SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
15 ta’ Lulju 2015 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Regoli dwar l-imputabbiltà tal-prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha — Preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti — Terminu raġonevoli”
Fil-Kawża T‑436/10,
HIT Groep BV, stabbilita f’Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn G. van der Wal, G. Oosterhuis u H. Albers, sussegwentement minn G. van der Wal u G. Oosterhuis, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel, S. Noë u V. Bottka, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,
Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
65 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2010, Hit Groep ippreżentat dan ir-rikors. |
|
66 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2010, Nedri talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, liema intervent ġiet aċċettat mill-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Frar 2011. Madankollu, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2013, Nedri informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qiegħda tirtira l-intervent tagħha. Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, Nedri tħassret mill-Kawża T-436/10 bħala intervenjenti. |
|
67 |
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2011, Hit Groep talbet awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta motiv ġdid fid-dawl ta’ elementi li allegatament ħarġu għall-ewwel darba fir-risposta. |
|
68 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda. Il-Kummissjoni onorat din it-talba fis-16 ta’ Ġunju 2011. |
|
69 |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2011, Hit Groep ikkonfermat li kienet qiegħda titlob sabiex titħalla tadatta l-motivi tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda. |
|
70 |
Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba. |
|
71 |
Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fl-20 ta’ Ottubru 2011 bil-preżentata, mill-Kummissjoni, tal-kontroreplika fil-lingwa tal-kawża. |
|
72 |
Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar it-talba għall-adattament tal-motivi mressqa mir-rikorrenti fir-replika kif ukoll dwar l-osservazzjonijiet li kienet ippreżentat fid-dawl tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda. |
|
73 |
Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża fit-3 ta’ Ottubru 2013. |
|
74 |
Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fit-8 ta’ Novembru 2013. |
|
75 |
Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet numru ta’ domandi bil-miktub lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fis-6 ta’ Frar 2014. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2014. |
|
76 |
Fl-14 ta’ Mejju 2014, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. |
|
77 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2014. |
|
78 |
Hit Groep titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
79 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
80 |
Hit Groep tippreżenta, b’mod prinċipali, tliet motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll żewġ motivi b’mod sussidjarji insostenn, din id-darba, tat-talba tagħha għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha. |
|
81 |
Hit Groep ippreżentat ukoll motiv ieħor, is-sitt motiv, b’mod komplementari matul l-iżvolġiment tal-proċedura bil-miktub. |
|
82 |
L-ewwel motiv huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Hit Groep għat-twettiq ta’ ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002. |
|
83 |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Hit Groep, li ma baqgħatx attiva ekonomikament mill-1 ta’ Novembru 2004, hija kuntrarja għall-għanijiet tal-Artikolu 101 TFUE, għall-politika Ewropea fil-qasam tal-multi u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn fil-fatt din il-multa la kienet adegwata u lanqas neċessarja. |
|
84 |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-argument li huwa żbaljat li Hit Groep tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri. |
|
85 |
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq Hit Groep huwa żbaljat sa fejn il-Kummissjoni:
|
|
86 |
Il-ħames motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni. |
|
87 |
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-ammont bażiku tal-multa ġie kkalkolat fuq perijodu ta’ attività ta’ Nedri li huwa itwal mill-perijodu li fir-rigward tiegħu Hit Groep inżammet responsabbli in solidum għas-sussidjarja tagħha. |
|
88 |
Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti qajmet motiv ieħor, is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli mill-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ewwel tliet motivi
Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata
|
89 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti kellha 100 % mill-ishma ta’ Nedri u li għaldaqstant seta’ jiġi preżunt l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, preżunzjoni li skont il-Kummissjoni r-rikorrenti ma rnexxilhiex tirribatti (premessi 804 sa 812 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
90 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li Nedri kellha tinżamm responsabbli għall-ksur mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-19 ta’ Settembru 2002 u ddikjarat lir-rikorrenti responsabbli in solidum flimkien ma’ Nedri għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002 (premessa 813 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
91 |
Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata: “L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 101 TFUE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, f’sett ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-azzar għall-prestressing fis-suq intern u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE: […] 9. Impriżi tal-grupp Nedri:
|
|
92 |
Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni timponi, minn naħa, multa ta’ EUR 5056500 fuq Nedri u Hit Groep in solidum, u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 1877500 fuq Hit Groep. |
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Hit Groep għat-twettiq ta’ ksur għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
|
93 |
Essenzjalment, Hit Groep issostni li, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kemm fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà in solidum tagħha ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni fuq il-bażi biss tal-kwalità tagħha ta’ azzjonista li kkontrollat u eżerċitat influwenza determinanti fuq Nedri. |
|
94 |
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni madankollu fl-istess ħin ikkonkludiet, mingħajr ma indikat ir-raġunijiet għal din il-konklużjoni u mingħajr ma mmotivat id-deċiżjoni tagħha dwar dan il-punt, li r-rikorrenti kienet kisret hija stess l-Artikolu 101 TFUE. |
|
95 |
Hit Groep issostni li għalkemm il-ksur jista’, jekk ikun il-każ, jiġi imputat lilha, dan ma jfissirx madankollu li dan il-ksur kien materjalment twettaq minnha. Hija tqis li fil-fatt hija la hija l-awtur u lanqas il-koawtur tal-ksur, iżda li hija tassumi biss responsabbiltà għall-aġir ta’ Nedri. |
|
96 |
Issa, skont Hit Groep, tali responsabbiltà ma għandhiex l-istess intensità bħal dik ta’ impriża li twettaq materjalment il-ksur, punt dan li għandu jkollu impatt fuq l-ammont tal-multa. |
|
97 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-impożizzjoni ta’ multa fuq Hit Groep, li ma baqgħatx attiva ekonomikament mill-1 ta’ Novembru 2004, hija kuntrarja għall-għanijiet tal-Artikolu 101 TFUE, għall-politika Ewropea fil-qasam tal-multi u għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn f’dan il-każ din il-multa la kienet adegwata u lanqas neċessarja
|
98 |
Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra, EU:C:2007:775), kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik il-kawża (EU:C:2007:404), Hit Groep issostni, essenzjalment, li, għalkemm huwa minnu li la hija stess u lanqas Nedri ma sfaw fix-xejn jew ma ġew ittrasferiti lil persuna ġuridika jew lil impriża terza, hija stess ilha mhux attiva fis-suq mill-1 ta’ Novembru 2004 (jiġifieri iktar minn ħames snin qabel ma ġiet issanzjonata mill-Kummissjoni), li hija ġiet issanzjonata biss fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Nedri, fejn din tal-aħħar hija l-unika kumpannija li wettqet il-ksur, u li, għaldaqstant, il-multa ma ser ikollha ebda effett dissważiv fir-rigward tagħha. |
|
99 |
Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, din is-sanzjoni ma hijiex konformi mal-għanijiet tal-politika tal-kompetizzjoni u ma hijiex proporzjonata peress li la hija adegwata u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
100 |
Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, f’tali ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika kien imissu wassal sabiex tiġi ssanzjonata biss il-persuna ġuridika li wettqet il-ksur, jiġifieri Nedri, peress li hija stess, li kienet biss kumpannija holding, ma kienet xejn iktar ħlief qoxra vojta. |
|
101 |
Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, jekk kumpannija holding, bħalha, tittrasferixxi sussidjarja li wettqet ksur u jekk din il-kumpannija holding sussegwentement ma tibqax ekonomikament attiva, il-kontinwità ekonomika tal-grupp preċedenti tistrieħ fuq l-entità li wettqet il-ksur u hija fuq din l-entità li għandha tiġi imposta l-multa u mhux fuq il-kumpannija holding ekonomikament inattiva. |
|
102 |
