Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-possibbilità li tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini /* KUMM/2005/0009 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 25.01.2005 KUMM(2005) 9 finali . RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar il-possibbilità li tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini . RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar il-possibbilità li tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini (Test b’relevanza għall-EEA) PREAMBOLU L-annimali bovini jiġu identifikati skond ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jwaqqaf sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini u għall-ittikkettjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97. Din is-sistema tinkludi l-elementi “tikketta tal-widna doppja”, “reġistru tar-razzett”, “passaport tal-merħla” u “bażi tat-tagħrif kompjuterizzata”. Skond ir-Regolament imsemmi fuq, il-Kummissjoni kellha teżamina, abbażi tax-xogħol li sar miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-possibbiltà li jintużaw mezzi elettroniċi biex ikunu identifikati l-bhejjem. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jaġixxu fuq il-bażi ta’ rapport maħruġ mill-Kummissjoni, huma mistiedna sabiex jikkunsidraw il-possibbiltà li jkunu introdotti arraġamenti ta’ identifikazzjoni elettronika fid-dawl tal-progress li nkiseb s’issa f’dan il-qasam. Fl-1998 il-Kummissjoni tat bidu għal proġett wiesa’ ta’ riċerka fuq l-identifikazzjoni elettronika tal-bhejjem ħajjin (IDEA). Ir-rapport finali kien ippreżentat f’April ta’ l-2002, waqt li l-kjarifikazzjonijiet meħtieġa saru f’Lulju ta’ l-2002. Dan il-proġett wera li fil-prinċipju, l-użu ta’ identifikaturi elettroniċi jistgħu jwasslu għal titjib sostanzjali fis-sistemi ta’ l-identifikazzjoni tal-bhejjem, sakemm jintlaħqu numru ta’ kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-miżuri mehmuża. Il-konklużjonijiet ta’ dan il-proġett jippermettu li jsiru rakkomandazzjonijiet fuq suġġetti tekniċi kif ukoll konklużjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li jiddaħħlu fl-UE arranġamenti ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jagħti taqsira ta’ l-esperjenza li nkisbet fuq il-bażi tal-proġett IDEA dwar l-użu ta’ l-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimali bovini u li jiġbed konklużjonijiet fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-introduzzjoni ta’ l-arranġamenti ta’ l-identifikazzjoni elettronika għall-anninali bovini fl-Unjoni Ewropea. Dan jiffoka l-aktar fuq ir-riżultati tal-proġett IDEA, iżda jqis ukoll l-esperjenzi mas-sistema li hemm bħalissa. WERREJ 1. ASPETTI ġENERALI 1.1. Introduzzjoni 1.2 . Sfond għall-proġett IDEA 1.3 . Il-Leġislazzjoni tal-KE dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini – deskrizzjoni fil-qosor tas-sistema li titħaddem bħalissa 1.4 . Titjib fis-sistema li hemm bħalissa dwar l-identifikazzjoni elettronika 2. ŻVILUPPI FL-IDENTIFIKAZZJONI ELETTRONIKA U T-TITJIB POSSIBBLI – IR-RIżULTATI TAL-PROġETT IDEA 2.1. It-turija tas-sistemi ta’ l-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimali bovini 2.2 . Il-benefiċċji u n-nuqqasijiet ta’ l-identifikaturi elettroniċi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini 2.3 . Il-kriterji tal-ġejjieni u l-għażliet possibbli 3. KONKLUżJONIJIET 1. ASPETTI ġENERALI 1.1. Introduzzjoni Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jwaqqaf sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini u għall-ittikkettjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 820/97[1], il-Kummissjoni jeħtieġ tistħarreġ il-possibbiltà li jintużaw mezzi elettroniċi għall-identifikazzjoni tal-bhejjem. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jispjega l-progress kurrenti fuq il-bażi tax-xogħol li sar miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) u li sabiex jasal għal konklużjonijiet dwar il-possibbiltà li fl-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiddaħħal sistema ta’ identifikazzjoni elettronika għall-annimali bovini. 1.2. Sfond għall-proġett IDEA Fl-1998 il-Kummissjoni tat bidu għal proġett pilota wiesa’, imsejjaħ il-proġett IDEA ( ID entification E lectronic des A nimaux ), biex tkun mistħarrġa l-possibbiltà li jintużaw metodi elettroniċi għall-identifikazzjoni ta’ l-annimali (Deċiżjoni ġenerali C(97)4101 u sitt Deċiżjonijiet individwali C(98)562). L-għanijiet tal-proġett kienu tħejjew mill-JRC, u ffukaw fuq il-kredibbiltà u l-vantaġġi li sistema ta’ identifikazzjoni elettronika toffri f’sitwazzjonijiet li jseħħu verament fil-ħajja ta’ kuljum biex ikun immonitorjat il-mard, għall-eliġibbiltà tas-sussidju u għall-ġestjoni tat-trobbija. Dawn l-għanijiet wiesgħa jiffurmaw il-bażi ta’ sejħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri kollha. Mill-erbatax-il