SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Ordni pubbliku – Prinċipju ta’ non-refoulement – Possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn”

Fil-Kawża C‑202/25 [Tadmur] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

HG

vs

Minister van Asiel en Migratie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tmien Awla, u N. Piçarra, Imħallef,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal HG, minn J. P. van Mulken, advocaat,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. M. Besselink u J. Langer, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Daniż, minn M. P. Brøchner Jespersen u minn C. A.-S. Maertens u J. Sandvik Loft, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Svizzeru, minn R. Adam u L. Lanzrein, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, M. Debieuvre, A. Katsimerou, u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 5, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), kif ukoll tal-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HG, ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil HG u li tordnalu jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2008/115

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, […], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju ta’ moviment liberu […]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)

‘ritorn’: tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]”

5

L-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

8

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju […] jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti […]”

9

Skont l-Artikolu 9(1)(a) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)

meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement […]”

10

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jiddefinixxi s-sistema applikabbli għall-impożizzjoni ta’ projbizzjoni tad-dħul.

11

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn.

Id-Direttiva 2011/95

12

L-Artikolu 17(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

[…]

(b)

hija tkun ikkommettiet delitt serju;

[…]

(d)

hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.”

13

L-Artikolu 19(3)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw illi jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk:

(a)

il-persuna, wara li tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, messha kienet jew hija eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(1) u (2)”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

HG wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fis‑7 ta’ Jannar 2016 u, fit‑23 ta’ Marzu 2017, l-awtoritajiet Olandiż tawh l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja kif ukoll permess ta’ residenza temporanja validu sas‑7 ta’ Jannar 2021. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Jannar 2021, il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess ta’ residenza ġie estiż sas‑7 ta’ Jannar 2026.

15

Fl‑1 ta’ Frar 2022, HG ġie kkundannat mir-rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin, fosthom sena sospiża, għal fatti, imwettqa fil‑21 u fis‑27 ta’ Ġunju 2021, ikklassifikati bħala tentattiv ta’ qtil, assoċjazzjoni għat-twettiq ta’ vjolenza kontra persuni u theddid kontra l-ħajja ta’ persuna.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2024, il-Ministru qies li HG kien jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku u, konsegwentement, irrevoka, sa mis‑27 ta’ Ġunju 2021, l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja li kellu HG. F’din id-deċiżjoni, il-Ministru qies ukoll li HG ma setax jingħata dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq bażi oħra u ppreċiża li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, ebda deċiżjoni ta’ ritorn jew projbizzjoni ta’ dħul ma kienet ser tinħareġ fil-konfront tiegħu abbażi tad-Direttiva 2008/115. Barra minn hekk, permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat‑23 ta’ Mejju 2024, il-Ministru impona fuq HG, skont id-dritt Olandiż, obbligu li jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

17

HG ma ngħatax posponiment tal-obbligu ta’ tluq tiegħu u kien is-suġġett ta’ allert, għal perijodu ta’ 10 sena, fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-pulizija Olandiża u sussegwentement fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS).

18

Fit‑18 ta’ Ġunju 2024, HG ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2024 quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.

19

Din il-qorti tqis, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni provviżorja, li l-motivi ta’ HG diretti kontra d-deċiżjoni li tirrevoka l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ma jistgħux jintlaqgħu. Mill-banda l-oħra, hija għandha dubji dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din ir-revoka, sa fejn din timplika li HG jinsab f’residenza irregolari fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li dan ma jistax jitneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu mingħajr ma jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ non-refoulement.

20

L-imsemmija qorti tirrileva li, fis-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju) (C‑663/21, EU:C:2023:540), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ta’ ritorn ma tistax tiġi adottata meta jkun stabbilit li tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst tkun, skont il-prinċipju ta’ non-refoulement, eskluża għal żmien indeterminat.

21

Madankollu, hija tqis li tali ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, billi jivverifika huwa stess jekk jistax jiġi ammess f’pajjiż terz li ma huwiex il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, peress li ż-żamma tiegħu f’dan it-territorju tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku suffiċjenti sabiex tiġġustifika li l-protezzjoni internazzjonali li minnha jibbenefika tiġi rrevokata. L-esklużjoni tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali jkollha l-konsegwenza li tissuġġetta lil HG għal status intermedjarju, inkwantu jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr madankollu ma jkun obbligat jitlaq minn dan it-territorju.