Barra minn hekk, Hit Groep issostni li l-għażla li l-Kummissjoni tista’ tagħmel li tissanzjona l-kumpannija parent jew lis-sussidjarja, skont il-ġurisprudenza, kien imissha waslitha, għal finijiet ta’ effiċjenza, sabiex tissanzjona biss lil Nedri. |
|
103 |
Hit Groep issostni wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq sussidjarja fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent tagħha jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-impriża tkun ġiet diviża, peress li d-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent ma jkunx għadu jirrifletti l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ din l-impriża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kien imissha ffissat l-ammont tal-multa billi torbotha mal-kapaċità ekonomika effettiva tagħha, li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ limitat tagħha u tal-assenza ta’ attività ekonomika tagħha, kienet (u għadha) ineżistenti. Dan għalhekk kien imissu wassal sabiex tiġi ssanzjonata biss Nedri. |
|
104 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
– Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li huwa żbaljat li Hit Groep inżammet responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri
|
105 |
Hit Groep inżammet responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri għall-perijodu tal-ksur bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002. |
|
106 |
Madankollu, Hit Groep tenfasizza li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 1987 u l-1 ta’ Mejju 1994, li matulu hija xorta waħda kellha wkoll 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha. Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997, hija kkunsidrat li ma kellhiex prova tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq Nedri. |
|
107 |
Essenzjalment, Hit Groep tqis li hija madankollu wriet, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li hija kienet ikkonfutat il-preżunzjoni li kumpannija parent li jkollha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. |
|
108 |
Hit Groep tfakkar li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, hija kienet holding finanzjarju (kumpannija holding). |
|
109 |
Ir-rikorrenti tqis li n-natura ta’ tali holding, il-mod ta’ funzjonament tiegħu u l-portata tal-holdings tagħha għandhom bħala konsegwenza li tali persuna ġuridika ma tistax titqies li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, minkejja li għandha 100 % tal-ishma tagħha, sakemm il-Kummissjoni ma tistabbilixxix prova kuntrarja. |
|
110 |
F’dan ir-rigward, Hit Groep tosserva, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq istruzzjoni (directie-instructie) mogħtija f’Mejju 1994. Issa, din l-istruzzjoni tippreċedi b’erba’ snin il-perijodu li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset li kien stabbilit l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti. Hit Groep tqis ukoll, essenzjalment, li din l-istruzzjoni la tikkonċerna l-amministrazzjoni ta’ kuljum u lanqas il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u li din l-istruzzjoni ma hija xejn iżjed mis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet li l-liġi u l-istatuti jagħtu lil kumpannija holding bħala azzjonista. Fl-aħħar nett, skont Hit Groep, kemm Nedri u kemm hija stess sostnew li l-istatus ta’ din l-istruzzjoni ma kienx ċar u Nedri, minkejja l-allegazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, ma tatx lil din l-istruzzjoni l-portata li tagħtiha l-Kummissjoni. |
|
111 |
It-tieni nett, hija tosserva li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-eżistenza tal-grupp ta’ diretturi li kien jiltaqa’ madwar ħames darbiet fis-sena. Ir-rikorrenti tikkontesta li hija kienet irrikonoxxiet li fi ħdan dan il-grupp kienu jiġu diskussi l-istat ġenerali tan-negozju kif ukoll kwistjonijiet importanti oħra. Hija ssostni li hija kellha biss żewġ impjegati, meta n-numru tal-holdings tagħha kien jammonta għal 11 fl-1994 u laħaq in-numru ta’ 26 fl-2001. Hija tqis li, f’tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tindika li hija kienet teżerċita influwenza determinanti mingħajr ma tipprovdi preċiżazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward, u dan minkejja li hija kienet fil-fatt titlob lil Nedri sabiex tinżamm informata dwar l-istat ġenerali tan-negozju u dwar suġġetti ta’ interess għaliha. Hit Groep tqis li l-Kummissjoni la tipprovdi raġuni u lanqas prova tal-portata tal-koordinazzjoni fi ħdan il-grupp ta’ diretturi. |
|
112 |
Hija tosserva, it-tielet nett, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dikjarazzjoni magħmula minn Nedri li fiha huwa allegat li, matul il-laqgħat tal-grupp ta’ diretturi, kienu diskussi l-aspetti kummerċjali kollha. Hija tqis li hija diġà spjegat ruħha f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li dawn id-dikjarazzjonijiet huma biss dikjarazzjonijiet magħmula minn parti involuta fil-ksur li ma humiex issostanzjati minn provi bil-miktub jew minn dikjarazzjonijiet ta’ terzi. |
|
113 |
Hit Groep tqis, għall-kuntrarju, li mill-mod kif imxew l-affarijiet jirriżulta li hija ma eżerċitatx influwenza fuq is-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, hija tqis essenzjalment li Nedri bdiet tipparteċipa fl-akkordju fl-1984, jiġifieri erbatax-il sena qabel ma hija tqieset li kienet teżerċita influwenza determinanti fuqha, u li Nedri kompliet tipparteċipa fil-ksur sal-ħarifa tal-2002, meta hija kienet diġà ttrasferiet din is-sussidjarja. Dan jistabbilixxi, skont Hit Groep, in-natura awtonoma tal-aġir ta’ Nedri. |
|
114 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis essenzjalment li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, fis-sens li hija kienet attiva wkoll fis-settur tal-azzar u li għalhekk l-attivitajiet kummerċjali ta’ Nedri kienu marbuta mal-qasam tal-attività tagħha stess, huma infondati. Hija ssostni li l-Kummissjoni qatt ma sostniet li hija kienet taf bil-ksur imwettaq minn Nedri u li min-naħa tagħha hija kienet dejjem innegat li kienet taf b’dan il-ksur, u dan jagħmel irrilevanti l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li hija kellha attivitajiet fis-settur tal-azzar, li b’ebda mod ma kienu jikkonċernaw is-settur tal-APS. |
|
115 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
|
116 |
Għandhom jiġu eżaminati, suċċessivament, it-tielet motiv u mbagħad l-ewwel u t-tieni motivi. |
– Tfakkir tal-prinċipji
|
117 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, ikkunsidrat f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal tali ksur (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
118 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
119 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, ma hijiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, iżda huwa l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’ il fuq, EU:C:2011:620, punt 88). |
|
120 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, fil-każ partikolari ta’ kumpannija parent li jkollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli fis-sens li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti” (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
121 |
Il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija intiża b’mod partikolari sabiex tilħaq bilanċ bejn l-importanza, minn naħa, tal-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-Artikolu 101 TFUE, u li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ tali aġir u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ personalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li din il-preżunzjoni hija konfutabbli (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 59). Minn dan isegwi li tali preżunzjoni hija proporzjonata għall-għan leġittimu segwit (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522, punt 108). |
|
122 |
Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja jkun miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tapplika l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija parent hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li fuqha jaqa’ l-kompitu li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
123 |
Għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħalma huma l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentanza komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta waħda jibqa’ il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx tali ċirkustanzi bil-għan li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza mill-kumpannija parent. Fi kliem ieħor, sabiex tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipproduċi indizji supplimentari għal dawk li juru l-applikabbiltà u n-natura effettiva ta’ din il-preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
124 |
Barra minn hekk, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, kumpannija li jkollha l-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl biss ta’ dan il-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment tiġi mistħarrġa, bl-iktar mod effettiv, fil-kuntest tal-entitajiet li kontrihom topera l-preżunzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku jkun biżżejjed għal parti kkonċernata li tressaq sempliċi dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati sabiex tegħleb din il-preżunzjoni, din tal-aħħar tkun estensivament imċaħħda mill-effettività tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punti 60 u 61). |
|