proposta ta’ riċerka li l-Kummissjoni rċeviet, għaxra minnhom kienu miżmuma minn sitt Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, u Spanja). Taħt il-proġett, madwar 370000 bhima, 500000 nagħġa, 29000 mogħża u 15000 buflu ġew identifikati għall-applikazzjoni ta’ wieħed mill-għamliet ta’ identifikaturi elettroniċi li ġejjin: - tikketta tal-widna elettronika - bolus għall-annimali li jixtarru - transponder li jkun injettat Ir-rapport finali ġie ppreżentat f’April ta’ l-2002 u l-kjarifikazzjonijiet meħtieġa saru f’Lulju ta’ l-2002. Aktar tagħrif dettaljat fuq il-proġett jinsab fuq is-sit ta’ l- internet : http://idea.jrc.it. 1.3. Il-Leġislazzjoni tal-KE fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini – deskrizzjoni fil-qosor tas-sistema li titħaddem bħalissa Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-17 ta’ Marzu 1964, fuq il-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-annimali bovini u l-ħnieżer[2], teħtieġ li għall-għanijiet ta’ ċertifikazzjoni l-annimali kollha jeħtieġ ikunu identifikati. Madankollu, l-arranġamenti dettaljati biex ikunu identifikati l-annimali u biex ikun traċċat ir-razzet ta’ l-oriġini kellhom jiġu stabbiliti mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru. Skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-verifiki veterinarji u żootekniċi li jgħoddu għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb li jkun komplut is-suq intern[3], l-annimali għandhom ikunu identifikati skond ir-regoli tal-Komunità u jiġu rreġistrati b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu traċċati r-razzett, iċ-ċentru jew l-organizzazzjoni ta’ l-oriġini jew ta’ transitu. Bl-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE tas-27 ta’ Novembru 1992 fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem[4], l-annimali bovini għandhom ikunu identifikati b’tikketta tal-widna li jkollha fuqha kodiċi, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu magħrufa individwalment kull annimal kif ukoll ir-razzett li fih dan tkun twieled. Madankollu, l-esperjenza ta’ l-imgħoddi wriet li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE ma kinitx tajba għal kollox u kienet teħtieġ aktar titjib. Għalhekk, kien meħtieġ li jkun adottat Regolament speċifiku għall-annimali bovini biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Għalhekk, kien adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jwaqqaf sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini kif ukoll għall-ittikkettjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga[5]. Skond dan ir-Regolament, l-annimali bovini għandhom ikunu magħrufa b’tikketta tal-widna li titwaħħal fuq kull widna waqt li jkunu akkumpanjati minn passaport tul il-ġarr kollu. Dawn il-kriterji huma appoġġjati fir-Regolament kurrenti (KE) Nru 1760/2000. L-għanijiet bażiċi ta’ dawn ir-regolamenti huma: - il-lokalizzazzjoni u t-traċċar tal-bhejjem għal raġunijiet veterinarji, li huma ta’ importanza kbira għall-kontroll ta’ mard li jittieħed, - biex tkun tista’ tiġi traċċata ċ-ċanga minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, u - it-tmexxija u s-superviżjoni tal-primja tal-merħliet bħala parti mir-riforma tal-politika agrikola komuni. Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini tinkludi l-elementi “tikketta tal-widna doppja”, “reġistru tar-razzett”, “il-passaport tal-merħla” u “bażi tat-tagħrif kompjuterizzata”. Tikketti tal-widna. Il-kriterji attwali huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000 għal dak li jirrigwarda t-tikketti tal-widna, passaporti, u reġistri ta’ l-irziezet[6]. Il-tikketti tal-widna għandu jkollhom mill-inqas l-isem, il-kodiċi jew il-logo ta’ l-awtorità kompetenti jew ta’ l-awtorità kompetenti ċentrali ta’ l-Istat Membru li jkun alloka l-tikketti tal-widna, il-kodiċi b’żewġ ittri tal-pajjiż u kodiċi numeriku li ma jkollux aktar minn 12-il figura. L-awtoritajiet kompetenti ċentrali ta’ l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li jkun hemm kodiċi ta’ linji addizzjonali. Aktar minn hekk, il-tikketti tal-widna li jinbidlu f’każ li dawn jintilfu jista’ jkollhom fuqhom marka bin-numru tal-verżjoni tat-tikketta tal-widna mibdula li jkun jidher f’figuri Rumani. Il-passaporti tal-merħliet. Ir-regoli dettaljati għall-mudell tal-passaport kienu ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 911/2004. Il-passaporti għandhom jinħarġu għal kull annimal bovin fi żmien 14-il jum mill-avviż tat-twelid tagħha, jew, fil-każ ta’ annimali impurtati minn pajjiżi terzi, fi żmien 14-il jum mill-avviż ta’ l-identifikazzjoni tagħha mill-ġdid mill-Istat Membru kkonċernat. Il-passaporti jistgħu jinħarġu taħt l-istess kundizzjonijiet għal bhejjem li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor. F’dawn il-każijiet, il-passaport li jkun jakkumpanja lill-bhima meta din