SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema – Direttiva 2002/14/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘impriża li teżerċita attività ekonomika’ – Persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Tneħħija ta’ ħaddiema maħtura għal pożizzjonijiet maniġerjali – Assenza ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni minn qabel mar-rappreżentanti tal-ħaddiema”
Fil-Kawża C‑404/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura
Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou (Eoppep)
vs
Elliniko Dimosio,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou (Eoppep), minn K. Ithakisios u M. Papasaranti, dikigoroi, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou, K. Georgiadis u M. Tassopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou u B.‑R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou (Eoppep) (l-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki u ta’ Gwida Professjonali (Eoppep), il-Greċja)) u l-Elliniko Dimosio (l-Istat Grieg) rigward multa imposta fuq dan l-organu talli naqas milli jipprovdi lill-amministrazzjoni kompetenti d-dokumenti li juru li r-rappreżentanti tal-ħaddiema tiegħu kienu ġew informati u kkonsultati qabel it-tneħħija ta’ żewġ ħaddiema mill-pożizzjoni tagħhom. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 7 sa 10 tad-Direttiva 2002/14 jgħidu:
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Arranġament prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikopru:
|
Id‑dritt Grieg
Id-Digriet Presidenzjali 240/2006
|
7 |
Id-Daltagma 240/2006, Peri thespiseos genikou plaisiou enimeroseos kai diavouleuseos ton ergazomenon simfona me tin odigia 2002/14/EK tis 11.3.2002 tou Europaikou Koinovouliou kai tou Symvouliou (id-Digriet Presidenzjali 240/2006 li jistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati konformement mad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002), tad‑9 ta’ Novembru 2006 (FEK A’ 252/16.11.2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali 240/2006”) ittraspona d-Direttiva 2002/14 fl-ordinament ġuridiku Grieg. |
|
8 |
L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet presidenzjali jirriproduċi d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/14. |
|
9 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet presidenzjali, intitolat “Dettalji prattiċi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni”, jirripproduċi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu, rispettivament, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14. |
Il‑Liġi 4115/2013
|
10 |
In-Nomos 4115/2013, Organosi kai leitourgia Idrimatos Neolaias kai Dia Viou Mathisis kai Ethnikou Organismou Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou kai alles diatakseis (il-Liġi 4115/2013 dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Fondazzjoni għaż-Żgħażagħ u għat-Taħriġ Kontinwu u tal-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki u ta’ Gwida Professjonali u Dispożizzjonijiet Oħra), tad‑29 ta’ Jannar 2013 (FEK A’ 24/30.1.2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi 4115/2013”), tiddetermina, b’mod partikolari, il-kompetenzi u s-setgħat tal-Eoppep. |
|
11 |
L-Artikolu 13 ta’ din il-liġi jipprevedi: “1. Permezz tad-Deċiżjoni Konġunta 119959/H/20.10.2011 […] [tal-Ministru għall-Finanzi u tal-Ministru] għall-Edukazzjoni, għat-Taħriġ Kontinwu u għall-Affarijiet Reliġjużi […], il-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethniko Kentro Pistopoiisis Domon Dia Viou Mathisis’ [(Ekepis)] (iċ-Ċentru Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Istrutturi ta’ Taħriġ Kontinwu) […] u l-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethniko Kentro Epangelmatikou Prosanatolismou’ [(EKEP)] (iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Gwida Professjonali) […] ġew amalgamati permezz ta’ assorbiment fil-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton’ [(EOPP)] (l-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki) […] u tneħħew inkwantu entitajiet ġuridiċi indipendenti. Bl-istess deċiżjoni ministerjali konġunta, il-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat imsejħa ‘Ethnikos Organismos Pisopoiisis Prosonton’ (EOPP) ingħatat l-isem ġdid ta’ ‘Ethnikos Organismos Pistopoiisis Prosonton & Epangelmatikou Prosanatolismou’ (Eoppep) (l-Organu Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki u ta’ Gwida Professjonali). 