u tal-innovazzjoni.
(d)Tfittex li tiżgura illi t-TACs (Total Allowable Catches - il-Qabdiet Totali Permessibbli) ikunu determinati f’konformità mal-objettiv tal-Politika Komuni tas-Sajd (“il-PKS”) li s-sajd ikun ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkun ġestit b’tali mod li jkun konsistenti mal-għanijiet li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali, u għall-impjiegi, inkluż l-objettiv ta’ konservazzjoni ewlieni tal-PKS, l-MSY (Maximum Sustainable Yield - ir-Rendiment Massimu Sostenibbli), u l-pjanijiet pluriennali applikabbli.
(e)Tfittex li tallinja mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.
(f)Tfittex li tiżgura regoli mingħajr l-ebda diskriminazzjoni għall-flotta tal-Unjoni bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni.
(g)Tfittex li tistabbilixxi skedi ta’ żmien għall-konsultazzjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd.
(h)Tfittex li tiżgura l-koerenza mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 2008/56/KE, kif ukoll ma’ politiki oħra tal-Unjoni.
2.ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex tiftiehem mar-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd (it-TACs u l-miżuri tagħhom marbut mal-funzjoni), abbażi tal-approċċ indikat hawn taħt.
B’hekk, il-Kummissjoni għandha taħdem fil-qrib mal-Kunsill waqt il-konsultazzjonijiet annwali, sabiex:
(a)Tfittex li tistabbilixxi TACs abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, biex tinkiseb ir-rata ta’ sfruttament tal-MSY.
(b)Tfittex li tistabbilixxi TACs skont l-approċċ prekawzjonarju għas-sajd fejn parir xjentifiku bħal dan dwar ir-rati ta’ sfruttament tal-MSY ma jkunx disponibbli.
(c)Tfittex li tipprevjeni l-isfruttament żejjed tal-istokkijiet rilevanti billi tistabbilixxi TACs f’livell simili għal snin preċedenti fejn ma kinux disponibbli pariri xjentifiċi.
(d)Tfittex li tikseb taħlita ta’ pariri xjentifiċi differenti għall-iffissar tat-TACs, inkluż fejn pariri bħal dawn jikkombinaw l-MSY u l-pariri prekawzjonarji, għal TACs b’diskrepanza bejn iż-żona ta’ parir u ż-żoni tal-ġestjoni, jew fejn it-TACs jikkombinaw aktar minn speċi waħda.
(e)Tfittex li tistabbilixxi TACs b’valutazzjoni tal-MSY u bil-pariri tal-FMSY f’konformità mal-objettiv tal-MSY tal-PKS u l-pjanijiet pluriennali applikabbli. Meta l-pjanijiet pluriennali jippermettu l-użu tal-meded tal-FMSY kif previst mill-ICES (International Council for the Exploration of the Sea - il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar), l-Unjoni jenħtieġ li tfittex li tagħmel użu minn dawn id-dispożizzjonijiet, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali jiġu ssodisfati.
(f)Tfittex li tiffissa TACs abbażi tal-approċċ prekawzjonarju li jikkorrispondi mal-parir ewlieni fl-iskeda ta’ pariri xjentifiċi tal-ICES b’parir prekawzjonarju għal: (i) stokkijiet ta’ qbid inċidentali (skont il-pjanijiet pluriennali); (ii) stokkijiet tal-ispeċijiet immirati (skont il-pjanijiet pluriennali) fejn l-ICES jipprovdi parir prekawzjonarju biss; u (iii) għal TACs b’pariri prekawzjonarju pluriennali, meta jenħtieġ li jkun hemm ħidma għall-kisba tal-istabbiltà.
(g)Tfittex li tqis id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f’sajd imħallat fil-livell tal-MSY fl-istess ħin, u b’mod partikolari meta huwa diffiċli ħafna li jiġi evitat il-fenomenu tal-ispeċijiet bi kwota limitanti, inklużi TACs b’parir ta’ qadbiet żero jew għal speċiijet immirati inkella TACs ta’ qabdiet inċidentali. Jenħtieġ illi l-Unjoni, fejn rilevanti skont il-pjanijiet pluriennali, takkompanja l-livell tat-TAC mal-miżuri ta’ rimedju.
