IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.11.2024
COM(2024) 542 final
2024/0300(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra mibgħuta fid-29 ta’ April 2024 u rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Mejju 2024, ir-Repubblika tal-Latvja (minn hawn ’il quddiem il-Latvja) talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, li jiddetermina l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Bl-istess ittra, il-Latvja bagħtet rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura.
Permezz ta’ ittra mibgħuta fl-4 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, li għaliha l-Latvja wieġbet permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Awwissu 2024.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Latvja bl-ittri tat-3 ta’ Settembru 2024, u lil Italja fl-4 ta’ Settembru 2024. B’ittra ddatata l-5 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li normalment, hija l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi li tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT biex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jiġu prevenuti ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.
Fid-29 ta’ April 2024, il-Latvja talbet biex tkompli tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat li jinvolvi li l-persuna li tirċievi l-merkanzija jew is-servizzi tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT.
Il-miżura ta’ deroga għal-Latvja kienet inizjalment mogħtija bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE sal-31 ta’ Diċembru 2009 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE sal-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata d-deroga ġiet sussegwentement estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE sal-31 ta’ Diċembru 2015, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2396 sal-31 ta’ Diċembru 2018, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 sal-31 ta’ Diċembru 2021 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/81 sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Skont il-Latvja, is-suq tal-injam ippreparat, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għax huwa ddominat minn għadd kbir ta’ operaturi lokali żgħar u minn fornituri individwali, kif ukoll għax huwa diffiċli ħafna li jiġu ttraċċati l-movimenti tal-materjali u t-tranżazzjonijiet relatati. In-negozji attivi fis-settur jistgħu ma jkunux mistennija jissodisfaw l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u dan jista’ jwassal għal tranżazzjonijiet mhux iddikjarati tal-injam ippreparat. Għalhekk, hemm riskju sinifikanti li xi operaturi jistgħu jevadu l-ħlas tal-VAT. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġġieldu dan l-abbuż, huma introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat, li wera li huwa effettiv ferm u naqqas b’mod sinifikanti l-frodi tal-VAT f’dan is-settur.
Barra minn hekk, skont il-Latvja, din il-miżura speċjali ma għandhiex impatt negattiv fuq l-ammont totali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju finali tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.
B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva, u biex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien li jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità ta’ persuni taxxabbli, li għandhom jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżura ta’ deroga, u b’hekk l-estensjoni tad-deroga ssir superfluwa. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla.
Il-Latvja talbet l-estensjoni tal-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2027. Il-Latvja hija impenjata li tapplika miżuri differenti biex tindirizza l-frodi tal-VAT fis-settur. Huwa ppjanat li jiġi impost obbligu ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, u għodda speċifika ta’ traċċar li se tgħin biex jiġu kkontrollati t-tranżazzjonijiet u l-proċessi ta’ produzzjoni b’mod aktar effiċjenti, fl-aħħar nett, l-awtoritajiet nazzjonali qed jippjanaw li sal-2026 jintroduċu rekwiżit ta’ fatturazzjoni elettronika għat-tranżazzjonijiet B2B għall-kumpaniji rreġistrati fir-Repubblika tal-Latvja. Għaldaqstant, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni legali u fattwali li ma nbidlitx, qed jiġi propost li tiġi estiża l-miżura ta’ deroga, li tippermetti lil-Latvja tkompli tapplika din il-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2026. Sal-iskadenza ta’ din id-deroga, il-Latvja għandha tkun f’pożizzjoni li timplimenta miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità ta’ persuni taxxabbli li tirfed il-ġlieda u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-settur tal-injam ippreparat.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ingħataw derogi simili li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT lil Stati Membri oħra, lill-Portugall, lir-Rumanija u lil-Litwanja.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tal-VAT.
2.
BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Meta wieħed iqis il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. L-iktar strument adattat huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill peress li din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija msejsa fuq talba li għamlet il-Latvja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tawtorizza lil-Latvja biex tkompli tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat. Is-sitwazzjoni li fuqha kienet imsejsa d-deroga inizjali, għadha teżisti. Il-Latvja tiddikjara li minkejja l-fatt li kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet ta’ frodi li jinvolvu l-VAT u l-evażjoni tal-VAT fis-suq tal-injam ippreparat minn mindu ddaħħlet il-proċedura tar-reverse charge, ir-riskju għadu ma ġiex eliminat.
Il-miżura kienet awtorizzata qabel fl-Att tal-Adeżjoni tal-2003, b’mod partikolari fil-Kapitolu 7, il-punt 1(b) tal-Anness VIII tiegħu, u bid-Deċiżjoni 2006/42/KE skont is-Sitt Direttiva 77/388/KEE li kienet tapplika dak iż-żmien. Madankollu, maż-żmien, il-frodi fis-settur tal-injam ippreparat bdiet tinkludi tranżazzjonijiet li ma kinux soġġetti għall-proċedura tar-reverse charge tal-VAT. Pereżempju, tranżazzjonijiet relatati ma’ prodotti sekondarji tal-injam. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tar-reverse charge tal-VAT kompla jitwessa’ biex jitnaqqas l-għadd ta’ opportunitajiet għall-frodi. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2020, ir-riċevitur tal-injam ippreparat irid iħallas għall-merkanzija li jirċievi, u r-riċevitur tas-servizzi jrid iħallas għas-servizzi li jingħata, mhux bi flus kontanti. Dawn il-modifiki saru biex jiġu standardizzati r-rekwiżiti ta’ ħlas fil-każijiet kollha fejn tiġi applikata l-proċedura tar-reverse charge, sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-miżura mmirata kontra l-frodi tal-VAT.
