|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2217 |
9.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2217
tas-6 ta’ Settembru 2024
li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Fid-9 ta’ Novembru 2018, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 (2) (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Id-dazji kumpensatorji varjaw bejn EUR 3,75 għal kull unità u EUR 57,28 għal kull unità. L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”. |
|
(2) |
Wara kontestazzjoni mressqa minn China Rubber Industry Association u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters, fl-4 ta’ Mejju 2022 il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat, fis-sentenza tagħha fil-Kawżi T-30/19 u T-72/19 (3) (“is-sentenza tal-Qorti”), ir-Regolament oriġinali fir-rigward ta’ diversi produtturi esportaturi. |
|
(3) |
Wara s-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni reġgħet fetħet l-investigazzjoni u fl-4 ta’ April 2023, il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid dazji kumpensatorji definittivi fuq diversi produtturi esportaturi permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/738 (4) (“it-tieni Regolament”). |
|
(4) |
Id-dazji kumpensatorji attwalment fis-seħħ ivarjaw bejn EUR 3,75 għal kull unità u EUR 57,28 għal kull unità. GITI Tire (Anhui) Company Ltd.; GITI Tire (Fujian) Company Ltd.; GITI Tire (Hualin) Company Ltd. u GITI Tire (Yinchuan) Company Ltd. bħalissa huma soġġetti għal dazju kumpensatorju ta’ EUR 11,07 għal kull unità. |
1.2. Talba għal rieżami interim parzjali limitat għas-sussidji
|
(5) |
Fis-16 ta’ Awwissu 2021, GITI Group (“l-applikant”) ressaq talba għal bidla fl-isem li kienet tikkonċerna l-produttur esportatur GITI Tire (Anhui) Company Ltd. L-applikant talab li GITI Tire (Anhui) Company Ltd. jibdel l-isem u jsir GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. fir-Regolament oriġinali peress li dan tal-aħħar kien ħa f’idejh l-operazzjonijiet tal-ewwel. Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jimla kwestjonarju stabbilit għal bidla fl-isem. L-applikant issottometta t-tweġiba għall-kwestjonarju sal-iskadenza stabbilita għal dak il-għan. |
|
(6) |
L-applikant spjega li f’April 2021 kien iddeċieda li jirristruttura xi wħud mill-operazzjonijiet tiegħu fiċ-Ċina, b’mod partikolari billi jgħaqqad tliet kumpaniji f’GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd.: GITI Tire (Anhui) Company Ltd., GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u Anhui GITI Tire Retreading Company Ltd. |
|
(7) |
Wara aktar skambji, il-Kummissjoni infurmat lill-applikant li t-talba għal bidla fl-isem ma kinitx xierqa għall-valutazzjoni tal-proċess ta’ ristrutturar deskritt mill-applikant, li fih il-produttur esportatur GITI Tire (Anhui) Company Ltd. b’kodiċi addizzjonali TARIC C332 kellu jiġi kkanċellat fi tmiem il-proċess ta’ fużjoni. Il-Kummissjoni spjegat li se tkun meħtieġa investigazzjoni ta’ rieżami interim biex jiġi vvalutat il-proċess ta’ ristrutturar. |
|
(8) |
Fit-8 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament antisussidji bażiku mill-GITI Group (“l-applikant”). It-talba kienet li jiġi eżaminat jekk ir-ristrutturar tal-GITI Group għandux jirriżulta fil-kalkolu mill-ġdid tal-marġni ta’ sussidju għall-applikant u biex l-isem tal-produttur esportatur GITI Tire (Anhui) Company Ltd. jinbidel għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. |
1.3. Bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għas-sussidji
|
(9) |
Peress li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li kien hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat fl-ambitu għall-eżami tas-sussidji sa fejn kien ikkonċernat l-applikant, fil-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament antisussidji bażiku permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5)(“in-Notifika ta’ Bidu”). |
|
(10) |
Qabel il-bidu tar-rieżami interim parzjali, u f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament antisussidji bażiku, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) li hija kienet irċeviet talba ddokumentata kif xieraq għal rieżami u stiednet lill-GTĊ għal konsultazzjonijiet bil-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontenut tat-talba. Madankollu, ma waslet l-ebda tweġiba mill-GTĊ. |
1.4. Rieżami ta’ skadenza parallel
