7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/25


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

2014/C 174/06

Relatur

Is-Sur Sanz Alonso (ES/PPE), President tal-Gvern ta’ La Rioja

Dokument ta' referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

COM(2013) 812 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

jilqa' b'sodisfazzjon u b'mod pożittiv ħafna l-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni Ewropea għax dan juri l-interess tagħha f'azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi u b'mod speċjali għax tipproponi qafas ġdid li jappoġġja u jħeġġeġ miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli Ewropej kemm fi ħdan il-fruntieri tagħna kif ukoll barra minnhom;

2.

jemmen li l-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrarji fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi huma ta' importanza partikolari biex is-settur agrikolu jkun jista' jaffronta l-għadd kbir ta' sfidi fi żmien ta' kompetizzjoni li qed tikber, u biex jiffaċilitaw il-ftuħ tas-swieq, biex b'hekk tissaħħaħ il-preżenza ta' dawn il-prodotti, peress li l-produtturi agrikoli Ewropej qed jaffrontaw l-isfida tal-ftuħ tal-fruntieri u l-globalizzazzjoni tas-swieq;

3.

jemmen li din il-proposta għal azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli ser toffri lill-konsumaturi fil-livell Ewropew u dinji l-possibbiltà li jsiru jafu aktar dwar il-kwalità u l-istandards għoljin tal-produzzjoni tal-UE, billi tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, u permezz ta' dan tinbena l-fiduċja fil-prodotti li jixtru u jikkonsmaw. Dan jista' jwassal għal rendiment aħjar għall-produtturi billi jiżdied il-valur tal-produzzjonijiet agrikoli Ewropej;

4.

jaħseb li s-settur agrikolu Ewropew huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u reġjonali, peress li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti ħafna għall-ħolqien tal-impjieg u biex in-nies ikunu jistgħu jibqgħu fit-territorju u jiżviluppaw fih, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni u l-ipproċessar huma marbutin mill-qrib mat-territorji. Din id-dimensjoni reġjonali għandha tibqa' element fundamentali biex jintlaħaq l-għan li t-territorji Ewropej jiżviluppaw b'mod bilanċjat;

5.

itenni li r-reġjuni għandhom bżonn ta’ politika ta’ promozzjoni ambizzjuża u effikaċi li tenfasizza l-kwalità u kemm huma tipiċi l-prodotti agrikoli. Dawn il-prodotti jiffurmaw il-patrimonju kulturali u gastronomiku tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżentaw ukoll element essenzjali tal-ħajja ekonomika u soċjali ta’ bosta reġjuni Ewropej, u b’hekk jassiguraw attivitajiet marbutin direttament mat-territorji, speċjalment fiż-żoni rurali;

6.

jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lill-grupp ta' prodotti agrikoli li jiġu prodotti speċifikament b'ingredjenti tradizzjonali u li jiġu pproċessati b'mod li huwa speċifiku għal reġjun partikolari;

Iż-żieda gradwali u sinifikattiva tal-allokazzjoni tal-baġit

7.

iż-żieda fl-allokazzjoni tal-baġit għal din l-azzjoni huwa essenzjali għax ġie propost it-twessigħ tal-benefiċjarji u tal-lista tal-prodotti eliġibbli, u barra minn hekk żdiedet il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni fid-diversi programmi;

8.

huwa tal-fehma li l-ftehimiet bilaterali li qed jiġu negozjati ma' pajjiżi terzi bħall-Kanada, l-Istati Uniti, il-Mercosur u ftehimiet oħra ta' assoċjazzjoni joħorġu fid-dieher il-fatt li l-azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni ser ikunu dejjem aktar meħtieġa, kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi, biex il-prodotti Ewropej ikunu kompetittivi;

9.

jisħaq li jistgħu jkomplu jiġu finanzjati azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni fis-suq intern, biex l-Ewropa tibqa' kompetittiva, tal-inqas għal prodotti koperti minn skemi ta' produzzjoni rikonoxxuti jew tal-agrikoltura organika;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riforma tal-PAK approvata għandha rabtiet mal-politika kummerċjali Ewropea, u fil-livell dinji, l-Unjoni Ewropea trid tikkontribwixxi għas-sigurtà dinjija tal-ikel kif ukoll għall-politika kummerċjali internazzjonali. Dan jiggarantixxi li, fil-qafas tad-WTO, il-produzzjoni agrikola tal-Unjoni ssir taħt kundizzjonijiet ekwi;

