27.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/3


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1222

tal-20 ta’ Lulju 2021

li tistabbilixxi “Manwal Prattiku” dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 2b tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 69(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-artikoli ta’ hawn fuq fir-Regolamenti fundaturi tat-tliet aġenziji tal-UE, il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-EFCA, l-EMSA u l-Frontex, tagħmel disponibbli Manwal Prattiku dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta (minn hawn ’il quddiem, “il-manwal”). Il-manwal għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-iskambju ta' informazzjoni.

(2)

It-tliet aġenziji jaħdmu mill-qrib flimkien taħt il-qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji (4), f’konformità mal-atti ġuridiċi tagħhom, bl-appoġġ dirett tal-Kummissjoni Ewropea. Huma jipprovdu appoġġ u assistenza msaħħa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta fil-livell nazzjonali u tal-UE u, fejn xieraq, fil-livell internazzjonali.

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea inkarigat lit-tliet aġenziji biex jiżviluppaw il-manwal f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti tal-Istati Membri.

(4)

Il-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea (5), adottat fis-26 ta’ Ġunju 2018 mill-Kunsill, ifakkar fl-importanza li jiġu indirizzati l-aspetti tal-gwardja tal-kosta tas-sigurtà marittima permezz tal-promozzjoni ta’ sinerġiji bejn l-atturi ċivili u militari li jaqdu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta. Il-pjan iħeġġeġ lill-EFCA, lill-EMSA u lill-Frontex biex ikomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji f’dan il-qasam.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-manwal bħala gwida prattika għall-awtoritajiet ċivili u militari tal-UE meta jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta, filwaqt li tiffaċilita kollaborazzjoni transfruntiera mill-qrib u transsettorjali bejniethom.

2.

Il-manwal jipprovdi ġabra trasparenti ta’ servizzi u informazzjoni disponibbli permezz tat-tliet aġenziji. Dan jgħin biex jinħolqu sinerġiji u jiġu evitati d-duplikazzjoni u/jew l-isforzi żejda fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u t-tliet aġenziji, li jirriżultaw f’ekonomiji ta’ skala.

3.

Il-manwal jiffoka fuq il-ħames oqsma ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji: il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni; is-servizzi ta’ sorveljanza u komunikazzjoni; it-tiswir tal-kapaċità; l-analiżi tar-riskju; u l-kondiviżjoni tal-kapaċità. Il-manwal huwa prinċipalment limitat għal suġġetti transsettorjali, u jkopri l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA).

4.

L-utenti finali ewlenin ta’ dan il-manwal huma l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli minn kull funzjoni ta’ gwardja tal-kosta f’kull Stat Membru. Il-manwal għandu l-għan li jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet, li jeħtieġ li jkunu jafu u jifhmu kif huma organizzati sħabhom u x'servizzi u kooperazzjoni jipprovdu.

5.

L-“iskambju ta’ informazzjoni” jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet ta’ aċċess miftiehma għad-data, l-informazzjoni u l-intelligence permezz ta’ firxa ta’ mekkaniżmi, jew manwalment, inkella permezz ta’ proċessi/sistemi awtomatizzati. Huwa fil-limiti tal-qafas ġuridiku tal-aġenziji u jikkonforma mad-drittijiet fundamentali, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

6.

Il-manwal ma għandu joħloq l-ebda dritt jew dmir ġdid għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, u lanqas ma għandu joffri gwida interpretattiva dwar ir-rwoli, ir-regoli u r-responsabbiltajiet eżistenti. Il-manwal ma għandux jinfluwenza l-obbligi ġuridiċi tal-Istati Membri jew l-aġenziji u ma għandux jintuża biex jippromwovi attivitajiet ta’ aspirazzjoni mill-partijiet ikkonċernati.

7.

Dan il-manwal huwa kkumplimentat b’informazzjoni prattika li tinkludi: a) katalogi ta’ servizzi, prodotti, korsijiet ta’ taħriġ, linji gwida tal-aħjar prattika u manwali tal-attivitajiet kollha bejn l-aġenziji li jappoġġaw il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta fl-Istati Membri; b) oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali/internazzjonali/nazzjonali/bilaterali/multilaterali; u c) “skedi informattivi dwar il-pajjiżi” li jipprovdu dettalji dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati tal-EFTA.

8.

Din l-informazzjoni prattika għandha tinżamm aġġornata mit-tliet aġenziji, b’kontribut mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-“iskedi informattivi tal-pajjiżi”. Dan se jintwera fuq pjattaforma online operata mill-EFCA f’kooperazzjoni mill-qrib maż-żewġ aġenziji l-oħra u l-Kummissjoni.

9.

L-Istati Membri għandhom isegwu l-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab fil-manwal, jikkooperaw bejniethom biex iżommu l-“iskedi informattivi tal-pajjiż” aġġornati, mingħajr rappurtar doppju jekk l-informazzjoni tkun diġà saret disponibbli għall-aġenziji.

10.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18.

(2)   ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.

(4)  Arranġament ta’ Ħidma Tripartitiku li jistabbilixxi l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bejn l-EFCA, l-EMSA u l-FRONTEX ġie żviluppat b’mod konġunt mit-tliet aġenziji u ġie approvat mill-korpi governattivi rispettivi tagħhom. Dan daħal fis-seħħ f’Marzu 2017 u ġie estiż f’Marzu 2021.

(5)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10494-2018-INIT/en/pdf


ANNESS

1.   INTRODUZZJONI

Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hemm aktar minn 300 awtorità ċivili u militari responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta. Hemm bżonn li jiġu żgurati kollaborazzjoni u koordinazzjoni transfruntiera u transsettorjali (1) mill-qrib bejn dawn l-awtoritajiet biex tiġi evitata kemm id-duplikazzjoni tal-isforzi kif ukoll biex jiġu evitati sforzi żejda u biex jinbnew is-sinerġiji.

Fl-UE u fiż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta. Sabiex jiġi pprovdut dan l-appoġġ fil-livell nazzjonali u tal-UE u, fejn xieraq, fil-livell internazzjonali, fl-2016 ġew emendati r-Regolamenti ta’ twaqqif ta’ kull waħda mit-tliet aġenziji b’artikolu komuni dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta (2). L-Artikolu komuni jidentifika ħames oqsma għall-kooperazzjoni, kif ġej:

(1)

“[il-]kondiviżjoni, tal-fużjoni u tal-analiżi ta’ informazzjoni disponibbli fis-sistemi ta’ rapportar tal-bastimenti u sistemi oħra ta’ informazzjoni ospitati minn jew aċċessibbli għal dawk l-aġenziji, f’konformità mal-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-sjieda ta’ data mill-Istati Membri;

(2)

[l-]għoti ta’ servizzi ta’ sorveljanza u ta’ komunikazzjoni bbażati fuq l-aħħar teknoloġija, inklużi l-infrastruttura fl-ispazju u fuq l-art u s-sensuri mmuntati fuq kwalunkwe tip ta’ pjattaforma;

(3)

[il-]bini tal-kapaċità billi tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet u billi jiġu stabbiliti l-aħjar prattiċi, kif ukoll billi tipprovdi taħriġ u skambju tal-persunal;

(4)

[it-]tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, inkluż permezz tal-analiżi tal-isfidi operazzjonali u r-riskji emerġenti fil-qasam marittimu;

(5)

[Il-]kondiviżjoni tal-kapaċitajiet permezz tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet bi skopijiet multipli u permezz tal-kondiviżjoni ta’ assi u ta’ kapaċitajiet oħra, sal-punt li dawn l-attivitajiet ikunu kkoordinati minn dawk l-aġenziji u jintlaħaq ftehim dwarhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.”

L-iżvilupp ta’ “Manwal Prattiku” dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta kien previst ukoll fl-artikolu komuni tar-regolamenti ta’ twaqqif emendati tat-tliet aġenziji, kif deskritt hawn taħt:

“Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, tagħmel disponibbli manwal prattiku dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta. Dak il-manwal prattiku għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.”

Il-Manwal Prattiku jipprovdi, f’dokument wieħed, kompilazzjoni trasparenti ta’ servizzi u informazzjoni disponibbli permezz tat-tliet aġenziji tal-UE. Għaldaqstant, jista’ jgħin biex jinħolqu s-sinerġiji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u/jew it-telf tal-isforz fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-aġenziji.

2.   Sfond

Il-kunċett tal-Manwal ġie żviluppat għall-ewwel darba mill-Kummissjoni Ewropea f’dokument ta’ diskussjoni ppreżentat fl-ewwel Avveniment Annwali tal-Gwardja tal-Kosta Ewropea (AECGE) fi Spanja f’April 2018. L-Istati Membri, permezz tal-bordijiet amministrattivi/maniġerjali ta’ kull waħda mill-aġenziji, imbagħad ħatru l-esperti biex jgħinu fl-iżvilupp tal-Manwal. B’mod parallel, ġie stabbilit grupp ta’ ħidma interaġenzjali żgħir biex issir l-ewwel edizzjoni.

Il-proġett tnieda matul workshop tal-bidu f’Lisbona ospitat mill-EMSA fid-29 ta’ Jannar 2019 u li għalih attendew l-esperti tal-Istati Membri. Qabel il-workshop, tħejja dokument ta’ diskussjoni mill-grupp ta’ ħidma interaġenzjali, ġie approvat mill-Kummissjoni, u mbagħad ġie ċċirkolat lill-parteċipanti tal-workshop. L-Istati Membri u l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) ħatru 43 espert biex jieħdu sehem fil-proċess tal-abbozzar. Il-Kummissjoni kienet irrappreżentata fil-workshop mid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME), mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE) u mid-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (DĠ MOVE).