Il-Latvja ssostni li l-estensjoni tal-miżura ta’ deroga hija meħtieġa għall-ġlieda kontra l-frodi li jseħħ fis-settur tal-injam ippreparat.
Is-settur tal-forestrija huwa wieħed mill-pedamenti tal-ekonomija tal-Latvja. Fl-2022, il-fatturat nett iddikjarat tal-kummerċjanti li joperaw fis-settur tal-injam ippreparat kien jirrappreżenta 7,4 % tal-fatturat nett totali ddikjarat fil-kontijiet annwali, jiġifieri EUR 6,3 biljun. Il-valur tal-esportazzjoni tas-settur tal-forestrija fl-2023 kien ta’ madwar EUR 2,3 biljun, jew 12,4 % tal-esportazzjonijiet totali tal-pajjiż, filwaqt li l-għadd ta’ persuni impjegati fis-settur fl-2022 kien ta’ 41 400, jew 4,8 % tal-għadd totali ta’ impjegati fl-ekonomija nazzjonali.
Is-suq tal-injam ippreparat fil-Latvja huwa ddominat minn kummerċjanti żgħar u ta’ daqs medju u l-fornituri individwali (li jirrappreżentaw ’il fuq minn 90 % tal-għadd totali ta’ intrapriżi fis-settur), li jixtru jew ibigħu l-injam ippreparat u jipprovdu jew jirċievu servizzi relatati.
L-għadd ta’ persuni taxxabbli fis-settur tal-injam ippreparat kien ta’ 11 713 fil-bidu tal-2024. Skont il-Latvja, fl-2023, 13 063 persuna fiżika oħra kienet qed tinnegozja fis-settur tal-injam ippreparat bi dħul totali ta’ EUR 219 miljun.
L-estensjoni ta’ din il-miżura mhux se jkollha impatt negattiv fuq l-ammont totali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju finali tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta hija limitata biż-żmien.
2024/0300 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE awtorizzat lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, biex tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) fuq il-provvista tal-injam ippreparat jew fuq il-forniment tas-servizzi relatati sal-31 ta’ Diċembru 2009. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE, b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja kienet awtorizzata li tkompli tinnomina lir-riċevitur tal-injam ippreparat jew tas-servizzi relatati bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta’ tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat sal-31 ta’ Diċembru 2012 (“il-miżura speċjali”). Wara l-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE, dik l-awtorizzazzjoni se tiskadi fl-31 ta’ Diċembru 2024.
(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Mejju 2024, il-Latvja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali. Flimkien ma’ dik l-ittra, il-Latvja ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura speċjali.
(3)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra ddatata t-3 ta’ Settembru 2024, u lill-Italja fl-4 ta’ Settembru 2024, dwar it-talba li għamlet il-Latvja. B’ittra ddatata l-5 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.
(4)Skont il-Latvja, is-suq tal-injam ippreparat, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għaliex huwa ddominat minn għadd kbir ta’ operaturi lokali żgħar u fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġi miġġieled dan l-abbuż, l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ħlas tal-VAT fit-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat, li wera li huwa effettiv ħafna u naqqas il-frodi f’dak is-suq b’mod sinifikanti skont ir-rapport ippreżentat mil-Latvja.
(5)B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Id-derogi jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità tal-persuni taxxabbli, li jenħtieġ li jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżura ta’ deroga, u b’hekk l-estensjoni tad-deroga ssir superfluwa. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla.
(6)Il-Latvja hija impenjata li tapplika miżuri differenti biex tindirizza l-frodi tal-VAT fis-settur. Hija biħsiebha timponi obbligu ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, u għodda speċifika ta’ traċċar li se tgħin biex jiġu kkontrollati t-tranżazzjonijiet u l-proċessi ta’ produzzjoni b’mod aktar effiċjenti. Barra minn hekk, sal-2026, l-awtoritajiet nazzjonali qed jippjanaw li jintroduċu rekwiżit ta’ fatturazzjoni elettronika għal tranżazzjonijiet B2B għal kumpaniji rreġistrati fil-Latvja.
(7)Għalhekk, il-Latvja għandha tkun f’pożizzjoni li timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-suq tal-injam ippreparat qabel l-iskadenza tal-estensjoni tal-miżura speċjali skont din id-Deċiżjoni, biex ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-miżura speċjali terġa’ tiġi estiża.
(8)Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2026 biss.
(9)Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.
(10)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2026.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President