Nikkonċentraw l-azzjonijiet ta' promozzjoni fil-pajjiżi terzi

11.

iqis li l-allokazzjoni ta' 75 % tal-baġit previst għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni fil-pajjiżi terzi jista' jittraskura lis-suq intern, li huwa s-suq ewlieni għall-prodotti Ewropej u fejn il-produtturi jridu jaħdmu ħafna biex jibqgħu kompetittivi u jaffrontaw il-kompetizzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha bid-dħul ta' prodotti minn pajjiżi terzi;

12.

jappella lill-Kummissjoni biex ma tistabbilixxi l-ebda għan a priori dwar il-persentaġġ tal-fondi previsti għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli tal-Unjoni f'pajjiżi terzi, għax trid tingħata l-istess importanza kemm lis-suq intern kif ukoll lil dak ta' dawn il-pajjiżi;

Żieda fl-użu tal-marki u l-oriġini tal-prodotti

13.

jaqbel mal-inizjattiva tal-użu ta' marki u referenzi għall-oriġini tal-prodotti agrikoli, għax il-viżibbiltà tal-marki kummerċjali bħala parti minn promozzjoni ġenerika ser ittejjeb il-possibbiltajiet ta' finanzjament u interess għall-benefiċjarji, bil-kundizzjoni li jinżamm il-bilanċ, speċjalment fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea;

14.

jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li għall-iskemi ta' kwalità jintużaw il-logos uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda jitqies li l-isem tar-reġjun huwa marbut mill-qrib mal-messaġġ ġenerali li jrid jikkomunika l-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodotti u għaldaqstant trid tintwera b'mod ċar l-oriġini ġeografika tal-prodott;

15.

jinnota li l-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti fil-livell Ewropew qed jinfirxu u qed jiġu rikonoxxuti dejjem aktar fl-Ewropa, biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-ikel min-naħa tal-konsumaturi Ewropej, speċjalment l-interess għall-prodotti lokali, ta' kwalità tajba u li jirrispettaw l-istandards esiġenti tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent. Jenfasizza li l-prodotti koperti mill-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti huma importanti ħafna fis-suq intern u għaldaqstant iridu jinżammu u jissaħħu;

16.

jitlob lill-Kummissjoni biex id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni jkunu jistgħu jiġu definiti b'atti ta' implimentazzjoni. Barra minn hekk, iqis li l-aġenziji ta' promozzjoni jistgħu jikkoordinaw, u saħansitra jimplimentaw, azzjonijiet kollettivi ta' raggruppamenti ta' produtturi fir-reġjuni tagħhom;

17.

jemmen li s-sinerġiji pożittivi bejn il-prodotti reġjonali differenti jistgħu jwasslu biex itejbu l-ġid ta' kull reġjun Ewropew. Għaldaqstant huma sorsi importanti ta' dħul għar-reġjuni u ta' servizzi ta' kwalità għolja marbutin mal-identità tat-territorju u mal-patrimonju. Dan ser jgħin biex tittejjeb il-kwalità taż-żoni b'rabta mal-prodotti agrikoli reġjonali, b'kontribut pożittiv għall-ħolqien tal-impjieg, partikolarment f'żoni fraġli, billi joffru opportunitajiet ġodda kemm fis-swieq lokali kif ukoll dawk internazzjonali;

Twessigħ tal-benefiċjarji u tal-lista tal-prodotti eliġibbli

18.

jaqbel li jingħata rwol prominenti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-setturi kollha, billi jingħataw dettalji dwar ir-rekwiżiti li jistgħu jiġu applikati għal dawn l-organizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu jirrappreżentaw lis-setturi kollha;

19.

jitlob li fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs, bil-kundizzjoni li dawn jiffukaw l-azzjonijiet ta' promozzjoni fuq skemi ta' kwalità rikonoxxuti. L-SMEs huma l-aktar tip ta' negozju komuni fit-territorju reġjonali Ewropew kollu u jirrappreżentaw b'mod wiesa' lill-industrija agroalimentari Ewropea;

20.

