IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.6.2024
COM(2024) 244 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-delega ta' setgħat li jiġu adottati atti delegati kkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġie adottat fit-8 ta’ Ġunju 2016. Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1011 ġie emendat sussegwentement bir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bir-Regolament (UE) Nru 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bir-Regolament (UE) Nru 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u bir-Regolament (UE) Nru 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 introduċa qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati jew bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment fl-Unjoni.
Skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati.
Fir-rigward tal-Artikoli 3(2), 13(2a), 19a(2), 19c(1), 20(6), 24(2), 27(2b), 33(7), 51(6) u 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jipprevedi li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li tista’ tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ulterjuri ta’ durata identika dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu. Inizjalment, il-perjodu ta’ ħames snin dam mit-30 ta’ Ġunju 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2021. Ir-Regolament (UE) 2019/2089 emenda l-Artikolu 49(2) sabiex l-għoti tas-setgħa attwalment jingħata mill-10 ta’ Diċembru 2019 sal-10 ta’ Diċembru 2024, u żied ir-rekwiżit li jitħejja rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa. Dan ir-rapport għandu l-għan li jissodisfa dak ir-rekwiżit.
2.Bażi legali
L-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-Kummissjoni tħejji rapport fir-rigward tas-setgħat imsemmija f’dik id-dispożizzjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin li għalih ikunu ngħataw.
3.Eżerċizzju tad-delega
3.1.Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni
Skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) 2016/1011, matul it-tħejjija tal-atti delegati, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli (EG ESC, Expert Group of the European Securities Committee). L-Istati Membri kollha ġew mistiedna jinnominaw esperti biex jieħdu sehem f’dawn il-konsultazzjonijiet; il-Parlament Ewropew ġie mistieden jipparteċipa wkoll.
Fit-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-atti delegati il-Kummissjoni qieset l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawk il-konsultazzjonijiet. Il-Kummissjoni infurmat ukoll regolarment lill-membri tal-EG ESC dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-abbozzi tal-atti delegati.
Hekk kif l-atti delegati ġew adottati mill-Kummissjoni, dawn ġew innotifikati simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u dan ta bidu għall-perjodu ta’ oġġezzjoni msemmi fil-punt 3.2. hawn taħt.
3.2.Atti delegati adottati
Matul il-perjodu ta’ rapportar, li huwa bejn l-10 ta’ Diċembru 2019 u l-10 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha billi adottat l-atti delegati msemmija fit-Tabella ta’ hawn taħt. Qabel ma nħoloq ir-rekwiżit ta’ rapportar, il-Kummissjoni kienet diġà adottat atti delegati skont l-Artikoli 3 (2), 20 (6) (a), 20 (6) (c) u 51 (6) tar-Regolament (UE) 2016/1011.
|
Att Delegat
|
Setgħat
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816
|
l-Art. 13(2a)
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818
|
Art. 19a(2)
Art. 19c(1)
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1817
|
l-Art. 27(2b)
|
3.3.Oġġezzjoni għall-atti delegati
Skont l-Artikolu 49(6) u (6a) tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika, u jistgħu jiġu estiżi bi tliet ġimgħat, li jista’ jiġi estiż għal tliet xhur oħra fuq l-inizjattiva jew tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat f’dak il-perjodu, dan ma jidħolx fis-seħħ. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għal ebda wieħed mill-atti delegati msemmija fit-Taqsima 3.2.
3.4.Ħtieġa għall-estensjoni tas-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati
Filwaqt li għadd ta’ atti delegati ġew adottati f’dan il-punt, is-setgħat elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt għadhom ma ntużawx.