(h)Tfittex li tiffissa TACs għal finijiet xjentifiċi jew ta’ monitoraġġ f’konformità mal-pariri xjentifiċi.
(i)Tfittex il-konsistenza mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni fir-rigward ta’ speċijiet u stokkijiet speċifiċi.
(j)Tfittex il-konverġenza dwar l-ispeċijiet li għalihom għandu jkun projbit is-sajd, abbażi tal-pariri xjentifiċi, inkluża l-projbizzjoni ġenerali tas-sajd għall-klieb il-baħar tal-fond.
(k)Tfittex approċċi miftehmin dwar il-metodu u l-applikazzjoni tal-aġġustamenti għat-TACs maqbula wara l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-obbligazzjoni tal-ħatt l-art (eżenzjonijiet de minimis u tas-sopravivenza għall-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha). Jenħtieġ illi l-Unjoni tfittex l-ogħla livell possibbli ta’ approċċi miftehmin għal eżenzjonijiet bħal dawn, b’konsistenza mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(l)Tfittex ftehim dwar l-approċċ għall-konservazzjoni tal-ispnotta tat-Tramuntana, abbażi tal-pariri xjentifiċi tal-ICES.
(m)Tfittex ftehim dwar miżuri oħra b’rabta funzjonali għat-TACs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet speċjali u flessibilitajiet bejn iż-żoni, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b’mod partikolari l-Artikoli 15(8) u 15(9) tiegħu.
(n)Tfittex li tidentifika, abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, u f’konformità mal-Artikolu 499(4) tal-Ftehim, l-istokkijiet li għandhom jitqiesu bħala “stokkiijiet speċjali” għall-fini tal-iffissar ta’ TACs proviżjonali f’każ illi l-konsultazzjonijiet annwali ma jisgħux jiġu konklużi f’waqthom f’konformità mal-Artikolu 498(2) tal-Ftehim.
ANNESS II
Speċifikazzjoni sena b’sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed waqt il-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex ikun hemm ftehim dwar il-qbid totali permissibbli
Qabel il-bidu u tul l-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li tkun se tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis il-pariri xjentifiċi l-aktar riċenti u informazzjoni oħra disponibbli, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I. Il-pożizzjoni għandha tkun riflessa fir-reġistrazzjoni miktuba li tiddokumenta l-arranġamenti magħmula bejn l-Unjoni u r-Renju Unit u li jirriżultaw mill-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 498 ta’ dak il-Ftehim.
Għal dan il-għan, u abbażi ta' dak il-parir u dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien biżżejjed qabel il-konsultazzjonijiet annwali, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel l-iffirmar tar-reġistrazzjoni bil-miktub, il-pożizzjoni tal-Unjoni għall-approvazzjoni tar-riżultati dettaljati tal-konsultazzjonijiet annwali.
Dan il-proċess għandu jinkludi laqgħat ta’ koordinazzjoni in situ, preżentazzjonijiet, tgħarrifiet u diskussjonijiet, u l-involviment sħiħ tad-delegazzjonijiet nazzjonali fil-konsultazzjonijiet annwali, inkluż bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll f’laqgħat tekniċi meta jkunu meħtieġa.
Jekk tul il-konsultazzjonijiet ikun impossibbli li Unjoni tiftiehem mar-Renju Unit, u biex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-Kummissjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill, f’konformità mal-proċedura stabbilita fit-tieni paragrafu t’hawn taħt.
Jekk, wara l-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet annwali, ikun jixraq li t-TACs jiġu emendati fis-sena jew snin li għalihom kienu konklużi, il-Kummissjoni għandha, fi żmien li jixraq u abbażi tal-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti u f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, tibgħat lill-Kunsill dokument miktub ġdid li jiffissa d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali emendi, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.