22

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 tista’ tkun differenti jekk dan l-artikolu jinqara flimkien mal-Artikoli 3, 6, 8 u 9 tagħha u billi jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-istruttura ta’ din id-direttiva, ir-ratio legis tar-raġunijiet għar-revoka tal-protezzjoni internazzjonali previsti mid-Direttiva 2011/95 kif ukoll l-għan tal-atti li jirregolaw is-SIS.

23

F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza, b’mod partikolari, li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi obbligu li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, mingħajr ma tiġi stabbilita deroga fir-rigward ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jitneħħew skont il-prinċipju ta’ non-refoulement.

24

L-imsemmija qorti ssostni wkoll li l-obbligu ta’ sospensjoni tat-tneħħija li jirriżulta, f’tali każ, mill-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva huwa biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, b’mod partikolari jekk l-awtorità kompetenti tikkonferma bil-miktub il-posponiment tat-tneħħija. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss f’każijiet speċifiċi, fejn l-interessi espressament imsemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jostakolaw kwalunkwe eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn.

25

Barra minn hekk, l-istess qorti tiddubita jekk huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat pajjiż ta’ destinazzjoni bl-għan ta’ eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu ta’ ritorn, f’sitwazzjoni fejn kull tneħħija tkun eskluża.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni kuntrarja għal dik li hija tipprevedi jkollha konsegwenzi sinjifikattivi. B’mod partikolari, tali interpretazzjoni kieku tippermetti lill-persuni kkonċernati jkomplu jinvokaw id-drittijiet previsti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115, iddgħajjef ir-raġunijiet għar-revoka tal-protezzjoni internazzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2011/95, b’mod partikolari billi ma twassalx għat-tluq mit-territorju tal-Unjoni tal-persuni li jirrappreżentaw theddida għall-ordni pubbliku, u tipprekludi li jsir allert dwar dawn il-persuni fis-SIS.

27

Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 li hija adottat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ikunx jagħmel parti mill-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri li dawn jimponu fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkun jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali obbligu li jitilqu mit-territorju tagħhom abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6 tad-Direttiva [2008/115], moqri flimkien mal-Artikoli 3, 5, 8 u 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll mal-Artikolu 17 u mal-Artikolu 19(2) u (3)(a) tad-Direttiva [2011/95], għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2008/115, l-Istat Membru jkun obbligat jieħu deċiżjoni li tordna r-ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu u li jkun eskluż mill-protezzjoni sussidjarja, u fis-sens li, jekk it-tneħħija lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ non-refoulement, l-Istat Membru jkun obbligat, fl-istess waqt li jadotta deċiżjoni li tordna r-ritorn, jikkonferma bil-miktub li t-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun ġiet posposta?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 3, 5, 8 u 9 tagħha kif ukoll mal-Artikolu 17(1) u mal-Artikolu 19(3)(a) tad-Direttiva 2011/95, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ġie rrevokat, meta jiġi stabbilit li tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst hija eskluża abbażi tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Barra minn hekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi adottata f’tali ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istat Membru kkonċernat, meta jieħu din id-deċiżjoni, li jikkonferma bil-miktub il-posponiment tat-tneħħija tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

30

Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minn din id-direttiva għar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza tiegħu ma tkunx, jekk ikun il-każ, ġiet irregolarizzata (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 52, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 45).

31

Fid-dawl ta’ dan, mill-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, ladarba tiġi stabbilita n-natura irregolari tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u b’osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, liema pajjiż għandu jitneħħa lejh (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 53, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 46).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus ta’ refuġjat tiegħu jkun ġie rrevokat għandu jitqies li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, sakemm ma jkunx ingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza fuq bażi oħra mill-Istat Membru li fih ikun jinsab (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 47).

33

L-istess japplika fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-istatus tiegħu mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ġie rrevokat, skont l-Artikolu 19(3)(a) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) tagħha, mingħajr ma dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ingħata awtorizzazzjoni ta’ residenza fuq bażi oħra mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab.