jaqbel li kull prodott li jkun ġej mill-UE għandu jibbenefika mill-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni fis-suq intern u tal-pajjiżi terzi, ħlief it-tabakk. Għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet proposti għal prodotti li jikkontribwixxu għal dieta bilanċjata u lill-azzjonijiet proposti għal prodotti oħrajn li għandhom indikazzjoni ta' kwalità Ewropea distinta;

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet fi programm ta' ħidma

21.

jilqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi programm ta' ħidma li jappoġġja l-politika tal-promozzjoni bi strateġiji ċari u definiti tajjeb;

22.

jitlob li jiġi speċifikat kif il-Kummissjoni ser tqis il-prijoritajiet tal-Istati Membri u b'liema mod ser tinkorporahom fil-programm ta' ħidma;

23.

jipproponi li jiġi adottat programm ta' ħidma għal tliet snin, bħalma hu l-każ tal-kampanji ta' promozzjoni attwali, għax dan jippermetti li jitqiesu t-tibdiliet fis-swieq, filwaqt li jkunu jistgħu jsiru aġġustamenti kull sena;

Il-valutazzjoni, l-għażla u l-ġestjoni tal-programmi sempliċi u l-hekk imsejħa “programmi multi”

24.

il-Kumitat iqis li l-valutazzjoni u l-għażla tal-programmi m'għandhomx isiru biss mill-Kummissjoni, iżda li fihom jieħdu sehem anke l-Istati Membri, biex b'hekk ir-reġjuni Ewropej ikunu jistgħu jipparteċipaw, peress li r-reġjuni ser jikkofinanzjaw l-azzjonijiet ta' promozzjoni li finalment inżammu fil-FAEŻR għall-perjodu 2014-2020 (Artikolu 17) taħt arranġamenti pjuttost simili għal dawk tal-azzjoni 133 tal-perjodu 2007-2013;

25.

jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra azzjonijiet li jinvolvu lill-Istati Membri u lir-reġjuni – mingħajr ma l-proċess isir diffiċli żżejjed – fil-programm ta' promozzjoni finanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li l-azzjonijiet finanzjati minn dan il-programm ikunu kompatibbli mal-istrateġiji reġjonali ta' promozzjoni;

26.

huwa wkoll favur li jinżammu ż-żewġ sejħiet għal proposti permessi taħt ir-regolament attwali, peress li l-applikanti m'għandhomx għalfejn jistennew ħafna żmien biex jerġgħu japplikaw f'każ li l-programmi tagħhom ma jkunux għaddew mill-proċess tal-għażla l-ewwel darba;

Ir-rati ta' kofinanzjament proposti

27.

jaċċetta l-persentaġġi ta' kofinanzjament proposti mill-Kummissjoni u jqis li huma konformi mal-għan li jitħeġġeġ it-tressiq ta' programmi f'pajjiżi terzi u l-programmi multi. Madankollu, jipproponi li, f'każ ta' programmi multi f'pajjiżi terzi, il-kofinanzjament ikun ogħla – 75 %. Dan il-persentaġġ jista' japplika anke għall-SMEs, f'każ ta' programmi ta' interess speċjali;

28.

huwa konxju li l-politika ta' promozzjoni li saret s'issa għenet biex tinkiseb lura l-fiduċja tal-konsumaturi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, iżda l-istrumenti ta' informazzjoni u l-azzjonijiet ta' promozzjoni għandhom ikomplu jkunu flessibbli u effikaċi;

29.

jipproponi li ssir riflessjoni fuq żieda fil-kofinanzjament Ewropew, speċjalment għall-azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni f'każijiet ta' kriżijiet agrikoli, bil-għan li ma jinħolqux sitwazzjonijiet diskriminatorji bejn il-produtturi;

30.

jesprimi l-bżonn li fil-Proposta għal Regolament jiġi ċċarat kif huwa previst li tittejjeb il-kapaċità ta' reazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi biex tkun tista' tittieħed azzjoni malajr u effikaċi;

Il-possibbiltà li l-Istati Membri jiġu esklużi mill-finanzjament tal-programmi

31.

jitlob li l-Istati Membri jitħallew jikkofinanzjaw il-programmi mal-Kummissjoni b'mod volontarju, għax dan jista' jkun neċessarju f'każ ta' setturi produttivi li mhumiex żviluppati ħafna jew b'kapaċità ekonomika baxxa;

