|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1834 |
24.7.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1834
tal-20 ta’ Lulju 2026
dwar klawżoli mudell fakultattivi żviluppati skont ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi li l-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet li jkun fihom klawżoli mudell fakultattivi relatati mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tal-Artikolu 28(1) u (2) tiegħu. |
|
(2) |
L-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi juru u jirrapportaw, mill-1 ta’ Jannar 2027, li l-kuntratti tal-provvista tagħhom ikopru biss iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam prodott skont miżuri ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787, dak l-obbligu japplika għal kuntratti konklużi jew imġedda fl-4 ta’ Awwissu 2024 jew wara. Fir-rigward tal-kuntratti konklużi qabel dik id-data, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jiddikjara li l-importaturi għandhom obbligu li jwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrikjedu tali ekwivalenza fil-livell tal-produttur fil-kuntratti tagħhom. |
|
(4) |
Il-klawżoli mudell fakultattivi jistgħu jintużaw mill-importaturi li jintroduċu żejt mhux maħdum, gass naturali u faħam fis-suq tal-Unjoni li jkunu fil-proċess li jimmodifikaw jew iġeddu l-kuntratti eżistenti jew li jiffirmaw kuntratti ġodda għall-provvista taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. |
|
(5) |
Il-klawżoli mudell fakultattivi huma maħsuba biex jippromwovu prattiki kuntrattwali ġusti, trasparenti u sostenibbli, biex jipprovdu qafas għall-aġġustament tat-termini kuntrattwali, biex jappoġġaw il-konformità mar-Regolament (UE) 2024/1787 u biex irawmu provvista affidabbli taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali, tal-LNG jew tal-faħam lejn l-Unjoni. |
|
(6) |
Minbarra l-obbligi li jikkonċernaw l-ekwivalenza tal-miżuri, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi jirrapportaw, fuq bażi annwali, data u informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-metan minn pajjiżi u kumpaniji li jesportaw lejn l-Unjoni, inklużi dettalji dwar jekk humiex ikejlu, jirrapportaw u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom, u jekk dan ikun il-każ, dwar kif qed jagħmlu dan. |
|
(7) |
Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi jirrapportaw, sal-5 ta’ Awwissu 2028 u kull sena minn hemm ’il quddiem, dwar l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam li jintroduċu fis-suq tal-Unjoni, skont metodoloġija li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni. L-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 japplika għal kuntratti konklużi jew imġedda mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament jew wara. Fir-rigward tal-kuntratti konklużi qabel dik id-data, l-importaturi għandhom obbligu li jwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrapportaw l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti minnhom fis-suq tal-Unjoni. |
|
(8) |
L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi juru li l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam li jintroduċu fis-suq tal-Unjoni hija taħt il-valuri massimi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 29(6) tar-Regolament (UE) 2024/1787, il-valuri tal-intensità tal-metan għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati. Qabel ma tistabbilixxi l-valuri tal-intensità, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tivvaluta l-impatt potenzjali ta’ diversi livelli massimi ta’ intensità tal-metan kemm fuq is-sigurtà tal-provvista kif ukoll fuq il-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, u li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tistabbilixxi dawk il-valuri f’livelli li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-metan fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livelli tal-Unjoni u dawk nazzjonali, tiġi żgurata distribuzzjoni bilanċjata tal-volumi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni kif ukoll trattament mhux diskriminatorju, u tiġi protetta l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni. |
|
(9) |
Sabiex juri l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 27(1), fl-Artikolu 28(1) u (2), u fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1787, importatur irid jipprovdi evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru nnominat skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 li fihom ikun stabbilit. Ir-Regolament (UE) 2024/1787 ma jispeċifika l-ebda mezz jew rekwiżit konkret għall-evidenza tal-konformità. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2024/1787 ma jirrikjedix traċċar fiżiku tal-molekuli, tal-konsenji jew tal-merkanzija. |
|
(10) |