2. L-Eoppep hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li tagħmel parti mis-settur pubbliku f’sens wiesa’; huwa għandu awtonomija amministrattiva u finanzjarja, għandu natura ta’ utilità pubblika u mingħajr skop ta’ lukru, jopera fl-interess pubbliku u jaqa’ taħt it-tutela tal-Ministru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “1. L-Eoppep huwa l-organu nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni tal-inputs u l-outputs tal-edukazzjoni u tat-tagħlim mhux formali; huwa jaġixxi inkwantu struttura nazzjonali ta’ networks Ewropej li jimmaniġġjaw il-kwalifiki u l-għodod Ewropej ta’ trasparenza u mobbiltà, bħall-punt ta’ koordinazzjoni nazzjonali għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Europassaport, iċ-Ċentru Nazzjonali Grieg ta’ Informazzjoni dwar il-Gwida Professjonali, membru tan-Network Ewropew Euroguidance, il-punt ta’ referenza nazzjonali għall-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (EQA-VET) u għas-Sistema Ewropea ta’ Kreditu tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Professjonali (ECVET). 2. L-għanijiet segwiti mill-Eoppep huma, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:
[…] 6. L-Eoppep għandu jaġixxi bħala korp amministrattiv għat-taħriġ kontinwu […]” |
|
13 |
L-Artikolu 20 tal-istess liġi jipprevedi: “1. L-[Eoppep] għandu jiġbor tariffi għall-evalwazzjoni u għall-inklużjoni fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 21, għall-approvazzjoni taċ-ċentri u tal-uffiċċji privati ta’ konsulenza ta’ gwida professjonali, għall-approvazzjoni u għaċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri ta’ taħriġ kontinwu, għall-approvazzjoni tal-organi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalifiki, għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki tal-persuni fiżiċi, għaċ-ċertifikazzjoni tal-korsijiet u tal-programmi professjonali, kif ukoll għall-ekwivalenza tad-diplomi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. In-natura u l-ammont tat-tariffi, il-korrispondenza tagħhom mal-ispejjeż tas-servizzi speċifikament ipprovduti skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu kif ukoll il-modalitajiet tal-ġbir tagħhom huma ddeterminati b’deċiżjoni konġunta [tal-Ministru għall-Finanzi u tal-Ministru] għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi tal-[Eoppep]. 2. It-tariffi huma intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni, ta’ żamma ta’ reġistri speċjali, ta’ promozzjoni u ta’ inkoraġġiment għall-użu tal-kwalifiki ċċertifikati skont il-kompetenzi tal-[Eoppep], kif ukoll tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni taċ-ċittadini dwar dawn is-servizzi. 3. L-ispejjeż ta’ sorveljanza jinġabru mingħand l-entitajiet imqiegħda taħt is-sorveljanza tal-[Eoppep] skont l-Artikolu 19 ta’ din il-liġi. Dawn l-ispejjeż huma stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni konġunta [tal-Ministru għall-Finanzi u tal-Ministru] għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi tal-[Eoppep]. 4. It-tariffi u l-ispejjeż ta’ sorveljanza għandhom jitħallsu f’kontijiet tal-[Eoppep] u għandhom jintużaw sabiex ikopru l-infiq kollu msemmi fil-paragrafu 2.” |
|
14 |
L-Artikolu 23 tal-Liġi 4115/2013 jipprevedi: “1. Ir-riżorsi tal-Eoppep huma dawk li d-dispożizzjonijiet tal-liġi allokaw lill-organi li issa huma amalgamati kif ukoll lill-organu li jassorbihom; b’mod indikattiv, dawn jistgħu jikkonsistu fi:
[…]
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
15 |
L-Eoppep huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ikkostitwita permezz ta’ amalgamazzjoni u assorbiment ta’ entitajiet oħra fl‑2011 u li għandha bħala għan li twettaq b’mod partikolari missjonijiet ta’ gwida professjonali ta’ kull tip għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, għall-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali, kif ukoll għall-organi ta’ taħriġ professjonali, għall-impriżi u għall-organizzazzjonijiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jimpjegaw. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tas‑16 ta’ Frar 2012, PM inħatret kap ad interim tad-diviżjoni ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalifiki ta’ dan l-organu u DM inħatret bħala Viċi Direttur tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji kif ukoll kap ad interim tad-Diviżjoni tas-Servizzi Ekonomiċi ta’ dan l-organu. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tas‑17 ta’ Ġunju 2013, li temenda l-ewwel deċiżjoni, DM saret direttriċi ad interim tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji ta’ l-imsemmi organu. |
|
17 |
Wara l-pubblikazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eoppep, il-Bord tad-Diretturi ta’ dan l-organu ddeċieda, fit‑18 ta’ Jannar 2018, li DM kienet ser tkompli teżerċita l-funzjonijiet ta’ persuna responsabbli ad interim tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji tal-imsemmi organu, sal-għażla u l-ħatra ta’ direttur għal dan id-direttorat. Fl‑14 ta’ Frar 2018, dan il-bord tad-diretturi ddeċieda li jneħħi lil DM mill-pożizzjoni tagħha ta’ direttriċi ad interim tal-imsemmi direttorat minħabba li hija ma kinitx kapaċi taqdi din il-funzjoni b’mod sodisfaċenti. Madankollu, DM baqgħet assenjata lid-Dipartiment tas-Servizzi Amministrattivi. |
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tal‑21 ta’ Frar 2018, PM tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha ta’ kap ad interim tad-Diviżjoni ta’ Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki, iżda kompliet taħdem f’din id-diviżjoni bħala membru tal-persunal. Din id-deċiżjoni ġiet adottata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Eoppep, b’mod li jintlaħqu l-għanijiet inerenti fil-kostituzzjoni tiegħu. Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, ħaddiem ieħor, KG, tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu ta’ kap tad-dipartiment tal-għoti ta’ liċenzji lill-istrutturi, filwaqt li baqa’ assenjat lid-Dipartiment ta’ Ġestjoni tal-Għarfien u ta’ Governanza Elettronika, filwaqt li ħaddiem ieħor, AA, inħatar kap ad interim tad-Dipartiment Finanzjarju tal-Eoppep. |
|
19 |
DM u PM, rispettivament, ikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-Eoppep tal‑14 ta’ Frar 2018 u tal‑21 ta’ Frar 2018 fi ħdan l-Ispettorat tar-Relazzjonijiet tax-Xogħol. Dan tal-aħħar, fi tmiem investigazzjoni, qies li l-Eoppep kien kiser id-digriet presidenzjali billi ma informax u ma kkonsultax lir-rappreżentanti tal-ħaddiema qabel it-tneħħija tagħhom mill-funzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, l-Istat Grieg impona fuq l-Eoppep multa ta’ EUR 2250 minħabba ksur ta’ dan id-digriet presidenzjali. |
|
20 |
L-Eoppep ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa jsostni, b’mod partikolari, li huwa ma jikkostitwixxix impriża li teżerċita attività ekonomika, fis-sens tad-Digriet Presidenzjali 240/2006 kif ukoll tad-Direttiva 2002/14, u li ma jaqax, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn it-testi, li DM u PM kienu jafu bin-natura temporanja tal-ħatra rispettiva tagħhom fil-pożizzjoni ta’ direttriċi tad-Direttorat tad-Dipartimenti Amministrattivi u Finanzjarji u fil-pożizzjoni ta’ kap tad-Diviżjoni ta’ Ċertifikazzjoni tal-Kwalifiki, u li l-ksur allegat jikkonċerna żewġ membri tal-persunal li fir-rigward tagħhom il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema prevista minn dan id-digriet presidenzjali ma tapplikax peress li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil dawn iż-żewġ membri tal-persunal jaqgħu biss taħt is-setgħa ta’ tmexxija tal-Eoppep. |
|
21 |
Quddiem dik il-qorti, l-Istat Grieg isostni li l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li l-eżerċizzju, mill-Eoppep, ta’ attività ekonomika ma jidhirx li huwa eskluż mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kompetenzi ta’ dan. Fil-fatt, jingħad li huwa possibbli li, għal uħud mill-kompetenzi tiegħu u, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni tas-servizzi li jirrigwardaw il-gwida professjonali għall-organi kompetenti tal-ministeri, għall-organi ta’ taħriġ professjonali, għall-impriżi u għall-organizzazzjonijiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jimpjegaw, jeżistu swieq li fihom impriżi f’kompetizzjoni mal-Eoppep jiżviluppaw l-attività tagħhom. Barra minn hekk, ir-riżorsi ekonomiċi ta’ dan l-organu jinkludu wkoll id-dħul li ġej mill-eżekuzzjoni ta’ xogħol jew ta’ servizzi. Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur kien għalhekk ippreveda li l-Eoppep kien ser jaġixxi, mill-inqas parzjalment, bħala operatur tas-suq. |
|
23 |
Dik il-qorti tispeċifika, min-naħa l-oħra, li PM tneħħiet mill-funzjonijiet tagħha għal raġunijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tad-dipartiment, filwaqt li l-pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni okkupata minnha ma tħassritx. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk din it-tneħħija tikkostitwixxix sitwazzjoni li fiha d-Direttiva 2002/14 u d-Digriet Presidenzjali 240/2006 li jittrasponiha jeżiġu, qabel l-imsemmija tneħħija, li jiġu informati u kkonsultati r-rappreżentanti tal-ħaddiema. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
