|
17.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/50 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/132/PESK
tas-16 ta' Frar 2009
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Moldova
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/107/PESK (1) li taħtar lis-Sur Kálmán MIZSEI bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fir-Repubblika tal-Moldova. |
|
(2) |
Fit-12 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/106/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2009. |
|
(3) |
Abbażi ta’ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/106/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b’perijodu ta’ 12-il xahar. |
|
(4) |
Ir-RSUE ser jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Kálmán MIZSEI bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fir-Repubblika tal-Moldova huwa b’dan estiż sat-28 ta’ Frar 2010.
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
1. Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-Repubblika tal-Moldova. Dawn l-objettivi jinkludu li:
|
(a) |
jikkontribwixxi għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt tat-Transnistrija u għall-implimentazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni abbażi ta’ soluzzjoni vijabbli, b’rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha; |
|
(b) |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha tar-Repubblika tal-Moldova; |
|
(ċ) |
jippromwovi r-relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ valuri u interessi komuni u kif stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV); |
|
(d) |
jassisti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u ta’ armi u ta’ merkanzija oħra, mir-Repubblika tal-Moldova u li jgħaddu minnha; |
|
(e) |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-koperazzjoni fir-reġjun; |
|
(f) |
isaħħaħ l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova u fir-reġjun; |
|
(g) |
isaħħaħ l-effikaċja tal-kontrolli tal-fruntiera u dawk doganali u s-sorveljanza tal-attivitajiet fil-fruntiera fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna tul il-fruntiera komuni tagħhom, b’attenzjoni partikolari għat-taqsima Transnistrijana, notevolment permezz ta’ Missjoni tal-Fruntiera tal-UE. |
2. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun.
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
isaħħaħ il-kontribut tal-UE għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija skont l-objettivi miftiehma tal-politika tal-UE u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-OSCE, billi filwaqt li jirrappreżenta lill-UE permezz tal-mezzi adatti u f’fora miftiehma u billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha; |
|
(b) |
jgħin fit-tħejjija, skont il-każ, tal-kontributi tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni eventwali tal-kunflitt; |
|
(ċ) |
isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fir-Repubblika tal-Moldova, anke fir-reġjun Transnistrijan, billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u atturi domestiċi oħra, u joffri skont il-każ il-konsulenza u l-faċilitazzjoni tal-UE; |
|
(d) |
jassisti fl-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-UE lejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ kunflitti u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti; |
|
(e) |
permezz ta’ grupp ta’ appoġġ immexxi mill-Konsulent Politiku Anzjan għar-RSUE:
|
|
(f) |
jingħata kontribut fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f’żoni milquta mill-konflitt, speċjalment billi jiġu monitorjati u indirizzati l-iżviluppi f’dan ir-rigward. |
2. Għall-fini tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jżomm vista ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-UE, partikolarment l-aspetti rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV.
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jkollu rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun ta’ EUR 1 280 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli sa mill-1 ta’ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta’ kull infiq lill-Kummissjoni.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f’konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni informati dwar il-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu li l-issekondar ta’ personal sabiex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-personal li jkun issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-UE lir-RSUE għandu jiġi kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-UE kkonċernati. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu stazzjonati mar-RSUE. Il-personal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.
3. Il-personal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-personal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-personal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/jiet ospitanti skont il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Ir-RSUE għandu, skont il-politika tal-UE dwar is-sigurtà ta’ personal skjerat barra l-UE f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-personal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b’mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-personal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-personal kollu skjerat barra l-UE jkun kopert b’assigurazzjoni għal riskju għoli kif rikjest mill-kundizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
|
(ċ) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż personal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
|
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS b’rapporti bil-fomm u bil-kitba. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni b’rapporti.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b’aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.
F’dan il-qasam, għandu jkun hemm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-kamp.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-UE lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Frar 2009
Għall-Kunsill
Il-President
O. LIŠKA
(1) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 59.