|
Atti Delegati
|
Setgħat
|
|
Att delegat biex isir rieżami tal-metodu ta’ kalkolu użat sabiex jiġu ddeterminati l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 20(1) fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq, fil-prezzijiet u l-iżviluppi regolatorji, kif ukoll l-adegwatezza tal-klassifikazzjoni tal-parametri referenzjarji b’valur totali ta’ strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta’ investiment li jirreferuhom u li jkunu qrib il-limiti stabbiliti
|
l-Artikolu 20(6), il-punt (b)
|
|
Att delegat biex isir rieżami tal-metodu ta’ kalkolu użat sabiex jiġi ddeterminat il-limitu stabbilit imsemmi fl-Artikolu 24(1), il-punt (a), fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq, fil-prezzijiet u l-iżviluppi regolatorji, kif ukoll l-adegwatezza tal-klassifikazzjoni tal-parametri referenzjarji b’valur totali ta’ strumenti finanzjarji, kuntratti finanzjarji jew fondi ta’ investiment li jirreferuhom u li huma qrib il-limiti stabbiliti
|
Artikolu 24(2)
|
|
Att delegat dwar miżuri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jistgħu jivvalutaw jekk hemmx raġuni oġġettiva għall-forniment ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji f’pajjiż terz u l-approvazzjoni tagħhom għall-użu tagħhom fl-Unjoni.
|
Artikolu 33(7)
|
|
Att delegat biex il-perjodu ta’ 42 xahar imsemmi fl-Artikolu 51(2) jiġi estiż b’24 xahar, jekk ir-rapport imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 54 jipprovdi evidenza li r-reġim ta’ reġistrazzjoni tranżizzjonali skont l-Artikolu 51(2) ma jkunx ta’ detriment għal kultura superviżorja komuni Ewropea u prattiki u approċċi superviżorji konsistenti fost l-awtoritajiet kompetenti.
|
Artikolu 54(3)
|
Ir-raġunijiet għaliex dawk l-atti delegati għadhom ma ġewx adottati jvarjaw.
-L-atti delegati li għandhom jiġu adottati skont is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 18a(3), l-Artikolu 30(2a), l-Artikolu 30(3a) u l-Artikolu 33(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huma relatati mar-regoli dwar l-użu ta’ parametri referenzjarji mhux tal-UE fl-Unjoni. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-reġim ġiet posposta diversi drabi, l-aktar waħda reċenti sal-31 ta’ Diċembru 2025, peress li ħareġ biċ-ċar li r-restrizzjoni tal-aċċess għal parametri referenzjarji mhux tal-UE tkun ta’ detriment għall-entitajiet taħt superviżjoni fl-UE li jużaw dawk il-parametri referenzjarji. Peress li r-regoli dwar l-użu ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi fl-UE għad iridu jiġu applikati b’mod obbligatorju, tqies li għadu kmieni wisq biex l-atti delegati jiġu adottati skont dawn is-setgħat.
-fir-rigward tal-atti delegati li għandhom jiġu adottati skont is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 20(6), il-punt (b), u l-Artikolu 24(2), fil-kuntatti regolari tagħha mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni ma ġiet mgħarrfa dwar ebda diffikultà prattika fl-applikazzjoni tal-limiti kwantitattivi ta’ EUR 500 biljun u EUR 50 biljun li jiddelinjaw bejn parametri referenzjarji kritiċi, sinifikanti u mhux sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm bżonn li jsir rieżami tal-metodu ta’ kalkolu biex jiġu ddeterminati d-diversi limiti kwantitattivi fir-Regolament (UE) 2016/1011 u ma adottatx atti delegati għal dak l-għan. Il-Kummissjoni tagħmel dan jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu.
-l-att delegat li għandu jiġi adottat skont is-setgħa stabbilita fl-Artikolu 54(3) jikkonċerna l-estensjoni tal-perjodu ta’ 42 xahar imsemmi fl-Artikolu 51(2) bi 24 xahar fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Unjoni qabel l-2020. Peress li ma aġixxietx fuq din is-setgħa, il-perjodu tranżitorju li kien jippermetti li jiġi estiż issa skada, u b’hekk is-setgħa ma baqgħetx valida.
Fl-aħħar nett, filwaqt li tinnota li l-Kummissjoni pproponiet li temenda l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1011, u li l-Parlament Ewropew sussegwentement ippropona emendi għall-Artikolu 33, bħalissa mhuwiex ċert jekk is-setgħat mogħtija f’dawk l-artikoli humiex se jiġu emendati fir-regolament rivedut.
4.Konklużjoni
Minħabba l-ispjegazzjoni mogħtija fit-Taqsima 3, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa ċara għal estensjoni taċita tad-delega tas-setgħa prevista fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għal perjodu ta’ ħames snin.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.