125 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sempliċi fatt li l-kumpannija parent tkun kumpannija holding ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi eskluż li kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding, li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp, hija kumpannija maħsuba sabiex tiġbor fi ħdanha l-holdings f’diversi kumpannija u għandha l-funzjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll baġitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T-69/04, Ġabra, EU:T:2008:415, punt 63; tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T-38/07, Ġabra, EU:T:2011:355, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T-360/09, Ġabra, EU:T:2012:332, punt 283). |
|
126 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn din is-sussidjarja u l-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor u li għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ lista eżawrjenti (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra, EU:C:2009:536 punt 74). |
|
127 |
Din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiġi limitata biss għall-elementi li jirrigwardaw il-politika kummerċjali, fis-sens strett tal-kelma, tas-sussidjarja, bħalma hija l-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tiġi kkonfutata sempliċement billi jintwera li hija s-sussidjarja li tiġġestixxi dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi direttivi f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, FMC vs Il-Kummissjoni, T-197/06, Ġabra, EU:T:2011:282, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
128 |
Bl-istess mod, peress li l-awtonomija tas-sussidjarja ma tiġix evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma tkun implementat, favur il-kumpannija parent, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha (sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 145). |
|
129 |
Barra minn hekk, il-fatt li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-kumpannija parent tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha ma jistax jipprova li tali istruzzjonijiet ma eżistewx (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il-Kummissjoni, T‑217/06, Ġabra, EU:T:2011:251, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
130 |
Barra minn hekk, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (sentenzi Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Eni vs Il-Kummissjoni, T‑39/07, Ġabra, EU:T:2011:356, punt 97). |
|
131 |
Barra minn hekk, kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja, anki meta jkun hemm numru kbir ta’ kumpanniji operazzjonali fi grupp (sentenzi tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punt 989, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 52). |
|
132 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra, EU:C:2003:509, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66). |
|
133 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li jkun adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet legali segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel dik li tkun l-inqas oneruża u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, Ġabra, EU:C:2013:661, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
– Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv
|
134 |
Hit Groep, li ma hijiex qiegħda tikkontesta li kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha Nedri, essenzjalment issostni li, peress li hija stess hija kumpannija holding, il-fatt li kellha 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja ma kienx jippermetti lill-Kummissjoni tqis li Hit Groep kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Nedri. |
|
135 |
Fil-fatt, skont Hit Groep, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-prova ta’ tali influwenza, ħaġa din li l-Kummissjoni baqgħet ma għamlitx peress li l-provi komplementari li fuqhom ibbażat ruħha ma jippermettux li tintlaħaq tali konklużjoni. |
|
136 |
Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni li min-naħa tagħha hija kienet għelbet il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. |
|
137 |
Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. |
|
138 |
Peress li Hit Groep kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha matul il-perijodu tal-ksur li għalih inżammet responsabbli, il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u ma kienx meħtieġ li tipproduċi provi oħra f’dan ir-rigward (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
139 |
Minn dan isegwi li l-assenza ta’ rilevanza tal-provi supplimentari mressqa mill-Kummissjoni (jiġifieri l-istruzzjoni ta’ Mejju 1994, l-eżistenza u l-impatt tal-grupp ta’ diretturi u d-dikjarazzjonijiet ta’ Nedri), anki jekk jitqies li ġiet stabbilita, fi kwalunkwe każ ma għandha ebda impatt fuq ir-responsabbiltà tar-rikorrenti peress li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija biżżejjed sabiex twassal għar-responsabbiltà ta’ Hit Groep, sakemm din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tegħleb l-imsemmija preżunzjoni, ħaġa din li madankollu baqgħet ma għamlitx. |
|
140 |
Fil-fatt, il-fatt li Hit Groep hija kumpannija holding, minkejja li ma hijiex kumpannija operazzjonali, ma huwiex biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2008:415, punt 63; Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 283) u ma jimplika ebda trasferiment tal-oneru tal-prova, kif issostni b’mod żbaljat Hit Groep. |
|
141 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpannija parent kienet biss tiġġestixxi l-holdings tagħha, fid-dawl tan-natura tal-kumpannija u tal-għan tagħha skont l-istatut tagħha, ma jagħmel ebda differenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2008:415, punt 70, u FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 130). Barra minn hekk, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Nedri lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li Hit Groep kienet influwenzat il-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70, u Eni vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, EU:T:2011:356, punt 97). |
|
142 |
Minn dan isegwi li l-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx hija stess attiva fis-settur tal-APS lanqas ma huwa biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, u dan iwassal sabiex jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hit Groep dwar dan il-punt. |
|
143 |
Barra minn hekk, l-argumenti ta’ Hit Groep fis-sens li mill-mod kif imxew l-affarijiet jirriżulta li hija ma kellhiex influwenza fuq is-sussidjarja tagħha għandhom jiġu miċħuda wkoll. |
|
144 |
Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tingħeleb sempliċement billi jintwera li Nedri mexxiet il-politika kummerċjali tagħha fis-sens strett tal-kelma, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet, mingħajr ma rċeviet direttivi mingħand Hit Groep f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-awtonomija tas-sussidjarja lanqas ma tista’ tiġi stabbilita sempliċement billi jintwera li din mexxiet b’mod awtonomu aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. |
|
145 |
Bl-istess mod, peress li l-awtonomija ta’ Nedri ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma kienet implementat, favur il-kumpannija parent tagħha, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punti 105 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
146 |
Għaldaqstant, ebda wieħed mill-elementi invokati minn Hit Groep ma huwa ta’ natura li jegħleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti u t-tielet motiv għandu jiġi miċħud. |
– Fuq il-fondatezza tal-ewwel u tat-tieni motivi
|
147 |
Peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 119 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali tal-kumpannija parent fil-ksur sabiex din tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li timponilha multa minħabba t-twettiq tal-imsemmi ksur, l-argument ta’ Hit Groep fis-sens li l-ksur ma jistax jiġi imputat lilha minħabba li hija la kienet l-awtur u lanqas il-koawtur tiegħu ma jistax jintlaqa’. |
|
148 |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timmotiva b’mod speċifiku d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lil Hit Groep fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ Nedri. |
|
149 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
|
150 |
Fir-rigward tat-tieni motiv, għandu jitfakkar li jista’ jirriżulta neċessarju, għall-finijiet ta’ implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, li b’mod eċċezzjonali akkordju ma jiġix imputat lill-operatur inizjali iżda lill-operatur il-ġdid tal-impriża involuta, fil-każ li dan tal-aħħar ikun jista’ effettivament jitqies li huwa s-suċċessur tal-operatur inizjali, jiġifieri jekk ikompli jopera l-impriża involuta fil-ksur (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ETI et, iċċitati fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2007:404, punti 75 u 76). Fil-fatt, li kieku ma kienet prevista ebda possibbiltà li l-multa tiġi imposta fuq entità differenti minn dik li kienet wettqet il-ksur, l-impriżi kienu jkunu jistgħu jaħarbu mis-sanzjonijiet sempliċement għaliex l-identità tagħhom tkun inbidlet bħala konsegwenza ta’ ristrutturazzjonijiet, trasferimenti jew bidliet ġuridiċi jew organizzattivi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ETI et, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2007:775, punt 41). |
|