Meta importatur ikollu relazzjoni diretta ma’ produttur jew ikun jista’ jidentifika lill-produttur permezz ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ intermedjarji, l-evidenza tal-konformità kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra dwar, pereżempju, il-kejl, ir-rapportar u l-verifika tal-metan jistgħu jiġu trażmessi mill-produttur ’l isfel fil-katina tal-provvista, bħala parti mill-kuntratti u/jew il-provvista tal-enerġija fiżika, jew flimkien magħhom, lill-importatur u, fl-aħħar mill-aħħar, minn dan tal-aħħar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. |
|
(11) |
Meta relazzjoni diretta jew indiretta bejn il-produttur u l-importatur tkun diffiċli jew impossibbli li tiġi stabbilita minħabba, pereżempju, il-prattika li jitħalltu flimkien provvisti differenti ta’ gass jew żejt għat-trasport jew għall-ħżin, jew minħabba l-kummerċ permezz ta’ ċentri jew skambji qabel l-esportazzjoni, l-importaturi jistgħu jiddependu fuq tipi differenti ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità biex jipprovdu evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
|
(12) |
Tip ta’ soluzzjoni ta’ konformità li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f’sitwazzjonijiet stabbiliti fil-premessa (11), jistgħu jiddeċiedu li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 hija magħrufa bħala “traċċar u dikjarazzjoni”. Dan l-approċċ jintraċċa t-tranżazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam tul il-katina tal-provvista mil-livell tal-produzzjoni sal-importatur, inkluż permezz tad-diversi skambji u ċentri tal-kummerċ fejn tinxtara u tinbiegħ l-enerġija. F’soluzzjoni tat-tip “traċċar u dikjarazzjoni”, l-informazzjoni relatata mal-kwantità partikolari ta’ żejt mhux maħdum, gass naturali jew faħam prodott li hija meħtieġa mill-importaturi biex jipprovdu evidenza ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2024/1787 jew tingħadda ’l isfel fil-katina tal-provvista minn kontropartijiet kuntrattwali, jew tinġabar minn fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità. Dik l-informazzjoni ssegwi l-kwantitajiet speċifiċi ta’ enerġija hekk kif jingħaddu ’l isfel fil-katina tal-provvista flimkien mat-tranżazzjonijiet kummerċjali mill-produttur lill-importatur. |
|
(13) |
Tip ieħor ta’ soluzzjoni ta’ konformità li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f’sitwazzjonijiet stabbiliti fil-premessa (11), jistgħu jiddeċiedu li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 huwa magħruf bħala “ċertifikazzjoni”. Il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità joħorġu ċertifikati lill-produtturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam li jkunu wrew evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1787. Dawn iċ-ċertifikati, li fihom, jew li jitwasslu flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera evidenza ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2024/1787, jistgħu jinkisbu mill-importaturi bħala alternattiva għall-għoti ta’ evidenza ta’ traċċar fiżiku jew kuntrattwali u konsenja ta’ kwantitajiet ekwivalenti ta’ enerġija konformi introdotti fis-swieq tal-Unjoni. |
|
(14) |
Is-soluzzjonijiet ta’ konformità jenħtieġ li jissodisfaw ċerti kriterji bħala kundizzjoni minima għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex iqisuhom xierqa għall-użu mill-importaturi biex juru l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 u sabiex jimminimizzaw ir-riskju ta’ ħruġ jew ta’ talbiet frodulenti jew multipli. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
(1) |
Huwa rrakkomandat li l-partijiet kontraenti jużaw il-klawżoli mudell fakultattivi stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-kuntratti tagħhom għall-provvista taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam li għandu jiġi introdott fis-suq tal-Unjoni. |
|
(2) |
Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-klawżoli mudell stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
(3) |
F’każijiet fejn relazzjoni diretta jew indiretta bejn il-produttur u l-importatur tkun diffiċli jew impossibbli li tiġi stabbilita, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jirrikonoxxu l-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità magħrufa bħala “traċċar u dikjarazzjoni” u “ċertifikazzjoni” kif deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni, li għandhom jintużaw mill-partijiet obbligati sabiex jgħinu ħalli tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787. F’tali każijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jqisu kif xieraq il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta jivvalutaw il-konformità tal-informazzjoni sottomessa mill-importaturi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Dan JØRGENSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942 (ĠU L, 2024/1787, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj).
ANNESS
Rikonoxximent tal-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità, kriterji applikabbli għal soluzzjonijiet ta’ konformità u klawżoli mudell fakultattivi
Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà
L-informazzjoni u l-gwida pprovduti f’dan l-Anness huma maħsuba biex jappoġġaw l-isforzi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1787. Il-klawżoli proposti huma klawżoli mudell fakultattivi u mhux vinkolanti.