Rakkomandazzjonijiet finali

32.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tagħti rikonoxximent akbar lir-reġjuni Ewropej u lir-rwol fundamentali tagħhom fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u agroalimentari ta' kwalità, billi tagħmilha aktar faċli li jieħdu sehem fl-għażla tal-programmi;

33.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni tiffinanzja l-azzjonijiet ta' promozzjoni fis-suq intern bil-għan li jiżdied il-bejgħ tal-prodotti agrikoli u alimentari li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u li huma koperti minn skemi ta' kwalità rikonoxxuti jew tal-agrikoltura organika tradizzjonali u reġjonali. It-tixrid u l-promozzjoni tal-prodotti tradizzjonali jwasslu għal tibdil fit-tendenzi ta' konsum minħabba l-globalizzazzjoni tas-suq Ewropew.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(2)

L-għan ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea, kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi, billi jiżdied il-livell tal-għarfien tal-konsumaturi dwar il-merti tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti alimentari bbażati fuq il-prodotti agrikoli tal-Unjoni kif ukoll billi jinfetħu u jiġu żviluppati swieq ġodda. Dawn jikkomplementaw u jsaħħu b’mod utli l-azzjonijiet mmexxija mill-Istati Membri.

(2)

L-għan ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea, kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi, billi jiżdied il-livell tal-għarfien tal-konsumaturi dwar il-merti tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti alimentari bbażati fuq il-prodotti agrikoli tal-Unjoni, waqt li jitqiesu l-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti fil-livell Ewropew li jagħtu valur miżjud lill-produzzjonijiet Ewropej, kif ukoll billi jinfetħu u jiġu żviluppati swieq ġodda. Dawn jikkomplementaw u jsaħħu b’mod utli l-azzjonijiet mmexxija mill-Istati Membri.

Raġuni

Il-konsumaturi Ewropej ġeneralment ma jkunux jafu dwar ir-regoli u l-istandards għoljin ta' kwalità li jridu jirrispettaw il-produtturi Ewropej. Biex tinstab soluzzjoni għal dan, hemm bżonn li jintwera li l-prodotti Ewropej jirrispettaw l-istandards stretti tas-sigurtà tal-ikel, tas-sanità u l-benesseri tal-annimali, u tas-sanità tal-pjanti u l-ambjent. Għaldaqstant, il-politika ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli hija importanti biex tispjega u tgħarraf lill-konsumaturi Ewropej li l-prodotti Ewropej jirrispettaw tabilħaqq dawn ir-rekwiżiti.

Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni lil dawk il-prodotti koperti mill-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea.

Emenda 2

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(7)

L-informazzjoni u l-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid previsti fil-PAK. Konsegwentement, l-eliġibbiltà ta’ nbid għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni previsti skont din l-iskema għandha tkun limitata biss għal inbid li huwa assoċjat ma’ ieħor agrikolu jew prodott tal-ikel.

(7)

L-informazzjoni u l-promozzjoni tal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid previsti fil-PAK. Konsegwentement, l-eliġibbiltà ta’ nbid għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni previsti skont din l-iskema għandha tkun limitata biss għal inbid li huwa assoċjat ma’ ieħor agrikolu jew prodott tal-ikel.

Raġuni

Is-settur tal-inbid m'għandux jiġi trattat b'mod differenti mill-prodotti agrikoli l-oħrajn u għandu jiġi inkluż bis-sħiħ fil-lista tal-prodotti eliġibbli u mhux biss f'kampanji ġenerali u b'rabta ma' prodotti oħra. L-inbid huwa l-uniku prodott Ewropew li ma jkunx jista' jgawdi minn kampanji maħsubin esklużivament għal dan is-settur. Ma jistax jiġi eskluż settur daqstant importanti tal-produzzjoni Ewropea.

Emenda 3

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(8)

Għall-perjodu 2001-2011, bilkemm 30 % tal-baġit allokat għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 intefaq fuq misuri għall-pajjiżi terzi, meta dawn is-swieq joffru potenzjal kbir għat-tkabbir. Għalhekk huma meħtieġa arranġamenti speċifiċi sabiex jitħeġġu, bil-għan li jintlaħaq 75 % tan-nefqa stmata, għadd akbar ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, l-aktar permezz ta’ aktar appoġġ finanzjarju.