151 |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kriterju msejjaħ “tal-kontinwità ekonomika” japplika biss fil-każ li l-persuna ġuridika responsabbli għall-operat tal-impriża ma tkunx għadha teżisti ġuridikament wara t-twettiq tal-ksur (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 145, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra, EU:T:2002:70, punt 104) jew fil-każ ta’ ristrutturazzjonijiet interni ta’ impriża meta l-operatur inizjali ma jkunx neċessarjament temm l-eżistenza ġuridika tiegħu iżda ma jkunx għadu jeżerċita attività ekonomika fis-suq ikkonċernat u fid-dawl tar-rabtiet strutturali bejn l-operatur inizjali u l-operatur il-ġdid tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 359, u ETI et, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2007:775, punt 41). |
|
152 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Kummissjoni, li Hit Groep ma tinsab f’ebda wieħed miż-żewġ każijiet previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
153 |
La Nedri u lanqas Hit Groep ma temmew effettivament l-eżistenza tagħhom – għalkemm ma għadhomx jagħmlu parti mill-istess grupp – u ma kienx hemm ristrutturazzjoni interna li fil-kuntest tagħha Hit Groep għandha rabtiet strutturali mal-entità li lilha sar it-trasferiment. |
|
154 |
Minn dan isegwi li l-kriterju tal-kontinwità ekonomika li jiġġustifika li l-ksur jiġi imputat lis-sussidjarja biss ma japplikax għall-kawża ineżami u li Hit Groep ma tistax tinvoka din il-ġurisprudenza sabiex toġġezzjona għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri meta hija kienet tikkontrolla 100 % lil din tal-aħħar. |
|
155 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament tfakkar li s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-multa marbuta ma’ din is-sanzjoni għandhom effett kemm dissważiv u kemm ripressiv u li s-sanzjoni għandha tibqa’ imposta fuq il-kumpannija parent anki jekk din tkun verament illimitat l-attività ekonomika tagħha bħal fil-każ ineżami iżda tkun żammet eżistenza ġuridika li tibqa’ tippermetti li tiġi ssanzjonata. |
|
156 |
Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Hit Groep dwar l-assenza ta’ effiċjenza tas-sanzjoni mogħtija fir-rigward tagħha ma jistgħux jintlaqgħu. Il-fatt li Hit Groep tiġi ssanzjonata b’ebda mod ma huwa sproporzjonat fih innifsu u lanqas ma huwa kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE. |
|
157 |
Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, mis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Pegler vs Il-Kummissjoni (T‑386/06, Ġabra, EU:T:2011:115), jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq sussidjarja fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent tagħha jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-impriża tkun ġiet maqsuma, peress li d-dħul mill-bejgħ ta’ dik li kienet il-kumpannija parent ma jkunx għadu jirrifletti l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ din l-impriża. |
|
158 |
Minn dan isegwi, skont Hit Groep, li l-Kummissjoni kien imissha ffissat l-ammont tal-multa billi tirrelattivizzah mal-kapaċità ekonomika effettiva tar-rikorrenti li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ limitat tagħha u tal-assenza ta’ attività ekonomika tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet ineżistenti, punt dan li għalhekk kien imissu wassal lill-Kummissjoni sabiex tissanzjona biss lil Nedri. |
|
159 |
Dawn l-argumenti – li fir-rigward tagħhom għandu jingħad li ġew żviluppati għall-ewwel darba bħala tali fl-istadju tar-replika (punt 2.14) – ma jistgħux madankollu jintlaqgħu. |
|
160 |
Minn naħa, il-punt 133 tas-sentenza Pegler vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 157 iktar ’il fuq (EU:T:2011:115), li għalih tirreferi r-rikorrenti, jikkonċerna sitwazzjoni fattwali u legali differenti minn dik ta’ Nedri u ta’ Hit Groep. Fil-fatt, dak il-punt jirrigwarda l-applikazzjoni tar-raba’ u tal-ħames paragrafi tal-punt 1.A tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), li jirrigwardaw iż-żieda tal-multa għal finijiet dissważivi. |
|
161 |
Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss jekk jirriżulta li diversi destinatarji tad-deċiżjoni li timponi l-multa jikkostitwixxu l-impriża, fis-sens tal-entità ekonomika responsabbli għall-ksur issanzjonat, u dan ikun għadu l-każ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li l-limitu massimu jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri tal-elementi kostitwenti tagħha kollha kkunsidrati flimkien. Għall-kuntrarju, jekk fil-frattemp din l-unità ekonomika ma tkunx għadha teżisti, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li fir-rigward tiegħu jiġi applikat, b’mod individwali, il-limitu massimu inkwistjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punt 390). |
|
162 |
Madankollu, il-Kummissjoni kkalkolat il-limitu massimu ta’ 10 % fuq il-bażi biss tad-dħul mill-bejgħ ta’ Hit Groep, peress li din tal-aħħar ma kinitx għadha tikkostitwixxi impriża flimkien ma’ Nedri fil-mument li kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. |
|
163 |
Sa fejn ir-rikorrenti, permezz tal-argumenti tagħha, għandha l-intenzjoni tikkontesta s-sena ta’ referenza meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jaqgħu taħt l-ewwel parti tar-raba’ motiv, li tikkonċerna preċiżament din il-kwistjoni u li għaliha għandu jsir riferiment. |
|
164 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mingħajr bażi, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu. |
|
165 |
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq diversi żbalji fl-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Hit Groep
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003 ta’ Hit Groep
– L-argumenti tal-partijiet
|
166 |
Hit Groep issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326), li tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn l-impriża ma tkun eżerċitat ebda attività u ma tkun iġġenerat ebda dħul mill-bejgħ matul is-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tapplika, fil-każ tagħha, id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003, li kien, f’dik is-sena, ta’ EUR 69345000, u mhux id-dħul mill-bejgħ li hija ġġenerat fl-2009, li kien ta’ EUR 152257. |
|
167 |
Hit Groep tqis li f’dan ir-rigward għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tagħha ta’ kumpannija holding, li l-attività normali tagħha tikkonsisti fl-akkwist ta’ holdings, fiż-żamma tagħhom, fil-ġbir tal-interessi u fil-bejgħ ta’ dawn il-holdings. Minn dan l-aspett is-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326), fejn l-impriża ma kinitx kumpannija holding iżda impriża operazzjonali. |
|
168 |
Skont ir-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ ta’ kumpannija holding ivarja fil-fatt b’mod parallel għall-attività finanzjarja tagħha u ż-żamma ta’ riżerva finanzjarja relattivament limitata u dħul mill-bejgħ minimu matul numru ta’ snin għandhom jitqiesu li huma l-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ kumpannija holding. |
|
169 |
Hit Groep tispeċifika li s-sitwazzjoni tagħha hija differenti wkoll minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326) sa fejn, b’differenza minn dik il-kawża tal-aħħar, fil-każ tagħha kien hemm perijodu ta’ kważi seba’ snin li matulhom l-attività tagħha kienet verament limitata iżda li madankollu għandha titqies li hija l-attività normali tagħha. |
|
170 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta ma mxietx mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
171 |
Barra minn hekk, skontha, mis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326), jirriżulta li l-għan tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jiġi evitat li l-multa tkun sproporzjonata fid-dawl tad-daqs tal-impriża u li dan il-limitu huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-impriża kkonċernata tkun involuta f’attività kummerċjali fid-data meta tiġi imposta l-multa. |
|
172 |
Minn dan isegwi, skont Hit Groep, li l-Kummissjoni kien imissha vverifikat in-natura proporzjonali tal-multa, verifika din li l-Kummissjoni ma wettqitx minkejja l-fatt li kellha l-provi neċessarji kollha għal dan il-għan, bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
173 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
|
174 |
Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE. Għal kull impriża u għal kull assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur, il-multa ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha ġġenerat matul is-sena kummerċjali preċedenti. |
|
175 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-limitu massimu dwar id-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li jiġi evitat li l-multi imposti mill-Kummissjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriża kkonċernata (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq, EU:C:2007:326, punt 24). |
|
176 |
Għaldaqstant, dan huwa limitu superjuri, applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u applikat skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li l-għan tiegħu huwa distint u awtonomu minn dak tal-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur. L-unika konsegwenza possibbli ta’ dan il-limitu huwa li l-ammont tal-multa kkalkolat fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji jitnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, bħala prinċipju, tkun dovuta skont evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 281 sa 283). |
|
177 |
Fi kliem ieħor, il-fatt li fl-Artikolu 23(2) huwa previst limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur għandu b’mod partikolari l-għan li jiġi evitat li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont ikbar minn dan il-limitu massimu tmur lil hinn mill-kapaċità tal-impriża li tħallasha fid-data li fiha din l-impriża titqies li hija responsabbli għall-ksur jew fid-data li fiha l-Kummissjoni timponilha sanzjoni pekunjarja (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2153, punt 63). |
