European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1233

12.6.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1233

tal-11 ta’ Ġunju 2026

li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tas-servizz komuni ta’ indirizzar (CAS) għas-sistema tas-Single Window Marittima Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat għat-Trasport Diġitali u għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ,

Billi:

(1)

Fil-kuntest tas-sistema tas-Single Window Marittima Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1239, id-dikjaranti u l-fornituri tas-servizzi tad-data (spedituri) jistgħu jissodisfaw l-obbligi tar-rapportar tagħhom b’konnessjoni minn sistema għal sistema mal-Modulu tal-Interfaċċa tar-Rapportar (RIM) tas-Single Windows Nazzjonali Marittimi (MNSW).

(2)

Il-RIM, żviluppat f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2790 (2), jiżgura l-interoperabbiltà teknika u l-użu ta’ sett armonizzat ta’ messaġġi għall-iskambju tad-data mal-MNSWs. Qabel ma l-ispedituri jiskambjaw data mal-MNSW permezz tal-RIM, id-dettalji tal-konnessjoni jridu jiġu kkonfigurati manwalment. Dan hu meħtieġ ukoll jekk jinbidlu d-dettalji tal-konnessjoni. Is-servizz komuni ta’ indirizzar għandu jegħleb din il-kwistjoni billi jiffaċilita l-konfigurazzjoni awtomatika tal-konnessjoni diretta minn sistema għal sistema.

(3)

Is-servizz komuni ta’ indirizzar jenħtieġ li juża skoperta dinamika li tiżgura l-flessibbiltà u l-iskalabbiltà għan-network tal-MNSWs. L-ispedituri jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw is-servizz komuni ta’ indirizzar biex jibdew konnessjoni diretta tad-data minn sistema għal sistema bejn il-punt tal-aċċess AS4 tagħhom u RIM b’kisba awtomatika tal-aħħar dettalji tal-konnessjoni ta’ RIM.

(4)

Is-servizz komuni ta’ indirizzar jenħtieġ li jimminimizza l-ħtieġa għal interventi umani u, għalhekk, jenħtieġ li jnaqqas b’mod proporzjonali l-kostijiet u r-riskji ta’ erruri, filwaqt li jagħmel in-network flessibbli, meta jkun hemm bidla fid-dettalji tal-konnessjoni tal-parteċipanti tiegħu, bħal informazzjoni dwar punti tat-tmiem u ċertifikat pubbliku.

(5)

Biex ikunu żgurati l-interoperabbiltà u t-tnaqqis tal-kostijiet tal-implimentazzjoni, is-servizz komuni ta’ indirizzar jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-istess teknoloġiji u standards użati għar-RIM.

(6)

In-nodu tal-lokalizzatur ċentrali jenħtieġ li jkun fih l-identifikaturi tal-parteċipanti u l-lokazzjoni tan-nodi tal-pubblikaturi, u jenħtieġ li jiġi ospitat ċentralment biex ikun żgurat li dik id-data tinżamm aġġornata fis-Sistema pubblika tal-Ismijiet tad-Dominji (DNS).

(7)

Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-servizz u jittaffa r-riskju ta’ punt uniku ta’ falliment, kull Stat Membru jenħtieġ li jospita n-nodu tal-pubblikatur tiegħu stess li jenħtieġ li jkun fih id-dettalji tal-konnessjoni kollha meħtieġa tar-RIM korrispondenti.

(8)

Biex ikunu żgurati l-iskalabbiltà u l-flessibbiltà anki għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimmaniġġjaw l-MNSWs, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħżnu wkoll fin-nodi tal-pubblikaturi tagħhom id-dettalji tal-konnessjoni tal-punti tal-aċċess AS4 tal-ispedituri, minflok ma jikkonfigurawhom minn qabel manwalment fir-RIM tagħhom.

(9)

Biex in-nodu tal-pubblikatur tiegħu jkun jista’ jiġi skopert mill-utenti tas-servizz komuni ta’ indirizzar, ħalli jkunu żgurati l-korrettezza u d-disponibbiltà tal-indirizz tan-nodu tal-pubblikatur fid-DNS pubbliku, u jkun evitat li l-utenti tas-servizz komuni ta’ indirizzar jiskopru nodi tal-pubblikaturi dekummissjonati jew ineżistenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirreġistraw, jaġġornaw u jħassru d-dettalji tan-nodi tal-pubblikaturi tagħhom permezz tan-nodu tal-lokalizzatur ċentrali.