1. Rikonoxximent mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità u kriterji ta’ konformità għal soluzzjonijiet ta’ konformità
Għall-fini tal-Parti 1 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru” tfisser l-awtorità rilevanti fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-importatur, innominata skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
|
(b) |
“Dokument ta’ konformità” tfisser dokument bħal ċertifikat maħruġ minn fornitur ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għall-fini li jipprovdi evidenza bil-miktub li kwantità ta’ żejt mhux maħdum, ta’ gass naturali jew ta’ faħam introdott fis-suq tal-Unjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1787, u li jew ikun fih id-dokumenti bl-evidenza ta’ dik il-konformità jew li jiġi kkonsenjat flimkien magħhom. |
|
(c) |
“Fornitur ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità” tfisser l-entità li topera s-soluzzjoni ta’ konformità u toħroġ dokumenti ta’ konformità lill-produtturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali, jew tal-faħam li jkunu wrew konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament 2024/1787. It-tipi ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità previsti f’din ir-Rakkomandazzjoni huma deskritti fil-premessi 12 u 13. |
|
(d) |
“Ħruġ” tfisser l-att tal-ħolqien ta’ dokument ta’ konformità minn fornitur ta’ soluzzjoni ta’ konformità wara li jkun stabbilixxa evidenza ta’ konformità minn produttur f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
|
(e) |
“Dikjarazzjoni” tfisser l-att ta’ forniment lill-Awtorità Kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tal-UE ta’ dokument ta’ konformità minn importatur wara x-xiri mingħand fornitur ta’ soluzzjoni ta’ konformità jew mingħand parti terza, għall-fini li tintwera evidenza ta’ konformità f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
F’każijiet fejn relazzjoni diretta jew indiretta bejn il-produttur u l-importatur tkun diffiċli jew impossibbli li tiġi stabbilita, f’konformità mal-premessa 11 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità magħrufa bħala “traċċar u dikjarazzjoni” u “ċertifikazzjoni”, kif deskritti rispettivament fil-premessi 12 u 13 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li għandhom jintużaw mill-partijiet obbligati sabiex jgħinu ħalli tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tal-Artikoli 27(1), 28(1) u (2) u 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1787.
F’tali każijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soluzzjonijiet ta’ konformità jissodisfaw mill-inqas il-kriterji li ġejjin sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħruġ jew ta’ dikjarazzjonijiet frodulenti jew multipli:
|
1. |
L-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti ta’ konformità pprovduti mill-importaturi, jew ipprovduta flimkien magħhom, għandha tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
|
|
2. |
Flimkien mad-dokumenti ta’ konformità, l-importaturi għandhom jissottomettu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità fil-livell tal-produttur mar-Regolament (UE) 2024/1787. |
|
3. |
Filwaqt li l-importaturi jistgħu jikkombinaw mezzi differenti biex jagħtu prova tal-konformità għall-kwantitajiet li jintroduċu fis-swieq tal-Unjoni, ma għandhomx jissottomettu aktar dokumenti ta’ konformità, f’termini tal-kwantitajiet ta’ enerġija li jirrappreżentaw, mill-kwantitajiet totali tal-istess tip ta’ enerġija li jkunu introduċew fiżikament fis-suq tal-UE fil-perjodu ta’ rapportar rilevanti. Barra minn hekk, il-pajjiż tal-oriġini tal-produzzjoni fid-dokumenti ta’ konformità għandu jaqbel mal-pajjiż tal-oriġini tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam introdotti fiżikament fis-suq tal-Unjoni. |
|
4. |
Il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għandhom jistabbilixxu reġistru li jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha rakkomandata skont il-punt 1 dwar id-dokumenti kollha ta’ konformità li jkunu nħarġu; fil-każ taċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar meta jkun ġie ddikjarat ċertifikat. Din l-informazzjoni kollha għandha tiġi ppubblikata. L-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali ma għandhiex tiġi ppubblikata, iżda jekk ikun meħtieġ għandha tiġi sottomessa direttament lill-awtorità kompetenti u għandha tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikolu 28(4) u l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
