Edizzjoni Provviżorja
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)
6 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni parzjali tal-appell”
Fil-Kawża C‑122/26 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ Frar 2026,
DT, irrappreżentat minn A. Kunst, Rechtsanwältin,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (il-Kosovo),
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Condinanzi u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukata Ġenerali, J. Kokott,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz tal-appell tiegħu, DT jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Jannar 2026, DT vs Eulex Kosovo (T‑218/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2026:34), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, prinċipalment, sabiex, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, l-ittri ta’ Eulex Kosovo tat‑13 ta’ Novembru 2023 u tal‑20 ta’ Frar 2024, li permezz tagħhom din tal-aħħar, rispettivament, xoljiet il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u ċaħdet ir-rikors intern tiegħu kontra dan ix-xoljiment, jiġu ddikjarati illegali, kif ukoll sabiex jikseb kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba dawn l-ittri u atti oħra, u, sussidjarjament, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-imsemmija ittri u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba dawn l-istess ittri.
Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-appell
2 Skont il-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ, fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, għandu jkun suġġett għall-ammissjoni tagħhom minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja.
3 Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut, l-appell għandu jkun ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ddettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dan ikun iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
4 Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi Statut, l-appellant għandu jannetti mal-appell tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.
5 Konformement mal-Artikolu 170b(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi t-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.
L-argumenti tal-appellant
6 Insostenn tat-talba tiegħu għall-ammissjoni tal-appell, l-appellant isostni li t-tliet aggravji tiegħu jqajmu kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
7 L-ewwel aggravju, li jinkludi żewġ partijiet, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali sa fejn, minn naħa, hija kienet żbaljata meta ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-tneħħija tal-pożizzjoni tal-appellant u, min-naħa l-oħra, sa fejn, minħabba f’hekk hija ddikjarat li l-motivi kollha bbażati fuq it-tneħħija ta’ din il-pożizzjoni kienu inammissibbli, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 19 TUE. It-tieni aggravju, li jinkludi żewġ partijiet, huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisprudenza dwar it-tilwimiet fil-qasam tal-impjieg li jikkonċernaw lill-uffiċjali u lill-aġenti l-oħra tal-Unjoni u fuq l-allegat żball ta’ liġi li hija allegatament wettqet meta ddeċidiet, essenzjalment, li Eulex Kosovo ma kellhiex tosserva d-dmir ta’ premura tagħha u, min-naħa l-oħra, fuq ksur b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta.
8 Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 37 sa 43, 68, 119, 147, 170 u 185 tas-sentenza appellata, li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina d-deċiżjoni, prevista mill-pjan ta’ skjerament rivedut tal-missjoni Eulex Kosovo (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ skjerament rivedut”), li titneħħa l-pożizzjoni li huwa kien jokkupa minħabba li dan il-pjan kien jaqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), b’tali mod li t-tneħħija tal-pożizzjoni kienet tirriżulta minn “għażla strateġika”. Skont l-appellant, sa fejn il-missjoni kienet taġixxi fil-kuntest tal-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha, din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi att ta’ ġestjoni amministrattiva li ma jaqax taħt il-PESK. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali allegatament marret kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 54 u 55), u tal‑10 ta’ Settembru 2024, KS et vs Il-Kunsill et (C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2024:725, punti 127 u 128).
9 Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 35, 36, 68, 119 u 148 tas-sentenza appellata, li l-motivi diretti kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-pożizzjoni tiegħu mill-pjan ta’ skjerament rivedut kienu inammissibbli u li huwa ma setax jikkontesta din it-tneħħija, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt tiegħu. Il-Qorti Ġenerali għalhekk eżiġiet il-preżentata ta’ rikors separat kontra l-pjan ta’ skjerament rivedut, filwaqt li tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ mill-ġurisprudenza dwar il-kawżi mressqa abbażi tal-Artikolu 270 TFUE.
10 Skont l-appellant, l-ewwel aggravju jqajjem, minn naħa, il-kwistjoni tal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK u, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ta’ riorganizzazzjoni u ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet meħuda abbażi ta’ din il-politika humiex esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju. Din il-kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din tista’ taffettwa diversi membri tal-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK jew tal-aġenziji tal-Unjoni li jintervjenu f’dan il-qasam.