titwassal għandu jingħata lill-awtorità kompetenti, li din għandha tibagħtu lura lill-Istat Membru li jkun ħarġu. Kull meta jinġarr annimal bovin, il-passaport tiegħu għandu dejjem jakkumpanjah. B’deroga minn dan il-kriterju, iżda, Stat Membru jista’ jistabbilixxi li l-annimali jistgħu jinġarru fit-territorju tiegħu mingħajr ma jkun akkumpanjat mill-passaport, sakemm l-Istat Membru jkollu bażi tat-tagħrif kompjuterizzata li l-Kummissjoni tqis li taħdem b’mod sħiħ. Fil-każ li l-annimal imut, il-kuratur għandu jibgħat il-passaport lura lill-awtorità kompetenti. Meta l-bhejjem jintbagħtu lejn biċċerija, l-operatur tal-biċċerija għandu jibgħat il-passaport lura lill-awtorità kompetenti. Meta l-bhejjem jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, l-aħħar kuratur għandu jibgħat il-passaport lill-awtorità kompetenti fil-post fejn l-annimal se jkun esportat. Il-passaport għandu jkollu t-tagħrif dwar l-annimal (il-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni, id-data tat-twelid, is-sess, ir-razza jew il-kulur tal-pil, il-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-omm jew, fil-każ ta’ annimal li jkun impurtat minn pajjiż terz, in-numru ta’ l-identifikazzjoni mogħti li jkun jikkorrispondi ma’ dak ta’ l-oriġini), in-numru ta’ l-identifikazzjoni tar-razzett fejn ikun twieled, u n-numri ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-irziezet kollha fejn l-annimal ikun inżamm u d-dati ta’ kull meta dan ikun mar minn razzett għall-ieħor. Barra minn hekk, il-passaport għandu jkollu l-firma tal-kuratur(i), u l-isem ta’ l-awtorità li tkun ħarġitu (Dawk il-persuni li r-responsabbiltà tagħhom hija dik biss li jġorru l-annimali ma jitqisux bħala kuraturi, u għalhekk il-firma tagħhom mhix meħtieġa). Ir-reġistri ta’ l-irziezet. Ir-regoli dettaljati għall-kontenut tar-reġistru huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004. Ir-reġistru għandu jkun fih tagħrif aġġornat fuq kull annimal (il-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni, id-data tat-twelid, is-sess, ir-razza jew il-kulur tal-pil), id-data tal-mewt ta’ l-annimal fir-razzett, fil-każ ta’ tluq il-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni tar-razzet tad-destinazzjoni u d-data tat-tluq, u fil-każ ta’ wasla l-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni tar-razzett tad-dispaċċ u d-data tal-wasla. Barra minn hekk, il-verifiki mill-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jidhru ċar fir-reġistru. Il-bażijiet tat-tagħrif kompjuterizzati nazzjonali għandhom sehem ewlieni biex jinżamm kontroll xieraq tal-ġarr tal-bhejjem u biex ikunu mmaniġġjati s-sussidji. Il-bażi tat-tagħrif għandha jkollha informazzjoni għal kull annimal bovin (il-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni, id-data tat-twelid, is-sess, ir-razza jew il-kulur tal-pil, il-kodiċi ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-omm jew, fil-każ ta’ annimal li jkun impurtat minn pajjiż terz, in-numru ta’ l-identifikazzjoni mogħti li jkun jikkorrispondi man-numru ta’ l-oriġini, in-numru ta’ l-identifikazzjoni tar-razzett fejn ikun twieled, u n-numri ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-irziezet kollha fejn l-annimal ikun inżamm, id-dati ta’ kull meta dan ikun ittieħed minn razzett għall-ieħor u d-data tal-mewt jew tal-qatla). Barra minn hekk, il-bażi tat-tagħrif għandha jkollha informazzjoni fuq kull razzett (in-numru ta’ l-identifikazzjoni u l-isem u l-indirizz ta’ kull razzett). Il-bażi tat-tagħrif għandha tipprovdi f’kull żmien lista ta’ numri ta’ identifikazzjoni għall-annimali bovini kollha li jkun hemm f’razzett, u lista ta’ kull meta kull annimal bovin ikun ittieħed minn razzettt għall-ieħor; din għandha tibda mir-razzett fejn l-annimal ikun twieled jew minn dak ta’ l-importazzjoni. Il-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1082/2003 tat-23 ta’ Ġunju 2003, li jwaqqaf ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000 dwar il-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu fil-qafas tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini[7], l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw mill-inqas 10% ta’ l-irziezet tagħhom. B’deroga, fejn Stat Membru jkollu bażi tat-tagħrif, li l-Kummissjoni tqis bħala li tkun taħdem b’mod sħiħ u li tkun toffri faċilitajiet effettivi ta’ verifika, tista’ titqies rata ta’ 5%. Ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fl-għamla ta’ rapport ta’ kull sena. Sanzjonijiet Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 tas-27 ta’ Frar 1998 li jwaqqaf ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97[8], jistabbilixxi l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amminsitrattivi minimi fil-qafas tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini fl-Istati Membri. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa u l-obbligu li jagħmlu sanzjonijiet kontra ksur fir-regolamenti ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni. Il-kontrolli mis-servizzi tal-Komunità Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu sensiela ta’ missjonijiet biex issir valutazzjoni tal-ħidma tal-kontrolli uffiċjali dwar it-traċċabbilità taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga. Il-katina sħiħa mir-razzett sal-post fejn jinbiegħ kienet mistħarrġa, inklużi l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-moviment tal-bhejjem ta’ l-ifrat. Aktar minn hekk, matul il-missjonijiet is-servizzi ffukaw fuq apsetti ta’ traċċabbiltà biex issir valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri tal-KE li huma mmirati għall-qerda, il-kontroll u l-prevenzjoni ta’ ċertu mard. Il-konklużjoni ġenerali bbażata fuq ir-riżultati tal-missjonijiet kienet li ġeneralment l-Istati Membri għandhom sistemi tajba ta’ reġistrazzjoni ta’ l-irziezet u, waqt li kien hemm ħafna nuqqasijiet operazzjonali, il-prinċipji ta’ l-identifikazzjoni tal-bhejjem huma mifhuma u mħaddma sew. Madankollu, f’ħafna Stati Membri, it-tħaddim tal-bażi tat-tagħrif nazzjonali għall-annimali bovini ma kinitx tajba, l-aktar minħabba l-fatt li jkun hemm dewmien biex jiddaħħal it-tagħrif fuq it-twelidijiet, il-mewt u l-movimenti. Dan kien ifisser li l-annimali setgħu jew jiġu rreġistrati b’mod żbaljat jew inkella jgħibu kompletament għal perjodi twal mid-dokumenti uffiċjali. Barra minn hekk, żbalji jew nuqqas ta’ konformità ma kinux jinstabu awtomatikament, u/jew issuktati, mill-awtoritajiet responsabbli. L-akbar dgħjufija li nstabet b’rabta ma’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini kienet dik ta’ l-identifikazzjoni żbaljata, ta’ reġistri ta’ l-irziezet mhux aġġornati u nuqqasijiet biex ċertu tagħrif jiddaħħal fil-bażi tat-tagħrif nazzjonali. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu awditjar fil-qafas tal-mogħdija tal-kontijiet (EAGGF-Garanzija) tal-primja ta’ l-annimali f’diversi reġjuni ta’ l-Istati Membri. Dan l-awditjar iffoka wkoll fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini. Punti komuni ta’ dgħufija li nstabu f’dan il-qasam kienu marbuta l-aktar mal-bażijiet tat-tagħrif li ma kinux aġġornati u ma’ miżuri ta’ kontroll li ma kinux suffiċjenti. 1.4. Titjib fis-sistema li hemm bħalissa fir rigward ta’ l-identifikazzjoni elettronika In-nuqqasijiet ewlenin fis-sistemi li hemm bħalissa li ġew identifikati fir-rapporti ta’ kull sena fuq il-kontrolli fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini mill-Istati Membri u matul l-ispezzjonijiet li twettqu mis-servizzi tal-Komunità (ara 1.3) huma mniżżla hawn taħt, waqt li qed ikunu diskussi l-possibbiltajiet biex titjieb is-sitwazzjoni ta’ l-identifikazzjoni elettronika. - Iidentifikazzjoni żbaljata ta’ l-annimali Annimali li jkunu identifikati b’mod żbaljat (eż. annimali b’tikketta tal-widna waħda jew xejn) huma b’mod konsistenti waħda mill-akbar problemi li ġew identifikati matul il-verifiki “fl-irziezet”. F’dawn il-każijiet, l-introduzzjoni ta’ identifikaturi elettroniċi minflok it-tikketta klassika tal-widna mhux bilfors se ttejjeb is-sitwazzjoni, għaliex dawn l-identifikaturi wkoll iridu jintużaw tajjeb. Tikketti tal-widna li jintilfu hija problema oħra. Anke jekk il-kwalità tal-tikketti klassiċi tal-widna dejjem qed titjieb, dawn xorta waħda jistgħu jaqgħu jew jitneħħew. Madankollu, dan ir-riskju ta’ telf jew ta’ manipulazzjoni ħażina qed titnaqqas meta jintużaw identifikaturi elettroniċi ta’ l-għamla bolus jew transponder li jkun injettat. Dawn l-għamliet jistgħu jitneħħew biss bl-użu ta’ metodi kirurġiċi. - Ir-reġistru tar-razzett mhux aġġornat Ir-reġistri tar-razzett li ma jinżammux kif suppost huma qasam ta’ problema fundamentali. L-użu ta’ identifikaturi elettroniċi jista’ jgħin biex titjieb is-sitwazzjoni, l-aktar meta r-reġistru tar-razzett jinżamm f’għamla kompjuterizzata, li huwa l-każ għal perċentwal dejjem jikber ta’ rziezet. Il-qari awtomatiku u l-possibbiltà ta’ dħul awtomatiku fir-reġistru tar-razzett jistgħu jnaqqsu x-xogħol ta’ dokumentazzjoni bl-idejn fuq ir-razzett, u b’hekk jitnaqqsu dawn l-għamliet ta’ diskrepanzi. - Dewmien fi/ nuqqas ta’ rappurtar ta’ każijiet fil-bażi tat-tagħrif ċentrali In-nuqqas (dewmien, assenza jew tagħrif żbaljat) biex ikunu rrappurtati t-twelid, il-mewt jew il-movimenti huma l-iktar nuqqasijiet komuni li wieħed jiltaqa’ magħhom fis-sistema preżenti. Fil-każ ta’ rappurtar żbaljat, jew jinħoloq tagħrif żbaljat fil-bażi tat-tagħrif ċentrali jew ir-rapport jiġi rrifjutat. Fiż-żewġ każijiet, ir-rekords li jinħolqu wara fil-bażi tat-tagħrif ċentrali ma jkunux konsistenti ma’ l-istat attwali ta’ l-annimal. L-użu ta’ identifikazzjoni elettronika tista’ tħaffef ir-rappurtar fil-bażi tat-tagħrif ċentrali, l-aktar għall-irziezet li