Id-dokument ta’ diskussjoni ppropona tliet elementi ewlenin għall-Manwal, jiġifieri:

(a)

katalogi ta’ servizzi, prodotti, korsijiet ta’ taħriġ, linji gwida u manwali tal-aħjar prattika tal-attivitajiet interaġenzjali kollha li jappoġġaw il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta fl-Istati Membri;

(b)

oqfsa ta’ kooperazzjoni reġjonali; u

(c)

“skedi informattivi għal kull pajjiż” li jipprovdu dettalji dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta.

Dan l-approċċ għall-kontenut tal-Manwal ġie approvat b’mod ġenerali mir-rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Huwa pprovda l-pedament għall-proċess ta’ abbozzar u d-djalogu kontinwu mal-esperti tal-Istati Membri.

2.1.   L-Utenti

L-utenti finali ewlenin tal-Manwal huma l-awtoritajiet nazzjonali għal kull funzjoni tal-gwardja tal-kosta f’kull Stat Membru. Il-Manwal għandu l-għan li jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-ippjanar u mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet, li jeħtieġ li jkunu jafu u jifhmu kif inhuma organizzati s-sħab tagħhom u liema servizzi u kooperazzjoni jipprovdu.

2.2.   Objettivi

L-objettivi ta’ dan il-Manwal huma li:

(a)

jiddeskrivi s-servizzi transsettorjali kollha disponibbli permezz tal-aġenziji, u jipprovdi gwida għall-Istati Membri u l-aġenziji dwar kif għandhom jiġu aċċessati dawk is-servizzi;

(b)

jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet u l-manwali ta’ taħriġ żviluppati mill-aġenziji u kif għandhom jiġu aċċessati;

(c)

jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti b’funzjoni ta’ gwardja tal-kosta li hija relatata mal-ħidma prattika tal-Istati Membri;

(d)

jipprovdi lill-Istati Membri bi skedi informattivi li jelenkaw l-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, inkluż il-punti ta’ kuntatt tagħhom.

Il-Manwal ġie żviluppat bħala gwida prattika u jinkludi referenzi għall-aħjar prattika għall-utenti finali. Huwa ma għandux l-għan li jkopri s-servizzi kollha disponibbli, iżda għandu l-għan li jiddeskrivi dawn is-servizzi u jipprovdi gwida għall-Istati Membri u l-aġenziji dwar kif għandhom jiġu aċċessati, kif xieraq. Il-katalogi u l-iskedi informattivi, li jikkomplementaw il-Manwal, jistgħu jiġu emendati maż-żmien biex jirriflettu kwalunkwe bidla regolatorja jew modifika fil-kooperazzjoni interaġenzjali u bejn l-Istati Membri.

Il-Manwal ikopri l-attivitajiet eżistenti fil-qasam tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta u huwa punt tad-dħul għall-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex jiksbu l-informazzjoni msemmija hawn fuq. Il-Manwal ma huwiex maħsub biex jinfluwenza l-mandati/l-obbligi legali tal-Istati Membri jew tal-aġenziji u jeħtieġ li ma jintużax biex jippromwovi attivitajiet ta’ aspirazzjoni mill-partijiet ikkonċernati (jiġifieri ma huwiex “lista ta’ xewqat” ta’ attivitajiet potenzjali).

Fil-livell nazzjonali, issir referenza għall-entitajiet kollha, inklużi dawk li ma jistgħux ikunu rrappreżentati fl-EFCA, fl-EMSA jew fil-Frontex, jiġifieri l-flotot militari jew l-awtoritajiet doganali.

2.3.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-Manwal

Il-Manwal:

(a)

ikopri l-ħames oqsma ta’ kooperazzjoni interaġenzjali;

(b)

huwa prinċipalment limitat għal suġġetti transsettorjali;

(c)

ikopri suġġetti b’funzjoni unika li jistgħu jaqgħu taħt il-mandat ta’ mill-inqas żewġ aġenziji (eż. sorveljanza marittima);

(d)

ikopri l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA;

(e)

jinkludi l-kontribut tal-Istati Membri fil-forma ta’ skedi informattivi, inkluż l-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali eżistenti;

(f)

jinkludi l-entitajiet kollha (ċivili jew militari) b’responsabbiltà għall-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta (eż. se tkun koperta l-flotta navali ta’ Stat Membru b’funzjoni ta’ gwardja tal-kosta).

Jekk jogħġbok innota li l-Manwal ma jkoprix il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta li ma humiex fil-kompetenza tal-mandati tal-aġenziji.

2.4.   Kontenut tal-Manwal

Il-Manwal, ikkumplimentat mill-katalogi u mill-iskedi informattivi, huwa magħmul mill-elementi deskritti hawn taħt.

(a)

Il-Katalogu tas-Servizzi huwa ffukat fuq is-servizzi interaġenzjali li huma attwalment disponibbli għall-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri u li jappoġġaw it-twettiq tar-responsabbiltajiet tal-gwardja tal-kosta.

(b)

Il-Katalogu tat-Taħriġ, li huwa parti integrali mill-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet tal-aġenziji, ikopri l-korsijiet kollha ta’ taħriġ ipprovduti mit-tliet aġenziji (fl-oqsma marittimi kollha) li huma attwalment disponibbli għall-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri. Dawn il-korsijiet ta’ taħriġ jiġu organizzati jew minn aġenzija waħda jew b’mod konġunt minn żewġ jew minn tliet aġenziji.

(c)

Il-Katalogu tal-Linji Gwida u tal-Manwali tal-Aħjar Prattika għandu l-għan li jkopri l-linji gwida u l-manwali kollha tal-aħjar prattika disponibbli għall-partijiet ikkonċernati permezz tat-tliet aġenziji. Dawn il-linji gwida u l-manwali tal-aħjar prattika jiġu pprovduti jew minn aġenzija waħda jew b’mod konġunt minn żewġ jew minn tliet aġenziji. Barra minn hekk, hemm diversi arranġamenti ta’ kooperazzjoni reġjonali li ilhom stabbiliti fi ħdan u lil hinn mill-Ewropa li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati tal-UE. Fi ħdan dawn l-arranġamenti, ġew żviluppati diversi linji gwida u manwali tal-aħjar prattika li huma meqjusin rilevanti għall-Manwal, u ġew inklużi referenzi xierqa fil-Katalogu tal-Manwali.

(d)

It-taqsima dwar il-kooperazzjoni reġjonali/internazzjonali/bilaterali/multilaterali tipprovdi kampjun rappreżentattiv ta’ wħud mill-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jeżistu fl-Ewropa u lil hinn minnha, matul l-ispettru kollu tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta. Taqsima ddedikata (disponibbli permezz tal-pjattaforma ddedikata online) tkopri għadd tajjeb minn dawn il-mekkaniżmi, u kull wieħed minn dawn huwa marbut mal-iskedi informattivi tal-pajjiżi individwali (ara hawn taħt). Dan jippermetti lil kull pajjiż jindika jekk humiex qed jipparteċipaw f’kull wieħed minn dawk il-mekkaniżmi.

(e)

L-iskedi informattivi tal-pajjiżi għandhom l-għan li jidentifikaw liema organizzazzjoni hija involuta f’liema funzjoni speċifika tal-gwardja tal-kosta f’kull pajjiż. Il-mudell għall-iskedi informattivi ġie żviluppat f’konsultazzjoni mal-esperti nnominati mill-bord amministrattiv tal-aġenziji, u l-mudelli mbagħad ġew ippopolati mill-pajjiżi individwali.

3.   FUNZJONIJIET TAL-GWARDJA TAL-KOSTA U OQSMA TA’ KOOPERAZZJONI INTERAĠENZJALI

3.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Għall-finijiet tal-Manwal, il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta (CGFs) huma mifhuma bħala dawk li ssir referenza għalihom mit-tliet aġenziji b’mod komuni. Il-lista oriġinarjament ġiet iġġenerata mill-Forum Ewropew dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali (ECGFF) kif ġej (fl-ebda ordni ta’ prijorità):

(a)

is-sikurezza marittima, inkluż il-ġestjoni tat-traffiku tal-bastimenti;

(b)

servizz ta’ assistenza għal diżgrazzji fuq bastimenti u ta’ assistenza marittima;

(c)

spezzjoni u kontroll tas-sajd;

(d)

kontroll fuq il-fruntiera marittima;

(e)

il-protezzjoni u r-rispons tal-ambjent marittimu;

(f)

prevenzjoni u trażżin tat-traffikar u l-kuntrabandu u infurzar tal-liġi marittima mehmuża;

(g)

tfittxija u salvataġġ marittimi;

(h)

monitoraġġ u sorveljanza marittimi;

(i)

attivitajiet doganali marittimi;

(j)

ir-rispons għal aċċidenti u diżastri marittimi;

(k)

is-sigurtà marittima, tal-vapuri u tal-portijiet.

3.2.   Kooperazzjoni interaġenzjali

Bħala parti mill-pakkett tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta adottat mill-UE f’Settembru 2016, ir-regolamenti fundaturi tat-tliet aġenziji ġew emendati biex jinkludu l-kooperazzjoni bejniethom b’appoġġ għall-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta. Dan sar biex jissaħħu l-effettività u l-effiċjenza tal-appoġġ ipprovdut mill-EFCA, mill-EMSA u mill-Frontex lill-partijiet ikkonċernati rispettivi tagħhom.

Ir-regolamenti emendati jipprovdu wkoll bażi ġuridika espliċita għat-tliet aġenziji biex jingħaqdu flimkien u biex jiġu ssimplifikati l-attivitajiet biex jiżdiedu l-għarfien u r-rispons tas-sitwazzjoni marittima u jiġu pprovduti servizzi mfassla apposta lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta.