11 Min-naħa l-oħra, dan l-aggravju jirrigwarda l-portata tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta għall-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u, b’mod partikolari, il-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, dwar jekk id-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ pożizzjoni għandhiex tkun is-suġġett ta’ rikors separat jew jekk tistax tiġi eżaminata, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt li tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ pożizzjoni. Skont ir-rikorrent, hemm ir-riskju li l-impożizzjoni ta’ rekwiżit tat-tressiq ta’ rikors separat fil-kawżi li jikkonċernaw il-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, filwaqt li tali rekwiżit ma japplikax għar-rikorsi ppreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, twassal għal protezzjoni ġudizzjarja mhux ugwali ta’ dan il-persunal, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura kunfidenzjali tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni f’dan il-qasam.
12 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Eulex Kosovo ma kinitx naqset mid-dmir ta’ premura tagħha. Huwa jsostni li, fil-punti 179 sa 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta qieset li Eulex Kosovo kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni biss l-interess tas-servizz, bi ksur tal-ġurisprudenza tagħha stess, b’mod partikolari tas-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2014, EMA vs BU (T‑444/13 P, EU:T:2014:865, punti 28 u 32), kif ukoll tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament (T‑584/16, EU:T:2017:282, punti 119 u 120). Il-Qorti Ġenerali għalhekk adottat, b’mod partikolari fil-punt 150 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni li tillimita indebitament l-obbligi tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, kuntrarjament għall-ġurisprudenza applikabbli għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, billi bbażat ruħha fuq in-“natura temporanja” tal-missjoni u tal-kundizzjonijiet tal-impjieg.
13 Skont l-appellant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tqajjem il-kwistjoni tal-portata tad-dmir ta’ premura fil-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali tistax teskludi kull obbligu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid unikament minħabba n-“natura temporanja” ta’ missjoni. Din il-kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn, billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 54 u 55), li minnha jirriżulta li l-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK jibbenefika mill-istess protezzjoni bħall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni.
14 Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 200 sa 202 tas-sentenza appellata, kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ddeċidiet li l-eżistenza ta’ klawżola ta’ xoljiment tal-kuntratt kienet tipprekludi li l-garanziji mogħtija lill-appellant jistgħu joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. Billi ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-ġurisprudenza f’dan il-qasam, b’mod partikolari s-sentenza tal‑11 ta’ April 2016, FN et vs CEPOL (F‑41/15 DISS II, EU:F:2016:70, punt 85). Skont ir-rikorrent, tali soluzzjoni twassal għal nuqqas ta’ koerenza bejn il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni, li l-kuntratti tagħhom jinkludu wkoll klawżola ta’ xoljiment, u dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK.
15 Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, billi ssuġġettatu, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-persunal ta’ missjoni li taqa’ taħt il-PESK, għal trattament inqas favorevoli minn dak irriżervat għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, kif ukoll id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Huwa jsostni li, għalkemm sistemi ta’ impjieg separati jistgħu jiġġustifikaw differenzi fil-kundizzjonijiet tal-impjieg, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw li d-deċiżjonijiet applikabbli għall-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK ma jkunux koperti mill-istħarriġ ġudizzjarju. Huwa jinvoka, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2024, Montanari vs EUCAP Sahel Niger (T‑371/22, EU:T:2024:494, punt 224), li tipprovdi li, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni u l-ġurisprudenza relatata magħhom japplikaw b’analoġija għall-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK li jkun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-persunal suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal. Skont l-appellant, kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija neċessarja sabiex jiġu evitati inkonsistenzi fil-ġurisprudenza.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
16 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu juri li l-kwistjonijiet imqajma fl-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170a(1) u mal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali tal-appell, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li għandhom ikunu s-suġġett tar-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut huwa intiż sabiex jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digriet tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tindika b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom l-appell ikun ibbażat, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tispeċifika jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tispeċifika d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li s-sentenza jew id-digriet appellati jkunu kisru, tispjega b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tindika sa fejn dan l-iżball kellu influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat. Meta l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta mill-ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tesponi, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellat li l-appellant jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li kienu ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti li għalihom tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Konformement mal-prinċipju li huwa l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni tal-appell li għandu l-oneru tal-prova, l-imsemmi awtur għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li huwa jinvoka fl-appell tiegħu, l-istess appell iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, li l-portata tagħhom tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, minn dak tal-appell innifsu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Din il-prova timplika fiha nnifisha li għandhom jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza kif ukoll l-importanza ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement permezz ta’ analiżi ta’ natura ġenerali (digriet tad‑29 ta’ April 2025, SC vs Eulex Kosovo, C‑881/24 P, EU:C:2025:313, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tindika bi preċiżjoni u ċarezza t-tliet aggravji invokati fil-kuntest tal-appell, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-pożizzjoni tal-appellant u billi ċaħdet bħala inammissibbli l-motivi mqajma f’dan ir-rigward, u b’dan il-mod kisret, b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tal-Karta, it-tieni, fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisprudenza dwar it-tilwim fil-qasam tal-impjieg li jikkonċerna l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni, fuq l-iżball ta’ liġi li hija allegatament wettqet meta ddeċidiet, essenzjalment, li Eulex Kosovo ma kinitx obbligata tosserva dmir ta’ premura, kif ukoll fuq ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta.