(10)

Is-Single Windows Nazzjonali Marittimi jikkostitwixxu servizz pubbliku diġitali transfruntier skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“l-Att dwar Ewropa Interoperabbli”). Dan ir-Regolament jintroduċi rekwiżiti vinkolanti ġodda li jaffettwaw is-servizz(i) pubbliċi diġitali msemmija hawn fuq u, bħala tali, hu soġġett għall-obbligu ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli. Għalhekk saret valutazzjoni tal-interoperabbiltà u r-rapport li jirriżulta jiġi ppubblikat fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2790.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“skoperta dinamika” tfisser mekkaniżmu li jippermetti kemm lill-punti tal-aċċess AS4 tal-ispedituri kif ukoll lir-RIMs biex jiksbu awtomatikament id-dettalji tal-konnessjoni ta’ xulxin biex jibdew konnessjoni diretta.

(2)

“eDelivery” tfisser sett ta’ speċifikazzjonijiet u standards tekniċi għall-iskambju elettroniku tal-messaġġi, żviluppat mill-Kummissjoni.

(3)

“nodu tal-lokalizzatur ċentrali” tfisser Lokalizzatur tal-Metadata tas-Servizz (SML) li jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-profil tal-eDelivery (4) li jiffaċilita l-iskoperta dinamika permezz tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Dominju (DNS) pubblika.

(4)

“nodu tal-pubblikatur” tfisser Pubblikatur tal-Metadata tas-Servizz (SMP) li jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-profil tal-eDelivery (5) li jkollu d-dettalji tal-konnessjoni tal-moduli tal-interfaċċa tar-rapportar (RIMs) u l-punti tal-aċċess AS4 tal-ispedituri.

(5)

“servizz komuni ta’ indirizzar” tfisser is-servizz imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) 2019/1239.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, il-mekkaniżmi tal-kontroll tal-kwalità u l-proċeduri għall-implimentazzjoni, iż-żamma u l-użu tas-servizz komuni ta’ indirizzar huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2790 tal-14 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi għall-modulu tal-interfaċċa tar-rapportar tas-Single Windows Nazzjonali Marittimi (ĠU L, 2023/2790, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2790/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj).

(4)   https://ec.europa.eu/digital-building-blocks/sites/display/DIGITAL/SML+service.

(5)   https://ec.europa.eu/digital-building-blocks/sites/display/DIGITAL/SMP+software.


ANNESS

IMPLIMENTAZZJONI, MANUTENZJONI U UŻU TAS-SERVIZZ KOMUNI TA’ INDIRIZZAR

Is-servizz komuni ta’ indirizzar għandu jikkonsisti minn nodu tal-lokalizzatur ċentrali mħaddem u miżmum mill-Kummissjoni, u nodi tal-pubblikaturi mħaddmin u miżmumin minn kull Stat Membru f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-eDelivery.

L-ispedituri jistgħu jużaw is-servizz komuni ta’ indirizzar biex jibdew konnessjoni diretta tad-data minn sistema għal sistema bejn il-punt tal-aċċess AS4 tagħhom u modulu tal-interfaċċa tar-rapportar billi jużaw l-iskoperta dinamika minflok dettalji tal-konnessjoni konfigurati minn qabel manwalment tal-modulu tal-interfaċċa tar-rapportar fil-punt tal-aċċess AS4 tagħhom.

Biex jikseb id-dettalji tal-konnessjoni ta’ RIM, il-punt tal-aċċess AS4 tal-ispeditur għandu jikkuntattja lil nodu tal-pubblikatur, li jaħżen l-informazzjoni rilevanti dwar il-konnessjoni. Id-dettalji tal-konnessjoni ta’ RIM jew punt tal-aċċess AS4 partikolari għandhom jinħażnu esklussivament f’nodu tal-pubblikatur wieħed. In-nodu tal-lokalizzatur ċentrali għandu jiffaċilita dan il-proċess billi jimmaniġġja n-nodi tal-pubblikaturi fid-DNS pubbliku u jippermetti skoperta dinamika.

Minflok konfigurazzjoni minn qabel manwalment tad-dettalji tal-konnessjoni tal-punt tal-aċċess AS4 tal-ispedituri fil-modulu tal-interfaċċa tar-rapportar, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-nodu tal-pubblikatur tagħhom biex jaħżnu d-dettalji tal-konnessjoni tal-punti tal-aċċess AS4 tal-ispedituri.