|
178 |
Fir-rigward tas-“sena kummerċjali preċedenti” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, din tirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena sħiħa ta’ attività tal-impriża kkonċernata fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra, EU:T:2010:168, punt 80; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq, EU:C:2007:326, punt 32). |
|
179 |
Kemm mill-għanijiet tas-sistema li jagħmel parti minnha t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u kemm mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 166 jirriżulta li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % teħtieġ għalhekk, minn naħa, li l-Kummissjoni jkollha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar (sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑33/02, Ġabra, EU:T:2005:428, punt 38, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2010:168, punt 95). |
|
180 |
Għalkemm mis-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 166 iktar ’il fuq (EU:C:2007:326, punt 32), jirriżulta li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta, madankollu, li, meta d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkunx jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar u, għalhekk, ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell adegwat tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa. F’dan il-każ tal-aħħar, li jirriżulta biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, T‑392/09, EU:T:2012:674, punt 86, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, C‑90/13 P, EU:C:2014:326). |
|
181 |
Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li, f’Settembru 2009, Hit Groep indikat lill-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha, li hija kienet ittrasferixxiet lil Nedri fis-17 ta’ Jannar 2002 u l-holdings l-oħra kollha tagħha fl-1 ta’ Novembru 2004 u li b’hekk hija kienet waqqfet l-attivitajiet operazzjonali tagħha kollha b’effett minn din id-data tal-aħħar (Anness A 13 tar-rikors, p. 223 u 224). Barra minn hekk, Hit Groep ikkomunikatilha d-dħul mill-bejgħ tagħha għas-snin 2003 u 2004. |
|
182 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 179 u 168 iktar ’il fuq, għandu għaldaqstant jitqies li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li, peress li d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali 2009 ma kienx jagħti indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata, kien hemm lok, sabiex jiġi kkalkolat il-limitu massimu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tirreferi għad-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003, li matulha kien hemm l-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali tal-impriża matul perijodu ta’ tnax-il xahar. |
|
183 |
Mill-bqija, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-istatus ta’ holding tagħha u dwar il-fatt li ż-żamma ta’ riżerva finanzjarja relattivament limitata u ta’ dħul mill-bejgħ minimu matul diversi snin (mill-2005 sal-2009) seta’ jitqies bħala l-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ holding, li għalhekk kien jiġġustifika li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha fis-sena 2009. |
|
184 |
Fil-fatt, dawn l-allegazzjonijiet huma kuntrarji għad-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti stess fir-rigward tal-waqfien tal-attivitajiet operazzjonali tagħha fl-2004, li jikkonfermaw fil-verità li l-“aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali” tal-impriża matul perijodu ta’ tnax-il xahar kienet fil-fatt seħħet fl-2003 u mhux fl-2009. |
|
185 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li l-attività normali ta’ holding tikkonsisti fl-akkwist ta’ holdings, fiż-żamma tagħhom, fil-ġbir tal-interessi u fil-bejgħ ta’ dawn il-holdings. Issa, għandu jiġi kkonstatat li hija kienet biegħet il-holdings kollha tagħha fl-2004 u li, wara din id-data, hija kienet sempliċement, skont il-kliem użat minnha stess, żammet riżerva finanzjarja limitata u dħul mill-bejgħ minimu, sitwazzjoni din li ma tistax tkun biżżejjed sabiex tikkostitwixxi prova determinanti tal-eżistenza ta’ attività ekonomika normali tal-imsemmija kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq, EU:T:2005:428, punti 48 et seq., kif ukoll Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2010:168, punt 102). |
|
186 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
187 |
Minn dan isegwi li, meta ħadet inkunsiderazzjoni s-sena kummerċjali 2003 għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % ffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni la kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas dak ta’ amministrazzjoni tajba, peress li hija ħadet inkunsiderazzjoni, kif kienet meħtieġa tagħmel, l-aħħar sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali tar-rikorrenti matul perijodu ta’ tnax-il xahar. |
|
188 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-argument li Hit Groep kien imissha bbenefikat mit-tnaqqis mogħti lil Nedri skont l-Avviż dwar il-klemenza
– L-argumenti tal-partijiet
|
189 |
Hit Groep tqis essenzjalment li, peress li hija responsabbli biss in solidum għall-multa imposta fuq dik li kienet is-sussidjarja tagħha minħabba l-parteċipazzjoni ta’ din is-sussidjarja fil-ksur, hija kellha tibbenefika awtomatikament mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Nedri fil-kuntest tal-klemenza, liema tnaqqis il-Kummissjoni, b’mod allegatament żbaljat, kienet irrifjutat lil tagħti lil Hit Groep. Il-fatt li fil-frattemp Nedri kienet inbiegħet ma jistax ikollu impatt f’dan ir-rigward, bħalma lanqas ma kellu impatt fuq ir-responsabbiltà in solidum tagħha. |
|
190 |
Hija ssostni li, jekk l-istabbiliment tar-responsabbiltà għal ksur huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ impriża u jekk hija responsabbli in solidum minħabba li kienet iżżomm 100 % mill-kapital ta’ Nedri, l-implikazzjonijiet li għandhom jinstiltu mill-konsegwenzi ta’ din ir-responsabbiltà fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għandhom jiġu stabbiliti bl-istess mod. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li tali approċċ ikun inkompatibbli mal-loġika tal-Avviż dwar il-klemenza u ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, hija ma hijiex “impriża differenti” fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa. |
|
191 |
Barra minn hekk, hija tqis li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑161/05, Ġabra, EU:T:2009:366), li ma tikkonċernax każ komparabbli għal dak tagħha. |
|
192 |
Fil-fatt, fil-każ ineżami, il-ksur ma twettaqx suċċessivament minnha u minn Nedri, iżda esklużivament minn Nedri għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002. |
|
193 |
Barra minn hekk, Hit Groep tqis li hija ma tistax tiġi kkritikata minħabba li ma ressqitx talba għal klemenza, peress li hija ma kienet taf b’xejn u għalhekk ma kellha ebda informazzjoni rilevanti. |
|
194 |
Il-fatt li hija setgħet kienet taf bil-proċedura inkwistjoni fl-2003 u fl-2004, wara t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward peress li hija kienet biegħet lil Nedri fl-2002 u peress li wara dan il-bejgħ hija ma kien għad kellha ebda aċċess għal informazzjoni. |
|
195 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
|
196 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija biss impriża li tkun ikkooperat mal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-klemenza li tista’ tingħata, skont dan l-avviż, tnaqqis tal-ammont tal-multa li, fl-assenza ta’ din il-kooperazzjoni, kienet tiġi imposta. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mit-tul tal-ksur inkwistjoni, kienet tagħmel parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tagħmel parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar tkun ikkooperat mal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan segwit mill-Avviż dwar il-klemenza, li huwa li jiġi promoss is-sejbien ta’ aġir li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, ma hemm xejn li jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis ta’ multi mogħti lil impriża minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li fil-passat kienet ikkontrollat is-settur ta’ attività implikat fil-ksur inkwistjoni, ma kinitx ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien ta’ dan il-ksur (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni, C‑238/12 P, Ġabra, EU:C:2014:284, punti 83 u 85, kif ukoll Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 191 iktar ’il fuq, EU:T:2009:366, punt 76). |
|
197 |
F’dan il-każ, Hit Groep ma kinitx għadha tikkontrolla lil Nedri fil-mument meta din tal-aħħar talbet il-benefiċċju tal-Avviż dwar il-klemenza u ma kkontribwixxietx għas-sejbien tal-ksur. Fil-fatt, ir-rikorrenti stess tispeċifika li hija ma kienet taf b’xejn u għaldaqstant ma kellha ebda informazzjoni rilevanti li setgħet tiżvela lill-Kummissjoni. |
|
198 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Nedri. |
|
199 |
Mill-bqija, għandu jitfakkar li Hit Groep kienet ġustament (ara l-punti 119 u 147 iktar ’il fuq) miżmuma responsabbli għat-twettiq tal-ksur bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, minħabba l-influwenza determinanti li kienet teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha, kif jirriżulta mill-punt 9(b) tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ kumpanniji, li jikkostitwixxu l-istess impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienu sussegwentement miżmuma responsabbli in solidum għal parti mill-multa li kienet imposta fuqhom. |