(8)

Għall-perjodu 2001-2011, bilkemm 30 % tal-baġit allokat għall-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 intefaq fuq misuri għall-pajjiżi terzi, meta dawn is-swieq joffru potenzjal kbir għat-tkabbir. Għalhekk huma meħtieġa arranġamenti speċifiċi sabiex jitħeġġu, bil-għan li jintlaħaq 75 % tan-nefqa stmata, għadd akbar ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi, l-aktar permezz ta’ aktar appoġġ finanzjarju.

Raġuni

Illum il-ġurnata, il-prodotti Ewropej iridu jikkompetu ma' prodotti minn pajjiżi terzi kemm fis-suq intern kif ukoll f'dak estern, u fl-istess ħin huma obbligati jirrispettaw l-għadd kbir ta' standards Komunitarji esiġenti. Ma' dan kollu jridu jiżdiedu l-forom u l-kundizzjonijiet differenti tal-produzzjoni li jeżistu kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, li ma jistgħux jintesew.

M'għandhomx jiġu stabbiliti persentaġġi ta' nfiq destinati għat-twettiq ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi.

Emenda 4

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(9)

Biex jiġi ggarantit l-impatt tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati, dawn għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Programmi bħal dawn s’issa ġew sottomessi minn organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali. Sabiex jiżdied in-numru u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet proposti, il-firxa ta’ benefiċjarji għandha titwessa’ biex tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tissupplimenta l-programmi billi timplimenta l-azzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħha stess, partikolarment biex dan jikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ swieq ġodda.

(9)

Biex jiġi ggarantit l-impatt tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni implimentati, dawn għandhom jiġu żviluppati fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni. Programmi bħal dawn s’issa ġew sottomessi minn organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali. Sabiex jiżdied in-numru u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet proposti, il-firxa ta’ benefiċjarji għandha titwessa’ biex tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-SMEs li jiffurmaw parti minnhom, bil-kundizzjoni li jimmiraw il-promozzjoni għall-iskemi ta' kwalità rikonoxxuti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tissupplimenta l-programmi billi timplimenta l-azzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħha stess, partikolarment biex dan jikkontribwixxi għall-ftuħ ta’ swieq ġodda.

Raġuni

L-SMEs m'għandhomx jiġu ttraskurati bħala benefiċjarji għax dawn jirrappreżentaw madwar 90 % tal-industrija agroalimentari tal-Unjoni Ewropea u peress li, barra minn hekk, dawn in-negozji għandhom rabta aktar mill-qrib mal-ambjent rurali u reġjonali, għandhom ikunu huma li jibbenefikaw l-aktar minn dawn l-azzjonijiet.

Emenda 5

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(11)

Sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huma implimentati b’mod effettiv, dawn għandhom jiġu fdati lil korpi ta’ implimentazzjoni magħżula kif xieraq.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni huma implimentati b’mod effettiv, dawn għandhom jiġu fdati lil korpi ta’ implimentazzjoni magħżula kif xieraq, li jkollhom persunal kwalifikat u speċjalizzat biex tiġi garantita l-implimentazzjoni effettiva msemmija.

Raġuni

Huwa importanti li l-korpi ta' implimentazzjoni magħżula jkollhom persunal speċjalizzat biex joffri appoġġ tekniku li jkun ta' għajnuna biex jiġu żviluppati l-programmi ta' promozzjoni, li s'issa kien isir mill-Istati Membri.

Emenda 6

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(14)

L-Unjoni hija ħerqana li tissemplifika l-ambjent regolatorju tal-PAK. Dan l-approċċ għandu jiġi applikat ukoll għar-Regolament dwar għoti ta’ informazzjoni u miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ tmexxija amministrattiva tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu semplifikati u li jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li japplikaw il-preżentazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal programmi.