|
5. |
Il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għandhom jimplimentaw u jippubblikaw informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu stabbilew biex jipprevjenu l-ħruġ doppju u d-dikjarazzjoni doppja ta’ dokumenti ta’ konformità. |
|
6. |
Mal-ħruġ ta’ kull sett ta’ dokumenti ta’ konformità, il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għandhom jivverifikaw b’mod sistematiku l-informazzjoni tar-reġistru ta’ fornituri oħra ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità attivi fis-swieq li fihom ikunu qed joħorġu dokumenti ta’ konformità sabiex jipprevjenu li tinħareġ prova ta’ konformità għal volum ta’ enerġija prodott matul perjodu ta’ produzzjoni partikolari f’sit tal-produzzjoni speċifiku aktar minn darba lill-istess produttur. Il-konferma li tali kontroll ikun twettaq u li l-ħruġ multiplu jkun ġie eskluż għandha tiġi inkluża fid-dokument ta’ konformità, jew għandha tiġi pprovduta flimkien miegħu. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ ħruġ doppju jitnaqqas ħafna jekk il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità jkunu jirrikjedu li l-produtturi jużaw fornitur wieħed biss ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għal kull sit tal-produzzjoni. |
|
7. |
Id-dokumenti ta’ konformità għandhom jiġu ddikjarati darba biss minn importatur, u ladarba jkunu ddikjarati, l-informazzjoni relatata mad-dikjarazzjoni għandha tintbagħat mill-importatur lill-fornitur ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità li għandhom jiġu inklużi fil-parti pubblika tar-reġistru u ċ-ċertifikat ma jibqax disponibbli biex jiġi ddikjarat għat-tieni darba mill-istess importatur jew minn importatur ieħor. |
|
8. |
Il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għandhom ikunu legalment u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità involuta f’attivitajiet ta’ produzzjoni, provvista, distribuzzjoni, jew trażmissjoni u importazzjoni tal-enerġija ta’ żejt mhux maħdum, ta’ gass naturali jew ta’ faħam jew minn kwalunkwe entità oħra li jista’ jkollha kunflitt ta’ interess magħha, jiġifieri kull fornitur ta’ soluzzjoni ta’ konformità għandu jkun entità legalment distinta li topera b’imparzjalità sħiħa u li tkun organizzata b’mod indipendenti f’termini ta’ governanza korporattiva u organizzazzjoni interna tal-attivitajiet, inkluża s-separazzjoni tal-kontijiet. |
|
9. |
Fil-każ meta ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam importati fl-Unjoni jgħaddu minn pajjiż terz wieħed jew aktar qabel il-konsenja finali fl-Unjoni, l-importaturi li jixtiequ jużaw iċ-ċertifikati biex juru l-konformità mar-Regolament (UE) 2024/1787 għandhom jipprovdu evidenza tal-importazzjoni minn qabel ta’ dawk il-kwantitajiet lejn l-UE permezz ta’ dawn il-pajjiżi terzi. |
|
10. |
Għandhom jiġu ppubblikati dokumenti li jispjegaw il-funzjonament tas-soluzzjoni ta’ konformità offruta mill-fornitur ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità, u deskrizzjoni tal-metodoloġija li jkun żviluppa biex jaċċerta l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1787. Dawn id-dokumenti għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-funzjonament u r-regoli tas-soluzzjoni ta’ konformità, ir-responsabbiltajiet u r-rekwiżiti li jaqgħu fuq l-atturi kollha involuti fl-użu tas-soluzzjoni (bħall-fornituri tas-soluzzjonijiet ta’ konformità, il-produtturi li jfittxu prova ta’ konformità, l-importaturi li jipprovdu dokumenti ta’ konformità biex juru l-konformità mar-Regolament (UE) 2024/1787 kif ukoll kwalunkwe intermedjarju) u referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/1787, inklużi r-rekwiżiti li l-produtturi jridu jissodisfaw biex jiksbu l-konformità mar-Regolament. |
|
11. |
Id-dokumenti ta’ konformità għandhom jinħarġu f’konformità mal-punt 1 ta’ dan l-Anness lill-produtturi interessati biss wara li jkun tlesta b’suċċess awditu estern ta’ parti terza għall-konformità mar-rekwiżiti tas-soluzzjoni ta’ konformità u tkun ġiet prodotta dikjarazzjoni tal-awditjar. |
