Brussell, 23.9.2021

COM(2021) 595 final

2021/0305(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jiġu stabbiliti l-qabdiet totali permissibbli (TACs - Total Allowable Catches) applikabbli għall-istokkijiet kondiviżi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit (“il-partijiet”).

2.Kuntest tal-proposta

Fl-1 ta’ Mejju 2021, il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“TCA”) 1 daħal fis-seħħ.

Il-partijiet qablu li jikkooperaw bil-ħsieb li jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd għall-istokkijiet kondiviżi fl-ilmijiet tagħhom ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul, u li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi tal-istati kostali indipendenti kif eżerċitati mill-partijiet.

Iż-żewġ partijiet jikkondividu l-objettiv li jisfruttaw l-istokkijiet kondiviżi b’rati maħsuba biex iżommu u jirrestawraw b’mod progressiv il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada ’il fuq mil-livelli tal-bijomassa li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (“MSY” Maximum Sustainable Yield - Rendiment Massimu Sostenibbli).

Skont l-Artikolu 498 tat-TCA, il-partijiet għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet annwali biex jiftehmu dwar it-TACs applikabbli għal stokkijiet kondiviżi għas-sena jew is-snin ta’ wara. Il-Kummissjoni se tidħol f’dawn il-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit f’isem l-Unjoni.

Ir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd 2 (“PKS”) jirrikjedi mill-Unjoni illi tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jiġu ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-kisba ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali, u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà ta’ provvisti tal-ikel. Jirrikjedi wkoll mill-Unjoni illi tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd u li jkollha l-għan li tiżgura illi l-isfruttar ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

Ir-Regolament tal-PKS jirrikjedi wkoll mill-Unjoni li tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, li tappoġġa l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, li telimina l-qbid skartat b’mod gradwali u li tippromwovi metodi ta’ sajd illi jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd.

L-Artikolu 28 tar-Regolament tal-PKS jirrikjedi speċifikament li l-Unjoni tapplika dawk l-objettivi u l-prinċipji fit-twettiq tar-relazzjonijiet esterni tas-sajd tagħha. Skont l-Artikolu 33 ta’ dak ir-regolament, l-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex tilħaq arranġamenti komuni għas-sajd tal-istokkijiet kondiviżi bil-ħsieb li l-ġestjoni sostenibbli ssir possibbli.

Tul il-proċess kollu ta’ konsultazzjoni, l-involviment regolari u sħiħ tal-Kunsill għandu jiġi żgurat f’waqtiet xierqa permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni estensivi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni. Għal dan il-għan, jenħtieġ illi l-Kummissjoni tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu, biżżejjed qabel il-konsultazzjonijiet annwali, dokument dettaljat, ibbażat fuq l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni rilevanti oħra, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni.

Il-Kummissjoni se tfittex ukoll il-gwida tal-Kunsill qabel ma jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jiltaqgħu mal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sajd, fil-ħin, qabel kull sessjoni ta’ konsultazzjonijiet, inter alia, biex jippreżentaw u jiddiskutu t-triq ’il quddiem, u se jirrapportaw lill-istess Grupp tul il-konsultazzjonijiet annwali. L-Istati Membri se jiġu mistiedna jipparteċipaw bħala membri tad-delegazzjoni tal-UE.

F’konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 3 , il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ, soġġett għall-arranġamenti meħtieġa sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni se tipprovdi l-informazzjoni lill-Parlament Ewropew permezz tal-kumitat parlamentari responsabbli.

3.Bażi ġuridika

3.1.Bażi ġuridika proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

3.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

F’konformità mat-TCA, l-Unjoni trid tikkonsulta mar-Renju Unit dwar il-ġestjoni konġunta tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kondiviżi (b’mod partikolari l-istokkijiet tal-ħut kondiviżi). Dan l-obbligu huwa f’konformità mal-Artikolu 63 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.

Il-konsultazzjonijiet annwali huma meħtieġa biex il-partijiet jaqblu dwar l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet marbuta intrinsikament skont l-Artikoli 498(2), 498(4) (a) sa (d) u 498(6) tat-TCA.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tat-TCA. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

3.2.Bażi ġuridika sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

3.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd annwali għall-istokkijiet kondiviżi bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(3) TFUE.

3.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 43(3) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2021/0305 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 4 , il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) japplika mill-1 ta’ Mejju 2021.

(2)Skont l-Artikolu 494 tal-Ftehim, l-Unjoni u r-Renju Unit (il-“Partijiet”) qablu li jikkooperaw bil-ħsieb li jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd għall-istokkijiet kondiviżi fl-ilmijiet tagħhom ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul, u li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati kostali indipendenti kif eżerċitati mill-Partijiet. Il-Partijiet jikkondividu l-objettiv li jisfruttaw l-istokkijiet kondiviżi b’rati maħsuba biex iżommu u jirrestawraw b’mod progressiv il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada ’il fuq mil-livelli tal-bijomassa li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (“MSY”).

(3)Skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jorganizzaw konsultazzjonijiet annwali biex jaqblu dwar il-qabdiet totali permissibbli (“TACs”) għal stokkijiet kondiviżi.

(4)Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet annwali f’isem l-Unjoni u abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

(5)L-involviment regolari u sħiħ tal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu fil-proċess ta’ konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet inkwistjoni jenħtieġ li jiġi żgurat permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni estensivi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”).

(6)Il-Parlament Ewropew irid jiġi infurmat minnufih u bis-sħiħ, kif previst fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE, biex ikun jista’ jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu f’konformità mat-Trattati.

(7)L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5   jirrikjedi mill-Unjoni li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.

(8)L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi mill-Unjoni illi tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u li jkollha l-għan li tiżgura illi l-isfruttar ta’ riżorsi ħajjin tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni ta’ speċijiet mistada u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

(9)Il-punt (j) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi illi l-ġestjoni tas-sajd jenħtieġ li tkun koerenti mal-objettiv li jinkiseb status ambjentali tajjeb kif stabbilit fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 . Il-punt (a) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(d), jirrikjedi wkoll li l-Unjoni telimina gradwalment il-qbid skartat billi, inter alia, tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, kif ukoll is-sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd.

(10)Il-punt (c) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

(11)L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-Unjoni għandha tapplika l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tiegħu, inkluż l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, fit-twettiq tar-relazzjonijiet esterni tagħha dwar is-sajd, u li d-dispożizzjonijiet dwar il-politika esterna stabbiliti f’dak ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi adottati skont l-Artikolu 218 TFUE.

(12)L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi għall-ġestjoni tal-istokkijiet ta’ interess komuni għall-Unjoni u għall-pajjiżi terzi, u l-ftehimiet dwar l-iskambju u l-ġestjoni konġunta.

(13)Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd koperti mill-Ftehim u l-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis żviluppi ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-konsultazzjonijiet annwali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-ispeċifikazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena f’dawk il-konsultazzjonijiet. Dawk il-proċeduri jenħtieġ li jkunu konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) TUE.

(14)Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit, peress li l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet se jiġi implimentat fid-dritt tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet kondiviżi skont l-Artikolu 498 tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il- “Ftehim”) hija stabbilita fl-Anness 1.

2.L-ispeċifikazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jitwettqu fuq bażi annwali skont l-Anness II.

Artikolu 2

L-involviment regolari u sħiħ tal-Kunsill matul il-konsultazzjonijiet annwali għandu jiġi żgurat permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni estensivi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni.

Artikolu 3

Sat-30 ta’ Ġunju 2026 il-Kunsill għandu jivvaluta u, fejn xieraq, jirrevedi l-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata, ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2-9.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(6)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).