|
8.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
77 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/106/PESK
tal-15 ta' Frar 2007
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Afganistan
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-20 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/124/PESK (1) li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Afganistan sat-28 ta' Frar 2007. |
|
(2) |
Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill approva l-Politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà ta' Persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/124/PESK, il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandu jiġi estiż b'perijodu ta' 12-il xahar. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu1
Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Francesc VENDRELL bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Afganistan huwa b'dan estiż sad-29 ta' Frar 2008.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan. B'mod partikolari r-RSUE għandu:
|
1) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE- Afganistan u l-Ftehim ma' l-Afganistan kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u Riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tan-NU; |
|
2) |
iħeġġeġ kontributi pożittivi minn atturi reġjonali fl-Afganistan u minn pajjiżi ġirien għall-proċess ta' paċi fl-Afganistan u b'hekk jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni ta' l-istat Afgan; |
|
3) |
jappoġġa r-rwol ċentrali tan-NU, b'mod partikolari tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali; u |
|
4) |
jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
iwassal il-fehmiet ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-proċess politiku filwaqt li jirriferi għall-prinċipji ewlenin miftiehma bejn l-Afganistan u l-komunità internazzjonali, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u l-Ftehim ma' l-Afganistan; |
|
(b) |
jistabbilixxi u jżomm kuntatt mill-qrib ma', u jappoġġa, l-istituzzjonijiet rappreżentattivi Afgani, b'mod partikolari lill-gvern u lill-Parlament. Għandu jinżamm ukoll kuntatt ma' figuri politiċi Afgani oħra u ma' atturi rilevanti oħra kemm fil-pajjiż kif ukoll barra mill-pajjiż; |
|
(ċ) |
iżomm kuntatt mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti, b'mod partikolari mar-rappreżentanti lokali tan-NU; |
|
(d) |
jibqa' f'kuntatt mill-qrib ma' pajjiżi interessati ġirien u ma' pajjiżi interessati oħra fir-reġjun, sabiex fil-politika ta' l-Unjoni Ewropea jittieħed kont tal-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-iżvilupp tal-koperazzjoni bejn dawn il-pajjiżi u l-Afganistan; |
|
(e) |
jagħti parir dwar il-progress miksub fit-twettiq ta' l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u tal-Ftehim ma' l-Afganistan, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
|
|
(f) |
f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni, jgħin sabiex jiġi żgurat li l-approċċ politiku ta' l-Unjoni Ewropea jkun rifless fl-azzjoni tagħha għall-iżvilupp ta' l-Afganistan; |
|
(g) |
konġuntement mal-Kummissjoni, jipparteċipa b'mod attiv fil-Bord Konġunt ta' Koordinazzjoni u Monitoraġġ stabbilit taħt il-Ftehim ma' l-Afganistan; |
|
(h) |
jagħti parir dwar il-parteċipazzjoni u l-pożizzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea f'konferenzi internazzjonali dwar l-Afganistan. |
Artikolu 4
L-implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u kontribut politiku fil-qafas tal-mandat.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri l-infiq relatat mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 20082 għandu jkun ta' EUR 2 450 000.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi ġestit skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.
3. Il-amministrazzjoni ta' l-infiq għandha tkun suġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. L-infiq għandu jkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2007.
4. Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond ma jkun il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 6
Formazzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni ta' persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandha tkun koperta mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea konċernati rispettivament.
3. Il-karigi kollha tat-tip A li m'humiex koperti b'sekondar għandhom jiġu pubbliċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati wkoll lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.
4. Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.
Artikolu 7
Sigurtà
1. Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (2), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.
2. Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment sikur ta' persunal lejn, u fiż-żona tal-missjoni, l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni għall-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-Unjoni Ewropea jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
|
(ċ) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li għandhom jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta' sigurtà xieraq qabel jew malli jaslu fiż-żona tal-missjoni, abbażi tal-klassifikazzjoni ta' riskju assenjata liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
|
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, jiġu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' implimentazzjoni ta' nofs it-terminu u tal-mandat; |
|
(e) |
jiżgura, kif meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni jew operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżi fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà tiegħu. |
Artikolu 8
Rappurtar
Bħala regola, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-KPS, ir-RSUE jista' jirrapporta lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.
Artikolu 9
Koordinazzjoni
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma' dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. Fil-kamp, għandha tinżamm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni, li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll mar-RSUE għall-Asja Ċentrali u ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-kamp.
Artikolu 10
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2007 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2007. Dawn ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 12
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
W. SCHÄUBLE
(1) ĠU L 49, 21.2.2006, p. 21.
(2) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).