jkollhom reġistru tar-razzett kompjuterizzat. Id-dħul ta’ identifikazzjoni elettronika jista’ jkun l-aktar ta’ benefiċċju għan-negozjanti u s-swieq, minħabba li sistema awtomatizzata toħloq aktar eżattezza fir-rappurtar dwar il-moviment ta’ l-annimali bovini. Konklużjoni L-identifikazzjoni elettronika tista’ tgħin biex jitjiebu s-sistemi preżenti ta’ l-identifikazzjoni tal-bhejjem ta’ l-ifrat. Per eżempju, l-identifikaturi elettroniċi jippermettu qari aktar mgħaġġel u aktar eżattezza fil-qari milli l-tikketti klassiċi tal-widna. Il-qari dinamiku u d-dħul dirett tat-tagħrif fil-bażijiet tat-tagħrif ukoll huma possibbli (b’hekk jitneħħew żbalji li jistgħu jiġu kkawżati minn dħul manwali fil-bażi tat-tagħrif li jkun żbaljat). B’mod speċjali, dan jista’ jħaffef il-proċedura biex il-movimenti ta’ l-annimali jkunu rrappurtati fil-bażi tat-tagħrif. Madankollu, l-għajnuna ta’ identifikazzjoni elettronika biex jitjiebu l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-bhejjem m’għandhiex tkun meqjusa ż-żejjed minħabba n-natura tad-diffikultajiet biex jitħaddmu s-sistemi preżenti. It-twaħħil tal-tikketti fuq il-bhejjem kollha u t-tmexxija effiċjenti tat-tagħrif huma kundizzjonijiet minn qabel għal kull sistema ta’ identifikazzjoni, irrispettivament dwar jekk jintużawx identifikaturi elettroniċi jew il-tikketti klassiċi tal-widna. Għandu jitqies li l-volum dejjem jikber ta’ tagħrif fuq l-annimali fil-bażijiet tat-tagħrif ċentrali jiżgura li l-kredibbiltà tar-rekords tkompli titjieb billi titwessa’ l-bażi għall-verifika tat-tagħrif. Il-ħila li r-rekords ikunu vverifikati u kkontrollati bir-reqqa mat-tagħrif eżistenti fis-sistema tfisser li l-iżbalji jibdew jinstabu aktar b’mod awtomatiku. Huwa proċess kontinwu sabiex jitnaqqsu aktar dawn id-diskrepanzi, u dan jiddependi sa ċertu punt fuq il-ħila ta’ l-awtoritajiet kompetenti biex dawn jieħdu l-miżuri ta’ segwitu li jkunu meħtieġa biex jiżguraw li tagħrif kredibbli biss tiddaħħal u tinħażen fil-bażijiet tat-tagħrif ċentrali. Madankollu, il-mira ewlenija biex titjieb is-sistema ta’ traċċabbiltà ta’ l-annimali bovini tibqa’ fit-tħaddim tal-bażi tat-tagħrif ċentrali. Li jingħataw it-tagħrif u t-taħriġ meħtieġ lin-nies kollha involuti huwa element importanti biex ikun żgurat li l-prinċipji tat-tmexxija tal-bażi tat-tagħrif ikunu mħarsa tajjeb biex jitjiebu l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà ta’ l-annimali bovini. 2. ŻVILUPPI FL-IDENTIFIKAZZJONI ELETTRONIKA U T-TITJIB POSSIBBLI – IR-RIżULTATI TAL-PROġETT IDEA (TAGħRIF DETTALJAT JINSTAB FUQ IS-SIT TA’ L- INTERNET : http:/idea.jrc.it) 2.1 . It-turija tas-sistemi ta’ l-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimali bovini Ġeneralment, l-identifikazzjoni elettronika hija l-identifikazzjoni (ta’ l-annimali) bi frekwenza tar-radju. Iż-żewġ elementi huma l-identifikatur u l-qarrej. L-identifikatur ikollu transponder passiv (mikroċippa li fiha ma jkunx hemm għajn ta’ enerġija) li jittrasmetti tagħrif memorizzat (kodiċi ta’ identifikazzjoni) meta l-qarrej (transmiter-riċevitur) jattivah f’ċertu frekwenza. Fil-proġett IDEA l-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimali bovini u l-bufli ġiet studjata bl-użu ta’ tikketti tal-widna elettroniċi, boluses ta’ annimali li jixtarru jew transponders li jkunu injettati. 2.1.1.L-applikazzjoni ta’ l-identifikatur, il-qari u l-irkupru 2.1.1.1. L-applikazzjoni ta’ l-identifikatur Il-proġett IDEA wera li l-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku ma jippreżenta l-ebda diffikultà meta l-annimal huwa mrażżan sew. It-taħriġ huwa importanti, l-aktar għall-applikazzjoni tal-bolus ta’ l-annimali li jixtarru u t- transponder li jkun injettat. Hemm xi limitazzjoni għall-età minima li fiha jista’ jiġi introdott il-bolus f’annimal bovin. Il-bolus jitqiegħed fir-retikulu; din il-parti ta’ quddiem ta’ l-istonku tifforma matul l-ewwel xhur tal-ħajja ta’ l-għoġol. Minħabba l-importanza li din il-parti ta’ quddiem ta’ l-istonku timmatura sew biex iżżomm il-bolus, b’mod ġenerali aktar ma’ l-annimali jingħataw il-bolus tard, ir-rata li dawn iżommuh tkun ferm aħjar, għalkemm ir-reġim ta’ l-ikel ukoll jinfluwenza l-iżvilupp tal-parti ta’ quddiem ta’ l-istonku, u għalhekk iż-żamma tal-bolus f’annimali żgħar. Aktar stħarriġ huwa meħtieġ biex jinkiseb tagħrif aktar preċiż dwar il-possibbiltà li jkunu applikati boluses f’annimali żgħar. 