(14)

L-Unjoni hija ħerqana li tissemplifika l-ambjent regolatorju tal-PAK. Dan l-approċċ għandu jiġi applikat ukoll għar-Regolament dwar għoti ta’ informazzjoni u miżuri ta’ promozzjoni għal prodotti agrikoli. B’mod partikolari, il-prinċipji ta’ tmexxija amministrattiva tal-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu semplifikati u li jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li japplikaw il-preżentazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal programmi, bil-possibbiltà li jiġu stabbiliti atti ta' implimentazzjoni li jippermettu lill-Istati Membri jieħdu sehem bil-kooperazzjoni tar-reġjuni Ewropej.

Raġuni

Il-Kummissjoni trid tiddefinixxi mal-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej l-istandards u l-proċeduri li jreġġu t-tressiq u l-għażla tal-proposti għal programmi, peress li l-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej ser iqisu kriterji aktar speċifiki skont is-sitwazzjonijiet u l-kundizzjonijiet differenti fit-territorji tagħhom. Ma nemmnux li biex nissemplifikaw il-proċess tal-għażla jridu jiġu esklużi l-Istati Membri.

Emenda 7

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(16)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kriterji tal-finanzjament tal-azzjonijiet. Bħala regola ġenerali, l-Unjoni għandha tkopri biss parti mill-ispejjeż tal-programmi, bil-għan li l-organizzazzjonijiet proponenti interessati jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltà. Ċerti spejjeż amministrattivi u tal-persunal li mhumiex marbuta mal-implimentazzjoni tal-PAK jiffurmaw parti integrali ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

(16)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kriterji tal-finanzjament tal-azzjonijiet. Bħala regola ġenerali, l-Unjoni għandha tkopri biss parti mill-ispejjeż tal-programmi, bil-għan li l-organizzazzjonijiet proponenti interessati jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltà. Ċerti spejjeż amministrattivi u tal-persunal li mhumiex marbuta mal-implimentazzjoni tal-PAK jiffurmaw parti integrali ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni u jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni. L-Istati Membri wkoll ser ikunu jistgħu jikkofinanzjaw b'mod volontarju parti mill-ispejjeż tal-programmi.

Raġuni

L-Istati Membri u r-reġjuni Ewropej għandhom ikunu jistgħu jikkofinanzjaw il-programmi sempliċi, peress li ċerti atturi importanti tas-settur mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi baġitarji neċessarji biex iwettqu dawn it-tipi ta' kampanji ta' promozzjoni. Barra minn hekk, bil-mod kif inhi miktuba l-premessa jistgħu jibbenefikaw primarjament il-produtturi Ewropej li għandhom l-ikbar riżorsi ekonomiċi għall-programmi ta' promozzjoni.

Emenda 8

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Azzjonijiet fis-suq intern

Azzjonijiet fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola agrarja tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, ta' tikkettar, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

Raġuni

M'hemmx għalfejn issir distinzjoni bejn l-azzjonijiet maħsubin għas-suq intern u dawk li jsiru fil-pajjiżi terzi. Aħna nipproponu li l-Artikoli 2 u 3 jingħaqdu f'wieħed.

Emenda 9

Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Azzjonijiet fis-suq intern

Azzjonijiet fis-suq intern

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli fis-suq intern huma dawn li ġejjin:

a)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni bil-għan li jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-metodi tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni, partikolarment f’termini ta’ sigurtà tal-ikel, tal-awtentiċità, tal-aspetti nutrittivi u tas-saħħa, tal-benesseri tal-annimali u tar-rispett għall-ambjent;

b)

l-azzjonijiet ta’ informazzjoni dwar it-temi rilevanti għall-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(4).

Raġuni

M'hemmx għalfejn issir distinzjoni bejn l-azzjonijiet maħsubin għas-suq intern u dawk li jsiru fil-pajjiżi terzi. Aħna nipproponu li l-Artikoli 2 u 3 jingħaqdu f'wieħed.

Emenda 10

Artikolu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u juru l-metodi tal-produzzjoni u t-temi msemmija fl-Artikolu 2 u fil-punt (a) tal-Artikolu 3:

1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u juru l-metodi tal-produzzjoni u t-temi msemmija fl-Artikolu 2 u fil-punt (a) tal-Artikolu 3:

a)

il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”), esklużi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru [COM (2011)416] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u t-tabakk;

a)

il-prodotti agrikoli agrarji elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”), esklużi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru [COM (2011)416] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u t-tabakk;

b)

il-prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli elenkati fil-paragrafu I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

b)

il-prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli agrarji elenkati fil-paragrafu I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

c)

xorb spirituż (spirti tax-xorb) b’indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

c)

xorb spirituż (spirti tax-xorb) b’indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

 

d)

l-inbid b'denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-inbid li ġej mill-agrikoltura organika jistgħu jibbenefikaw minn azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni.