Il-mandat jiddefinixxi b’mod espliċitu ħames oqsma ta’ kooperazzjoni, kif deskritt fit-Taqsima 1 ta’ dan id-dokument, iżda l-koleġiżlaturi ħallew f’idejn l-aġenziji biex jiddefinixxu kif din il-kooperazzjoni taħdem fil-prattika u biex jifformalizzawha f’arranġament ta’ ħidma. Dan l-arranġament ta’ ħidma ġie approvat mill-bord ta’ ġestjoni tal-Frontex u mill-bordijiet amministrattivi tal-EFCA u tal-EMSA.

Imbagħad ġie żviluppat b’mod konġunt Arranġament ta’ Ħidma Tripartitiku (TWA) mit-tliet aġenziji u dan ġie approvat mill-korpi regolatorji rispettivi tagħhom, li daħal fis-seħħ f’Marzu 2017 u li qiegħed jiġi estiż f’Marzu 2021. It-TWA jipprevedi l-istabbiliment ta’ kumitat ta’ tmexxija għall-ġestjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-ħames oqsma ddefiniti mill-koleġiżlaturi.

Il-kumitat ta’ tmexxija japprova, qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, il-pjan strateġiku annwali għall-implimentazzjoni tat-TWA. Il-pjan imbagħad jiġi ppreżentat lill-korpi governattivi tal-EFCA, tal-EMSA u tal-Frontex għall-adozzjoni u għall-inklużjoni fid-dokumenti ta’ programmazzjoni uniċi tat-tliet aġenziji.

Il-pjan strateġiku annwali jiddeskrivi l-prijoritajiet skont il-ħames oqsma ta’ kooperazzjoni. Dan iservi bħala l-bażi għall-pjanijiet ta’ implimentazzjoni annwali, li jiddefinixxu fid-dettall l-attivitajiet li kull aġenzija se timplimenta skont il-qafas ta’ kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta f’sena partikolari.

Barra minn hekk, fl-2017 ġie maqbul li l-AECGE tiġi organizzata mill-aġenzija li attwalment qed tippresjedi l-kumitat ta’ tmexxija tat-TWA. L-għan tal-AECGE huwa li tikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali b’funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta u sħab oħra tal-UE u internazzjonali fuq l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tat-tliet aġenziji.

3.3.   Ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz

Diġà jeżistu għadd ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz (FLS) bejn it-tliet aġenziji. Dawn il-FLS jikkonċernaw l-appoġġ operazzjonali ta’ kuljum tal-aġenziji għall-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta.

Din li ġejja hija lista ta’ FLS bejn it-tliet aġenziji minn Mejju 2020:

(a)

il-FLS bejn l-EFCA u l-EMSA, li ġie stabbilit fl-2012 u li ġie mġedded u estiż regolarment minn dak iż-żmien. Attwalment, dan jiġi mġedded awtomatikament fuq bażi annwali u jkopri l-forniment ta’ Servizzi Marittimi Integrati ddedikati mill-EMSA lill-EFCA u mekkaniżmi għall-bastimenti kkuntrattati tal-EMSA biex jintużaw għall-attivitajiet tal-EFCA. Dan jippermetti wkoll lill-EFCA tuża s-Sistema ta’ Inġenju tal-Ajru Ppilotat mill-Bogħod (RPAS) tal-EMSA għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ u kontroll tas-sajd u l-kooperazzjoni dwar ir-rispons għat-tniġġis.

(b)

Il-FLS bejn l-EMSA u l-Frontex, li ġie stabbilit fl-2013 u li ġie mġedded u estiż regolarment minn dak iż-żmien. Attwalment dan għaddej għal perjodu indefinit u jkopri l-forniment ta’ servizzi marittimi ddedikati mill-EMSA b’appoġġ għall-EUROSUR għall-Frontex u mekkaniżmu għall-Frontex biex tuża l-RPAS tal-EMSA għal attivitajiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri.

(c)

Il-FLS bejn l-EFCA u l-Frontex għall-forniment ta’ servizzi b’appoġġ għall-attivitajiet tal-EFCA, inkluż is-servizzi ta’ sorveljanza mill-ajru u l-użu ta’ bastimenti tal-għassa offshore (OPV). Dan jiġi mġedded awtomatikament fuq bażi annwali.

(d)

Il-FLS bejn l-EFCA u l-Frontex għall-forniment ta’ servizzi għas-sorveljanza tal-fruntieri fil-EUROSUR. Dan jiġi mġedded awtomatikament fuq bażi annwali u ġie aġġornat u emendat regolarment.

4.   KATALOGU TAS-SERVIZZI

Il-Katalogu tas-Servizzi jelenka s-servizzi li huma disponibbli għall-Istati Membri u t-tliet aġenziji, u li jinvolvu kontribuzzjonijiet minn żewġ aġenziji jew aktar fit-twassil tagħhom.

Peress li l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta jinvolvu azzjonijiet “xprunati mill-inċidenti”  (3) u/jew azzjonijiet “xprunati mill-monitoraġġ”  (4) , it-tliet aġenziji jiżviluppaw servizzi biex jappoġġaw tali azzjonijiet.

Il-lista tas-servizzi, b’informazzjoni dwar min jista’ jaċċessa dawk is-servizzi u d-dettalji dwar kif jagħmel dan, hija pprovduta fil-pjattaforma ta’ akkumpanjament online. B’mod parallel, id-deskrizzjonijiet tas-settijiet tad-data ewlenin użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi jinsabu hawn taħt.

Is-servizz jista’ jkun magħmul minn firxa ta’ settijiet tad-data, bażijiet tad-data, pjattaformi u għodod assoċjati. Din tista’ tgħaqqad proċessi li jinvolvu l-ġbir, il-ġestjoni, l-isfruttament u l-viżwalizzazzjoni tad-data.

4.1.   Pożizzjonijiet, karatteristiċi tal-bastimenti u data relatata

Tintuża firxa ta’ sorsi tad-data biex jiġu pprovduti dawn is-servizzi. Pereżempju, is-servizzi tal-EMSA huma bbażati fuq l-ipproċessar avvanzat tad-data, bl-użu tad-data disponibbli jew direttament permezz tal-applikazzjonijiet marittimi tal-Aġenzija jew minn sorsi esterni. Skont l-utent, kombinazzjonijiet differenti ta’ data jistgħu jiġu trażmessi direttament lis-sistemi nazzjonali, ippreżentati fuq interfaċċa grafika faċli għall-utent, u pprovduti fuq apparati mobbli. Id-data tiġi mqassma skont id-drittijiet ta’ aċċess stabbiliti.

Dawn li ġejjin huma wħud mis-sorsi tad-data ewlenin:

(a)

Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika Terrestri

Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika Terrestri (T-AIS) hija sistema ta’ xandir marittimu, ibbażata fuq it-trażmissjoni ta’ sinjali tar-radju ta’ frekwenza għolja ħafna. Il-bastimenti jibagħtu rapporti bl-identifikazzjoni, bil-pożizzjoni u bir-rotta tal-bastiment tagħhom, kif ukoll b’informazzjoni dwar il-merkanzija tagħhom. Fl-Ewropa, l-iskambju ta’ messaġġi tal-AIS huwa implimentat permezz tas-sistema SafeSeaNet (SSN).

(b)

Is-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Informazzjoni Marittima (SafeSeaNet)

Is-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Informazzjoni Marittima (SSN) (5) hija sistema transsettorjali u transfruntiera għall-kondiviżjoni u għall-iskambju tal-informazzjoni, li tipprovdi servizzi marittimi integrati għall-finijiet tas-sikurezza marittima, is-sigurtà tal-port u dik marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-effiċjenza tat-traffiku u t-trasport marittimu kif ukoll l-għarfien tas-sitwazzjoni fis-sorveljanza marittima u tal-baħar; is-sistema tgħaqqad lill-awtoritajiet marittimi minn madwar l-Ewropa permezz ta’ network ta’ skambju tad-data marittima. Is-SSN tinkludi informazzjoni dwar il-bastimenti mill-AIS, mis-Sistemi Obbligatorji ta’ Rapportar (MRS), data dwar il-waqfiet f’port, oġġetti perikolużi u niġġiesa, sigurtà, skart u residwi tal-merkanzija, u informazzjoni dwar inċidenti relatati mas-sikurezza.

L-EMSA hija responsabbli għall-iżvilupp, għat-tħaddim u għaż-żamma tas-sistema ċentrali ta’ SSN u tinteraġixxi mal-utenti fuq bażi operazzjonali.

(c)

AIS bis-satellita

Is-satelliti jistgħu jirċievu wkoll messaġġi ta’ pożizzjoni bl-AIS. L-iskambju ta’ informazzjoni tal-AIS permezz tas-satellita, permezz ta’ fornituri kummerċjali, żied il-firxa ġeografika li fuqha jistgħu jiġu ntraċċati l-bastimenti; f’każ bħal dan, id-data tiġi pprovduta f’inqas minn siegħa.

Id-data tal-AIS bis-satellita disponibbli permezz tal-EMSA u kondiviża mal-EFCA u l-Frontex għandha kopertura globali.

(d)

Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod

L-Identifikazzjoni u t-Traċċar mill-Bogħod (LRIT) hija sistema globali ta’ identifikazzjoni u traċċar tal-bastimenti bbażata fuq il-komunikazzjonijiet bis-satellita. Skont ir-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), il-vapuri tal-passiġġieri, il-vapuri tal-merkanzija (tunnellaġġ gross ta’ 300 u aktar) u l-unitajiet ta’ tħaffir mobbli offshore fuq vjaġġi internazzjonali jibagħtu rapporti obbligatorji dwar il-pożizzjoni darba kull 6 sigħat. L-EMSA topera ċ-Ċentru Kooperattiv tad-Data (CDC) tal-LRIT, li permezz tiegħu l-utenti tal-“Pajjiżi Parteċipanti tas-CDC tal-LRIT tal-UE” jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni tal-LRIT dwar il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom madwar id-dinja.