2.1.1.2. It-turija tal-qari Il-proġett IDEA wera li l-perċentwal ta’ nuqqasijiet fil-qari tal- bolus ta’ l-annimali li jixtarru (bhejjem u bufli) huwa wieħed kostanti u huwa inqas minn 0.35%. Madankollu, l-effiċjenza tal-qari tal-bolus tista’ tkun affettwata meta dan jitqiegħed fl-annimal, minħabba li dan ikollu fih kalamita bħala mezz protettiv kontra oġġetti tal-metall li l-annimali jkunu belgħu waqt il-mergħa. Il-perċentwal ta’ nuqqsijiet fil-qari li kien osservat għal-tikketti elettroniċi huwa ta’ 0.63%, iżda dan juri xejra li jiżdied wara xahar mit-twaħħil tat-tikketta u jista’ jiżdied sa 2.3% wara 14-il xahar. Il-perċentwal ta’ nuqqasijiet fil-qari li kien osservat għat- transponders li jkunu injettati huwa ta’ 0.7% li jiżdied għal 1% f’xahar wara t-twaħħil tat-tikketta u jonqos wara dak iż-żmien għal 0.3%. Ġew irrappurtati ċerti nuqqasijiet bl-użu ta’ sistema dinamika ta’ qari fil-biċċeriji. Il-kundizzjonijiet speċifiċi fil-biċċeriji (il-preżenza ta’ ammonti għoljin ta’ metall, indħil minħabba t-tagħmir differenti li jintuża) milli jidher jinfluwenzaw it-turija tal-qarrejja fissi. 2.1.1.3. Ir-riżultati ta’ l-irkupru Hemm ħtieġa kbira għal ħafna raġunijiet biex ikunu rkuprati l-identifikaturi elettroniċi. L-ewwel, l-identifikaturi elettroniċi huma skart speċjali (skart elettroniku, imniġġeż b’materjal organiku) li għandu jinżamm ’il barra mill-katina ta’ l-ikel kif ukoll mill-ambjent. It-tieni, li jkun irkuprat kull identifikatur elettroniku huwa meħtieġ biex ikun evitat kull użu ħażin tiegħu. Ir-riżultati ta’ l-irkupru tal-tikketti elettroniċi u tal-boluses ta’ l-annimali li jixtarru juru n-nuqqas ta’ problemi ta’ rkupru fil-biċċeriji kif ukoll il-qari b’suċċess. Is-sitwazzjoni hija differenti ħafna għat- transponder li jkun injettat. Madwar 80% biss minn dawn kienu rkuprati u 52% ta’ dawn biss setgħu jinqraw b’suċċess wara l-irkupru tagħhom. Il-proċess ta’ l-estrazzjoni milli jidher jinfluwenza l-qari. 2.1.2. Karatteristiċi tekniċi ta’ l-identifikaturi u l-qarrejja Huwa rrakkomandat li l-identifikaturi u l-qarrejja jkunu konformi ma’ l-istandards ta’ l-ISO. ISO 11784 huwa marbut ma’ l-istruttura tal-kodiċi tat- transponders għall-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimali, waqt li ISO 11785 huwa marbut ma’ l-aspetti tekniċi tal-komunikazzjoni bejn it- transponders u l-qarrejja (il-ħila ta’ qarrej li jaqra kemm għamliet ta’ transponder li jkunu HDX kif ukoll FDX-B[9]). Minħabba l-iżvilupp fil-qasam tal-mikroelettronika, l-effiċjenza tal-qarrejja u l-identifikaturi x’aktarx ser tkompli titjieb. X’aktarx ukoll li d-daqs tat- transponder se jkompli jiċkien, waqt li d-distanzi tal-qari bejn it- transponders u l-qarrejja x’aktarx se jiżdiedu. Fil-qafas tal-proġett IDEA, il-qarrejja fissi laħqu distanzi ta’ qari ta’ madwar 80 ċm. Fil-każ ta’ qarrejja li jinġarru d-distanzi mandatorji tal-qari (biex jinkiseb ċertifikat għal kumbinazzjoni qarrej/ transponder ) kien ugwali għal 22 ċm għal-tikketti tal-widna, bolus u transponders li jkunu injettati. Is-sistemi kollha ta’ identifikaturi elettroniċi wrew qari għoli f’kundizzjonijiet dinamiċi (>97%). 2.2. Il-benefiċċji u n-nuqqasijiet ta’ l-identifikaturi elettroniċi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini Meta mqabbla mat-tikketta klassika tal-widna, l-identifikaturi elettroniċi għandhom il-vantaġġi komuni ta’ qari awtomatiku bi preċiżjoni ogħla mill-qari li jidher tal-tikketti klassiċi tal-widna kif ukoll il-possibbiltà li l-qari jiddaħħal b’mod awtomatiku fl-ipproċessar elettroniku tat-tagħrif. Barra dan, jeżistu ċerti differenzi bejn l-għamliet ta’ identifikaturi elettroniċi. 2.2.1. Tikketta tal-widna elettronika Vantaġġi L-annimal tista’ titwaħħal fuqu t-tikketta tal-widna fl-ewwel ġimgħa tal-ħajja tiegħu. It-twaħħil tat-tikketta tal-widna ftit li xejn jeħtieġ taħriġ speċjali. Huwa possibbli li wieħed jara minn ċertu distanza jekk l-annimal ikunx identifikat jew le. Żvantaġġi Fl-istess mod bħat-tikketta klassika tal-widna, dik elettronika mhix imħarsa totalment kontra t-telf u l-użu ħażin possibbli tagħha, għalkemm l-iżvilupp tekniku tjieb. 2.2.2. Transponder injettat Vantaġġi It- transponder jista’ jitqiegħed fl-ewwel jiem wara t-twelid. Il-proġett IDEA wera li t-telf huwa marbut l-aktar mal-qies tat- transponder , i.e. iktar ma t- transponder ikun twil aktar se jkun it-telf f’annimali żgħar matul l-ewwel xahar wara t-twaħħil. It- transponder jista’ jitneħħa biss bl-użu ta’ metodi kirurġiċi, li rari ħafna jkun tajjeb li jitwettqu meta dawn jitqiesu kontra l-valur ta’ annimal medju. Żvantaġġi L-identifikatur ma jidhirx minn barra. Mingħajr qarrej ma jkunx possibbli li wieħed jivverifka jekk l-annimal ikollux fih identifikazzjoni elettronika. Ir-rata ta’ l-irkupru tat- transponder hija baxxa meta mqabbla ma’ identifikaturi oħrajn. Għalhekk, ir-riskju li l-identifikaturi jidħlu fil-katina ta’ l-ikel hija ogħla. In-nofs ta’ l-identifikaturi rkuprati biss jinqraw wara l-estrazzjoni; dan ikompli jikkomplika l-kontroll bir-reqqa u d-dokumentazzjoni. Fl-aħħarnett l-injezzjoni tat- transponder teħtieġ ċertu taħriġ speċjali. 