25 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taġixxi bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku u li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika filwaqt li tipprovdi wkoll, bi ħlas, servizzi li jikkompetu ma’ dawk ipprovduti minn operaturi tas-suq. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 jiddefinixxi t-terminu “impriża” bħala li jkopri kull impriża pubblika jew privata li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament minn jekk għandhiex skop ta’ lukru jew le. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens li jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, li ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2002/14, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan il-kunċett, li jidher f’diversi direttivi dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, jinkludi kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Huma, bħala prinċipju, esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Min-naħa l-oħra, ġew ikklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi servizzi li, mingħajr ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, jingħataw fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk proposti minn operaturi li għandhom skop ta’ lukru. Il-fatt li tali servizzi jkunu inqas kompetittivi minn servizzi komparabbli pprovduti mill-operaturi li għandhom skop ta’ lukru ma jistax jipprekludi li l-attivitajiet ikkonċernati jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2002/14 u tal-formulazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(a) tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” li toħroġ mill-punti 27 u 29 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi trasposta għad-Direttiva 2002/14. |
|
31 |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 ikoprix entità bħall-Eoppep, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk entità bħal dan l-organu teżerċitax attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq speċifiku. |
|
32 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14 tal-Liġi 4115/2013, l-Eoppep għandu bħala għanijiet mhux biss iċ-ċertifikazzjoni tal-istabbilimenti ta’ taħriġ jew ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-diplomi, attivitajiet li, skont il-qorti tar-rinviju, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, iżda wkoll, fost l-oħrajn, kif jirriżulta, rispettivament, mill-punti i), j), l) u m) ta’ dan il-paragrafu, l-għoti ta’ appoġġ xjentifiku u tekniku lill-organi kompetenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport u tal-Ministeru għax-Xogħol, għas-Sigurtà Soċjali u għall-Previdenza, fil-kuntest tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar il-konsulenza ta’ gwida professjonali, l-iżvilupp tal-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-atturi pubbliċi u privati li jipprovdu servizzi ta’ “konsulenza ta’ gwida professjonali” permezz ta’ informazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni kontinwi, il-provvista ta’ servizzi ta’ gwida professjonali ta’ kull tip u ta’ kull forma għall-benefiċċju tal-organi kompetenti ta’ dawn il-ministeri, taċ-ċentri u tal-korpi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali, tal-impriżi kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tal-persuni li jimpjegaw u tal-ħaddiema, kif ukoll l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ kontinwu tal-maniġers tas-settur tal-“konsulenza ta’ gwida professjonali”, b’kooperazzjoni u/jew b’mod komplementari mal-organi eżistenti fi ħdan l-imsemmija ministeri. |
|
33 |
Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-attivitajiet imsemmija l-aħħar ma jaqgħux, a priori, taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalkemm ma huwiex eskluż li jeżistu swieq li fihom joperaw impriżi kummerċjali li huma f’kompetizzjoni mal-Eoppep u li għandhom skop ta’ lukru, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa effettivament il-każ. |
|
34 |
Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet tal-Eoppep huma ffinanzjati mhux biss mit-tariffi u l-ispejjeż ta’ sorveljanza previsti fl-Artikolu 20 tal-Liġi 4115/2013, iżda wkoll minn dħul bħal dak imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ din il-liġi, b’mod iktar partikolari d-dħul li ġej mill-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi li, jew huma fdati lil dan l-organu mill-Ministru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Reliġjużi, għall-Kultura u għall-Isport, jew jitwettqu f’isem terzi bħal, b’mod partikolari, dipartimenti pubbliċi, organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew privat u individwi, peress li dawn ix-xogħlijiet jiġu eżegwiti wara deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Organu. |
|
35 |
Skont l-informazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, u li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, dan id-dħul għandu jitqies bħala remunerazzjoni għall-attivitajiet tal-Eoppep sa fejn huwa jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tal-provvista ta’ servizzi pprovduta minn dan tal-aħħar, korrispettiv normalment iddefinit bejn il-fornitur u d-destinatarju tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u bla ħsara għall-verifika tagħhom mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li l-Eoppep jeżerċita, parzjalment, attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq speċifiku u li għalhekk jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14. |