|
12. |
Ladarba awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirrikonoxxi tip ta’ soluzzjoni ta’ konformità bħala konformi mar-Regolament (UE) 2024/1787, tali rikonoxximent tat-tip ta’ soluzzjoni ta’ konformità għandu jibqa’ validu sakemm it-termini ta’ dik is-soluzzjoni ta’ konformità ma jinbidlux materjalment. Il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun irrikonoxxiet is-soluzzjoni ta’ konformità dwar kwalunkwe bidla fit-termini tas-soluzzjoni ta’ konformità mill-inqas fuq bażi annwali. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom id-dritt li jirrevokaw ir-rikonoxximent soġġett għal valutazzjoni u b’perjodu ta’ avviż raġonevoli. Ir-rikonoxximent ta’ fornitur ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed għandu jitqies mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor. |
|
13. |
Id-dokumenti ta’ konformità għandhom ikunu validi fil-mument li tintwera l-konformità mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE u l-perjodu ta’ validità tagħhom għandu jkun f’konformità mal-obbligi ta’ rapportar tar-rekwiżit rilevanti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 li għalih ikun qed jintuża d-dokument ta’ konformità u fi kwalunkwe każ ma għandux jaqbeż l-24 xahar mill-bidu tal-perjodu tal-produzzjoni kopert fid-dokument ta’ konformità. |
|
14. |
Fil-każ speċifiku tar-rekwiżiti tal-importazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/1787 li jirrikjedu verifika indipendenti minn parti terza tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-metan, il-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità ma għandhomx jiddiskriminaw bejn verifikaturi differenti li jkunu ġew akkreditati f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament. |
2. Klawżoli mudell
Klawżola 1 – Obbligi tax-xerrej finali
Kummentarju: Katina kuntrattwali tista’ tinkludi diversi bejjiegħa u xerrejja ulterjuri sax-xerrej finali. Din il-klawżola tappartjeni għax-xerrej finali. Il-klawżoli l-oħra xorta jistgħu jintużaw, bl-aġġustamenti meħtieġa, mill-bejjiegħa u mix-xerrejja ulterjuri.
Il-Partijiet jirrikonoxxu li x-xerrej finali jitqies bħala “importatur” skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2024/1787, meta jintroduċi [żejt mhux maħdum/gass naturali/LNG/faħam] li joriġina minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni, u f’dawn il-każijiet ikun obbligat iwettaq l-atti u l-formalitajiet meħtieġa skont il-Kapitolu 5 ta’ dak ir-Regolament.
Klawżola 2 – Divulgazzjoni tal-informazzjoni
Il-bejjiegħ jirrikonoxxi li l-informazzjoni li x-xerrej jirċievi mingħand il-bejjiegħ u li huwa legalment marbut jittrażmetti lil awtorità kompetenti skont l-Artikoli 27 sa 29 u l-Anness IX tar-Regolament (UE) 2024/1787 tista’ tiġi kondiviża minn dik l-awtorità kompetenti jew mill-Istat Membru rispettiv mal-Kummissjoni Ewropea u tista’ sussegwentement tiġi ppubblikata fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-metan u bħala parti mill-profili tal-prestazzjoni tal-metan stabbiliti mill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament.
Il-bejjiegħ jirrinunzja kwalunkwe obbligu ta’ nondivulgazzjoni applikabbli skont dan il-kuntratt għax-xerrej, fir-rigward ta’ dik l-informazzjoni u biss biex jippermetti lix-xerrej jiżgura l-konformità mal-obbligi stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2024/1787.
Klawżola 3 – Prova ta’ konformità
Kummentarju: Din il-klawżola fiha diversi għażliet biex tagħmel tajjeb għal kuntratti konklużi jew imġedda fl-4 ta’ Awwissu 2024 jew wara u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara (l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787) u għal kuntratti konklużi jew imġedda qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara (l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787).
Il-klawżola 3(3) tapplika biss għal kuntratti konklużi jew imġedda qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara.
Il-klawżoli 3(1) u 3(2) japplikaw għal kuntratti konklużi jew imġedda fl-4 ta’ Awwissu 2024 jew wara u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara. Għal kuntratti konklużi jew imġedda qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara, ara n-noti f’qiegħ il-paġna ta’ dawk il-klawżoli.
