European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/292

19.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/292

tat-18 ta’ Jannar 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217 li jikkonċerna l-perjodu ta’ deroga u l-pesti ta’ tħassib għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti imċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw mill-Ġappun

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 30(1), 40(1) u 41(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni minn ċerti pajjiżi terzi hija pprojbita. F’konformità mal-punt 1 tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., għajr il-frott u ż-żrieragħ hija pprojbita.

(2)

F’ċerti kundizzjonijiet, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1217 (3) jippermetti l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun (il-“pjanijiet speċifikati”) permezz ta’ deroga mill-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217, id-deroga prevista f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.

(4)

Fit-13 ta’ Ottubru 2023, il-Ġappun ressaq talba lill-Kummissjoni biex tiġi estiża d-deroga prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217.

(5)

L-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni, soġġetta għar-rekwiżiti rispettivi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217, kif applikat b’mod effettiv mill-Ġappun, ippreżentat riskju fitosanitarju negliġibbli għat-territorju tal-Unjoni.

(6)

Id-deroga prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217 jenħtieġ li tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex ikun hemm biżżejjed żmien biex jiġi vvalutat bis-sħiħ ir-riskju ta’ dawk il-pesti li ma jkunux għadhom ġew ikklassifikati fil-listi ta’ pesti ta’ tħassib bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. Dik il-valutazzjoni se tippermetti li l-Kummissjoni tikkonkludi jekk id-deroga għandhiex tieqaf tapplika jew il-pjanti speċifikati għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 dwar l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni.

(7)

Barra minn hekk, l-Opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-15 ta’ Marzu 2019 (4) ikkonkludiet li l-pjanti ta’ Chamaecyparis Spach u Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr) jospitaw ukoll lill-pest Urocerus japonicus (F. Sm.). Għal din ir-raġuni, dak il-pest jenħtieġ li jiġi elenkat fl-Anness ta’ dak ir-Regolament bħala pest ta’ tħassib għal dawk il-pjanti.

(8)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fl-importazzjoni u tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-kummerċ lil hinn mid-data tal-iskadenza tad-deroga skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għal dik ir-raġuni, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe lakuna legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1217 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, it-test jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Id-deroga prevista fl-Artikolu 2 tapplika għall-pjanti speċifikati importati fl-Unjoni fil-perjodi li ġejjin:

(a)

Chamaecyparis: mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2024;

(b)

Juniperus: mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena sal-31 ta’ Diċembru 2024;

(c)

Pinus L.: mill-1 ta’ Ottubru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

(2)

L-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj?locale=mt.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1217 tal-25 ta’ Awwissu 2020 dwar deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 li tikkonċerna l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti mċekkna b’mod naturali jew artifiċjali għat-tħawwil ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u ċerti speċijiet ta’ Pinus L., li joriġinaw fil-Ġappun, u li jirrevoka d-Deċiżjoni 2002/887/KE (ĠU L 277, 26.8.2020, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1217/oj).

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2019. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of black pine (Pinus thunbergii Parl.) bonsai from Japan. EFSA Journal 2019;17(5):5667, 184 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5667.


ANNESS

Emenda għall-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217

Fil-punt 4 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1217, il-punti (b) u (c) jinbidlu b’dan li ġej:

“(b)

għall-pjanti ta’ Chamaecyparis:

(i)

Popillia japonica Newman,

(ii)

Urocerus japonicus (F. Sm.),

(iii)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;

(c)

għall-pjanti tal-Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr):

(i)

Bursaphelenchus xylophilus (Steiner u Bührer) Nickle et al.,

(ii)

Coleosporium paederiae Dietel ex Hirats. f.,

(iii)

Crisicoccus pini (Kuwana),

(iv)

Cronartium kurilense (Dietel) Y. Ono,

(v)

Cronartium quercuum (Berk.) Miyabe ex Shirai,

(vi)

Dendrolimus sibiricus Chetverikov,

(vii)

Dendrolimus spectabilis (Butler),

(viii)

Dendrolimus superans Butler,

(ix)

Monochamus spp. (popolazzjonijiet mhux Ewropej),

(x)

Pissodes nitidus Roelofs,

(xi)

Popillia japonica Newman,

(xii)

Pseudocercospora pini-densiflorae (Hori & Nambu) Deighton,

(xiii)

Thecodiplosis japonensis Uchida & Inouye,

(xiv)

Urocerus japonicus (F. Sm.),

(xv)

kull pest ta’ kwarantina ieħor jew pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li mhux magħruf li jeżisti fl-Unjoni;”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/292/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)