|
37 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li taġixxi bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku u li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ladarba hija tipprovdi wkoll, bi ħlas, servizzi li jikkompetu ma’ dawk ipprovduti minn operaturi tas-suq. |
Fuq it‑tieni domanda
|
38 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li huwa previst fih japplika fil-każ ta’ bidla fil-pożizzjoni ta’ numru żgħir ta’ ħaddiema maħtura ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, meta dan it-tibdil ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-impriża kkonċernata jew jhedded l-impjieg b’mod ġenerali. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14, id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, fis-sens ta’ din id-direttiva, ikopri l-“informazzjoni u konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża jew l-istabbiliment u dwar kwalunkwe miżuri antiċipatorji intiżi, partikolarment meta jkun hemm theddida għall-impjieg”. |
|
40 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi tirreferi b’mod ġeneriku għall-“impjieg”, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tkoprix ir-relazzjonijiet ta’ xogħol individwali, iktar u iktar meta ma jkunx hemm tħassir ta’ pożizzjonijiet. |
|
41 |
L-interpretazzjoni li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 jirrigwarda s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp tal-impjieg b’mod ġenerali f’impriża jew stabbiliment u mhux is-sitwazzjoni ta’ ċerti relazzjonijiet individwali ta’ xogħol fi ħdan impriża jew stabbiliment hija kkorroborata mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din il-premessa tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni, b’mod partikolari, li jinkoraġġixxi u jsaħħaħ “l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp mistenni ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża u, meta l-evalwazzjoni ta’ min iħaddem tissuġġerixxi li l-impjiegi fi ħdan l-impriża jistgħu jkunu mhedda, il-miżuri antiċipatorji possibli [ppjanati], partikolarment fit-termini ta’ taħriġ ta’ l-impjegati u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, bil-għan li jagħmel tajjeb għall-iżviluppi negattivi jew il-konsegwenzi tagħhom u żżid il-possibbilità ta’ l-impjieg u l-adattabilità ta’ l-impjegati li aktarx li jkunu affettwati”. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2002/14 hija intiża sabiex tistabbilixxi informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema meta l-impjieg b’mod ġenerali jkun mhedded fi ħdan impriża jew stabbiliment bil-għan li jiġu kontrobilanċjati l-effetti sfavorevoli tal-evoluzzjoni negattiva tas-sitwazzjoni tal-impjieg f’din l-impriża jew f’dan l-istabbiliment għall-ħaddiema li jistgħu jiġu affettwati minnha. |
|
43 |
F’dan il-każ, mid-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali li jinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma kienx hemm riskju jew theddida għall-impjieg fi ħdan l-Eoppep u li kien biss numru limitat ħafna ta’ persuni, jiġifieri 3 minn 80 impjegat, li tneħħew mill-pożizzjonijiet li huma kienu jokkupaw ad interim. Barra minn hekk, dawn il-persuni ma tilfux l-impjieg tagħhom u baqgħu fis-servizz tal-istess diviżjoni tal-Eoppep. Barra minn hekk, jidher li, quddiem il-qorti tar-rinviju, lanqas ma ġie allegat li t-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ dawn il-persuni kellhom jew seta’ kellhom effett fuq is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg bħala tali fi ħdan l-Eoppep jew qiegħdu f’riskju l-impjieg b’mod ġenerali. |
|
44 |
Issa, fl-assenza ta’ indikazzjoni, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li t-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ numru żgħir ta’ persuni li kienu nħatru ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà affettwaw, f’dan il-każ, jew jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-Eoppep jew jheddu l-impjieg b’mod ġenerali, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 ma jistax japplika għal tali sitwazzjoni. |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni li huwa previst fih japplika fil-każ ta’ tibdil fil-pożizzjoni ta’ numru żgħir ta’ ħaddiema maħtura ad interim f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, meta dan it-tibdil ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-impriża kkonċernata jew jhedded l-impjieg b’mod ġenerali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.