|
(11) |
Fl-10 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni kienet bdiet rieżami ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-RPĊ skont l-Artikolu 18 tar-Regolament antisussidji bażiku. Ir-rieżami ta’ skadenza ntalab mill-Coalition Against Unfair Tyres Imports, assoċjazzjoni ad hoc ta’ produtturi Ewropej f’isem l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament antisussidji bażiku. L-investigazzjoni fl-ambitu tar-rieżami ta’ skadenza għadha għaddejja. |
1.5. Investigazzjoni
|
(12) |
L-investigazzjoni relatata mar-rieżami interim parzjali limitata għas-sussidji kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”). |
|
(13) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni bil-bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Ma waslet l-ebda tweġiba. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-GITI Group sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha. Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, il-Kummissjoni qablet mal-proposta tal-applikant li juża t-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarji sottomessi fl-ambitu tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza. Waslu tweġibiet fi żmien l-iskadenza stipulata għal dan il-għan. |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
2.1. Prodott ikkonċernat
|
(16) |
Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal fir-Regolament oriġinali u fit-tieni Regolament, jiġifieri ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 4011 20 90 u ex 4012 12 00 (il-kodiċi TARIC 4012 12 00 10) u li joriġinaw mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). |
2.2. Prodott simili
|
(17) |
Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott ikkonċernat u l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u użi bażiċi. |
|
(18) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma simili fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament antisussidji bażiku. |
3. IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA
|
(19) |
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament antisussidji bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom ġew stabbiliti l-miżuri attwali nbidlux b’mod sinifikanti, u jekk dan it-tibdil kienx ta’ natura dejjiema. |
|
(20) |
L-ewwel, l-applikant irrapporta li f’Ġunju 2023, GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd., li tinsab ħdejn GITI Tire (Anhui) Company Ltd., kienet lestiet l-assorbiment ta’ tliet kumpaniji oħra tal-GITI Group, jiġifieri: (i) GITI Tire (Anhui) Company Ltd.; (ii) Anhui Prime Cord Fabrics Company Ltd. u (iii) Anhui GITI Tire Retreading Company Ltd. Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kienet investigat dawn il-kumpaniji kollha minbarra Anhui GITI Tire Retreading Company Ltd. GITI Tire (Anhui) Company Ltd. kienet waħda mill-produtturi esportaturi filwaqt li GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u Anhui Prime Cord Fabrics Company Ltd. ipprovdew il-materjali tal-input. Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kienet sabet li dawn il-kumpaniji kollha kienu bbenefikaw direttament minn sussidji bħal għotjiet, finanzjament preferenzjali, rifużjonijiet tat-taxxa jew il-forniment ta’ oġġetti u servizzi mill-gvern għal inqas minn remunerazzjoni adegwata. |
|
(21) |
Fuq il-bażi tal-evidenza ppreżentata mill-applikant, il-kumpanija fuża li tirriżulta se tkompli fil-biċċa l-kbira twettaq l-istess attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista bħall-kumpaniji investigati oriġinali. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-intitolament tas-sussidji eżaminati fl-investigazzjoni oriġinali se jinbidel b’mod sinifikanti bħala riżultat tal-fużjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-Artikolu 19(4), il-Kummissjoni ma tqisx li l-fużjoni rrapportata biddlet iċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidjar u, li modifika tal-miżuri antisussidji tkun iġġustifikata fuq dik il-bażi. |
|
(22) |