2.   L-inbid jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni sakemm prodotti oħra kif imsemmija fil-paragrafu 1(a) jew (b) huma wkoll koperti mill-programm inkwistjoni.

2     L-inbid jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni sakemm prodotti oħra kif imsemmija fil-paragrafu 1(a) jew (b) huma wkoll koperti mill-programm inkwistjoni.

Raġuni

Is-settur tal-inbid m'għandux jiġi trattat b'mod differenti mill-bqija tal-prodotti agrikoli. Is-settur tal-inbid Ewropew huwa settur rikonoxxut li għandu jiġi protett għall-importanza tiegħu fis-suq intern Ewropew u anke barra mill-Unjoni.

Emenda 11

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu se jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 2.

1.   L-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għandhom jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea kemm fis-suq intern kif ukoll fil-pajjiżi terzi. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu se jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 2.

2.   Permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma li jistabbilixxu l-għanijiet li jiġu segwiti, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija, l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament. Dan jinkludi wkoll il-kriterji prinċipali għall-evalwazzjoni, deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, skeda indikattiva tal-implimentazzjoni u fil-każ tal-għotjiet, ir-rata massima ta’ kofinanzjament.

2.   Permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma li jistabbilixxu l-għanijiet li jiġu segwiti, il-prijoritajiet, ir-riżultati mistennija, l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta’ finanzjament. Dan jinkludi wkoll il-kriterji prinċipali għall-evalwazzjoni, deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, skeda indikattiva tal-implimentazzjoni u fil-każ tal-għotjiet, ir-rata massima ta’ kofinanzjament.

 

Hi u tfassal dan il-programm, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-iżvantaġġi naturali speċifiċi tar-reġjuni muntanjużi, dawk ultraperiferiċi u l-gżejjer.

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu huwa adottat skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3).

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu huwa adottat skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni eżami msemmija fl-Artikolu 24(3 2).

3.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 huwa implimentat permezz tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni:

a)

għall-programmi sempliċi, sejħa għal proposti li tindika, notevolment il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-kriterji ewleni għall-valutazzjoni.

b)

għall-programmi multi, ta’ sejħa għal proposti skont it-Titolu VI tal-Parti I tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 huwa implimentat permezz tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni:

a)

għall-programmi sempliċi, sejħa żewġ sejħiet għal proposti li tindika jindikaw, notevolment il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u l-kriterji ewlenin għall-valutazzjoni.

b)

għall-programmi multi, ta’ sejħa żewġ sejħiet għal proposti skont it-Titolu VI tal-Parti I tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

 

Is-sejħiet għal proposti msemmija fil-punti a) u b) hawn fuq għandhom jikkunsidraw l-iżvantaġġi naturali speċifiċi tar-reġjuni muntanjużi, dawk ultraperiferiċi u l-gżejjer.

Raġuni

Rigward il-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni tassumi setgħat eċċessivi fil-proċedura ta' deċiżjoni. Ir-regolament attwali jawtorizza żewġ sejħiet għal proposti, ħalli l-kandidati jkollhom inqas żmien x'jistennew qabel ikunu jistgħu jġeddu l-proposta tagħhom.

Emenda 12

Artikolu 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti għal programmi sempliċi wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(3)(a).

1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti għal programmi sempliċi wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(3)(a).

2.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-programmi sempliċi magħżula, dwar it-tibdiliet li għandhom isiru lilhom, u dwar il-baġits korrispondenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

2.   Il-Kummissjoni ser tadotta atti ta' implimentazzjoni li jippermettu lill-Istati Membri u lir-reġjuni Ewropej jieħdu sehem fil-valutazzjoni u l-għażla tal-proposti tal-programmi sempliċi.