L-Istati Membri jirċievu r-rapporti obbligatorji dwar il-pożizzjoni mingħajr ħlas, peress li l-ispejjeż assoċjati jitħallsu mill-baġit tal-UE mill-EMSA. Hemm arranġament fis-seħħ li bih l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkondividu d-data dwar il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom ma’ Stati Membri oħra mingħajr ħlas.

Barra minn hekk, l-utenti tal-“Pajjiżi Parteċipanti tas-CDC tal-LRIT tal-UE” jistgħu jirċievu, fuq talba iżda bi ħlas, data dwar bastimenti ta’ kwalunkwe bandiera destinati jew li qed ibaħħru sa 1 000 mil nawtiku mill-ilmijiet tal-UE.

(e)

Bażijiet tad-data ta’ referenza ċentrali marittimi tal-EMSA

L-EMSA timmaniġġa diversi bażijiet tad-data ċentrali marittimi. Ta’ interess attwali partikolari (anke fir-rigward tas-Sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea, EMSWe) huma l-Bażi tad-Data tal-Organizzazzjoni Ċentrali (COD), il-Bażi tad-Data Ċentrali ta’ Hazmat (CHD) u l-Bażi tad-Data Ċentrali tal-Bastimenti (CSD).

Is-COD taħżen informazzjoni relatata mal-organizzazzjonijiet pubbliċi, bħall-awtoritajiet lokali u nazzjonali involuti fl-Ekosistema SafeSeaNet. L-għan inizjali tas-COD kien li sservi bħala l-Bażi tad-Data tal-Infrastruttura ta’ Monitoraġġ tat-Traffiku Bbażata fuq ix-Xatt (STMID), li tissimplifika u tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-awtoritajiet u l-istazzjonijiet kostali li jkunu nħatru mill-Istati Membri skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità.

Is-CSD tista’ tintuża biex issir kontroverifika tad-data dwar l-identità tal-bastiment (OMI, MMSI, isem, sinjal tas-sejħa u bandiera) maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali tal-bastimenti jew li tasal mingħand il-partijiet li jagħmlu r-rapport. Id-dettalji tal-bastiment (eż. it-tunnellaġġ, it-tul, il-wisa') huma disponibbli wkoll meta l-partijiet ikkonċernati rilevanti jipprovdu dawn id-dettalji. Is-CSD hija ospitata fl-EMSA u tipprovdi servizz komuni għall-utenti interni tal-EMSA u għall-Istati Membri kollha.

L-objettiv ewlieni tas-CHD huwa li ttejjeb il-kwalità tar-rapportar dwar oġġetti perikolużi u niġġiesa fis-sistema SafeSeaNet. Hi tinkludi lista komprensiva tal-oġġetti perikolużi u niġġiesa kollha li jridu jiġu nnotifikati skont id-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità, kif emendata (6). Tipprovdi wkoll aċċess għall-bażi tad-data tal-iskedi ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tal-baħar (MAR-CIS) dwar il-perikli u r-riskji assoċjati ta’ prodotti perikolużi u niġġiesa. Is-CHD hija aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, għall-industrija u għall-pubbliku ġenerali.

(f)

Data u informazzjoni speċifiċi għas-sajd

Bħala parti mill-Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunti (JDP) u skont l-obbligi internazzjonali, l-EFCA tirċievi firxa ta’ data u servizzi relatati mas-sajd mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

—

Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti

Is-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) hija sistema ta’ monitoraġġ ibbażata fuq is-satellita, li f’intervalli regolari tipprovdi data lill-awtoritajiet tas-sajd tal-Istat tal-bandiera dwar il-post, ir-rotta u l-veloċità tal-bastimenti tas-sajd. Fl-UE, l-użu ta’ din is-sistema huwa obbligatorju għall-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar (7).

Il-bastimenti tas-sajd huma mgħammra b’terminal abbord u reżistenti għat-tbagħbis. Dan it-terminal jirċievi, permezz tas-satellita, data dwar il-pożizzjoni tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u mbagħad jittrażmetti permezz tas-satellita d-data tal-VMS, normalment kull siegħa jew kull sagħtejn (massimu), lil Stazzjon tal-Art Terrestri (LES) għat-trażmissjoni ’l quddiem liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd rilevanti. Is-sistema hija mfassla biex topera b’mod kompletament awtomatiku mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ kwalunkwe input manwali.

Il-VMS tintuża biex tivverifika l-pożizzjonijiet kważi f’ħin reali u storiċi ta’ bastiment tas-sajd biex tikkonforma mar-rekords tal-qbid, tappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (IUU) u tassisti l-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta. Bħala parti mill-JDP, l-EFCA tirċievi data tal-VMS mill-Istati Membri kollha tal-UE involuti f’kull JDP. L-Istati Membri jibagħtu wkoll, lill-EFCA, id-data tal-VMS li jkunu rċevew minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi awtorizzati biex jistadu fl-ilmijiet tagħhom.

Peress li l-EFCA tikkoordina wkoll il-JDPs fl-ilmijiet internazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tas-sajd jibagħtu data lill-VMS tal-EFCA minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi attivi f’dawn iż-żoni.

—

Sistema Elettronika ta’ Reġistrazzjoni u Rappurtar

Is-Sistema Elettronika ta’ Reġistrazzjoni u Rappurtar (ERS) tintuża għall-iskambju awtomatiku tad-data dwar l-attività tas-sajd. Din id-data tiġi rrapportata mill-bastimenti tas-sajd lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istat tal-bandiera u tiġi skambjata permezz tal-ERS bl-użu ta’ format u protokoll standard bejn l-istat tal-bandiera u partijiet oħra (stat kostali, stat ta’ kontroll, EFCA). L-ERS qed tintuża għall-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd tal-UE (inklużi dikjarazzjonijiet tal-qabdiet u tal-ħatt l-art, eċċ.) u l-EFCA tirċievi d-data għal lista ta’ bastimenti stabbilita minn qabel.

4.2.   Sorsi bbażati fuq l-Osservazzjoni tad-Dinja

(a)

Servizz ta’ Sorveljanza Marittima ta’ Copernicus

(b)

Immaġnijiet bis-satellita tar-Radar b’Apertura Sintetika (SAR)

Is-sensuri tas-SAR jużaw frekwenzi tal-mikromewġ sabiex jirkupraw il-kejl ta’ retrodiffużjoni mis-superfiċe identifikata hawn taħt (baħar jew art). L-immaġnijiet jistgħu jinkisbu irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp u mill-kopertura tas-sħab, u f’kull ħin, lejl u nhar.

L-immaġnijiet tas-SAR tal-oċean jiddependu ħafna mill-ħruxija tal-wiċċ ikkawżata mill-istress mir-riħ fuq il-baħar. Billi jitkejjel l-għoli tal-mewġ, l-immaġnijiet li jirriżultaw juru karatteristiċi li jispikkaw fl-isfond; pereżempju, il-bastimenti u strutturi oħra magħmula mill-bniedem jidhru bħala tikek jixegħlu, filwaqt li t-tixrid taż-żejt jew iż-żoni b’riħ ħafif ħafna jidhru bħala forom skuri.

(c)

Immaġnijiet tas-satellita ottiċi

L-immaġnijiet ottiċi jistgħu jipprovdu minjiera ta’ informazzjoni f’meded spettrali differenti. Dawn jipprovdu interpretazzjoni tal-immaġni u identifikazzjoni tal-oġġetti aktar faċli minħabba l-kombinazzjoni ta’ frekwenzi Ħomor-Ħodor-Blu (RGB) u kuntrast ogħla, għalkemm b’dipendenza għolja ħafna fuq id-dawl tax-xemx u l-kundizzjonijiet tat-temp. Is-sensuri ottiċi ma jistgħux jaqbdu immaġnijiet matul il-lejl jew f’kundizzjonijiet ta’ kopertura tas-sħab.

d)

Is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Ambjent tal-Baħar ta’ Copernicus (8)

e)

Prodotti tas-Satellita Oċeanografika

Xi satelliti tas-Sentinel huma ddedikati għall-monitoraġġ tal-oċeani bi strumenti bħal altimetri, radjometri u strumenti ottiċi b’meded spettrali dedikati. Dawn it-tliet tipi ta’ sensuri (abbord eż. Sentinel3, Sentinel6) jipprovdu osservazzjoni ta’ referenza biex tinkiseb kwalunkwe informazzjoni dwar l-istat tal-oċeani u l-fiżika biex jitwasslu previżjonijiet tal-oċeani: kurrenti, mewġ, livell tal-baħar, silġ fuq il-baħar, temperatura, salinità. Flimkien ma’ ħafna sorsi ta’ immaġnijiet ottiċi li jwasslu, kif ukoll osservazzjonijiet tal-kontenut bijoġeokimiku fuq il-baħar (inkluż għal previżjonijiet relatati).

4.3.   Sorsi bbażati fuq pjattaforma mill-ajru

(a)

Sistemi ta’ Inġenju tal-Ajru Pilotat mill-Bogħod

Is-servizzi tas-Sistemi ta’ Inġenju tal-Ajru Ppilotat mill-Bogħod jgħinu fl-operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima, filwaqt li jappoġġaw lill-awtoritajiet involuti fil-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta mwettqa mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-UE, bħal:

—

id-detezzjoni tat-tniġġis tal-baħżar u l-monitoraġġ tal-emissjonijiet;

—

id-detezzjoni tas-sajd illegali, operazzjonijiet kontra t-traffikar tad-droga, u l-immigrazzjoni illegali;

—

appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ rispons għat-tniġġis tal-baħar;

—

operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ;

—

appoġġ għall-attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi.