2.2.3. Bolus ta’ l-annimali li jixtarru Vantaġġi Ladarba l-bolus jitpoġġa sew, it-telf ikun kważi impossibbli. Biex jitneħħa l-bolus minn annimal ħaj huwa diffiċli ħafna u jeħtieġ l-użu ta’ metodi kirurġiċi. Ir-rata ta’ l-irkupru fl-annimali maqtula hija ta’ kważi 100%. Żvantaġġi Hemm ċerta limitazzjoni biex jitpoġġa l-bolus f’annimali żgħar ħafna sakemm il-parti ta’ quddiem ta’ l-istonku tkun laħqet ċertu livell ta’ maturità, l-aktar ir-retikulu. Dan jiddependi mhux biss fuq l-età ta’ l-annimal, iżda wkoll fuq ir-reġim ta’ l-għalf. L-identifikatur ma jidhirx minn barra. Mingħajr qarrej mhuwiex possibbli li wieħed jivverifika jekk l-annimal ikollux identifikazzjoni elettronika. Il-preżenza ta’ kalamita biex tipproteġi kontra l-oġġetti tal-metall li l-annimali jibilgħu tista’ tolqot l-effiċjenza tal-qari tal-bolus. 2.3. Ħtiġijiet ġejjiena u l-għażliet possibbli Ir-riżultati tal-proġett IDEA juru li l-identifikazzjoni elettronika tal-bhejjem hija possibbli taħt il-kundizzjonijiet attwali ta’ dan il-qasam. Minħabba l-eżattezza għolja tat-turija tal-qari u l-possibbiltà tad-dħul dirett tal-qari f’sistemi elettroniċi ta’ pproċessar ta’ tagħrif, l-identifikazzjoni elettronika tista’ tgħin biex ikun hemm aktar eżattezza fir-reġistri ta’ l-irziezet kif ukoll ir-reġistrazzjoni mill-ewwel tal-movimenti, eċċ. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ identifikazzjoni approvata fil-Komunità kollha timplika l-kunsiderazzjoni ta’ karatteristiċi tekniċi, strateġiji tat-tmexxija tat-tagħrif, aspetti ta’ organizzazzjoni u kriterji leġislattivi. Għandu jitqies ukoll li l-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika tista’ tkun importanti għal għanijiet oħrajn f’żieda ma’ dawk tas-saħħa u l-kontrolli tal-primja (eż. sistemi awtomatiċi ta’ għalf, it-tmexxija ta’ merħliet, iż-żamma tal-kotba tal-merħla, ir-reġistrazzjoni tal-ħalib). Li jintuża identifikatur elettroniku uniku jista’ jkun aktar prattiku u effiċjenti għan-nefqa, sakemm ikun hemm ftehim dwar u jkun stabbilit standard tekniku komuni/ta’ għanijiet diversi. 3. KONKLUżJONIJIET L-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika għandha titqies fid-dawl tal-possibbiltà teknika tagħha u fil-ħila tagħha li ttejjeb is-sistema eżistenti ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-annimali bovini. Intwera li t-teknoloġija żviluppat tant li issa tista’ tkun applikata. L-identifikazzjoni elettronika tista’ ttejjeb is-sistema ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni li hemm bħalissa f’ċerti modi. Per eżempju, din tista’ tgħin biex ikun hemm aktar eżattezza fir-reġistri ta’ l-irziezet, tkun tista’ tippermetti li jkun hemm dħul mill-ewwel tat-tagħrif- fil-bażijiet tat-tagħrif ċentrali u tiżgura li r-rekords jinżammu dejjem u jkunu aġġornati, sakemm is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni li teżisti bħalissa, u li hija bbażata fuq il-tikketti klassiċi tal-widna, tkun stabbilita sew. Inkella l-benefiċċji ta’ l-identifikazzjoni elettronika ma jkunux jistgħu jinkisbu. Biex wieħed jiddeċiedi dwar il-possibbiltà li jiddaħħlu sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika fuq bażi ta’ Komunità sħiħa, għandhom jitqiesu l-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini: - Strutturi organizzattivi u sistemi tat-tmexxijatat-tagħrif għandhom ikunu stabbiliti sew. - L-annimali għandhom ikunu identifikati f’kull żmien minn (mill-inqas) żewġ identifikaturi, fejn wieħed irid ikun tikketta tal-widna “li tidher” u l-ieħor jista’ jkun identifikatur elettroniku. - Skond it-tagħrif preżenti, il-ħtieġa ta’ tikketta f’perijodu ta’ mhux aktar minn 20 jum wara t-twelid tillimita l-użu tal-bolus minħabba l-maturazzjoni tal-partijiet ta’ quddiem ta’ l-istonku ta’ l-għoġol. - Kull tip ta’ identifikatur għandu jinżamm barra l-katina ta’ l-ikel, li jillimita l-użu tat- transponder li jkun injettat minħabba r-rata mnaqqsa ta’ rkupru tagħha. - L-ispejjeż addizzjonali għall-identifikazzjoni elettronika għandhom jitqiesu b’rabta ma’ l-eżattezza miżjuda tagħha. Minħabba dawn t’hawn fuq, l-għażliet disponibbli jistgħu jitqassru kif ġej: 1. L-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika bħala sistema obbligatorja fl-Istati Membri kollha. Il-vantaġġi ta’ identifikazzjoni elettronika jistgħu jiddaħħlu, iżda il-ħtiġiet u l-kundizzjonijiet differenti fl-Istati Membri differenti m’hemmx għalfejn jitqiesu. Huwa diskutibbli jekk l-Istati Membri li għadhom fil-proċess li jistabbilixxu s-sistema li hemm bħalissa jistgħux tabilħaqq igawdu minn tibdil żejjed fil-proċedura ta’ l-identifikazzjoni. 2. L-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika bħala sistema mhux obbligatorja , fejn l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bidla tat-tieni tikketta tal-widna b’identifikatur elettroniku fid-dawl ta' l-introduzzjoni fil-futur ta' sistema obbligatorji għall-Istati Membri. Standards tekniċi komuni għandhom jiżguraw li l-Istati Membri jkunu kumpatibbli bejniethom. 