|
200 |
Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Hit Groep fis-sens li kienet biss Nedri li wettqet il-ksur u li hija kienet biss responsabbli in solidum huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
201 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata, minn naħa, fuq l-argument li, minħabba li kienet responsabbli in solidum għall-multa imposta fuq Nedri, Hit Groep kien imissha nżammet responsabbli biss, prorata temporis, għall-ħlas ta’ frazzjoni mill-multa li għaliha kienet ġiet ikkundannata u, min-naħa l-oħra, fuq l-argument li l-Kummissjoni mxiet b’mod żbaljat meta wettqet kalkolu distint tal-ammont tal-multa imposta fuq Hit Groep, u fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament
– L-argumenti tal-partijiet
|
202 |
Hit Groep issostni, essenzjalment, li hija nżammet responsabbli biss sa fejn kienet il-kumpannija parent ta’ Nedri u mhux fuq il-bażi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE mwettaq minnha stess. Hija tqis li mid-deċiżjoni kkontestata fil-fatt jirriżulta li l-Kummissjoni kienet sempliċement żammitha responsabbli għall-ħlas tal-multa imposta fuq Nedri fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002. |
|
203 |
Hit Groep tqis li jinsab f’kontradizzjoni ma’ din l-evalwazzjoni l-fatt li fuqha kienet imposta multa ogħla minn dik imposta fuq Nedri, u dan sa fejn, inkonformità mas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni (T‑382/06, Ġabra, EU:T:2011:112), ir-responsabbiltà tagħha fil-fatt ma tistax tkun ikbar minn dik ta’ din tal-aħħar. |
|
204 |
Skont ir-rikorrenti, hija fil-fatt kien imissha ġiet ikkundannata in solidum għal 48 parti minn mitejn u erbgħa u għoxrin tal-multa imposta fuq Nedri, prorata temporis. Fil-fatt, tali kalkolu proporzjonali huwa konformi mal-ġurisprudenza (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536). Għaldaqstant, il-multa imposta fuqha hija sproporzjonata. |
|
205 |
Ir-rikorrenti tispeċifika li, filwaqt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali sabiex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra, EU:C:2000:630; Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra, EU:C:2000:626; tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra, EU:T:1991:74, u HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 151 iktar ’il fuq, EU:T:2002:70), din il-ġurisprudenza hija, fil-fehma tar-rikorrenti, irrilevanti, peress li, f’dawk il-kawżi, il-kumpannija parent kienet koawtur tal-ksur, b’differenza mis-sitwazzjoni speċifika tagħha. |
|
206 |
Barra minn hekk, Hit Groep issostni essenzjalment li l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ma hijiex biżżejjed sabiex, fil-każ tagħha, l-ammont tal-multa jkun proporzjonat u li t-tul tar-responsabbiltà personali tagħha kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni wara l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, Ġabra, EU:T:2011:70), tikkonferma li l-kalkolu tal-ammont tal-multa ma jintemmx bl-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % u li l-Kummissjoni, f’dan l-istadju, ikun għad għandha l-obbligu li tevalwa l-ammont finali tal-multi imposti fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
207 |
Hit Groep issostni li l-multa li kienet imposta fuqha u li tikkonċerna ksur li dam erba’ snin hija fil-fatt 27 % ogħla minn dik li kienet imposta fuq Nedri, li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat perijodu ta’ ksur ta’ 18-il sena u 8 xhur. |
|
208 |
Issa, skont Hit Groep, waħedha, l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % ma hijiex biżżejjed sabiex tirrimedja jew telimina d-diskriminazzjoni magħmula bejnha u Nedri. |
|
209 |
Din il-korrezzjoni setgħet tiġi applikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kapaċità li tħallas ta’ Hit Groep, iżda, anki f’kuntest differenti minn din il-possibbiltà, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tirrimedja l-problema billi tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
210 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
|
211 |
L-ewwel nett, Hit Groep inżammet ġustament responsabbli għat-twettiq tal-ksur bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u s-17 ta’ Jannar 2002, minħabba l-influwenza determinanti li kienet teżerċita fuq is-sussidjarja tagħha, kif jirriżulta mill-punt 9(b) tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ kumpanniji, li jikkostitwixxu l-istess impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienu sussegwentement miżmuma responsabbli in solidum għal multa ta’ EUR 5056500, filwaqt li min-naħa tagħha Hit Groep kienet ikkundannata wkoll għal multa ta’ EUR 1877500. |
|
212 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punti 146 u 187 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hit Groep fis-sens li Nedri biss kienet wettqet il-ksur u li hija kienet inżammet responsabbli biss in solidum, peress li dawn l-argumenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
213 |
It-tieni nett, huwa minnu li ġie deċiż li, meta l-kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat materjalment fl-akkordju u meta r-responsabbiltà tagħha tkun ibbażata biss fuq il-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fl-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent tkun responsabbiltà purament idderivata, anċillari u dipendenti fir-rigward ta’ dik tas-sussidjarja tagħha u, għalhekk, ma tistax tkun ikbar mir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar (sentenza Tomkins vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 203 iktar ’il fuq, EU:T:2011:112, punt 38, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, Ġabra, EU:C:2013:29, punt 39). |
|
214 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza hija bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, fil-każ ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħalma huma kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, li ma jkunux għadhom jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa, ta’ elementi li jkunu speċifiċi għal kull waħda minnhom. |
|
215 |
B’hekk, fil-każ li żewġ persuni ġuridiċi distinti, bħalma huma kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, ma jkunux għadhom jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponilhom multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kull waħda minnhom għandha d-dritt li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ jiġi applikat individwalment fil-konfront tagħha (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, Ġabra, EU:C:2013:771, punt 57). |
|
216 |
Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-eventwali benefiċċju tal-klemenza, li ma jistax jintalab minn kumpannija li, matul parti mit-tul tal-ksur inkwistjoni, kienet tagħmel parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża iżda li ma tkunx għadha tagħmel parti minnha fil-mument li din tal-aħħar tkun ikkooperat mal-Kummissjoni (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 196 iktar ’il fuq). |
|
217 |
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet inizjalment iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa (Taqsima 19.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, hija qieset li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ ksur differenti fir-rigward ta’ Nedri (18-il sena u 8 xhur) u fir-rigward ta’ Hit Groep (4 snin) (premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
218 |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Nedri kien ta’ EUR 113000000 u li dak tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Hit Groep kien ta’ EUR 29000000 (premessa 963 tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ emenda). |
|
219 |
Fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, hija mbagħad qieset li l-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti kellu jibqa’ ta’ EUR 113000000 fir-rigward ta’ Nedri u ta’ EUR 29000000 fir-rigward ta’ Hit Groep (premessa 1057 tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ emenda). |
|
220 |
Il-Kummissjoni mbagħad applikat b’mod korrett il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ impriżi (premessa 1060 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 215 iktar ’il fuq). |
|
221 |
B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Nedri kien ta’ EUR 6742000 (jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Nedri fl-2009) u dak tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Hit Groep kien ta’ EUR 6934000, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Hit Groep fis-sena 2003 (premessa 1071 tad-deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-ewwel deċiżjoni ta’ emenda). |
|
222 |
Il-Kummissjoni mbagħad naqqset b’mod korrett l-ammont tal-multa ta’ Nedri b’25 % minħabba l-kooperazzjoni tagħha, tnaqqis li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minnu (premessa 1087 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 196 iktar ’il fuq). |
|
223 |
Fuq din il-bażi, hija qieset li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Nedri kien ta’ EUR 5056000 u li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Hit Groep kien ta’ EUR 6934000 (premessa 1057 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li Hit Groep u Nedri nżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-ewwel multa, fl-ammont ta’ EUR 5056000 (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
224 |