Fid-dawl tal-fużjoni deskritta hawn fuq, l-applikant talab li r-referenzi għal GITI Tire (Anhui) Company Ltd jinbidlu għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. fit-tieni Regolament. L-evidenza ppreżentata mill-applikant turi li l-assorbiment ta’ GITI Tire (Anhui) Company Ltd. ġie ffinalizzat mis-6 ta’ Lulju 2023, il-jum meta GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. kisbet il-liċenzja tan-negozju l-ġdida tagħha, wara li ppreżentat applikazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti fl-20 ta’ Ġunju 2023. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/738 jiġi emendat biex jirrifletti l-akkwist tal-attivitajiet tal-produzzjoni ta’ GITI Tire (Anhui) Company Ltd. minn GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. u li tattribwixxi l-kodiċi TARIC addizzjonali C332 lil GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. |
|
(23) |
It-tieni, l-applikant irrapporta wkoll bidliet korporattivi oħra li jaffettwaw diversi kumpaniji fil-GITI Group. Il-bidliet jinvolvu l-aktar i) bidliet fil-livell tal-attività tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi u tal-fornituri tal-materjal tal-input u ii) bidliet korporattivi żgħar. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-bidliet korporattivi rrapportati biddlu ċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidjar u, li modifika tal-livell tal-miżuri antisussidji tkun iġġustifikata fuq dik il-bażi. |
|
(24) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni identifikat u kkoreġiet żbalji klerikali fl-ismijiet tal-erba’ produtturi esportaturi tal-GITI Group elenkati fl-Artikolu 1(2) tat-tieni Regolament. B’mod partikolari, it-terminu “Co.,” tħassar minn kull isem. |
|
(25) |
L-applikant ingħata l-opportunità jikkummenta dwar dan ir-Regolament. L-applikant innota li bi tweġiba għall-applikazzjoni oriġinali tagħhom għal bidla fl-isem, il-Kummissjoni kienet tat struzzjonijiet lill-GITI Group biex jitlob rieżami interim. L-applikant innota li huma ma kinux qed jistennew it-terminazzjoni tal-investigazzjoni qabel il-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tas-sussidju. L-applikant madankollu qabel mas-sejbiet u fehem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-investigazzjoni. |
4. TMIEM L-INVESTIGAZZJONI
|
(26) |
Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li tintemm din l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. |
|
(27) |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw miċ-Ċina jenħtieġ li jintemm. |
|
(28) |
Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/738 huwa emendat kif ġej:
|
“GITI Tire (Anhui) Company Co., Ltd; GITI Tire (Fujian) Company, Co., Ltd; GITI Tire (Hualin) Company Co., Ltd; GITI Tire (Yinchuan) Company Co., Ltd |
11,07 |
C332” |
huwa sostitwit bi
|
“GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd.; GITI Tire (Fujian) Company Ltd.; GITI Tire (Hualin) Company Ltd.; GITI Tire (Yinchuan) Company Ltd. |
11,07 |
C332” |
2. Il-kodiċi addizzjonali TARIC C332 li qabel kien attribwit lil GITI Tire (Anhui) Company Ltd. għandu japplika għal GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd. mis-6 ta’ Lulju 2023. Minn din id-data, kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn GITI Radial Tire (Anhui) Company Ltd li jkun jiżboq id-dazju kumpensatorju stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/738 fir-rigward ta’ GITI Tire (Anhui) Company Ltd. għandu jiġi rimborżat jew rimess f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.
Artikolu 2
Ir-rieżami interim parzjali limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għal sussidji lill-GITI Group fir-rigward tad-dazju kumpensatorju applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 4011 20 90 u ex 4012 12 00 (il-kodiċi TARIC 4012 12 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jintemm.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ĠU L 283, 12.11.2018, p. 1).
(3) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla, Kompożizzjoni Estiża) tal-4 ta’ Mejju 2022, China Rubber Industry Association (CRIA) u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC) vs il-Kummissjoni Ewropea, T-30/19 u T-72/19, ECLI:EU:T:2022:266.
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/738 tal-4 ta’ April 2023 li jimponi mill-ġdid dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi magħquda T-30/19 u T-72/19 (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 45).
(5) Notifika tal-bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2023/1491, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1491/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2217/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)