SPEĊIFIKAZZJONIJIET FUNZJONALI U TEKNIĊI

Nodu tal-Lokalizzatur Ċentrali

In-nodu tal-lokalizzatur ċentrali għandu jipprovdi l-funzjonalitajiet li ġejjin:

ID

Isem

Deskrizzjoni

C1

Direttorju tal-indirizzi tan-network u tiftix

In-nodu tal-lokalizzatur ċentrali għandu jservi bħala direttorju ċentrali tal-identifikaturi tar-RIM u tal-punti tal-aċċess AS4, u tal-identifikaturi tan-nodi tal-pubblikaturi rispettivi tagħhom, u jagħmilhom jistgħu jiġu skoperti minn DNS pubblika.

C2

Ġestjoni ċentrali tan-nodi tal-pubblikaturi

In-nodu tal-lokalizzatur ċentrali għandu jirreġistra, jaġġorna u jħassar il-metadata tan-nodi tal-pubblikaturi fid-DNS pubbliku. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw id-dettalji tan-nodi tal-pubblikaturi tagħhom direttament bl-interfaċċa minn sistema għal sistema tan-nodu tal-lokalizzatur ċentrali.

C3

Fiduċja u Sigurtà

In-nodu tal-lokalizzatur ċentrali għandu jippermetti biss ir-reġistrazzjoni u l-komunikazzjoni permezz ta’ nodi tal-pubblikaturi li jippreżentaw ċertifikat validu tas-Sigurtà tas-Saff tat-Trasport reċiproka (mTLS) maħruġ minn awtorità rikonoxxuta u fdata taċ-ċertifikati pubbliċi f’konformità mal-linji gwida tal-eDelivery dwar iċ-ċertifikati diġitali.

Nodi tal-pubblikaturi

In-nodi tal-pubblikaturi għandhom jipprovdu l-funzjonalitajiet li ġejjin:

ID

Isem

Deskrizzjoni

D4

Għoti ta’ metadata

In-nodu tal-pubblikatur għandu jaħżen u jipprovdi d-dettalji tal-konnessjoni tar-RIM u tal-punt tal-aċċess AS4 tal-ispeditur meta jintalab.

D5

Fiduċja u Sigurtà

In-nodi tal-pubblikaturi għandhom ikunu aċċessibbli fuq l-Internet permezz ta’ ċertifikat TLS validu maħruġ minn awtorità rikonoxxuta u fdata taċ-ċertifikati pubbliċi f’konformità mal-linji gwida tal-eDelivery dwar iċ-ċertifikati diġitali.

D6

Ġestjoni tar-rekords

In-nodu tal-pubblikatur għandu jipprovdi l-possibbiltà ta’ ġestjoni (reġistrazzjoni, aġġornament, tneħħija jew migrazzjoni) tad-dettalji tal-konnessjoni tar-RIM u tal-punti tal-aċċess AS4 tal-ispeditur maħżuna fin-nodu tal-pubblikatur. L-aġġornamenti relatati ma’ din l-informazzjoni u ta’ nodu tal-pubblikatur li jkun jeħtieġ modifika fir-rekords tad-DNS għandhom jiġu sinkronizzati man-nodu tal-lokalizzatur ċentrali.

In-nodu tal-pubblikatur għandu jaħżen imqar l-informazzjoni li ġejja:

ID

Isem

Deskrizzjoni

E1

Informazzjoni dwar il-punt tat-tmiem

L-indirizzi tekniċi tar-RIM jew tal-punti tal-aċċess AS4 li lilhom jintbagħtu l-messaġġi AS4.

E2

Ċertifikat pubbliku

Iċ-ċertifikat pubbliku ta’ fiduċja meħtieġ għall-kriptaġġ tal-messaġġi AS4.

MEKKANIŻMI TAL-KONTROLL TAL-KWALITÀ

ID

Isem

Deskrizzjoni

L1

Informazzjoni dwar l-illoggjar u l-monitoraġġ

In-nodi tal-lokalizzatur ċentrali u tal-pubblikaturi għandhom joffru l-kapaċitajiet ta’ lloggjar u monitoraġġ għall-finijiet ta’ kontroll tal-kwalità.

L2

Trattament tal-eċċezzjonijiet

In-nodi tal-lokalizzatur ċentrali u tal-pubblikaturi għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw u jittrattaw eċċezzjonijiet u erruri, u jirrapportaw meta jiġru.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1233/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)