Hit Groep tqis, essenzjalment, li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, li huwa ikbar mill-ammont li għalih kienet ikkundannata Nedri, ma jirriflettix b’mod korrett it-tul tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ kull waħda minnhom, jiġifieri 18-il sena u 8 xhur għal Nedri u 4 snin biss għal Hit Groep. |
|
225 |
Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont finali tal-multi imposti fuq dawn iż-żewġ kumpanniji jirriżulta, minn naħa, mit-tnaqqis tal-ammont li kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom (sentenza Kendrion vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:C:2013:771, punti 57 u 58) u, min-naħa l-oħra, mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Nedri minħabba l-klemenza. |
|
226 |
Fil-fatt, qabel ma jiġi applikat dan il-limitu massimu, il-multa li tkun ser tiġi imposta fuq kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji tkun tieħu debitament inkunsiderazzjoni t-tul rispettiv tar-responsabbiltà tagħhom u, ġustament, ta’ snin ta’ referenza differenti fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %. |
|
227 |
Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ġie osservat mill-Kummissjoni, peress li d-differenzi li hemm bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi taż-żewġ kumpanniji ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 176 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 321 sa 323). |
|
228 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitqies li, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul rispettiv tal-perijodu tal-ksur ta’ kull waħda mill-kumpanniji b’mod li tiżgura n-natura proporzjonata tas-sanzjoni li hija kienet qiegħda timponi fuqhom, dan il-ksur ma jistax jirriżulta mis-sempliċi allegazzjoni ta’ differenza fl-ammont finali tal-multi imposti fuq iż-żewġ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra, EU:T:2006:184, punti 85 u 86). |
|
229 |
Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-tielet u r-raba’ partijiet tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, dan il-motiv fl-intier tiegħu. |
Fuq il-ħames motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur ta ’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
|
230 |
Hit Groep issostni li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fil-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt. |
|
231 |
Hija żżid li l-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali u li, jekk l-annullament ikun eskluż, l-ammont tal-multa jista’ jitnaqqas fuq il-bażi tal-ekwità jew sabiex jinstab kumpens ekwu. |
|
232 |
Hit Groep tfakkar li n-natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każijiet, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest, tal-aġir tal-partijiet matul il-proċedura, tal-kumplessità tal-każ u tal-interess tal-każ għall-partijiet ikkonċernati. Hija tfakkar ukoll li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu huwa d-data tal-ewwel miżura ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha impatt sinjifikattiv fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll it-terminu medju f’każijiet simili. |
|
233 |
Issa, fil-każ ineżami, għaddew 94 xahar bejn l-ispezzjonijiet, f’Settembru 2002, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, f’Ġunju 2010. Hit Groep tqis li dan it-terminu huwa iktar u iktar irraġonevoli meta wieħed iqis li l-każ huwa bbażat fuq talbiet għal klemenza li ppermettew lill-Kummissjoni tipprova l-ksur. Barra minn hekk, l-attitudni meħuda minn Hit Groep f’ebda każ ma setgħet ikkawżat dewmien fil-proċedura. Issa, il-Kummissjoni ma tat ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba li kien inqabeż terminu raġonevoli. Hit Groep għalhekk titlob lill-Qorti Ġenerali tagħtiha tali tnaqqis sa fejn din tqis li huwa adegwat. |
|
234 |
Fl-aħħar nett, Hit Groep tqis li ma hijiex meħtieġa turi li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha peress li dan ir-rekwiżit jikkonċerna biss l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata; issa, hija qiegħda titlob biss it-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba li ma kienx osservat terminu raġonevoli. |
|
235 |
Bl-istess mod, hija tqis li ma hijiex meħtieġa tinvoka ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-ammont tal-multa – eventwalment għal xejn – sa fejn il-fatt li nqabeż terminu raġonevoli jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan ma huwiex tnaqqis supplimentari fil-konfront ta’ dak li kien jingħata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha turi li kien hemm ċirkustanzi partikolari ta’ natura li jiġġustifikaw, f’dan il-każ, il-fatt li nqabeż terminu raġonevoli. |
|
236 |
Fl-aħħar nett, Hit Groep tosserva li tul komparabbli tal-proċedura amministrattiva f’kawżi preċedenti kien ta lok, min-naħa tal-Kummissjoni, għal tnaqqis tal-ammont tal-multa fuq inizjattiva tagħha stess. |
|
237 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Tfakkir tal-prinċipji
|
238 |
L-ewwel nett, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C‑452/11 P, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
239 |
Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, Ġabra, EU:T:2012:275, punt 284). |
|
240 |
It-tieni nett, in-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tal-każ, tal-mod kif jaġixxu l-partijiet matul il-proċedura, tal-interess fil-każ għad-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell ta’ kumplessità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, EU:T:1999:80, punt 126) kif ukoll, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-ġustifikazzjoni li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjoni mwettqa matul il-proċedura amministrattiva. |
|
241 |
It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura amministrattiva tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed isegwi loġika interna partikolari għalih. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar id-direzzjoni li fiha għandha timxi l-proċedura. Min-naħa tiegħu, it-tieni perijodu jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan il-perijodu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra, EU:C:2006:592, punt 38). |
|
242 |
Ir-raba’ nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi. |
|
243 |
Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
244 |
Għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra, EU:T:2003:342, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell fuq dan il-punt permezz tas-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punti 42 u 43). |
|
245 |
Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra, EU:C:1983:313, punt 7) għandu importanza kbira fi proċeduri bħal dik ineżami, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punt 50). |
|
246 |
Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 243 iktar ’il fuq, EU:C:2006:593, punti 202 sa 204, u s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra, EU:T:2011:284, punti 429 u 434, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 238 iktar ’il fuq, EU:C:2012:829, punt 100). |
– Evalwazzjoni tal-każ ineżami
|
247 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex proċedura amministrattiva li tkun damet ħafna tkun tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, it-tul ta’ din il-proċedura għandu jiġi kklassifikat bħala eċċessiv. |
|
248 |
Fil-każ ineżami, il-proċedura amministrattiva kellha erba’ fażijiet suċċessivi. |
|
249 |
L-ewwel fażi bdiet fid-9 ta’ Jannar 2002, bil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Bundeskartellamt, tad-dokumenti msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq u ntemmet fit-30 ta’ Settembru 2008 permezz tal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
|
250 |
Dan wassal għall-ftuħ tat-tieni fażi (ara l-punti 37 sa 42 iktar ’il fuq), li ngħalqet bl-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fit-30 ta’ Ġunju 2010. |
|
251 |
Wara l-preżentata ta’ sensiela inizjali ta’ rikorsi (imfakkra fil-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Settembru 2010, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) sabiex tikkoreġi diversi żbalji li kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni inizjali, u b’hekk ingħalqet it-tielet fażi tal-proċedura amministrattiva. |
|
252 |
Fl-aħħar nett, fl-4 ta’ April 2011, ingħalqet ir-raba’ fażi tal-proċedura amministrattiva, permezz tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li permezz tagħha tat tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, minn naħa, lil ArcelorMittal, lil ArcelorMittal Verderio, lil ArcelorMittal Fontaine u lil ArcelorMittal Wire France, u, min-naħa l-oħra, lil SLM u lil Ori Martin (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). |
|
253 |
Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-motiv imressaq mir-rikorrenti jikkonċerna biss l-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva. |
|
254 |
Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni sabiex tikseb deskrizzjoni ddettaljata tal-eżerċizzji ta’ diliġenza li hija kienet wettqet wara l-ispezzjonijiet li kienu saru fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, u dan sal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali. |
|
255 |
Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2014. |
|
256 |
Kopja tat-tweġiba tal-Kummissjoni ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fis-7 ta’ Frar 2014 mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. |
|
257 |
Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tispjega b’mod iddettaljat u konvinċenti l-kompiti li hija wettqet matul il-proċedura amministrattiva kollha u r-raġunijiet għaliex il-proċedura damet mill-2002 sal-2010. |