|
1. |
Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-bejjiegħ jimpenja ruħu li juri u jirrapporta (1) lix-xerrej li [iż-żejt mhux maħdum/il-gass naturali/l-LNG/il-faħam] li joriġina minn pajjiż terz li huwa fornut skont dan il-kuntratt u maħsub biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni huwa soġġett għal miżuri ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika applikati mill-produttur(i) li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti [għaż-żejt mhux maħdum, għall-gass naturali/għal-LNG: l-Artikolu 28(5), il-punt (a) u l-Artikolu 28(5), il-punt (a)(i)] [għall-faħam: l-Artikolu 28(5), il-punt (a) u l-Artikolu 28(5), il-punt (a)(ii)] tar-Regolament (UE) 2024/1787. |
|
2. |
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-bejjiegħ jimpenja ruħu li jipprovdi dokument ta’ konformità (2) sa [data qabel il-31 ta’ Mejju 2028, li għandha tiġi ddeterminata mill-Partijiet] (3) fir-rigward [taż-żejt mhux maħdum/tal-gass naturali/tal-LNG/tal-faħam] fornut mill-1 ta’ Jannar 2027 u sussegwentement kull sena sa [data qabel il-31 ta’ Mejju, li għandha tiġi miftiehma mill-Partijiet] tas-sena ta’ wara fir-rigward [taż-żejt mhux maħdum/tal-gass naturali/tal-LNG/tal-faħam] fornut fis-sena kalendarja preċedenti. |
|
3. |
Meta l-bejjiegħ jonqos kompletament jew parzjalment milli jipprovdi l-informazzjoni skont il-paragrafu 1 sal-iskadenza indikata fil-paragrafu 2, il-bejjiegħ jimpenja ruħu li jipprovdi lix-xerrej b’ġustifikazzjoni tajba li tistabbilixxi l-isforzi raġonevoli kollha użati biex tinkiseb u tiġi pprovduta l-informazzjoni lix-xerrej. Dik il-ġustifikazzjoni tajba għandha tiġi pprovduta mhux aktar tard minn [id-data trid tiġi miftiehma mill-Partijiet, iżda mhux aktar tard minn (...) biex ikun jista’ jsir rapportar f’waqtu skont ir-Regolament (UE) 2024/1787]. |
Klawżola 4 – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Klawżola 3 tal-komodità ta’ ċertu oriġini
|
1. |
Il-bejjiegħ għandu jitqies li jkun issodisfa l-obbligi stabbiliti fil-Klawżola 3 biss fir-rigward [taż-żejt mhux maħdum/tal-gass naturali/tal-LNG/tal-faħam] fornut skont dan il-kuntratt li huwa prodott biss f’pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea li huwa rikonoxxut minn att tal-Kummissjoni Ewropea bħala li għandu fis-seħħ sistema ta’ miżuri ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika meqjusa ekwivalenti għal dik tal-Unjoni skont l-Artikolu 28(6) tar-Regolament (UE) 2024/1787, sakemm dak l-att ikun fis-seħħ fl-Unjoni. |
Ix-xerrej jipprovdi l-att rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea lill-bejjiegħ mal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-bejjiegħ se jitqies li jkun issodisfa l-obbligi stabbiliti fil-Klawżola 3 ladarba jipprovdi evidenza bil-miktub li tikkonferma l-post tal-produzzjoni [taż-żejt mhux maħdum/tal-gass naturali/tal-LNG/tal-faħam].
|
2. |
L-obbligi stabbiliti fil-Klawżola 3 se jkomplu japplikaw [għaż-żejt mhux maħdum/għall-gass naturali/għal-LNG/għall-faħam] ta’ kwalunkwe oriġini oħra li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. |
(1) Għal kuntratti konklużi jew imġedda qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara: “Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-bejjiegħ iwettaq l-isforzi raġonevoli kollha biex juri u jirrapporta lix-xerrej...”.
(2) Idem, dan l-impenn għandu jkun ibbażat fuq l-isforzi raġonevoli kollha għal kuntratti konklużi qabel l-4 ta’ Awwissu 2024 u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 jew wara.
(3) Id-data sa meta l-bejjiegħ għandu jipprovdi l-informazzjoni għandha tkun mhux aktar tard mill-bidu tat-tieni trimestru tas-sena kalendarja li fiha x-xerrej għandu jirrapporta lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-UE. L-għoti bil-quddiem ta’ informazzjoni fis-sena kalendarja tar-rapportar għandu jippermetti lix-xerrej jirċievi l-informazzjoni kollha fi żmien xieraq u, jekk ikun meħtieġ, jagħmel kontroverifika tagħha qabel l-iskadenza tar-rapportar tal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, stabbilita mill-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787. Għaldaqstant, il-bejjiegħ għandu jipprovdi, sa data fil-bidu tat-tieni trimestru tal-2028, informazzjoni dwar il-komodità fornuta fis-sena 2027 kollha, eċċ. Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-importaturi huma meħtieġa jikkonformaw mal-Artikolu 28(1) u (2). Għalhekk, il-kumpaniji huma mħeġġa jirrapportaw sal-31 ta’ Mejju 2027 dwar [iż-żejt mhux maħdum/il-gass naturali/l-LNG/il-faħam] fornut mill-1 ta’ Jannar 2027 skont kuntratti fis-seħħ f’dik id-data jew wara.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2026/1834/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)