 

3.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-programmi sempliċi magħżula, dwar it-tibdiliet li għandhom isiru lilhom, u dwar il-baġits korrispondenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

Raġuni

L-Istati Membri ma jistgħux jiġu esklużi mill-valutazzjoni u l-għażla tal-programmi sempliċi. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jagħmlu parti attiva minn din l-għażla peress li, skont l-Artikolu 14, ser ikunu huma li jimplimentaw, jissorveljaw u jikkontrollaw dawn il-programmi.

Emenda 13

Artikolu 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Wara sejħa għall-offerti kompetittiva bil-proċedura xierqa, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel il-korpi li se jimplimentaw programmi sempliċi magħżula bil-ħsieb, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li l-miżuri huma implimentati b’mod effikaċi.

Wara sejħa għall-offerti kompetittiva bil-proċedura xierqa, l-organizzazzjoni proponenti għandha tagħżel il-korpi speċjalizzati li se jimplimentaw programmi sempliċi magħżula bil-ħsieb, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li l-miżuri huma implimentati b’mod effikaċi.

 

L-aġenziji reġjonali ta' promozzjoni jew is-servizzi ta' promozzjoni tar-reġjuni ser ikunu jistgħu jirrikonoxxu l-azzjonijiet kollettivi nazzjonali marbutin mat-territorji reġjonali u l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni dwar l-oriġini.

Raġuni

Huwa importanti li nisħqu fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni tar-reġjuni fl-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni, u għaldaqstant qed jiġi propost li tiżdied l-għajnuna tal-aġenziji u tas-servizzi ta' promozzjoni fir-reġjuni. Dawn l-aġenziji qed jiġu proposti bħala strumenti effikaċi u flessibbli biex tiġi finanzjata u megħjuna l-implimentazzjoni tal-programmi, u mhux bil-għan li jiġi finanzjati huma stess b'dawn il-fondi.

Emenda 14

Artikolu 15(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi sempliċi ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-infiq eliġibbli għall-għajnuna. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi sempliċi ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-infiq eliġibbli għall-għajnuna. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tilħaq il-75 % għall-programmi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

 

L-Istati Membri, flimkien mar-reġjuni Ewropej, ser ikunu jistgħu wkoll ikopru b'mod volontarju parti oħra mill-ispejjeż tal-programmi sa 20 %. In-nefqa li tibqa’ titħallas esklussivament mill-organizzazzjonijiet proponenti.

Raġuni

M'għandix tiġi eskluża l-possibbiltà ta' kofinanzjament mill-Istati Membri għall-programmi sempliċi, peress li ċerti atturi ewlenin tas-settur mhux dejjem ikollhom ir-riżorsi baġitarji neċessarji biex iwettqu dawn it-tipi ta' kampanji ta' promozzjoni, li jistgħu jiswew ħafna flus lin-negozji. L-SMEs huma dawk li jintlaqtu l-aktar minn dawn l-ispejjeż u minħabba dan jista' jiġri li jieħdu sehem biss in-negozji l-kbar. Barra minn hekk, dan jista' jwassal għal tnaqqis fil-parteċipazzjoni fil-programmi, li jmur kontra l-għan. Nemmnu li 20 % huwa livell adegwat għax dan ifisser li ma jkunx hemm ħafna differenza bejn l-ispejjeż għall-promozzjoni minn Stat Membru għal ieħor.

Emenda 15

Artikolu 23(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti ta’ delega msemmija f’dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati l-atti ta’ delega msemmija f’dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Raġuni

Ma naħsbux li l-Kummissjoni għandha tingħata perjodu ta' żmien mhux determinat biex tadotta atti ddelegati, għalhekk din il-parti tas-sentenza aħjar titneħħa.

Emenda 16

Artikolu 27

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Qabel il-31 ta’ Diċembru [2020], il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat minn proposti xierqa, skont il-każ.

Qabel il-31 ta’ Diċembru [2020], il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat minn proposti xierqa, skont il-każ. Barra minn hekk, ser jiġi ppreżentat rapport intermedju qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

Raġuni

Nemmnu li huwa tajjeb li l-Kummissjoni tippreżenta rapport intermedju dwar il-progress u s-sitwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, biex, f'każ li jkun hemm bżonn ta' titjib jew aġġustamenti, ikun hemm perjodu ta' żmien koerenti biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti għall-aħħar tal-2020.

Brussell, 2 ta’ April 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO