Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ Lulju 2026 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni – FAEG u FAEŻR – Sentenza li tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt il-FAEG u l-FAEŻR – Rimbors mill-Kummissjoni tas-somma miġbura indebitament – Rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi fuq il-ġbir żejjed – Obbligu ta’ ħlas ta’ interessi – Kumpens b’rata fissa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tas-somma mħallsa indebitament lill-Kummissjoni – Artikolu 266 TFUE – Ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑661/24,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn J. Vláčil, J. Očková u J. Benešová, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi, J. Hradil u M. Salyková, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, H. Cassagnabère u T. Pavelin (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: J. Čuboň, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, ir-Repubblika Ċeka titlob, essenzjalment, kumpens għad-dannu li hija allegatament sostniet minħabba l-assenza ta’ ħlas mill-Kummissjoni Ewropea tal-interessi li kienu dovuti wara l-annullament, permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑509/18, EU:T:2019:876), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat‑13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29), li timponilha korrezzjoni finanzjarja taħt il-FAEŻR.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit‑13 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873. F’din id-deċiżjoni, hija qieset li ċertu nfiq li sar mir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-FAEŻR kien sar bi ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ma setax jiġi ffinanzjat taħt il-FAEŻR, minħabba dgħufija identifikata fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll nazzjonali. Konsegwentement, hija applikat korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % fuq l-ammont ta’ EUR 151 116.65 (iktar ’il quddiem il-“korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża”).

3        Fl‑10 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni implimentat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873 billi naqset is-somom li kellhom jiġu rkuprati bħala korrezzjonijiet finanzjarji mill-ħlas tal-pagament intermedju tat-tieni trimestru tal‑2018.

4        Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑509/18, EU:T:2019:876), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ċeka kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873 u annullat l-imsemmija deċiżjoni sa fejn din eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-pagamenti li saru fl‑2016 mir-Repubblika Ċeka taħt il-FAEŻR fl-ammont ta’ EUR 151 116.65.

5        Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/859 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2020, L 195, p. 59), li permezz tagħha hija ordnat ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 151 116.65, b’applikazzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑509/18, EU:T:2019:876), mingħajr ma żiedet magħha l-ħlas tal-interessi.

6        Fis‑27 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rrimborsat is-somma ta’ EUR 151 116.65 lir-Repubblika Ċeka.

7        Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Novembru 2024, ir-Repubblika Ċeka talbet lill-Kummissjoni tħallasha interessi għall-perijodu bejn l‑10 ta’ Awwissu 2018, data li fiha l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża ġiet implimentata, u s‑27 ta’ Ottubru 2020, data li fiha l-Kummissjoni pproċediet bir-rimbors tas-somom li kienu s-suġġett ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja. L-interessi li l-ħlas tagħhom ġie mitlub mir-Repubblika Ċeka kienu jammontaw għal mill-inqas EUR 11 722.93 u kienu jikkorrispondu għall-applikazzjoni ta’ rata tal-interessi ta’ 3.5 % fuq is-somma ta’ EUR 151 116.65 li kienet ġiet irrimborsata lilha mill-Kummissjoni. Ir-rata tal-interessi mitluba kienet tikkorrispondi għar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid bejn l‑10 ta’ Awwissu 2018 u s‑27 ta’ Ottubru 2020, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-Repubblika Ċeka titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha kumpens fl-ammont ta’ EUR 11 722.93 għad-dannu li hija allegatament sostniet minħabba r-rifjut mill-Kummissjoni li tħallasha interessi fuq is-somma ta’ EUR 151 116.65 għall-perijodu dekorribbli mill‑10 ta’ Awwissu 2018 sas‑27 ta’ Ottubru 2020;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas interessi moratorji fuq dan il-kumpens, b’effett mill-għoti tas-sentenza li għandha tingħata sal-ħlas sħiħ, bir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha jkunu ssodisfatti f’dan il-każ, tapplika r-rata tal-interessi kumpensatorji prevista fl-Artikolu 109 tar‑Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1);

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali

10      Essenzjalment, insostenn tar-rikors għad-danni tagħha, ir-Repubblika Ċeka tinvoka s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488) sabiex issostni li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jeżiġi li, wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja taħt il-FAEŻR, il-ħlas lura lill-Istat Membru tal-ammont tal-korrezzjoni għandu jkollu miżjud miegħu l-interessi. Skont ir-Repubblika Ċeka, il-ħlas ta’ interessi jikkostitwixxi miżura li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja intiża sabiex tikkumpensa b’rata fissa ċ-ċaħda tal-użu tas-somom li huma s-suġġett tal-korrezzjoni finanzjarja. Hija ssostni li għandhom jitħallsu l‑interessi għall-perijodu kollu mid-data tal-pagament indebitu sal-ħlas lura tiegħu lill-Istat Membru.

11      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

12      Bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka ssostni prinċipalment li deċiżjoni li tirrigwarda korrezzjoni finanzjarja ċċaħħad lill-Istat Membru mit-tgawdija tas-somom li huma s-suġġett tal-imsemmija korrezzjoni u żżid li l-finanzjament tal-infiq eskluż abbażi ta’ tali korrezzjoni finanzjarja għandu jiġi kkumpensat mill-baġit tal-Istat Membru stess.

13      B’mod partikolari, ir-Repubblika Ċeka tallega li huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat li s-somom li jsiru disponibbli mill-Kummissjoni bħala prefinanzjament kienu jippermettu li tiġi kkumpensata l-indisponibbiltà tas-somom irrimborsati lill-Kummissjoni wara deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li l-għan ta’ korrezzjoni finanzjarja huwa preċiżament li jiġi eskluż ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni. Għalhekk, sakemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi tali korrezzjoni finanzjarja ma tiġix annullata, l-Istat Membru ma jkun jista’ juża ebda finanzjament tal-Unjoni sabiex jiffinanzja n-nefqa eskluża.

14      Ir-Repubblika Ċeka żżid li, fil-prattika, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li teskludi ċerti somom mill-finanzjament tal-Unjoni, l-Istat Membru jkun obbligat ikopri dan id-defiċit mill-baġit tiegħu stess. Hija tippreċiża li, f’dan il-każ, is-somom esklużi kienu diġà tħallsu lill-bdiewa u ma kellhomx jiġu rrimborsati mill-benefiċjarji inkwistjoni.

15      Barra minn hekk, il-fatt li deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja taqa’ taħt is-sistema ta’ ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru ma huwiex rilevanti. L-interessi jistgħu jitħallsu meta d-deċiżjoni li jsiru korrezzjonijiet finanzjarji tkun att ta’ awtorità tal-Kummissjoni li permezz tiegħu din għandha s-setgħa li ġġiegħel lill-Istat Membru jirrimborsa ċerti fondi.

16      Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li l-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali huma wkoll issodisfatti. Hija ssostni li d-dannu sostnut jikkonsisti fl-assenza ta’ ħlas ta’ interessi għall-perijodu kollu mid-data tal-ħlas tas-somma rċevuta indebitament sar-rimbors tagħha.

17      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ċeka.

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Fis-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, l-obbligu li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jista’ jiġi implimentat permezz tar-rikors għal annullament imsemmi fl‑Artikolu 263 TFUE jew permezz tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni msemmi fl-Artikolu 265 TFUE, filwaqt li l-individwu kkonċernat jista’ wkoll jadixxi lill-qorti tal-Unjoni b’rikors għad-danni skont l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (ara d-digriet tat‑22 ta’ Diċembru 2022, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑480/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:863, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jipprevedi li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tikkumpensa d-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

20      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt maħsuba sabiex tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 20 ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju

22      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddikjara dan l-att null u bla effett ex tunc (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 51).

23      L-obbligu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu eliminati l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati jista’ jinkludi, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, tqegħid lura tar-rikorrent fis-sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan l-att (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑171/99, EU:T:2001:249, punt 50).

24      Kif jirriżulta mill-punt 52 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488), u mill-ġurisprudenza ċċitata fiha, il-ħlas tal-interessi jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn dan il-ħlas huwa maħsub sabiex jikkumpensa b’rata fissa ċ‑ċaħda tat-tgawdija ta’ approprjazzjoni.

25      Barra minn hekk, l-obbligu li jitħallsu lura somom ta’ flus li jkunu nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, minn awtorità nazzjonali, istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, u li ma’ dan il-ħlas lura jiġu miżjuda l-interessi li jkopru l-perijodu kollu mid-data tal-ħlas ta’ dawn is-somom ta’ flus sad-data tal-ħlas lura tagħhom jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 56).

26      Kif jirriżulta mill-punt 62 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488), u, essenzjalment, mill-punti 103 u 104 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jkunu obbligati, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, iżidu l-interessi mar-rimbors ta’ somma speċifika ta’ flus, huma ma jkollhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ jekk dawn l-interessi għandhomx jitħallsu jew le, b’tali mod li s-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jikkonsisti fir-rifjut ta’ ħlas tal-imsemmija interessi huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt, li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

27      Fl-aħħar nett, l-interessi li għandhom jitħallsu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE sabiex tiġi kkumpensata ċ-ċaħda tat-tgawdija huma ta’ natura “fissa”, b’tali mod li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni ma jistgħux jevitaw dan l-obbligu minħabba li r-rikorrent ma jkunx ġab prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ dannu (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 62).

28      F’dan il-każ, permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑509/18, EU:T:2019:876), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2018/873 li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549), il-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, li teskludi s-somma ta’ EUR 151 116.65 mill-finanzjament imħallas lir-Repubblika Ċeka taħt il-FAEŻR.

29      B’mod preliminari, għandu jiġi eżaminat il-kuntest ġuridiku li fih taqa’ korrezzjoni finanzjarja imposta abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, qabel ma jiġi analizzat jekk kienx jeżisti obbligu, għall-Kummissjoni, li tħallas interessi lir-Repubblika Ċeka, wara l-annullament tad-deċiżjoni li timponi l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

–       Fuq il-kuntest ġuridiku li fih taqa’ korrezzjoni finanzjarja imposta abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013

30      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-FAEŻR jaqa’ taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni. Kif ipprovdut fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, il-FAEŻR għandu jiffinanzja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi ta’ żvilupp rurali implimentati skont id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali.

31      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320), il-FAEŻR huwa implimentat b’ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni. Skont l-Artikolu 317 TFUE, fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet ikunu użati skont il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba.

32      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/1046 jippreċiża li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit għandhom jiġu ddelegati lill-Istati Membri.

33      Kif jirriżulta mill-Artikoli 6 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487), l-implimentazzjoni baġitarja tal-FAEŻR mill-Istati Membri taqa’ fl-ambitu ta’ programmi ta’ żvilupp rurali, ippreżentati, minn kull Stat Membru, għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

34      Fl-ambitu tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ żvilupp rurali, skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1305/2013, l-għażla tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-FAEŻR hija ġestita fil-livell tal-Istati Membri. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi wkoll li l-ġestjoni u l-kontroll tal-infiq tal-FAEŻR, inkluż il-ħlas tal-imsemmi nfiq, għandhom isiru fil-livell tal-Istati Membri. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, mill-Artikolu 36(1) u (2) tal-imsemmi regolament u mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59), il-pagamenti lill-benefiċjarji jsiru mill-Istati Membri, u sussegwentement jiġu rrimborsati, kull tliet xhur, mill-Kummissjoni abbażi ta’ dikjarazzjoni tal-infiq.

35      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1306/2013, l-approprjazzjonijiet neċessarji għall-finanzjament tal-infiq tal-FAEŻR jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fil-forma ta’ prefinanzjament, ta’ pagamenti intermedji u tal-ħlas ta’ bilanċ.

36      Qabelxejn, konformement mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u mal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 1303/2013, wara l-approvazzjoni ta’ programm ta’ żvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas il-prefinanzjament inizjali għall-perijodu kollu ta’ programmazzjoni. Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-interessi ġġenerati mill-prefinanzjament għandhom jiġu allokati lill-programm ta’ żvilupp rurali u għandhom jitnaqqsu mill-ammont tal-infiq pubbliku inkluż fid-dikjarazzjoni finali tal-infiq, fl-għeluq tal-programm. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament għandu jiġi approvat qabel l-għeluq tal-programm ta’ żvilupp rurali.

37      L-Artikolu 81(2) tar-Regolament Nru 1303/2013 jippreċiża li l-prefinanzjament inizjali għandu jintuża biss għal pagamenti magħmula lill-benefiċjarji waqt l-implimentazzjoni tal-programm. Dan ikun disponibbli mingħajr dewmien għall-korp responsabbli għal dan il-għan.

38      Kif jirriżulta mill-premessa 70 tar-Regolament Nru 1303/2013 u mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-prefinanzjament jitħallas preċiżament lill-Istati Membri sabiex dawn ikollhom fondi tal-Unjoni sa mill-implimentazzjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali. L-istabbiliment ta’ prefinanzjament għandu l-għan li jiżgura fluss regolari li jippermetti li jsiru b’mod xieraq il-pagamenti lill-benefiċjarji.

39      Sussegwentement, pagamenti intermedji jitħallsu kull tliet xhur skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1306/2013, bħala rimbors tal-infiq effettivament sostnut mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istat Membru taħt il-FAEŻR.

40      Finalment, l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi li l-ħlas tal-bilanċ għandu jsir fl-għeluq tal-programm.

41      It-tielet nett, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi li, meta nfiq li jaqa’ taħt il-FAEŻR ma jkunx sar skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tadotta korrezzjonijiet finanzjarji billi tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 1303/2013, meta l-Kummissjoni twettaq tali korrezzjoni finanzjarja, hija għandha tannulla l-kontribuzzjoni tal-Unjoni kollha jew parti minnha għal programm ta’ żvilupp rurali u tipproċedi bl-irkupru mingħand l-Istat Membru sabiex teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq diġà magħmul li jmur kontra d-dritt applikabbli.

42      Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(8) tar-Regolament Nru 908/2014, meta deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja tiġi adottata skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, l-ammonti li għandhom jitnaqqsu mill-finanzjament tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu mill-Kummissjoni mill-ħlas li għalih tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tal-infiq mill-Istat Membru wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom, ħlief fil-każ ta’ derogi previsti f’dan l-artikolu, l-obbligu li jeżiġu mingħand il-benefiċjarji rkupru tal-pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew minn negliġenza. Skont l-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, l-ammonti rtirati mill-finanzjament tal-Unjoni taħt il-FAEŻR u l-ammonti rkuprati kif ukoll l-interessi marbuta magħhom għandhom jiġu allokati mill-ġdid għall-programm ikkonċernat. Madankollu, il-fondi tal-Unjoni kkanċellati jew irkuprati ma jistgħux jerġgħu jintużaw mill-Istati Membri ħlief għal operazzjoni taħt l-istess programm ta’ żvilupp rurali u bil-kundizzjoni li dawn il-fondi ma jiġux allokati mill-ġdid għall-operazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ aġġustament finanzjarju. Wara l-għeluq ta’ programm ta’ żvilupp rurali, l-Istat Membru għandu jagħti lura l-ammonti rkuprati lill-baġit tal-Unjoni.

–       Fuq l-obbligu li mar-rimbors ta’ korrezzjoni finanzjarja jiġu miżjuda l-interessi

44      Huwa fid-dawl tal-kuntest ġuridiku espost fil-punti 30 sa 43 iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-Repubblika Ċeka, l-obbligu awtomatiku u inkundizzjonat li jitħallsu interessi, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, huwiex impost fuq il-Kummissjoni fil-każ speċifiku tal-annullament ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja taħt il-FAEŻR.

45      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li jitħallsu interessi, kif stabbilit mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488), ġie stabbilit fil-kuntest, distint minn dan il-każ, fejn somma kienet inġabret indebitament mingħand persuna suġġetta għal miżura amministrattiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 53 sa 56 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488), l-obbligu li mar-rimbors tiġi imposta somma ta’ interessi, kif stabbilit mill-ġurisprudenza, jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ “persuna suġġetta għal miżura amministrattiva” li ħallset indebitament somma abbażi ta’ multa, ta’ sanzjoni, ta’ pagament ta’ penalità, ta’ taxxa, ta’ imposta jew ta’ ħlas ieħor lil istituzzjoni tal-Unjoni jew lill‑awtoritajiet ta’ Stat Membru. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonċernaw għalhekk id-dritt ta’ persuna li tkun suġġetta għal miżura amministrattiva li tikseb il-ħlas ta’ interessi intiż sabiex jikkumpensa l-indisponibbiltà ta’ somma miġbura indebitament mill-amministrazzjoni.

46      Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 sa 34 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni allokat lill-FAEŻR u l-implimentazzjoni ta’ dan il-fond tal-Unjoni huma ddelegati lill-Istati Membri, li għalhekk ma jistgħux jiġu assimilati ma’ persuni suġġetti għal miżura amministrattiva.

47      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 sa 34 iktar ’il fuq, l-Istati Membri ma humiex il-benefiċjarji tal-infiq tal-FAEŻR. Fil-fatt, l-Istati Membri huma responsabbli, taħt il‑ġestjoni kondiviża, għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni. Konsegwentement, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, meta Stat Membru jkollu jirrimborsa ammonti bħala korrezzjoni finanzjarja, dan jirrimborsa fondi tal-Unjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu għall-finijiet tal-ġestjoni tal-FAEŻR.

48      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija differenti mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488). Il-kunsiderazzjonijiet esposti fiha ma jiħdux inkunsiderazzjoni n-natura tar-relazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, la l-aspetti speċifiċi marbuta mal-ġestjoni kondiviża u lanqas il-fatt li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli, b’mod iddelegat, il-fondi tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex direttament applikabbli fil-kuntest tal-annullament ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja fuq Stat Membru.

49      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-awtomatiċità u l-inkundizzjonalità tal-obbligu li jitħallsu interessi, kif stabbilit mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 24 sa 27 iktar ’il fuq, huma bbażati impliċitament, iżda neċessarjament, fuq il-premessa li, wara l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi ħlas fuq istituzzjoni, id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni jġarrab dannu reali u ċert minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tas-somma li għandha tiġi rrimborsata lilu.

50      Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 35 sa 43 iktar ’il fuq, korrezzjoni finanzjarja bħall-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża tagħmel parti minn ġabra kumplessa ta’ flussi finanzjarji mifruxa fuq it-tul kollu tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali. B’differenza mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 52, 55 u 56 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488), ma huwiex, f’dan il-kuntest, ċert li l-annullament ta’ deċiżjoni li tirrigwarda korrezzjoni finanzjarja jimplika awtomatikament ċaħda tat-tgawdija għall-Istat Membru tas-somma li hija s-suġġett tal-korrezzjoni finanzjarja.

51      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punti 35 u 38 iktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom prefinanzjament sabiex iwettqu l-infiq tal-FAEŻR, inkluż dak li sussegwentement ikun is-suġġett ta’ korrezzjoni finanzjarja. Konsegwentement, bħala prinċipju, l-Istati Membri ma humiex obbligati jużaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess sabiex jagħmlu l-infiq tal-FAEŻR.

52      Fil-fatt, kif esponiet il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru ta’ approprjazzjonijiet addizzjonali, permezz ta’ pagamenti intermedji, jippermetti li jiġi pprovdut mill-ġdid il-fond ta’ likwidità inizjalment ikkostitwit mill-ammont imħallas bħala prefinanzjament. Dan jagħmel l-ammont inizjalment imħallas bħala prefinanzjament disponibbli għall-finanzjament, permezz tal-fondi magħmula disponibbli mill-Unjoni, tal-infiq ġdid tal-FAEŻR li jkun sar mill-Istat Membru, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun, bħala prinċipju, obbligat juża effettivament ir-riżorsi finanzjarji tiegħu sabiex jaffaċċja dan l-infiq.

53      It-tieni nett, korrezzjoni finanzjarja ma timplikax neċessarjament li l-Istat Membru għandu jwettaq ħlas lill-Kummissjoni direttament mir-riżorsi nazzjonali tiegħu. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 42 iktar ’il fuq, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(8) tar-Regolament Nru 908/2014, l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja jitnaqqas mill-pagamenti intermedji jew mill-pagament tal-bilanċ li jkunu saru mill-Kummissjoni bħala rimbors ta’ nfiq ieħor li jkun sar mill-Istat Membru fil-kuntest tal-programm ta’ żvilupp rurali.

54      Għaldaqstant, meta l-ammont ta’ korrezzjoni finanzjarja jitnaqqas mill-ammont ta’ pagament intermedju, il-fond ta’ likwidità, inizjalment ikkostitwit mill-prefinanzjament, li jkun realment għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru sabiex jiffinanzja l-infiq futur tal-FAEŻR, jitnaqqas sal-ammont tal-imsemmija korrezzjoni.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi tnaqqis tal-ammont tal-prefinanzjament effettivament disponibbli sabiex jiġi ffinanzjat l‑infiq tal-FAEŻR ma jistax, bħala tali, jiġi assimilat ma’ ċaħda ta’ tgawdija għall-Istat Membru ta’ parti mir-riżorsi nazzjonali tiegħu.

56      Fil-fatt, minn naħa, kif ikkonfermaw il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka waqt is-seduta, mill-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li s-somma mħallsa bħala prefinanzjament ma hijiex intiża sabiex tiġġenera interessi għall-benefiċċju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-ammont imħallas bħala prefinanzjament għandu fi kwalunkwe każ jiġi approvat qabel l-għeluq tal-programm ta’ żvilupp rurali. L-imsemmija proċedura ta’ approvazzjoni tikkonsisti fit-tnaqqis tal-infiq iddikjarat mill-Istat Membru mill-ammont disponibbli bħala prefinanzjament minflok ma jsir rimbors permezz ta’ pagament intermedju jew pagament tal-bilanċ. Huwa biss fl-għeluq tal-programm li l-Kummissjoni tirkupra l-bilanċ tal-prefinanzjament mill-Istat Membru, jekk l-ammont imħallas bħala prefinanzjament ma jkunx ġie eżawrit.

57      It-tielet nett, kif ġie espost fil-punt 43 iktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, l-obbligu li jeżiġu mingħand il-benefiċjarji rkupru tal-pagamenti indebiti li jirriżultaw minn irregolaritajiet jew minn negliġenza imputabbli lill-imsemmija benefiċjarji. Fil-każ li l-ammonti li jkunu s-suġġett ta’ korrezzjoni finanzjarja imposta mill-Kummissjoni fuq Stat Membru jiġu rkuprati mill-Istat Membru mingħand il-benefiċjarju, l-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja ma tkunx tista’, fi kwalunkwe każ, twassal għal nuqqas ta’ tgawdija, mill-Istat Membru, ta’ parti mir-riżorsi finanzjarji nazzjonali tiegħu.

58      Konsegwentement, fid-dawl tal-assenza ta’ ċertezza dwar l-effett ta’ korrezzjoni finanzjarja fuq ir-riżorsi nazzjonali tal-Istat Membru, mis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs Deutsche Telekom (C‑221/22 P, EU:C:2024:488), ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ġenerali, assolut u inkundizzjonat, kif stabbilit f’dik is-sentenza, li tħallas awtomatikament interessi fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-FAEŻR.

59      Tali konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argumenti tar-Repubblika Ċeka.

60      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-fatt li jeżistu każijiet iżolati li fihom il-Kummissjoni żiedet, fuq inizjattiva tagħha stess, mar-rimbors ta’ korrezzjonijiet finanzjarji l-interessi ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li tali obbligu huwa impost b’mod awtomatiku u inkundizzjonat fuq il-Kummissjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE malli deċiżjoni li timponi korrezzjoni finanzjarja tiġi annullata.

61      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-fatt li deċiżjoni li tapplika korrezzjoni finanzjarja tiġi imposta fuq l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li għandhom jitħallsu interessi fil-każ tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ tali argument ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li għandhom jitħallsu interessi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE biss sa fejn dawn ikunu intiżi li jikkumpensaw iċ-ċaħda tat-tgawdija tas-somma li għandha tiġi rrimborsata.

–       Fuq l-assenza ta’ obbligu li jitħallsu interessi f’dan il-każ

62      F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, peress li l-pagamenti kienu diġà saru lill-benefiċjarji u ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ rkupru wara l-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, din tal-aħħar wasslet għal ċaħda tat-tgawdija għar-Repubblika Ċeka tal-ammont korrispondenti.

63      Madankollu, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-prefinanzjament tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Ċeka fl-ammont ta’ EUR 69 170 219.88, fl‑2015 u fl‑2016.

64      Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, kull darba li r-Repubblika Ċeka kisbet ir-rimbors ta’ spejjeż imwettqa taħt il-FAEŻR fil-forma ta’ pagamenti intermedji, il-fond ta’ likwidità inizjalment ikkostitwit mill-prefinanzjament ġie fornut mill-ġdid u reġa’ sar disponibbli sabiex jiffinanzja l-infiq il-ġdid tal-FAEŻR li jkun sar minn dan l-Istat Membru, b’tali mod li r-Repubblika Ċeka ma wrietx li kienet obbligata tuża fil-fatt ir-riżorsi nazzjonali tagħha stess sabiex twettaq l-imsemmi nfiq.

65      It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Anness A.1 tar-rikors, il-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża tnaqqset mill-pagament intermedju li sar lir-Repubblika Ċeka għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ żvilupp rurali għat-tieni trimestru tas-sena 2018. Il-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża għalhekk ma implikatx ħlas lill-Kummissjoni mir-Repubblika Ċeka permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħha stess.

66      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Ċeka mill-Kummissjoni bħala prefinanzjament, imnaqqas sal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, kien, bħala prinċipju, baqa’ disponibbli matul il-perijodu bejn l‑10 ta’ Awwissu 2018 u s‑27 ta’ Ottubru 2020, li matulu l-imsemmija korrezzjoni finanzjarja ġiet implimentata. Fil-fatt, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ clearance tal-prefinanzjament, prevista fl-Artikolu 35(4) tar-Regolament Nru 1306/2013, bdiet biss fl‑2023.

67      Ir-raba’ nett, ir-Repubblika Ċeka, inkluż fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li jitqies li l-prefinanzjament ma kienx disponibbli jew li kien insuffiċjenti u lanqas prova oħra li tippermetti li jintwera li hija effettivament kellha timmobilizza r-riżorsi nazzjonali tagħha sabiex tikkumpensa r-rimbors tal-infiq temporanjament iddikjarat mhux eliġibbli abbażi tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

68      Minn naħa, il-provi prodotti mir-Repubblika Ċeka insostenn tar-rikors tagħha, jiġifieri r-rapport tal-pagament intermedju dwar it-tieni trimestru tal‑2018, l-estratt tal-kont tal-Ministeru tal-Agrikoltura korrispondenti, tal‑10 ta’ Awwissu 2018, kif ukoll estratt tal-kont tal-Ministeru tal-Agrikoltura tas‑27 ta’ Ottubru 2020, ma jippermettux li tiġi stabbilita mobilizzazzjoni effettiva tar-riżorsi nazzjonali tar-Repubblika Ċeka. Tali dokumenti jsemmu biss il-kumpens li sar mill-Kummissjoni meta sar il-pagament intermedju tat-tieni trimestru tal‑2018 kif ukoll ir-rimbors tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża fl‑2020.

69      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka pproduċiet żewġ dokumenti ta’ kontabbiltà fl-Annessi E.1 u E.2. Minn dawn iż-żewġ dokumenti jirriżulta li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża ġie pospost, suċċessivament, bħala “kontabbiltà negattiva, bi tnaqqis fid-dħul”, imbagħad bħala “kontabbiltà pożittiva b’żieda fid-dħul” fil-kontijiet tal-Ministeru għall-Agrikoltura Ċeka. Madankollu, ir-reġistrazzjoni fil-kontijiet tas-somma li tikkorrispondi għall-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża fil-kontijiet tal-Ministeru għall-Agrikoltura ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li l-imsemmija korrezzjoni finanzjarja ġiet iffinanzjata permezz tar-riżorsi nazzjonali tar-Repubblika Ċeka. Fil-fatt, dawn l-entrati ta’ kontabbiltà ma jippermettux, fihom innifishom, li jiġi stabbilit li r-Repubblika Ċeka kellha effettivament tuża r-riżorsi tagħha stess sabiex tikkumpensa t-tnaqqis temporanju tal-fondi disponibbli minħabba l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, sussegwentement annullata.

70      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tafferma li, fil-prattika, hija ma tużax il-prefinanzjamenti, b’tali mod li hija obbligata tkopri l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja mir-riżorsi nazzjonali tagħha stess. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-prefinanzjamenti għad-dispożizzjoni tagħha, fl-assenza ta’ provi kuntrarji, dejjem kienu suffiċjenti sabiex ikopru l-infiq tal-FAEŻR li hija tagħmel fil-perijodu rilevanti, in-nuqqas ta’ użu tal-prefinanzjament huwa biss għażla tar-Repubblika Ċeka. Għaldaqstant, hija ma tistax targumenta li hija kellha tkopri l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża mir-riżorsi nazzjonali tagħha stess.

71      Il-konstatazzjonijiet preċedenti ma humiex imqiegħda f’dubju mill-argument tar-Repubblika Ċeka li l-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 1303/2013 u kif ukoll l-Artikolu 52 l-Artikolu 81(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprekludu li l-prefinanzjament jintuża sabiex tiġi ffinanzjata l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

72      Fil-fatt, ma huwiex qiegħed jitqies li l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża hija direttament iffinanzjata mis-somma mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha bħala prefinanzjament, iżda li r-Repubblika Ċeka ma kellhiex effettivament tikkumpensa t-tnaqqis tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha li jirriżulta mill-imsemmija korrezzjoni finanzjarja permezz tar-riżorsi nazzjonali tagħha. Issa, peress li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża kien inqas mill-bilanċ tal-prefinanzjament imqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Ċeka, dan l-ammont ma ċaħħadx lil dan l-Istat Membru mill-possibbiltà li juża l-ammont imħallas bħala prefinanzjament li kien għad baqa’ u li kien disponibbli sabiex jiffinanzja l-infiq l-ieħor taħt il-FAEŻR. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 69 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka ma stabbilixxietx li kienet obbligata tuża r-riżorsi tagħha stess sabiex tikkumpensa l-korrezzjoni finanzjarja, fl-istennija tal-annullament tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, tar-rimbors tagħha. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq ma jqegħdux f’dubju l-fatt li l-prefinanzjament seta’ jintuża inizjalment sabiex jiffinanzja l-infiq tal-FAEŻR qabel ma dan sar is-suġġett tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi u minkejja l-assenza ta’ rkupru mingħand il-benefiċjarji tas-somom li kienu s-suġġett tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, ma jistax jiġi kkonstatat li l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża kienet timplika mobilizzazzjoni effettiva tar-riżorsi nazzjonali tar-Repubblika Ċeka u lanqas, a fortiori, ċaħda tat-tgawdija għal dan l-Istat Membru tas-somma li tikkorrispondi għal din il-korrezzjoni finanzjarja.

74      Konsegwentement, il-ħlas ta’ interessi ma kienx jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑509/18, EU:T:2019:876), konformement mal-obbligi tagħha taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ obbligu li jitħallsu interessi f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, billi ma żiditx l-interessi mar-rimbors tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża.

76      Għaldaqstant, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi ma hijiex issodisfatta. Konformement mal-ġurisprudenza esposta fil-punt 21 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni waħedha hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

77      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li tiġi kkundannat tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kowalik-Bańczyk

Cassagnabère

Pavelin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Lulju 2026.

Firem



*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.