Użati bħala għodda komplementari fil-katina ta’ sorveljanza ġenerali, l-RPAS għandhom il-kapaċità li jtiru għal ħin twil (aktar minn 10 sigħat, skont is-sistema). Dan jippermetti li jsir monitoraġġ ta’ żoni kbar, u l-RPAS jistgħu jibqgħu “fuq il-post” jekk ikun meħtieġ kemm matul il-jum kif ukoll billejl.

Il-portafoll attwali tal-RPAS tal-EMSA jinkludi sistemi tal-qtugħ mill-art u l-inżul vertikali (VTOL) kif ukoll tal-RPAS bi ġwienaħ fissi, li wħud minnhom jużaw komunikazzjoni bis-satellita biex jippermettu operazzjonijiet tar-radju lil hinn mil-linja ta’ viżjoni. L-RPAS tal-VTOL huma partikolarment utli għall-kontroll tas-sajd, għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-bastimenti (bl-użu ta’ “fittiexa” fil-merżuq ta’ bastiment) u għall-operazzjonijiet ta’ rispons għat-tniġġis. Skont il-massa massima ta’ tagħbija utli tagħhom, l-RPAS jistgħu jġorru firxa ta’ sensuri, bħal kameras tal-vidjo ottiċi u/jew infraħomor għas-sorveljanza ta’ kuljum/ta’ billejl, radjazzjoni infraħamra (IR) u/jew sensuri tar-radar għad-detezzjoni ta’ bastimenti u tal-irqajja’ taż-żejt.

Video streams diretti u d-data miġbura permezz tal-RPAS jitqassmu permezz ta’ Ċentru tad-Data tal-RPAS ibbażat fuq l-internet, li jippermetti aċċess mix-xogħol u/jew f’postijiet remoti. Id-data hija marbuta mal-istampa marittima li diġà hija disponibbli permezz tal-integrazzjoni ta’ servizzi oħrajn ta’ sorveljanza marittima.

(b)

Sorsi ibbażati fuq l-inġenji tal-ajru mgħammra bl-ekwipaġġ

Is-servizzi mgħammra bl-ekwipaġġ jippermettu monitoraġġ f’ħin reali, fost affarijiet oħra, taż-żoni ta’ interess “prefruntiera”, filwaqt li d-data ta’ sorveljanza ssir disponibbli għal dawk li jagħmlu t-talba immedjatament matul l-operazzjoni.

Video streams u streams tal-informazzjoni f’ħin reali huma pprovduti minn sensuri installati fuq il-pjattaforma tal-ajru u trażmessi direttament lill-kamra ta’ monitoraġġ u liċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sħab fl-UE.

L-għan primarju huwa li jiġu appoġġati l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen involuti fil-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta, l-aġenziji u l-entitajiet tal-UE f’attivitajiet ta’ sorveljanza u monitoraġġ f’qasam speċifiku ta’ interess (AOI) li jiffoka fuq il-“prefruntieri” tal-UE.

Is-sorveljanza mill-ajru bi skopijiet multipli tappoġġa lill-utenti involuti fi:

—

l-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima relatati mal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta;

—

id-detezzjoni ta’ dgħajjes f’diffikultà, l-iskattar ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, u kontribuzzjonijiet ulterjuri lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ tiftix u salvataġġ fuq talba;

—

il-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera;

Il-Frontex u l-EFCA jipprovdu dawn is-servizzi permezz ta’ kuntratt qafas interistituzzjonali konġunt.

4.4.   Sorsi ewlenin oħra tad-data

(a)

Data meteoroloġika-oċeanografika

Hemm firxa ta’ data meteoroloġika-oċeanografika disponibbli u ġiet integrata fis-sistemi tal-EMSA. Is-settijiet tad-data huma deskritti hawn taħt.

—

In-Network Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODNet) (9) jipprovdi aċċess għad-data minn aktar minn 1 500 pjattaforma in situ. L-informazzjoni hija ġeolokalizzata u diviża skont it-tip ta’ pjattaforma.

—

L-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) (10) tipprovdi aċċess għas-satelliti meteoroloġiċi li jagħmlu rilevament tal-oċeani f’riżoluzzjoni ħarxa iżda f’ħin reali speċifikament għas-servizzi ta’ tbassir tat-temp u għall-monitoraġġ ta’ wiċċ l-oċeani.

—

Is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Ambjent tal-Baħar ta’ Copernicus (CMEMS) jiġbor data mis-satellita, dwar it-temp u in situ biex jiġu pprovduti servizzi operazzjonali ta’ tbassir oċeaniku għall-oċean blu (temperatura, kurrenti, livell tal-baħar, irjieħ, mewġ), l-oċean abjad (aktar minn 10 parametri ta’ silġ fuq il-baħar inklużi l-konċentrazzjoni, il-ħxuna, id-deriva u l-icebergs), u l-oċean aħdar (eż. il-klorofilla, il-plankton, il-proprjetajiet ottiċi, in-nutrijenti, il-prodotti relatati mal-karbonju u l-kontenut kimiku bħall-ħadid, il-fosfat, in-nitrat).

—

Is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (ECAMS) (11) jipprovdi tbassir tul is-saffi differenti tal-atmosfera dwar il-kontenut tiegħu fi

—

diossidu tal-kubrit;

—

diossidu tan-nitroġenu;

—

diossidu tal-karbonju.

(b)

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-bastimenti u mal-vjaġġ

L-Istati Membri jiskambjaw ukoll data addizzjonali (dwar il-bastimenti, il-vjaġġi, l-ispezzjonijiet u informazzjoni relatata oħra) permezz tas-sistemi tal-EMSA. Dan jinkludi, fost affarijiet oħra: data tal-ispezzjoni u allerti relatati ma’ regolamenti internazzjonali jew tal-UE (THETIS, THETIS-EU); rapporti ta’ investigazzjoni dwar l-aċċidenti (EMCIP); id-data dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (STCW-IS); approvazzjonijiet tat-tagħmir tal-baħar (MarED); in-notifiki tal-wasla fil-port u tat-tluq, il-ġarr ta’ oġġetti perikolużi u r-rapporti dwar l-inċidenti (SafeSeaNet).

4.5.   Għodod għall-analiżi tad-data u l-viżwalizzazzjoni

Kif imsemmi qabel, hemm bżonn li jiġu sfruttati u viżwalizzati kemm id-data kif ukoll il-bażijiet tad-data assoċjati. Uħud mill-għodod u l-pjattaformi relatati huma elenkati hawn taħt.

(a)

Algoritmi Awtomatizzati tal-Monitoraġġ tal-Imġiba (ABM)/Servizz ta’ Detezzjoni ta’ Anomalija

L-ABMs huma għodod ibbażati fuq l-algoritmu li janalizzaw il-pożizzjonijiet tal-bastimenti biex jidentifikaw imġiba speċifika tal-bastiment u jwissu lill-operatur rilevanti. Sal-lum ġew żviluppati aktar minn 20 algoritmu, inkluż algoritmi għad-dħul f’żona ta’ interess, għal laqgħa bejn żewġ bastimenti fuq il-baħar, u għal bastiment li jkun qed joqrob lejn ix-xatt. L-ABMs kollha jistgħu jintgħażlu u jiġu kkonfigurati direttament mill-utent; l-operaturi jiġu nnotifikati b’mod awtomatiku f’ħin reali permezz ta’ email jew permezz tal-interfaċċa grafika tal-utent Interfaċċa Grafika tal-Utent ta’ SafeSeaNet (SEG).

L-ABMs jintużaw minn għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri u minn korpi tal-UE f’diversi kuntesti operazzjonali, bħall-kontroll tas-sajd, il-kontroll fuq il-fruntieri, is-sigurtà, is-sikurezza tat-traffiku tal-baħar, il-protezzjoni kostali, u l-ħarsien tal-ambjent.

L-ABMs huma disponibbli permezz tas-Servizzi Marittimi Integrati (IMS) tal-EMSA lill-Istati Membri u lill-EFCA. Il-pjattaforma assoċjata hija s-“SEG”. Dawn huma pprovduti wkoll lill-Frontex, fuq bażi ta’ sistema għal sistema, permezz tal-Applikazzjoni għar-Rapportar dwar l-Operazzjonijiet Konġunti (JORA). Fuq il-pjattaforma tal-Frontex, dawn huma magħrufa bħala s-Servizz ta’ Detezzjoni tal-Anomalija.

(b)

Prodotti b’valur miżjud għall-Osservazzjoni tad-Dinja

Il-prodotti b’valur miżjud jgħinu lill-utenti billi jiksbu informazzjoni partikolarment siewja mill-prodotti bażiċi tal-immaġni, li tippermetti lill-awtoritajiet iwettqu analiżi ta’ livell ogħla tal-oġġetti, il-karatteristiċi jew l-attivitajiet fuq il-baħar aktar malajr u b’mod effiċjenti. Il-prodotti b’valur miżjud jistgħu jiġu pprovduti jew bħala saff fuq il-prodott oriġinali ta’ immaġni bis-satellita jew bħala saff separat ta’ informazzjoni, pereżempju saff ta’ vettur, jew bħala previżjoni jew rianaliżi/tbassir tal-klima. Il-prodotti b’valur miżjud li bħalissa qed jiġu offruti lill-utenti jinkludu:

—

id-detezzjoni tal-bastiment;

—

id-detezzjoni tal-karatteristiċi;

—

id-detezzjoni tal-attività;

—

id-detezzjoni tat-tixrid taż-żejt;

—

l-informazzjoni dwar ir-riħ u l-mewġ.

Dawn il-prodotti ta’ Osservazzjoni tad-Dinja b’valur miżjud huma disponibbli għall-Istati Membri u għall-EFCA permezz tal-IMS tal-EMSA. Dawn jistgħu jkunu liberi fil-punt tal-użu għall-Istati Membri u għall-EFCA, peress li l-finanzjament jista’ jiġi kopert mis-Servizz ta’ Sorveljanza Marittima ta’ Copernicus bl-għajnuna tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Ambjent tal-Baħar ta’ Copernicus (12). Dawn jistgħu jiġu viżwalizzati fis-SEG u jistgħu jiġu pprovduti wkoll lill-Frontex, fuq bażi ta’ sistema għal sistema, permezz ta’ JORA. Fuq il-pjattaforma tal-Frontex, huma magħrufa bħala s-Servizz ta’ Detezzjoni tal-Bastimenti (VDS) u s-Servizz ta’ Detezzjoni tal-Attività.

(c)

Korrelazzjoni tal-bastiment ta’ Osservazzjoni tad-Dinja

Is-sejbiet tal-bastimenti derivati minn SAR u minn immaġnijiet ottiċi jiġu korrelatati mad-data tal-bastiment (eż. id-data tal-AIS, tal-EORI u tal-VMS). Dan jista’ jipprovdi ħarsa ġenerali lejn liema bastimenti qed jirrapportaw f’żona partikolari, u liema ma humiex. Din l-informazzjoni tintwera f’żewġ saffi ta’ vetturi:

—

VDS korrelatata mal-informazzjoni dwar ir-rapportar tal-bastimenti (bastiment identifikat mis-satellita jista’ jitqabbel mal-informazzjoni dwar ir-rapportar tal-bastimenti u għalhekk identifikat); u

—

VDS mhux ikkorrelatata mal-informazzjoni dwar ir-rapportar tal-bastimenti (bastiment identifikat mis-satellita ma jistax jitqabbel mal-informazzjoni dwar ir-rapportar tal-bastimenti u għalhekk ma hija possibbli l-ebda identifikazzjoni tal-bastiment).

L-utenti jirċievu biss korrelazzjonijiet tal-informazzjoni dwar ir-rapportar tal-bastimenti li għalihom ikunu ngħataw id-drittijiet ta’ aċċess rilevanti.

4.6.   Pjattaformi oħra ta’ informazzjoni relatati mal-baħar

L-aġenziji żviluppaw pjattaformi ta’ informazzjoni differenti xprunati mill-ħtiġijiet tal-komunitajiet u l-mandati speċifiċi tal-utenti tagħhom. Dawn il-pjattaformi jintegraw, skont il-ħtiġijiet u d-drittijiet ta’ aċċess, uħud mid-data u l-għodod deskritti hawn fuq. Il-pjattaformi ewlenin huma kif ġej:

(a)

EFCA: L-IMS tal-EFCA tipprovdi stampa integrata ta’ sensibilizzazzjoni marittima, imfassla speċifikament għall-kontroll tas-sajd, li tappoġġa l-attivitajiet ta’ kontroll tas-sajd tal-Istati Membri. Dan isir u jinbena permezz tas-SEG żviluppat mill-EMSA.

L-IMS tal-EFCA għandha l-kapaċità li tintegra u li tgħaqqad, f’ħin reali, is-settijiet tad-data dwar il-pożizzjoni miġbura permezz ta’ kanali bħall-VMS, l-AIS terrestri u l-AIS bis-satellita, kif ukoll rapporti u immaġnijiet satellitari tal-LRIT u l-VDS imwassla permezz tas-Servizz ta’ Sorveljanza Marittima ta’ Copernicus.

L-applikazzjoni tinkludi varjetà wiesgħa ta’ funzjonalitajiet u settijiet ta’ data ta’ referenza u tista’ tipprovdi għal kompiti speċifiċi ta’ kontroll tas-sajd. Dawn il-kompiti jvarjaw mill-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE u tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) sal-għoti ta’ sors affidabbli ta’ informazzjoni storika dinjija dwar il-moviment tal-bastimenti (mhux limitata għall-bastimenti tas-sajd) għall-verifika taċ-ċertifikat tal-qbid IUU (Regolament IUU (13)).

Barra minn hekk, l-integrazzjoni ta’ informazzjoni speċifika għas-sajd dwar il-konfini marittimi u ż-żoni tas-sajd u, b’mod aktar importanti, dwar attributi speċifiċi tal-bastimenti tas-sajd u tal-attivitajiet tas-sajd – bħat-tipi ta’ bastimenti tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), it-tipi ta’ rkaptu, il-marki esterni tar-Reġistru tal-Flotta tal-Komunità (CFR) u l-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tas-sajd – jippermettu funzjonalitajiet ta’ filtru u tiftix avvanzati. Il-bosta funzjonalitajiet jinkludu:

—

Tiftix intelliġenti u tiftix avvanzat:

Tiftix intelliġenti ta’ bastimenti f’ħin reali, bl-użu ta’ diversi IDs. Tiftix avvanzat fuq sett usa’ ta’ attributi (jiġifieri t-tip ta’ rkaptu, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku) li jagħti aċċess għal pożizzjonijiet storiċi.

—

Tfassil ta’ binarju wieħed u multiplu:

Jistgħu jsiru binarji f’ħin reali u/jew storiċi għal bastimenti individwali u multipli.

Id-data dwar il-pożizzjoni ta’ frekwenza għolja u l-kapaċità li jingħaqdu diversi sorsi tad-data dwar il-pożizzjoni jippermettu monitoraġġ komprensiv tal-attività (jiġifieri attivitajiet ta’ trasbord u sajd, monitoraġġ tal-aċċess).

—

Monitoraġġ Awtomatizzat tal-Imġiba:

It-twissijiet ABM huma bbażati fuq algoritmi speċifiċi definiti skont il-ħtiġijiet operazzjonali. L-ABMs huma partikolarment utli għall-identifikazzjoni ta’ bastimenti li jidħlu f’żoni magħluqa (jiġifieri RTCs) jew ċerti imġibiet (jiġifieri trasbord).

—

Esportazzjoni u upload:

Ir-riżultati minn mistoqsijiet bħat-tfassil tal-binarji, it-tfittxijiet tal-bastimenti u t-twissijiet ABM jistgħu jiġu esportati f’diversi formati. Il-pożizzjonijiet tal-bastimenti u l-fajls taż-żoni jistgħu jiġu importati u marbuta ma’ bastimenti eżistenti.

(b)

EMSA: Is-SEG huwa l-pjattaforma ewlenija għall-viżwalizzazzjoni tas-SafeSeaNet u tas-Servizzi Marittimi Integrati, inkluż il-Monitoraġġ Awtomatizzat tal-Imġiba, għall-biċċa l-kbira tal-komunitajiet tal-utenti. Is-Servizzi Marittimi Integrati jistgħu jiġu aċċessati permezz tal-interfaċċa grafika tal-utent online tas-SEG, li hija disponibbli fuq apparati desktop, laptop u mobbli (permezz tal-applikazzjoni tal-IMS). Dawn is-servizzi huma disponibbli wkoll fuq interfaċċi minn sistema għal sistema, li jippermettu lill-utenti jaraw data integrata dwar is-sistemi tagħhom stess u jirċievu allerti għal każijiet speċifiċi ta’ sorveljanza ddeterminati minn qabel.

—

Pjattaforma SEG:

Il-pjattaforma SEG tintegra u tgħaqqad ħafna tipi differenti ta’ data, inkluż id-data pprovduta mill-utent finali, biex tipprovdi l-aktar stampa marittima komprensiva u aġġornata possibbli. Dan joffri servizz personalizzat imfassal speċifikament għar-rekwiżiti tal-utent, u d-data tista’ tiġi kondiviża faċilment u b’mod selettiv abbażi ta’ sett ta’ kapaċitajiet uniċi.

—

Is-sorsi tad-data:

Id-data tiġi estratta minn: is-sistemi ta’ traċċar tal-bastimenti (AIS terrestri, LRIT u VMS); fluss globali ta’ AIS bis-satellita; L-immaġni satellitari tal-Osservazzjoni tad-Dinja u l-prodotti relatati; karatteristika mtejba ta’ tiftix u salvataġġ (E-SARSURPIC); informazzjoni addizzjonali dwar il-bastimenti u l-vjaġġi (Hazmat, port, skart, sigurtà u relatata mal-inċidenti); ċarts nawtiċi; u data meteoroloġika-oċeanografika. Ara t-Taqsimiet 4.1, 4.2 u 4.3 għal aktar dettalji.

—

Data li taqdi funzjonijiet differenti:

Is-Servizzi Marittimi Integrati huma offruti lill-awtoritajiet marittimi kollha u jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-utenti minn firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet differenti. L-utenti jistgħu jaqsmu informazzjoni rilevanti u speċifika għall-funzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra għal missjonijiet fuq il-baħar.

—

Data mill-utenti:

L-utenti jistgħu jipprovdu wkoll id-data tagħhom stess, li tista’ tiġi korrelatata ma’ data oħra, imbagħad tintbagħat lura lilhom u lil dawk ma’ min jaqsmu li jagħżluha.

—

Skala u kopertura ġeografika:

Livelli differenti ta’ dettall jistgħu jinqasmu fi skali ġeografiċi differenti (nazzjonali, reġjonali u internazzjonali). L-utenti jistgħu jagħżlu li jirċievu ħarsa ġenerali jew data speċifika li tkopri l-oqsma tal-aktar interess għalihom. Dawn jistgħu jistaqsu wkoll żmien speċifiku fil-passat, li jmur lura sa 36 xahar.

—

Ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess:

Il-politiki ta’ distribuzzjoni huma stabbiliti mis-sidien tad-data u tal-informazzjoni, li jikkonformaw ma’ pajsaġġi kumplessi tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-aċċess.

—

Monitoraġġ Awtomatizzat tal-Imġiba:

Is-sistema ABM ibbażata fuq l-algoritmu tanalizza l-pożizzjonijiet tal-bastiment biex tiġi identifikata mġiba anormali u speċifika tal-bastimenti. L-utenti jiġu avżati awtomatikament, u f’ħin reali, meta jiġu identifikati ċerti xejriet ta’ mġiba.

Barra minn hekk, il-pjattaforma ewlenija għall-ġestjoni tal-prodotti ta’ Osservazzjoni tad-dinja hija ċ-Ċentru tad-Data ta’ Osservazzjoni tad-Dinja. Għad-data operazzjonali tal-RPAS, il-pjattaforma ewlenija hija ċ-Ċentru tad-Data tal-RPAS.

(c)

Il-Frontex:

—

Il-EUROSUR:

Skont ir-Regolament (UE) 2019/1896 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri(EUROSUR) hija l-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fost il-Gwardji Ewropej tal-Fruntiera u tal-Kosta meta jwettqu kompiti ta’ ġestjoni tal-fruntieri. Hija tinkludi diversi elementi, fosthom varjetà ta’ Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR (EFS), li jikkontribwixxu għall-kompilazzjoni tal-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea (ESP) u tappoġġa lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-Istampi tas-Sitwazzjoni Nazzjonali tagħhom (NSP). Dawn huma bbażati fuq l-applikazzjoni komuni ta’ għodod ta’ sorveljanza u kooperazzjoni interaġenzjali fil-livell tal-UE, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ sigurtà ta’ Copernicus (Servizz ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri ta’ Copernicus).

L-EFS jiġbor data minn sorsi u minn pjattaformi differenti ta’ data, u jaggrega u jgħaqqadhom f’servizzi ta’ informazzjoni personalizzati relatati mal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dawn is-servizzi mbagħad jingħataw lill-awtoritajiet u lil sħab oħra fl-Istati Membri tal-UE u fil-Pajjiżi Assoċjati ta’ Schengen.

—

JORA:

Bħala parti mill-EUROSUR, l-Applikazzjoni għar-Rapportar dwar l-Operazzjonijiet Konġunti tintuża għall-ġestjoni tal-flussi tad-data u għall-iskambju ta’ data sensittiva u mhux sensittiva u mhux ikklassifikata bejn il-Frontex u l-partijiet ikkonċernati interni u esterni tagħha.

Il-Frontex introduċiet il-JORA bħala soluzzjoni bbażata fuq l-internet għall-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali f’Jannar 2011, minn meta ġiet żviluppata kontinwament, b’funzjonalitajiet ġodda miżjuda gradwalment matul is-snin. Issa hija soluzzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-iskambju tal-informazzjoni, inkluż l-istatistika operazzjonali u d-data personali, u twassal diversi Servizzi ta’ Fużjoni tal-EUROSUR lill-utenti tas-sistema. Inġabru aktar minn nofs miljun rapport permezz ta’ JORA, u dan ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-Istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea.

5.   IL-KATALOGU TAL-BINI TAL-KAPAĊITAJIET U TAT-TAĦRIĠ

5.1.   Il-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ

Programmi komuni, standardizzati u komparabbli ta’ bini tal-kapaċitàjiet u ta’ taħriġ huma kritiċi għal kooperazzjoni effiċjenti u effettiva tal-gwardja tal-kosta. Biex jibda jindirizza l-isfidi relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ f’dan il-qasam, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd iffinanzja proġett għall-akkademji tal-gwardja tal-kosta (14) (il-proġett tan-Network tal-Akkademji tal-Funzjonijiet tal-Gwardji tal-Kosta Ewropej - ECGFA Net) bejn l-2015 u l-2019.

L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett kien li tissaħħaħ il-kooperazzjoni edukattiva fil-qasam tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, li jiġu ffaċilitati l-interoperabbiltà u l-kooperazzjoni bejn korpi differenti li jwettqu dawn il-funzjonijiet, u li jittejbu l-koerenza u l-effettività ta’ dawn l-attivitajiet. Il-proġett kopra programm ta’ skambju (inkluż programm ta’ skambju fuq il-post tax-xogħol u programm ta’ korsijiet ta’ taħriġ għal awtoritajiet oħra), l-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Kwalifiki Settorjali (SQF), u l-iżvilupp ta’ portal iddedikat.

L-SQF għandu l-għan li jipprovdi lill-akkademji tal-gwardja tal-kosta bil-mezzi għat-tqabbil tal-kwalifiki. Huwa qafas volontarju li jiddeskrivi x’inhu mistenni li d-detenturi ta’ diversi kwalifiki jkunu jafu, jifhmu u jkunu jistgħu jagħmlu f’ċerti livelli sabiex iwettqu kompiti relatati mal-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta (15). Għalhekk, l-SQF jista’ jservi bħala bażi għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ edukazzjoni u ta’ bini tal-kapaċitajiet għall-akkademji tal-gwardja tal-kosta dwar il-kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta u operazzjonijiet komuni. L-SQF huwa disponibbli fuq il-portal tat-taħriġ tal-Funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta Ewropea (16).

Peress li l-bini tal-kapaċitàjiet u t-taħriġ huma wieħed mill-ħames oqsma ta’ kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta, it-tliet aġenziji qed jintegraw l-eżiti u r-riżultati rilevanti tal-proġett fil-qafas ta’ kooperazzjoni eżistenti tagħhom.

5.2.   Il-Katalogu tat-Taħriġ

L-għan ewlieni tal-Katalogu tat-Taħriġ huwa li jipprovdi lista tal-korsijiet kollha ta’ taħriġ li qed jitwettqu bħalissa mit-tliet aġenziji. Kif mitlub mill-Istati Membri, il-Katalogu jelenka l-korsijiet kollha disponibbli u mhux biss dawk li jinvolvu żewġ aġenziji jew aktar. Fejn applikabbli, il-listi jindikaw ukoll il-qasam ta’ kooperazzjoni rilevanti għal dak il-kors ta’ taħriġ.

Ħarsa ġenerali qasira tgħin lill-utenti jidentifikaw jekk il-kors disponibbli japplikax għall-ħtiġijiet tagħhom. Din il-ħarsa ġenerali tista’ tkopri wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

—

l-għan tal-kors;

—

l-objettivi tal-kors; u

—

l-udjenza fil-mira tal-kors.

Il-Katalogu (disponibbli permezz tal-pjattaforma ddedikata online) huwa maqsum bejn il-korsijiet ta’ taħriġ ipprovduti personalment u dawk ipprovduti permezz ta’ waħda mill-pjattaformi ta’ taħriġ tal-aġenziji għat-tagħlim elettroniku (17). Il-bidu ta’ kull taqsima tal-Katalogu jinkludi links xierqa tal-web, fejn l-utenti jistgħu jesploraw aktar dettalji dwar kull wieħed mill-korsijiet elenkati, inklużi dettalji dwar kif għandhom jaċċessaw/japplikaw għal dawk il-korsijiet ta’ taħriġ (18). Aktar dettalji jistgħu jinkisbu wkoll billi l-aġenzija rilevanti tiġi kkuntattjata permezz tal-indirizz elettroniku pprovdut.

Ġew żviluppati għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ minn żewġ aġenziji, jew saħansitra mit-tliet aġenziji kollha kemm huma, u jistgħu jinvolvu l-forniment ta’ ħarrieġa u/jew faċilitajiet minn kull waħda mill-aġenziji fit-twettiq tal-korsijiet. Huwa previst ukoll li, maż-żmien, se jiġu żviluppati aktar korsijiet ta’ taħriġ konġunti biex jissupplimentaw dawk diġà pprovduti.

Kif iddikjarat hawn fuq, fil-Katalogu tat-Taħriġ huma pprovduti aktar dettalji dwar dawn il-korsijiet kollha u se jkunu disponibbli fuq il-pjattaforma online.

6.   IL-LINJI GWIDA TAL-AĦJAR PRATTIKA U L-KATALOGU MANWALI

Il-Linji Gwida tal-Aħjar Prattika u l-Katalogu Manwali għandhom l-għan li jistabbilixxu lista komprensiva ta’ dawn id-dokumenti kollha disponibbli fi ħdan it-tliet aġenziji, mhux biss dawk li jinvolvu żewġ aġenziji jew aktar, u ta’ linji gwida disponibbli mill-fora ta’ kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta. Il-Katalogu jipprovdi lill-utenti tal-Manwal b’ħarsa ġenerali qasira lejn kull dokument.

F’dan ir-rigward, il-mudell kunċettwali ta’ Operazzjonijiet Marittimi Multifunzjonali (MMO) żviluppat mill-ECGFF jista’ jkun rilevanti għall-kondiviżjoni tal-kapaċità, għall-ippjanar u għall-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet multifunzjonali, u għall-kondiviżjoni tal-assi u ta’ kapaċitajiet oħra, sa fejn dawk l-attivitajiet ikunu kkoordinati mill-aġenziji rilevanti u maqbula mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

Il-Katalogu, operat mill-EFCA f’kooperazzjoni mill-qrib maż-żewġ aġenziji l-oħrajn u mal-Kummissjoni, se jkun disponibbli fuq pjattaforma online u jinkludi link tal-web fejn jistgħu jiġu aċċessati aktar dettalji.

7.   KOOPERAZZJONI REĠJONALI/INTERNAZZJONALI/BILATERALI/MULTILATERALI

Madwar l-Ewropa, hemm ħafna ftehimiet ta’ kooperazzjoni reġjonali/internazzjonali/bilaterali/multilaterali li ilhom jeżistu u/jew mekkaniżmi li jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mal-baħar. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ftehimiet ikopru xi aspetti tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta u ħafna minnhom imorru lil hinn mill-fruntieri Ewropej u jistgħu jinvolvu għadd ta’ pajjiżi terzi. Hemm ukoll varjetà wiesgħa ta’ ftehimiet u mekkaniżmi aktar lokali bejn il-pajjiżi ġirien fuq bażi bilaterali jew multilaterali.

Il-bażi ġuridika, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-kumplessitajiet, l-obbligi, is-sanzjonijiet, eċċ. assoċjata ma’ dawn il-mekkaniżmi kollha tvarja b’mod konsiderevoli. Xi wħud jista’ jkollhom bażi ġuridika b’saħħitha b’obbligi definiti b’mod ċar u għadd limitat ta’ partijiet kontraenti. Mekkaniżmi oħra jistgħu jkunu volontarji f’termini ta’ parteċipazzjoni, mhux vinkolanti f’termini ta’ obbligi, u jistgħu jkunu miftuħa għal grupp wiesa’ ta’ partijiet ikkonċernati. Il-Manwal ma għandux l-għan li jikkategorizza l-mekkaniżmi jew li jikkwantifika kwalunkwe obbligu fuq il-parteċipanti, iżda li jipprovdi ħarsa ġenerali billi jelenka l-mekkaniżmi, il-qasam ġenerali tal-attività tagħhom u l-partijiet ikkonċernati tagħhom.

Biex jagħti apprezzament tal-varjetà wiesgħa ta’ tali mekkaniżmi, il-Manwal u l-katalogi u l-iskedi informattivi li jakkompanjawh jimmappjaw u jelenkaw xi wħud mill-ftehimiet ewlenin, flimkien ma’ għażla ta’ arranġamenti bilaterali u multilaterali oħra. Din il-lista, li se tiġi pprovduta permezz tal-pjattaforma online ddedikata, tinkludi deskrizzjoni qasira ta’ livell għoli ta’ kull mekkaniżmu u iperlink għas-sit web rilevanti, fejn applikabbli. Barra minn hekk, il-pajjiżi li jipparteċipaw f’kull ftehim jew li huma assoċjati miegħu huma elenkati wkoll.

Filwaqt li l-lista mhijiex maħsuba biex tagħti stampa sħiħa ta’ kull ftehim uniku fis-seħħ, hija toffri kampjun rappreżentattiv wiesa’ ta’ dak li diġà ġie żviluppat u implimentat. Dan jipprovdi lill-utenti tal-Manwal b’elementi li jistgħu jkunu bażi għall-iżvilupp tal-mekkaniżmi tagħhom stess; dan huwa prinċipju ewlieni u wieħed mill-għanijiet tal-Manwal.

Ta’ min jinnota wkoll l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea, bħala waħda mill-istrumenti ġenerali tal-UE għall-multilateraliżmu marittimu. Hija tippromwovi approċċ komprensiv, transsettorjali u transfruntier, koerenti u kosteffiċjenti fil-livell Ewropew, reġjonali u nazzjonali.

Sa mill-emenda tar-regolamenti ta’ twaqqif tagħhom, it-tliet aġenziji appoġġaw inizjattivi dwar il-kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta f’livell reġjonali, bħall-ECGFF u l-Forum Mediterranju għall-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali (MCGFF).

Il-Forum Ewropew dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali

Il-Forum Ewropew dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali (19) huwa forum awtonomu, mhux vinkolanti, volontarju, indipendenti u mhux politiku, b’esperjenza ta’ kontroll fuq il-fruntieri. Dan jiġbor flimkien l-awtoritajiet tal-gwardja tal-kosta minn 22 Stat Membru tal-UE u żewġ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, kif ukoll rappreżentanti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE b’kompetenzi relatati mal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta tal-UE.

Il-Kummissjoni u l-aġenziji ilhom jappoġġaw l-ECGFF sa mill-istabbiliment tiegħu fl-2009. Il-Forum għandu presidenza b’rotazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ programm annwali definit fil-bidu tal-presidenza. L-aġenziji jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm ta’ ħidma billi jmexxu l-workshops tematiċi b’mod konġunt.

L-aġenziji jieħdu sehem ukoll f’diversi proġetti speċifiċi implimentati mill-ECGFF biex jiżguraw il-kontinwità u l-kompatibbiltà mal-ħidma tagħhom.

8.   SKEDI INFORMATTIVI TAL-PAJJIŻ

8.1.   Għan

L-għan ewlieni tal-iskedi informattivi tal-pajjiż huwa li jipprovdu dokument ta’ referenza faċli li jiddeskrivi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-Punti ta’ Kuntatt (POC) nazzjonali fil-ministeri u fuq livell strateġiku, bid-dettalji ta’ kuntatt rilevanti, jiġifieri l-email u t-telefown;

(b)

il-ministeri/id-dipartiment/l-aġenziji/l-organizzazzjonijiet involuti fid-diversi funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, flimkien mal-indirizz tagħhom, dettalji ta’ kuntatt 24/7 (telefown u email), u s-sit web rilevanti jekk applikabbli;

(c)

l-iskeda informattiva tidentifika wkoll l-organizzazzjoni “ewlenija” responsabbli għal kull waħda mill-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta, flimkien ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra bi rwol jew b’responsabbiltà relatata ma’ dawn il-funzjonijiet. Se tidentifika wkoll jekk u meta dan ir-rwol “ewlieni” se jinbidel, skont iż-żona/ġurisdizzjoni marittima (jiġifieri l-ibħra territorjali, iż-żona kontigwa, iż-żona ekonomika esklużiva u l-ibħra internazzjonali);

(d)

lista tad-diversi organizzazzjonijiet reġjonali/internazzjonali li fihom ikun qed jipparteċipa jew ikun involut il-pajjiż.

L-iskedi informattivi tal-pajjiż se jkunu disponibbli permezz tal-pjattaforma online dedikata.

8.2.   Kontenut aġġornat

L-iskedi informattivi tal-pajjiż se jkunu meħtieġa jiġu aġġornati fuq bażi frekwenti, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jippreżentaw dettalji ta’ kuntatt ġodda jew emendati. Tali emendi se jidhru fuq il-pjattaforma online mħaddma mill-EFCA f’kooperazzjoni mill-qrib maż-żewġ aġenziji l-oħrajn u mal-Kummissjoni.


(1)   “Transsettorjali” hija definita bħala li tinvolvi l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta taħt il-mandat ta’ mill-inqas żewġ aġenziji tal-Unjoni Ewropea (pereżempju, is-sajd u l-kontroll fuq il-fruntieri).

(2)  L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2019/473; l-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896; l-Artikolu 2b(3) tar-Regolament (KE) 1406/2002 (verżjoni konsolidata tas-6 ta’ Ottubru 2016)."

(3)   “Xprunati mill-inċidenti”: l-awtoritajiet qegħdin fuq standby biex jirrispondu għal sitwazzjonijiet ad hoc meta jintalbu, eż. każijiet ta’ tiftix u salvataġġ.

(4)   “Xprunat mill-monitoraġġ”: l-awtoritajiet kontinwament jimmonitorjaw u jissorveljaw il-baċiri tal-baħar biex jidentifikaw sitwazzjonijiet illegali potenzjali, eż. attivitajiet ta’ sajd illegali jew bastimenti involuti fil-kuntrabandu jew fit-tixrid illegali taż-żejt.

(5)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10) (emendata aktar tard) stabbiliet sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità “bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza tat-traffiku marittimu, jittejjeb ir-rispons tal-awtoritajiet għall-inċidenti, l-aċċidenti jew is-sitwazzjoni potenzjalment perikolużi fuq il-baħar, inklużi l-operazzjonijiet tat-tfittxija u s-salvataġġ u li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni aħjar u l-kxif tat-tniġġis mill-bastimenti.”

(6)  Id-Direttiva 2002/59/KE.

(7)  L-eżenzjonijiet japplikaw skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(8)  http://marine.copernicus.eu/about-us/about-your-copernicus-marine-service/

(9)  www.emodnet.eu/what-emodnet

(10)  www.eumetsat.int/website/home/AboutUs/WhoWeAre/index.html

(11)  https://www.ecmwf.int/en/about/what-we-do/environmental-services/copernicus-atmosphere-monitoring-service

(12)  https://marine.copernicus.eu/access-data/myocean-viewer

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (Regolament IUU), li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(14)  Il-proġett ġie ffinanzjat fi tliet fażijiet: EASME/EMFF/2014/1.2.1.1; EASME/EMFF/2016/1.2.1.11; u EASME/EMFF/2018/1.2.1.3.

(15)  https://ecgff-trainingportal.efca.europa.eu/pages/100-what-is-sqfcgf-and-its-purpose

(16)  https://ecgff-trainingportal.efca.europa.eu/pages/99-visual-tool-of-the-sqfcgf

(17)  Bħala konsegwenza tas-sitwazzjoni pandemika fl-2020, il-format ta’ ċerti korsijiet inbidel għal webinars.

(18)  Il-korsijiet ta’ taħriġ tal-Frontex huma organizzati prinċipalment biex iħejju l-iskjerament tal-membri tat-tim tal-EBCG. Għalhekk, l-Istati Membri huma mistennija jirreaġixxu għas-sejħa għan-nomina tal-parteċipanti u għall-istediniet li jirċievu, u ma għandhomx jindikaw minn qabel il-preferenzi tagħhom għall-attendenza ta’ korsijiet ta’ taħriġ differenti.

(19)  https://ecgff.emsa.europa.eu/