34

Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, it-tmexxija ta’ proċedura ta’ ritorn kontra tali ċittadin ta’ pajjiż terz għandha titwettaq b’osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115.

35

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jikkostitwixxi regola ġenerali imposta fuq l-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva, jobbliga b’mod partikolari lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tosserva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, il-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, meta din l-awtorità jkollha l-intenzjoni, wara li tkun semgħet lill-persuna kkonċernata, li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 55, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 49).

36

Għaldaqstant, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta din id-deċiżjoni tkun qiegħda tipprevedi, bħala pajjiż ta’ destinazzjoni, pajjiż fejn ikunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, dan iċ-ċittadin ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 19(2) tal-Karta (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija) – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 56, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 50).

37

Dan huwa preċiżament il-każ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-uniku pajjiż ta’ destinazzjoni potenzjali identifikat mill-awtorità kompetenti huwa l-pajjiż ta’ oriġini taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, iżda fejn din l-awtorità diġà kkonstatat li l-prinċipju ta’ non-refoulement jostakola r-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din is-soluzzjoni ġiet adottata b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju) (C‑663/21, EU:C:2023:540), f’kuntest fejn l-awtorità kompetenti kienet diġà eskludiet espressament it-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

39

L-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ non-refoulement fl-istadju fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn huwa għalhekk differenti mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, li t-tneħħija tiġi posposta fil-każ li din issir bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

40

Minħabba f’hekk, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi r-regoli dwar it-tkeċċija, ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula.

41

Barra minn hekk, fid-dawl tad-domandi espressi mill-qorti tar-rinviju fil-motivazzjoni tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat ukoll, fl-ewwel lok, li l-awtorità kompetenti ma tistax, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tadotta deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma tindika l-pajjiż ta’ destinazzjoni, sabiex tagħmel tajjeb għall-fatt li r-ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu huwa eskluż.

42

Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-fatt li jiġi impost jew stabbilit obbligu ta’ ritorn jikkostitwixxi wieħed miż-żewġ elementi ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, peress li tali obbligu ma jistax jiġi kkonċepit, fid-dawl tal-punt 3 ta’ dan l-artikolu, mingħajr l-identifikazzjoni ta’ destinazzjoni, li għandha tkun wieħed mill-pajjiżi msemmija f’dan il-punt 3 (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 115).

43

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li huwa legalment impossibbli għall-awtorità kompetenti li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma tkun identifikat pajjiż ta’ destinazzjoni li lejh jista’ jsir ritorn b’osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punti 38 sa 42).

44

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, f’sitwazzjoni fejn l-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ non-refoulement, stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, l-awtorità kompetenti lanqas ma tista’ tadotta deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkun ibbażata fuq id-dritt nazzjonali u li tordna liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, mingħajr ma tawtorizza t-tneħħija tiegħu u mingħajr ma taħtar pajjiż ta’ destinazzjoni.

45

Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni li hija tipprevedi.

46

F’dan il-kuntest, din id-direttiva twettaq l-armonizzazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn intiżi għal tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), armonizzazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minnha biss billi jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva.

47

Minn dan isegwi li l-fatt li deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timponi fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jmur jew fit-territorju ta’ pajjiż terz, jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma huwiex ta’ natura li jeżentaha mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

48

Issa, peress li, minn naħa, l-obbligu stabbilit minn din id-deċiżjoni jista’ b’mod partikolari jiġi eżegwit billi wieħed imur fit-territorju ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, li mill-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-kunċett ta’ “ritorn”, fis-sens ta’ din id-direttiva, jirrigwarda mhux biss tneħħija furzata lejn pajjiż terz, iżda wkoll tneħħija lejn pajjiż terz b’konformità volontarja ma’ obbligu, tali deċiżjoni għandha titqies li timponi obbligu ta’ ritorn, fis-sens tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, ħlief bi ksur tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza preżenti, tali obbligu ta’ ritorn ma jistax jiġi impost mingħajr ma jiġi indikat pajjiż ta’ destinazzjoni.

49

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 34 sa 39 ta’ din is-sentenza, fejn, fil-mument meta jkun previst li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn, jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ non-refoulement jostakola t-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat lejn pajjiż ta’ destinazzjoni partikolari, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi mhux biss din it-tneħħija, iżda wkoll l-impożizzjoni fuq dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ obbligu ta’ ritorn lejn dan il-pajjiż ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li deċiżjoni li timponi tali obbligu ma tippermettix it-tneħħija tal-persuna kkonċernata ma huwiex biżżejjed sabiex din id-deċiżjoni tkun tista’ titqies li hija kompatibbli ma’ dan l-Artikolu 5.

50

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/115 jippreċiża li din tapplika bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika din id-direttiva, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mal-imsemmija direttiva, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi adottata deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza ma tikkostitwixxix dispożizzjoni iktar favorevoli għal dawn il-persuni.

51

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-esklużjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tindika l-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata bħala pajjiż ta’ destinazzjoni jew li ma tindikax pajjiż ta’ destinazzjoni ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad mill-effett utli r-revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95.

52

Huwa minnu li, konformement mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti jista’ jkollha d-dritt li tirrevoka, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja mogħtija lil ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr madankollu ma tkun neċessarjament awtorizzata tneħħi lil dan tal-aħħar lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 39).

53

Fil-fatt, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprojbixxu f’termini assoluti t-tortura kif ukoll il-pieni u t-trattamenti inumani jew degradanti, irrispettivament mill-aġir tal-persuna kkonċernata, kif ukoll it-tneħħija lejn Stat fejn jeżisti riskju serju li persuna tkun suġġetta għal tali trattamenti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ineħħu, ikeċċu jew jestradixxu lil barrani fejn ikunu jeżistu raġunijiet serji u sostanzjali sabiex wieħed jemmen li dan ser ikun f’riskju reali li jsofri minn trattament ipprojbit mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 19(2) tal-Karta fil-pajjiż ta’ destinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 94, kif ukoll tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 36).

54

Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li, fil-każijiet fejn ir-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-istatus tiegħu mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ġie rrevokat, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun eskluż, l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 tkun, fil-prattika, mingħajr effetti.

55

B’mod partikolari, anki f’tali każijiet, ir-revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha bħala konsegwenza diretta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkollux iktar id-drittijiet u l-vantaġġi kollha previsti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, peress li dawn huma assoċjati mal-protezzjoni internazzjonali prevista minn din id-direttiva.

56

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 tippermetti, konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 3 tagħha, li jiġi impost obbligu ta’ ritorn mhux biss lejn il-pajjiż ta’ oriġini taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, iżda wkoll, skont it-tieni u t-tielet inċiż ta’ dan il-punt 3, lejn pajjiż ta’ tranżitu konformement ma’ ftehim jew arranġamenti oħra ta’ riammissjoni jew ukoll lejn pajjiż terz ieħor li fih dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiddeċiedi li jirritorna volontarjament u li fit-territorju tiegħu ikun ser jiġi ammess.

57

Għaldaqstant, l-esklużjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tindika l-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata bħala pajjiż ta’ destinazzjoni jew li ma tindikax pajjiż ta’ destinazzjoni bl-ebda mod ma tostakola l-possibbiltà tal-awtorità kompetenti li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn li tindika pajjiż ta’ destinazzjoni li jaqa’ taħt it-tieni jew it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 u, jekk ikun meħtieġ, tipproċedi sussegwentement għat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, billi tiżgura għalhekk it-tluq taċ-ċittadin minn pajjiż terz ikkonċernat mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u mill-Karta.

58

Tali deċiżjoni ta’ ritorn tista’, barra minn hekk, tkun akkumpanjata, jekk ikun il-każ, minn projbizzjoni tad-dħul, fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

59

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 6 tagħha kif ukoll mal-Artikolu 17(1) u mal-Artikolu 19(3)(a) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ġie rrevokat, meta jiġi stabbilit li tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst hija eskluża abbażi tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 6 tagħha kif ukoll mal-Artikoli 17(1) u mal-Artikolu 19(3)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ġie rrevokat, meta jiġi stabbilit li tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst hija eskluża abbażi tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.