22 Fit-tieni lok, għandu jitqies li t-talba għall-ammissjoni tal-appell tesponi b’mod suffiċjenti fid-dritt fiex jikkonsistu l-allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali u sa fejn dawn l-allegati żbalji eżerċitaw influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, bl-esklużjoni tat-tieni parti tat-tieni aggravju, it-talba għall-ammissjoni tal-appell tesponi wkoll ir-raġunijiet konkreti li għalihom l-iżbalji allegatament imwettqa, skont l-appellant, mill-Qorti Ġenerali, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, iqajmu, kull waħda minnhom, kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
23 Fil-fatt, l-ewwel, kif ġie rrilevat fil-punt 8 ta’ dan id-digriet, minn din it-talba għal ammissjoni jirriżulta li l-iżball ta’ liġi allegat fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju jinsab fil-fatt li, fil-punti 37 sa 43, 68, 119, 147, 170 u 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rikonfigurazzjoni tal-missjoni Eulex Kosovo permezz tal-pjan ta’ skjerament rivedut li timplika t-tneħħija ta’ pożizzjonijiet kienet direttament marbuta mal-għażliet strateġiċi mwettqa fil-kuntest tal-PESK. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina u tevalwa l-legalità tal-pjan ta’ skjerament rivedut, inkluża d-deċiżjoni li titneħħa l-pożizzjoni okkupata mir-rikorrent. Issa, skont l-imsemmija talba għal ammissjoni, li kieku tali żball ma twettaqx, l-appellant kien ikun jista’ jikkontesta d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, dan l-argument jirrigwarda wkoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta.
24 Barra minn hekk, billi jenfasizza li l-kwistjoni tal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim dwar id-deċiżjonijiet ta’ riorganizzazzjoni u ta’ tneħħija tal-persunal meħuda fil-kuntest tal-PESK tista’ tikkonċerna diversi aġenti tal-missjonijiet li jaqgħu taħt din il-politika jew tal-aġenziji tal-Unjoni li jintervjenu f’dan il-qasam, u li l-applikazzjoni uniformi tar-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni tipparteċipa fil-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni, l-appellant isostni li l-kwistjoni ta’ liġi hekk imqajma tmur lil hinn mill-kuntest tal-appell tiegħu, peress li r-risposta li ser tingħata għaliha tista’ tipproduċi effetti li jmorru lil hinn minn dan il-każ.
25 B’dan il-mod, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità u għall-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni.
26 It-tieni, kif ġie rrilevat fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta li l-iżball ta’ liġi allegat fit-tieni parti tal-ewwel aggravju jirrigwarda, essenzjalment, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 35, 36, 68, 119 u 148 tas-sentenza appellata, li l-motivi diretti kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-pożizzjoni tal-appellant prevista mill- pjan ta’ skjerament rivedut kienu inammissibbli, minħabba li din it-tneħħija ma setgħetx tiġi kkontestata, b’mod inċidentali, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu, iżda kellha tkun is-suġġett ta’ rikors separat. Issa, ir-rekwiżit li jiġi ppreżentat rikors separat ma huwiex meħtieġ fil-kuntest tal-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 270 TFUE.
27 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan l-allegat żball seta’ eżerċita influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata, sa fejn, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li tali żball twettaq, il-motivi li l-appellant qajjem quddiem il-Qorti Ġenerali dwar dan il-pjan ikunu jistgħu jiġu ddikjarati ammissibbli. Min-naħa l-oħra, billi jsostni li l-kwistjoni dwar jekk il-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK huwiex obbligat jippreżenta rikors separat, kuntrarjament għar-rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali u mill-aġenti l-oħra fil-kuntest tat-tilwim li jaqa’ taħt l-Artikolu 270 TFUE, hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti li għalihom din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-kuntest tal-appell tiegħu.
28 It-tielet, mill-punt 12 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 179 sa 181 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li Eulex Kosovo ma kinitx naqset mid-dmir ta’ premura tagħha peress li hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni biss l-interess tas-servizz. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, b’mod żbaljat, li Eulex Kosovo ma kellha ebda obbligu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid minħabba n-“natura temporanja” tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal, u dan bi ksur tal-ġurisprudenza, b’mod partikolari, tas-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2014, EMA vs BU (T‑444/13 P, EU:T:2014:865, punti 28 u 32), kif ukoll tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16 (EU:T:2017:282, punti 119 u 120). L-appellant jinvoka wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 54 u 55), li minnha jirriżulta li l-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK jibbenefika mill-istess protezzjoni bħall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni. L-Appellant isostni li dan l-iżball seta’ jaffettwa diversi membri tal-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK.
29 B’dan il-mod, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti li għalihom il-kwistjoni ta’ liġi li huwa jqajjem permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu tmur lil hinn mill-kuntest tal-appell tiegħu u hija sinjifikattiva għall-unità u għall-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-risposta għal din id-domanda jista’ jkollha konsegwenzi li jmorru lil hinn minn dan il-każ, peress li, fl-assenza ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza appellata tista’ tippermetti li jiġu evitati, waqt ir-riorganizzazzjoni tal-pożizzjonijiet fi ħdan il-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK jew l-aġenziji tal-Unjoni li jintervjenu f’dan il-qasam, il-garanziji mogħtija lill-persunal ta’ dawn l-entitajiet.
30 Ir-raba’, fir-rigward tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-appellant jinvoka s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2024, Montanari vs EUCAP Sahel Niger (T‑371/22, EU:T:2024:494, punt 224), li minnha jirriżulta li dan il-prinċipju jimponi li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, u ċerta ġurisprudenza speċifika għas-servizz pubbliku tal-Unjoni, tiġi applikata b’analoġija għall-aġenti tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK, meta dawn l-aġenti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali, billi eskludiet lill-persunal tal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK mill-istħarriġ ġudizzjarju, filwaqt li tilwima dwar it-tneħħija ta’ pożizzjoni taqa’, fir-rigward tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni, taħt l-Artikolu 270 TFUE, kisret dan il-prinċipju. Għaldaqstant, l-appellant iqis li kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ dan il-prinċipju.
31 B’dan il-mod, l-appellant jesponi r-raġunijiet konkreti li għalihom il-kwistjoni tal-ugwaljanza fit-trattament imqajma fit-tielet aggravju tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
32 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑11 ta’ April 2016, FN et vs CEPOL (F‑41/15 DISS II, EU:F:2016:70, punt 85), meta ddeċidiet li, minħabba l-eżistenza ta’ klawżola ta’ xoljiment tal-kuntratt, il-garanziji mogħtija lill-appellant ma setgħux joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. Madankollu, l-appellant jillimita ruħu li sempliċement jinvoka dan l-allegat żball ta’ liġi u li jiżviluppa argumenti ta’ natura ġenerali, mingħajr ma jesponi r-raġunijiet konkreti li għalihom tali żball, jekk jitqies li huwa stabbilit, iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, li tiġġustifika l-ammissjoni tal-appell.
33 Għaldaqstant, għandu jitqies li, fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellant ma ssodisfax ir-rekwiżiti kollha msemmija fil-punt 18 ta’ dan id-digriet.
34 Fid-dawl tal-elementi esposti mill-appellant, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għall-ammissjoni tal-appell turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-ewwel aggravju, l-ewwel parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju jqajmu kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li l-appell jiġi ammess parzjalment, billi l-eżami tiegħu jiġi limitat għall-ewwel aggravju, għall-ewwel parti tat-tieni aggravju u għat-tielet aggravju, li għandhom ikunu s-suġġett tar-risposta, u li ma jiġix ammess għall-kumplament tal-aggravji.
Fuq l-ispejjeż
36 Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha tkompli skont l-Artikoli 171 sa 190a ta’ dawn ir-regoli.
37 B’applikazzjoni tal-Artikolu 137 tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza.
38 Konsegwentement, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tiġi milqugħa, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:
1) L-appell huwa ammess f’dak li jirrigwarda l-ewwel aggravju, l-ewwel parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju, li għandhom ikunu esklużivament is-suġġett tar-risposta.
2) Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.
3) L-ispejjeż huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.