|
258 |
Fil-każ ineżami, it-tul tal-proċedura amministrattiva huwa dovut għal diversi fatturi. |
|
259 |
F’dan ir-rigward għandhom jissemmew it-tul tal-akkordju (iktar minn 18-il sena), id-dimensjoni ġeografika partikolarment estiża tiegħu (l-akkordju kien jirrigwarda l-maġġoranza tal-Istati Membri), l-organizzazzjoni tal-akkordju fil-livell ġeografiku u mill-aspett temporali (id-diversi clubs deskritti fil-punti 46 sa 58), in-numru ta’ laqgħat li nżammu fil-kuntest tad-diversi clubs (iktar minn 500), in-numru ta’ impriżi kkonċernati (17), in-numru ta’ talbiet għal klemenza (ara l-punti 27 u 32 et seq. iktar ’il fuq) u l-volum partikolarment sostanzjali ta’ dokumenti, ipprovduti f’dan il-kuntest jew miksuba matul l-ispezzjonijiet u redatti f’diversi lingwi, li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, id-diversi talbiet għal informazzjoni komplementari li kellhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lid-diversi kumpanniji kkonċernati skont il-bżonn fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-komprensjoni tal-akkordju (ara l-punti 29 et seq. u l-punti 42 et seq. iktar ’il fuq), in-numru ta’ destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar minn 40), in-numru ta’ lingwi proċedurali (8), kif ukoll id-diversi talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas (14). |
|
260 |
Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li turi l-kumplessità partikolari tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, minkejja t-tul partikolari tal-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura, dan it-tul ma għandux jitqies li kien eċċessiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva terminu raġonevoli u għalhekk il-ħames motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq is-sitt motiv, ippreżentat minn Hit Groep fil-kuntest tar-replika tagħha u bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq perijodu żbaljat għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
|
261 |
Hit Groep issostni li kien fil-punti 23 sa 25 tar-risposta tagħha li l-Kummissjoni esponiet għall-ewwel darba b’mod komprensiv u ddettaljat kif kienet wettqet il-kalkolu tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha. |
|
262 |
Hija tqis li dan il-mod ta’ kalkolu la jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata. |
|
263 |
Hit Groep issostni li l-ammont bażiku li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex twettaq il-kalkolu tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha huwa ta’ EUR 30584561. Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab fil-punt 25 tar-risposta jirriżulta li dan l-ammont jirrappreżenta l-valur tal-beni mibjugħa għall-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar 1996 u d-19 ta’ Settembru 2002. |
|
264 |
Din in-nota ta’ qiegħ il-paġna tispeċifika: “Dan huwa l-valur tal-beni mibjugħa għall-perijodu bejn id-9.1.1996 u d-19.9.2002. Fir-rigward ta’ kull wieħed mill-ħames perijodi tal-akkordju (mill-1.1.1984 sal-31.12.1985; mill-1.1.1986 sal-14.12.1992; mill-15.12.1992 sal-31.12.1993; mill-1.1.94 sat-8.1.1996; mid-9.1.1996 sad-19.9.2002), il-Kummissjoni ddeterminat il-valur tal-bejgħ u mbagħad immultiplikatu bil-fattur li jikkorrispondi għat-tul. Għal finijiet ta’ ċarezza, id-deċiżjoni ta’ emenda tippreżenta dawn il-valuri tal-bejgħ f’tabella miżjuda fil-premessa 935 tad-deċiżjoni.” |
|
265 |
Hit Groep iżżid li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda żiedet, fil-premessa 935 tad-deċiżjoni kkontestata, tabella li madankollu ma tinkludix isimha. |
|
266 |
Hija ssostni li għalhekk dawn il-preċiżazzjonijiet ħarġu għall-ewwel darba fir-risposta. |
|
267 |
Issa, hija tfakkar li hija miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn Nedri mill-1 ta’ Jannar 1998 sas-17 ta’ Jannar 2002 filwaqt li l-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-valur tal-bejgħ ta’ Nedri, ibbażat ruħha fuq il-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar 1996 u d-19 ta’ Settembru 2002. |
|
268 |
Hija tqis li għaldaqstant hija kienet suġġetta għal multa fuq il-bażi ta’ perijodu kunsiderevolment itwal mill-perijodu li fir-rigward tiegħu kellha tinżamm responsabbli. |
|
269 |
Issa, fil-fehma tagħha, in-numru ta’ snin li fir-rigward tagħhom l-impriża nżammet responsabbli għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. |
|
270 |
Fl-aħħar nett, Hit Groep iżżid li mill-premessa 5 tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda jirriżulta li l-Kummissjoni żżomm lill-kumpanniji parent bħala responsabbli in solidum“fir-rigward biss tal-parti tal-multa li tikkorrispondi għall-perijodu li matulu l-kumpannija parent kienet tifforma impriża waħda mas-sussidjarji inkwistjoni”, meta fl-istess ħin il-multa li kienet imposta fuqha hija ikbar minn dik li kienet imposta fuq Nedri. |
|
271 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
|
272 |
Permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Lulju 2011, Hit Groep talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex titħalla tikkompleta l-motivi tagħha wara li saret taf, skontha, b’informazzjoni dwar il-mod ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa li kien indikat għall-ewwel darba fir-risposta tal-Kummissjoni. |
|
273 |
L-ittra tas-6 ta’ Mejju 2011 ġiet ippreżentata matul it-terminu li kien ingħatalha sabiex tippreżenta r-replika, li kien jiskadi fis-17 ta’ Mejju 2011. |
|
274 |
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-informazzjoni inkwistjoni kienet diġà disponibbli kemm fid-deċiżjoni inizjali (premessi 927 et seq.) u kemm fl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda (premessi 930 u 932 u tabella annessa) u li dan il-motiv huwa ġdid u għalhekk inammissibbli. |
|
275 |
Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-premessi 930, 932 u 933 tad-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
276 |
Barra minn hekk, fl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:
|
|
277 |
Barra minn hekk, mill-punt 22 tal-Artikolu 3 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda jirriżulta li din kienet indirizzata lil Hit Groep. |
|
278 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li ma kienx fir-risposta li Hit Groep ingħatat l-informazzjoni inkwistjoni għall-ewwel darba. |
|
279 |
Huwa minnu li Hit Groep setgħet titlob li tadatta t-talbiet tagħha fid-dawl tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, iżda setgħet tagħmel dan fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn. |
|
280 |
Fil-fatt, sabiex tkun ammissibbli, talba għall-adattament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2011, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T‑291/04, Ġabra, EU:T:2011:760, punt 96, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, Ġabra, EU:T:2013:397, punt 55). |
|
281 |
Issa, fil-kawża ineżami, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kien ilu li skada meta r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Mejju 2011. |
|
282 |
Minn dan isegwi li dan il-motiv huwa inammissibbli. |
|
283 |
Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv lanqas ma huwa fondat peress li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Hit Groep, li l-valur tal-bejgħ kien ta’ EUR 30584561 u mbagħad immultiplikat dan l-ammont b’koeffiċjent ta’ 4 sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur imputabbli lil Hit Groep. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din ma ġietx issanzjonata għal perijodu itwal minn dak li fir-rigward tiegħu nżammet responsabbli (ara l-punti 217 u 226 iktar ’il fuq). |
|
284 |
Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq is-seba ’ motiv, ibbażat fuq ksur ta ’ terminu raġonevoli mill-Qorti Ġenerali
|
285 |
Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx osservat terminu raġonevoli fit-trattament tar-rikors tagħha u li kien hemm lok li minn dan jinstiltu konsegwenzi fir-rigward tal-ammont tal-multa li hija meħtieġa tħallas. |
|
286 |
Għandu jiġi kkonstatat li tali lment ikun inammissibbli meta jiġi ppreżentat fil-kuntest tal-istess rikors bħal dak li fir-rigward tal-proċedura relatata jkun qiegħed jiġi allegat li ma ġiex osservat il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. |
|
287 |
Fil-fatt, il-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedi dwar ir-rikors ikun meħtieġ, li kieku jeżamina dan l-ilment, jiddeċiedi dwar in-natura inkorretta jew illegali tal-aġir tiegħu stess, b’tali mod li r-rikorrent jista’ jkollu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-imsemmi kulleġġ ġudikanti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, CEPSA vs Il-Kummissjoni, T‑497/07, EU:T:2013:438, taħt appell, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
288 |
Għaldaqstant, ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li taqta’ l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenzi Kendrion vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, EU:C:2013:771, punt 94, u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, Ġabra, EU:C:2013:770, punt 83). |
|
289 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud. |
|
290 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma jista’ jintlaqa’. Għaldaqstant, ir-rikors għal annullament għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, li, bl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa, tinbidel il-multa li kienet imposta fuq ir-rikorrenti. |
Fuq l-ispejjeż
|
291 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Frimodt Nielsen Dehousse Collins Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.