3. Iż-żamma ta’ l- istatus quo (żewġ tikketti klassiċi tal-widna, identifikatur elettroniku jista’ jintuża wkoll) Taħt din l-għażla, tista’ tintuża identifikazzjoni elettronika minbarra tikketti klassiċi tal-widna. Minkejja dan, identifikaturi elettroniċi m’għandhomx jiffurmaw parti mis-sistema uffiċjali ta’ identifikazzjoni. Is-sistema preżenti għandha titjieb billi jissaħħu l-miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet li diġà qegħdin fis-seħħ. Fid-dawl tad-direzzjoni li diġà ttieħdet għal dak li għandu x’jaqsam mas-sistema msaħħa għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ nagħaġ u mogħoż skond ir-Regolament (KE) Nru. 21/2004[10], huwa preferibbli li jitressaq l- overtime għall-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali bovini b’kunsiderazzjoni għall-ħtieġa li jiġu żviluppati il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-introduzzjoni xierqa tas-sistema ta’ identifikazzjoni elettronika fil-Komunità kollha. Għalhekk l-għażla 2 hija l-iktar għażla preferuta għal bhejjem ta' l-ifrat minħabba li din toffri benefiċċji għall-Istati Membri ta’ bħalissa u dawk tal-ġejjieni, irrispettivament mill-ħila tagħhom li jdaħħlu sistemi ta’ identifikazzjoni avvanzati. L-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun immonitorjata fuq il-bażi tar-rapporti li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni. It-tħaddim effiċjenti tal-bażijiet tat-tagħrif nazzjonali għal annimali bovini hija element importanti għall-introduzzjoni b’suċċess ta’ identifikazzjoni elettronika għal annimali bovini. Deċiżjoni fuq l-introduzzjoni obbligatorja ta’ l-identifikazzjoni elettronika għandha tqis l-esperjenza prattika miksuba minn dawk l-Istati Membri li għażlu li jdaħħlu s-sistema fuq bażi mhux obbligatorja matul perijodu massimu ta' tliet snin. Biex din tkun tista’ titħaddem sew, l-użu ta’ l-identifikazzjoni elettronika għandu jkun kumpatibbli b’mod reċiproku bejn il-proċeduri nazzjonali, u għalhekk għandu jkun armonizzat fuq livell ta’ Komunità. Fil-bidu din tkun l-aktar marbuta ma’ l-istandards tekniċi ta’ l-identifikaturi elettroniċi u s-sistemi ta’ qari. It-tagħrif fuq l-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimal għandu jinżamm fil-bażi tat-tagħrif nazzjonali tal-merħla, fir-reġistru tar-razzett u fil-passaport tal-merħla. Bħala prekundizzjoni għal proposti leġislattivi, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni għandu jipprovdi linji ta’ gwida tekniċi dettaljati, definizzjonijiet u proċeduri fil-qasam tal-karatteristiċi tekniċi ta’ l-identifikaturi u l-qarrejja; il-proċeduri tal-provi, il-kriterji ta’ aċċettazzjoni u l-mudell ta’ ċertifikazzjoni għal-laboratorji tal-prova li dwarhom ikun hemm ftehim; l-akkwist ta’ identifikaturi u qarrejja xierqa; l-applikazzjoni ta’ l-identifikaturi, il-qari u l-irkupru tagħhom; il-kodifikazzjoni ta’ l-identifikaturi; glossarju komuni, dizzjunarju tat-tagħrif u standards ta’ komunikazzjoni. [1] ĠU L 204, tal-11.8.2000, pġ. 1. [2] ĠU 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64. Direttiva emendata u aġġornata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/12/KE (ĠU L 109, tal-25.4.1997, pġ. 1) u emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) 21/2004(ĠU L 5, tad-9.1.2004, pġ. 8). [3] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29, kif emendat l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE(ĠU L 315, tad-19.11.2002, pġ. 14). [4] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 32, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 21/2004(ĠU L 5, tad-9.1.2004, pġ. 8). [5] ĠU L 117, tas-7.5.1997, pġ. 1. [6] ĠU L 163, tat-30.4.2004, pġ. 65. [7] ĠU L 156, tal-25.6.2003, pġ. 9, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 499/2004(ĠU L 80, tat-18.3.2004, pġ. 24). [8] ĠU L 60, tat-28.2.1998, pġ. 78. [9] HDX (Half-duplex): It-tagħrif ikun trasmess lura bit- transponder wara l-attivazzjoni tal-qarrej. Transponder HDX li jkun iċċarġjat bl-enerġija matul l-attivazzjoni juża l-interruzzjoni tas-sinjal ta’ l-attivazzjoni biex dan jittrasmetti s-sinjal tiegħu. It- transponder HDX għandu jirrispondi bejn 1ms u 2ms wara tnaqqis ta’ 3dB tas-sinjal ta’ l-attivazzjoni u juża modulazzjoni FSK f’(124.2±2) kHz biex jittrasmetti binarju 1 u f’(134.2±1.5) kHz biex jittrasmetti binarju 0. Is-sinjal tal-kodiċi għandu jkun NRZ. FDX (Full-duplex): It-tagħrif ikun trasmess lura bit- transponder li jkun hemm fih u li jkun attivat bit-transmiter. Transponder FDX li jirċievi l-qasam ta’ l-attivazzjoni għandu jittrasmetti l-kodiċi tiegħu matul il-perjodu ta’ attivazzjoni. It- transponder FDX juża sotto-kurrier ikkodifikat b’DBP immodifikat (kodiċi difrenzjali f’żewġ fażijiet) li jkollu estensjoni mmodulata. It- transponder għandu jibgħat lura l-messaġġ tiegħu billi juża mewġiet ta’ frekwenza 129 sa 133.2 kHz u 135.2 sa 139.4 kHz. [10] ĠU L 5, tad-9.1.2004, pġ. 8.